12.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 361/48


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1797

tal-5 ta’ Ottubru 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emendar tal-Appendiċi XVII-3 (Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni), l-Appendiċi XVII-4 (Regoli applikabbli għas-servizzi postali u tal-kurrier) u l-Appendiċi XVII-5 (Regoli applikabbli għat-trasport internazzjonali marittimu) tal-Anness XVII ta’ dak il-Ftehim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100(2), u l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017.

(2)

Skont l-Artikolu 11 tal-Anness XVII tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ jista’ jiddeċiedi li jimmodifika d-dispożizzjonijiet ta’ dak l-Anness.

(3)

Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ se jadotta d-Deċiżjoni dwar l-emendar tal-Appendiċi XVII-3 (Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni), l-Appendiċi XVII-4 (Regoli applikabbli għas-servizzi postali u tal-kurrier) u l-Appendiċi XVII-5 (Regoli applikabbli għat-trasport internazzjonali marittimu) tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(4)

Skont l-Artikoli 114, 124 u 138 tal-Ftehim, l-Unjoni u l-Ukrajna jirrikonoxxu l-importanza tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Ukrajna ma’ dik tal-Unjoni. L-Ukrajna għandha tiżgura li l-liġijiet eżistenti u l-leġiżlazzjoni futura tagħha gradwalment isiru kompatibbli mal-acquis tal-Unjoni.

(5)

Meta jitqies li diversi atti tal-Unjoni elenkati fl-Appendiċi XVII-3 (Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni), fl-Appendiċi XVII-4 (Regoli applikabbli għal servizzi postali u ta’ kurrier) u fl-Appendiċi XVII-5 (Regoli applikabbli għat-trasport internazzjonali marittimu) tal-Anness XVII tal-Ftehim ġew emendati jew revokati mindu ġie inizjalat it-test tal-Ftehim fit-30 ta’ Marzu 2012, huwa meħtieġ li dawk l-Appendiċijiet jiġu emendati u li ċerti skadenzi jiġu aġġustati biex jitqies il-progress li diġà sar mill-Ukrajna fil-proċess ta’ approssimazzjoni tal-liġijiet tagħha mal-acquis tal-Unjoni.

(6)

Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, peress li d-Deċiżjoni dwar l-emendar tal-Appendiċi XVII-3 (Regoli applikabbli għal servizzi tat-telekomunikazzjoni), l-Appendiċi XVII-4 (Regoli applikabbli għas-servizzi postali u tal-kurrier) u l-Appendiċi XVII-5 (Regoli applikabbli għat-trasport internazzjonali marittimu) tal-Anness XVII tal-Ftehim se tkun vinkolanti għall-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emendar tal-Appendiċi XVII-3 (Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni), l-Appendiċi XVII-4 (Regoli applikabbli għas-servizzi postali u tal-kurrier) u l-Appendiċi XVII-5 (Regoli applikabbli għat-trasport internazzjonali marittimu) tal-Anness XVII tal-Ftehim għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat (1).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. ŠIRCELJ


(1)  Ara d-dokument ST 11503/21 fuq http://register.consilium.europa.eu