SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

2 ta’ Lulju 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Apparati mediċi – Regolament (UE) 2017/745 – Obbligi tad-distributuri qabel it-tqegħid fis-suq – Brazzuletti ta’ identifikazzjoni maħsuba sabiex jintlibsu minn pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa – Assenza ta’ marka CE u ta’ dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE – Kunċett ta’ ‘apparat mediku’ – Kunċett ta’ ‘għan maħsub’”

Fil-Kawża C‑427/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Bochum (il-Qorti Reġjonali ta’ Bochum, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Ġunju 2024, fil-proċedura

Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main eV

vs

Diagramm Halbach GmbH & Co. KG,

fil-preżenza ta’:

ZEBRA Technologies Europe Limited,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn I. Ziemele, Presidenta tal-Awla, A. Kumin (Relatur) u M. Bošnjak, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main eV, minn M. Zain, Rechtsanwalt,

–

għal Diagramm Halbach GmbH & Co. KG, minn C. Göttschkes, Rechtsanwalt,

–

għal ZEBRA Technologies Europe Limited, minn M. Ottermann u O. Rathje, Rechtsanwälte,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. S. Bohr u A. Spina, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 1 u 12 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU 2017, L 117, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2019, L 117, p. 9 u fil-ĠU 2019, L 334, p. 165).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main eV (Assoċjazzjoni Ċentrali għall-Ġlieda kontra l-Kompetizzjoni Żleali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem “Zentrale”), assoċjazzjoni għall-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali, u Diagramm Halbach GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Diagramm”), kumpannija li tikkummerċjalizza prodotti stampati tal-produzzjoni tagħha stess kif ukoll prodotti oħra, dwar b’mod partikolari l-waqfien tat-tqegħid fis-suq minn din tal-aħħar ta’ brazzuletti ta’ identifikazzjoni maħsuba sabiex jintlibsu minn pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa (“Patientenarmbänder”) u prodotti minn ZEBRA Technologies Europe Limited (iktar ’il quddiem “Zebra”), sa fejn dawn il-brazzuletti ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tar-Regolament 2017/745.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2017/745, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘apparat mediku’ tfisser kull strument, apparat, għodda, software, proteżi, reaġent, materjal jew oġġett ieħor maħsub mill-manifattur biex jintuża, waħdu jew ikkombinat, għall-bnedmin għal għan mediku speċifiku wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

–

dijanjosi, prevenzjoni, monitoraġġ, tbassir, pronjosi, trattament, jew taffija tal-mard;

–

dijanjosi, monitoraġġ, trattament, taffija ta’, jew l-għoti ta’ kumpens għal, korriment jew diżabbiltà,

–

investigazzjoni, sostituzzjoni jew modifika tal-anatomija jew ta’ proċess jew stat fiżjoloġiku jew patoloġiku,

–

l-għoti ta’ informazzjoni permezz ta’ eżami in vitro ta’ kampjuni derivati mill-ġisem tal-bniedem, inklużi donazzjonijiet ta’ organi, ta’ demm u ta’ tessuti,

u li ma jiksibx l-azzjoni ewlenija prevista għalih b’mezzi farmakoloġiċi, immunoloġiċi jew metaboliċi, fil-ġisem tal-bniedem jew fuqu, iżda li jista’ jiġi megħjun fil-funzjoni tiegħu b’dawn il-mezzi.

Il-prodotti li ġejjin għandhom jitqiesu wkoll bħala apparati mediċi:

apparati għall-kontroll jew is-sostenn tal-konċepiment;

prodotti speċifikament maħsuba għat-tindif, id-diżinfezzjoni jew l-isterilizzazzjoni ta’ apparati kif imsemmija fl-Artikolu 1(4) u ta’ dawk imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt.

[…]

(12)

‘għan maħsub’ tfisser l-użu li għalih l-apparat ikun maħsub skont id-data pprovduta mill-manifattur fuq it-tikketta, fl-istruzzjonijiet għall-użu jew f’materjal jew dikjarazzjonijiet promozzjonali jew ta’ bejgħ u kif speċifikat mill-manifattur fl-evalwazzjoni klinika;

[…]

(44)

‘evalwazzjoni klinika’ tfisser proċess sistematiku u ppjanat li jiġġenera, jiġbor, janalizza u jivvaluta kontinwament id-data klinika relatata ma’ apparat sabiex jiġu vverifikati s-sikurezza u l-prestazzjoni, inklużi l-benefiċċji kliniċi, tal-apparat meta dan jintuża kif previst mill-manifattur;

[…]”

4

L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Obbligi ġenerali tad-distributuri”, jipprovdi:

“1.   Meta jagħmlu apparat disponibbli fis-suq, id-distributuri, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom, għandhom jaġixxu bir-reqqa dovuta fir-rigward tar-rekwiżiti applikabbli.

2.   Qabel ma jagħmlu apparat disponibbli fis-suq, id-distributuri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti kollha li ġejjin jkunu sodisfatti:

(a)

l-apparat ikollu l-marka CE u li d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE tal-apparat tkun tfasslet;

[…]”

Id‑dritt Ġermaniż

5

Il-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi kontra l-Kompetizzjoni Żleali), tat‑3 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1414), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UWG”), hija maħsuba sabiex tipproteġi lill-kompetituri, lill-konsumaturi u lill-atturi l-oħra tas-suq kontra l-prattiki kummerċjali żleali u kif ukoll l-interess pubbliku, billi tiggarantixxi kompetizzjoni mhux distorta.

6

L-Artikolu 3 tal-UWG jipprevedi l-projbizzjoni ta’ aġir kummerċjali żleali.

7

Skont l-Artikolu 3a tal-UWG, intitolat “Ksur tad-dritt”:

“Kull min jikser dispożizzjoni legali maħsuba, b’mod partikolari, sabiex tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-atturi tiegħu, iwettaq att żleali sa fejn il-ksur jista’ jaffettwa sostanzjalment l-interessi tal-konsumaturi, tal-atturi l-oħra tas-suq u tal-kompetituri.”

8

L-Artikolu 5a tal-UWG, intitolat “Qerq bl-ommissjoni”, jipprovdi:

“(1)   Iwettaq ukoll att żleali kull min jqarraq b’konsumatur jew attur ieħor fis-suq billi jaħbi informazzjoni importanti,

1.

li dak il-konsumatur jew attur ieħor fis-suq jeħtieġ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata, u

2.

li l-ommissjoni tagħha tista’ twassal lill-konsumatur jew lill-imsemmi attur ieħor fis-suq sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx altrimenti jieħu.

(2)   Jikkostitwixxu wkoll ommissjoni

1.

il-ħabi ta’ informazzjoni essenzjali,

2.

l-għoti ta’ informazzjoni essenzjali b’mod mhux ċar, inkomprensibbli jew ambigwu, kif ukoll

3.

il-fatt li ma tiġix ipprovduta informazzjoni essenzjali fil-ħin.

[…]

(4)   Iwettaq ukoll att żleali kull min ma jindikax l-intenzjoni kummerċjali vera ta’ operazzjoni […]”

9

L-Artikolu 8 tal-UWG, intitolat “Eliminazzjoni u ommissjoni”, jipprevedi:

“(1)   Kull min jipparteċipa fi prattika kummerċjali illegali skont l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 7, jista’ jagħti lok għal ordni ta’ inibizzjoni immedjata, u f’każ ta’ riskju ta’ aġir reċidiv, għal ordni ta’ inibizzjoni għall-futur. Id-dritt għal ordni ta’ inibizzjoni għall-futur (astensjoni) jitnissel hekk kif ikun hemm riskju ta’ ksur tal-Artikoli 3 jew 7.

[…]

(3)   Li ġejjin huma mogħnija bid-drittijiet mogħtija mill-paragrafu 1:

[…]

2.

l-assoċjazzjonijiet li għandhom personalità ġuridika u li huma intiżi li jippromwovu interessi kummerċjali jew professjonali indipendenti, li huma inklużi fil-lista ta’ assoċjazzjonijiet ekonomiċi kklassifikati konformement mal-Artikolu 8b [tal-UWG], sa fejn dawn jiġbru flimkien numru sinjifikattiv ta’ imprendituri li jikkummerċjalizzaw prodotti jew servizzi tal-istess natura jew ta’ natura simili fl-istess suq u sa fejn il-ksur jaffettwa l-interessi tal-membri tagħhom;

[…]”

10

L-Artikolu 8b tal-UWG, intitolat “Lista tal-assoċjazzjonijiet ekonomiċi kklassifikati”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Bundesamt für Justiz (l-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) għandu jżomm aġġornata lista tal-assoċjazzjonijiet ekonomiċi kklassifikati li huwa jippubblika fis-sit internet tiegħu.

11

L-Artikolu 13 tal-UWG, intitolat “Intimazzjoni”; Obbligu li ma ssirx azzjoni; Responsabbiltà”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li, sa fejn l-intimazzjoni hija ġġustifikata u tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 2, l-awtur tat-twissija bil-miktub jista’ jeżiġi mingħand il-persuna intimata r-rimbors tal-ispejjeż neċessarji.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fix-xahar ta’ Ġunju 2023, Diagramm biegħet u kkunsinnat lil servizz ta’ infermiera Ġermaniż żewġ tipi ta’ brazzuletti ta’ identifikazzjoni maħsuba sabiex jintlibsu minn pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa, b’mod partikolari fi sptarijiet (“Patientenarmbänder”), li kienu jiddistingwu ruħhom minn xulxin biss permezz tat-teknika tal-istampar użata fil-manifattura tagħhom. B’mod iktar preċiż, dawn kienu brazzuletti mmanifatturati minn reżina termoplastika, li jistgħu jiġu stampati individwalment b’ittri, b’numri u/jew b’barcode sabiex jiġi identifikat il-pazjent u sabiex tiġi maħżuna data oħra li tikkonċernah.

13

F’dokument ta’ reklamar ipprovdut minn Zebra, il-produttur ta’ dawn il-brazzuletti, kien indikat, b’mod partikolari, li l-identifikazzjoni tal-pazjenti bl-għajnuna ta’ dawn il-brazzuletti ta’ identifikazzjoni setgħet ittejjeb is-sigurtà tal-pazjenti, b’mod partikolari fl-oqsma tal-mediċina, tat-twettiq ta’ testijiet u ta’ proċeduri u kif ukoll tat-trasfużjonijiet tad-demm u tat-teħid ta’ kampjuni. Qabel ma qiegħdet dawn il-brazzuletti ta’ identifikazzjoni fis-suq, Diagramm ma vverifikatx li dawn kellhom il-marka CE u li kienet saret id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE.

14

Zentrale, li hija assoċjazzjoni ekonomika kklassifikata, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 8(3) tal-UWG, inkluża fil-lista prevista fl-Artikolu 8 tal-UWG, tqis għalhekk li Diagramm naqset milli twettaq l-obbligi tagħha previsti fl-Artikolu 14(1) u (2)(a) tar-Regolament 2017/745. Zentrale għalhekk bagħtet intimazzjoni lil Diagramm u inġunġietha sabiex tieqaf tqiegħed il-brazzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fis-suq mingħajr il-marka CE u mingħajr ma tkun għamlet id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE tagħhom u sabiex tagħmel dikjarazzjoni ta’ waqfien u ta’ astensjoni (“Unterlassungserklärung”). Peress li Diagramm ma osservatx din it-talba, Zentrale ressqet, quddiem il-Landgericht Bochum (il-Qorti Reġjonali ta’ Bochum, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, talba għal waqfien kif ukoll għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni abbażi tal-Artikoli 3 u 3a tal-UWG.

15

Fil-fatt, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar jekk il-brazzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati bħala “apparat mediku”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/745, u, konsegwentement, dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-informazzjoni ta’ reklamar relatata magħhom tindikax “għan maħsub”, fis-sens tal-punt 12 ta’ dan l-artikolu.

16

Zentrale tqis li l-brazzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba r-reklamar li jsir mill-produttur tagħhom, Zebra, iservu, tal-inqas flimkien ma’ prodotti oħra, sabiex jikkontrollaw, jagħmlu dijanjosi u jittrattaw mard, feriti jew diżabbiltajiet tal-pazjenti. Hija tqis li għalhekk huma jissodisfaw funzjoni ta’ assistenza u għalhekk, fil-fehma tagħha, għandhom jiġu kklassifikati bħala “apparat mediku”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/745.

17

Diagramm tqis, min-naħa l-oħra, li l-brazzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhom l-ebda skop mediku. Hija tal-fehma li l-unika funzjoni tagħhom hija li jidentifikaw b’mod ċar il-persuna tal-pazjent fi ħdan l-ambjent tal-isptar u għalhekk jeżerċitaw funzjoni purament amministrattiva, mingħajr rabta mal-provvista ta’ servizz terapewtiku jew dijanjostiku konkret favur il-pazjent. Il-kundizzjoni dwar l-“azzjoni ewlenija prevista għalih […] fil-ġisem tal-bniedem jew fuqu” prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/745 ma hijiex għalhekk issodisfatta.

18

Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tesprimi wkoll id-dubji ta’ Diagramm u ta’ Zebra dwar il-possibbiltà li l-brazzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġu kklassifikati bħala “apparat mediku”, tqis li l-kwistjoni ta’ liġi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/745 għadha ma rċevietx tweġiba fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li din il-kwistjoni hija rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Bochum (il-Qorti Reġjonali ta’ Bochum) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-reklamar tal-brazzuletti tal-pazjenti inkwistjoni, kif jirriżulta mill-Anness K2 tar-rikors tal-1 ta’ Settembru 2023 (p. 16 et seq. tal-fajl elettroniku), ikkunsinnati inkontestabbilment mingħajr ebda stampar fuqhom, liema brazzuletti jiġu prodotti mill-manifattur Amerikan Zebra Technologies Corp., jikkostitwixxi għan maħsub fis-sens tal-[punt 12 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/745]?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

Il-brazzuletti tal-pazjenti inkwistjoni, ikkunsinnati inkontestabbilment mingħajr ebda stampar fuqhom, liema brazzuletti jiġu prodotti mill-manifattur Amerikan Zebra Technologies Corp., tat-tipi ‘Direct Thermal Wristband Z-Band Ultrasoft’ (Part.No. 10018856) u ‘LaserBand Advanced’, kif jirriżulta mill-Anness K1 tar-rikors [imressaq quddiem il-qorti tar-rinviju] […], imqiegħda fis-suq mill-konvenut bħala [‘Brazzuletta ta’ identifikazzjoni] tal-pazjenti ThermoComfort PLUS (Artiklu 511621)’ u [‘Brazzuletta ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti LaserBand A4 mingħajr il-marka ‘Adult’] b’fojl protettiv (Artiklu 512099)’, li jiġu rreklamati mill-manifattur Zebra Technologies Corp., […], jikkostitwixxu apparat mediku fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament 2017/745?”

Fuq id-domandi preliminari

20

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/745 għandux jiġi interpretat fis-sens li brazzuletti ta’ identifikazzjoni, immanifatturati minn reżina termoplastika u maħsuba sabiex jintlibsu minn pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa, li jistgħu jiġu stampati individwalment b’ittri, b’numri u/jew b’barcode sabiex jidentifikaw il-persuna kkonċernata u sabiex jaħżnu data oħra li tikkonċernaha, iżda li ġew ikkunsinnati vojta minn kull iskrizzjoni, għandhom jiġu kklassifikati bħala “apparati mediċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u xi rwol għandu f’dan ir-rigward l-“għan maħsub” tal-apparat ikkonċernat, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

21

Skont il-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/745, “apparat mediku” tfisser kull strument, apparat, għodda, software, proteżi, reaġent, materjal jew oġġett ieħor maħsub mill-manifattur biex jintuża, waħdu jew ikkombinat, għall-bnedmin għal għan mediku speċifiku wieħed jew iktar. Dawn l-għanijiet jinkludu b’mod partikolari d-dijanjosi, il-prevenzjoni, il-monitoraġġ, it-tbassir, il-pronjosi, it-trattament jew it-taffija ta’ marda, kif ukoll id-dijanjosi, il-monitoraġġ, it-trattament, it-taffija ta’ korriment jew ta’ diżabbiltà jew l-kumpens għalihom. L-azzjoni ewlenija maħsuba għal apparat mediku fil-ġisem tal-bniedem jew fuqu ma għandix tinkiseb b’mezzi farmakoloġiċi jew immunoloġiċi u lanqas b’metaboliżmu, iżda l-funzjoni tiegħu tista’ tiġi megħjuna b’mezzi bħal dawn.

22

Minn dan isegwi li l-għan maħsub ta’ apparat kif ifformulat mill-manifattur tiegħu jikkostitwixxi element importanti tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “apparat mediku”, anki jekk dan ma huwiex l-uniku element tiegħu. Fil-fatt, ir-Regolament 2017/745 ma jiddefinixxix apparat mediku abbażi biss tal-preżentazzjoni li ssir mill-manifattur tiegħu, kuntrarjament għal dak li jiġri fil-każ tal-prodotti mediċinali, skont il-punt 2(a) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69).

23

Konformement mal-punt 12 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/745, l-“għan maħsub” ta’ apparat tfisser l-użu li għalih l-apparat ikun maħsub skont id-data pprovduta mill-manifattur tiegħu fuq it-tikketta, fl-istruzzjonijiet għall-użu jew fid-dokumenti jew dikjarazzjonijiet ta’ reklamar jew ta’ bejgħ bħal dawk ippreżentati minn dan il-manifattur fl-evalwazzjoni klinika.

24

Għalhekk, minn din id-definizzjoni jirriżultaw żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, id-dikjarazzjonijiet dwar l-użu li għalih l-apparat ikkonċernat huwa intiż għandhom jiġu pprovduti mill-manifattur tiegħu u, min-naħa l-oħra, dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom jidhru f’wieħed mill-mezzi msemmija fil-punt 12 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/745.

25

F’dan ir-rigward, il-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jinkludi dokument tal-manifattur tal-brazzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intitolat “Spejjeż għoljin dovuti għal żbalji fuq il-brazzoletti”, li għalih tirreferi r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jipprovdi li “[b]razzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti ta’ kwalità għolja jippermettu lill-persunal tal-isptar jikkontrolla l-‘5T’ mas-sodda tal-pazjent: il-pazjent it-tajjeb, il-prodott mediċinali t-tajjeb, id-doża t-tajba, il-mument it-tajjeb u l-mod it-tajjeb ta’ amministrazzjoni. Jekk iseħħu żbalji fl-identifikazzjoni tal-pazjenti, dawn l-iżbalji jista’ jkollhom konsegwenzi serji”. Dan id-dokument jinkludi wkoll informazzjoni dwar l-istatistika tal-frekwenza tal-kawżi tal-mewt, fejn dan il-manifattur jispjega li l-iżbalji mediċi jikkostitwixxu t-tielet kawża tal-mewt, wara l-mard kardjovaskulari u l-kanċer. Barra minn hekk, huwa jispeċifika liema żbalji mediċi huma partikolarment frekwenti u jsemmi f’dan ir-rigward l-iżbalji ta’ medikazzjoni, l-iżbalji fl-identifikazzjoni tal-pazjenti matul il-proċeduri u t-testijiet kif ukoll l-iżbalji li jsiru fl-allokazzjoni ta’ prodotti tad-demm u fit-tikkettjar tal-kampjuni tal-pazjenti. Dawn l-iżbalji jikkawżaw spejjeż annwali ta’ bejn 17-il biljun u 29 biljun dollaru Amerikan (USD) (madwar EUR 14.4 biljuni sa EUR 24.6 biljuni).

26

Peress li d-dikjarazzjonijiet ipprovduti minn Zebra bħala manifattur responsabbli għall-brazzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinsabu indikati fl-imsemmi dokument u l-istess dokument għandu jiġi kklassifikat bħala dokument ta’ reklamar jew ta’ bejgħ, il-kundizzjonijiet meħtieġa msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza huma ssodisfatti. Konsegwentement, dawn id-dikjarazzjonijiet jikkontribwixxu, bħala prinċipju, sabiex jiġi ddeterminat l-għan maħsub ta’ dawn il-brazzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti.

27

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija dikjarazzjonijiet ma għandhomx neċessarjament kollha jiġu kkunsidrati bħala essenzjali għad-determinazzjoni tal-għan maħsub tal-prodotti li huma jippromwovu. Mill-formulazzjoni tal-punt 12 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/745 jirriżulta li, fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “għan maħsub’” indikat f’din id-dispożizzjoni, l-enfasi hija fuq l-użu li għalih apparat huwa maħsub skont id-dikjarazzjonijiet ipprovduti mill-manifattur tiegħu. Għaldaqstant, huma biss id-dikjarazzjonijiet li effettivament jirrigwardaw l-użu tal-prodott ikkonċernat li huma determinanti.

28

Fil-kuntest tal-klassifikazzjoni ta’ prodott bħala “apparat mediku”, mhux biss għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet ipprovduti mill-manifattur tiegħu, iżda wkoll il-fatt jekk dan il-prodott għandux jew le oġġettivament funzjonijiet imsemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/745. Fil-fatt, fil-każijiet kollha msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, il-brazzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex oġġettivament ta’ natura li waħedhom jippermettu l-provvista ta’ servizz mediku, minkejja li jintużaw f’kuntest mediku. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-qorti tar-rinviju tirrileva, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li huwa possibbli li ċerti manifatturi jkunu waħħlu marka CE li taqa’ taħt id-dritt mediku u jkunu kisbu ċertifikazzjoni relatata magħha għal, fejn applikabbli, sempliċi raġunijiet ta’ marketing. Minn dan isegwi li, ċertament, l-għan maħsub ta’ apparat għandu jiġi kkomunikat mill-manifattur tiegħu. Madankollu, id-dikjarazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar għandhom ukoll jiġu interpretati mill-perspettiva tad-destinatarju. Fi kliem ieħor, dawn id-dikjarazzjonijiet jistgħu jintużaw sabiex jiġi ddeterminat l-għan maħsub previst, iżda waħedhom ma jistgħux jiddeterminaw neċessarjament dan l-għan maħsub.

29

Minn dan jirriżulta li l-informazzjoni dwar il-kuntest, li hija ta’ natura sempliċement utli, li tinsab fir-reklamar u li hija intiża sabiex tippromwovi l-bejgħ ta’ ċerti prodotti ma hijiex determinanti sabiex jiġi ddeterminat l-għan maħsub ta’ dawn il-prodotti.

30

F’dan il-każ, għalkemm tali informazzjoni kuntestwali tista’ mingħajr dubju tippreżenta ċertu interess għall-pubbliku mmirat ikkonċernat, hija ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar l-użu mediku tal-brazzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tidher li pjuttost tħeġġeġ lill-ambjenti kkonċernati jirriflettu dwar l-istabbiliment ta’ sistema ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti li tiffunzjona b’mod affidabbli u li tippermetti li jiġu evitati jew imnaqqsa l-iżbalji deskritti fid-dokument ta’ Zebra msemmi fil-punt 25 ta’ din is-sentenza. Għal dan l-għan, dawn il-brazzuletti ta’ identifikazzjoni huma deskritti biss fir-rigward tal-użu tagħhom, jiġifieri l-identifikazzjoni tal-pazjenti.

31

Zentrale tiddeduċi minn dan id-dokument li l-brazzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma maħsuba sabiex isaħħu l-affidabbiltà tal-medikazzjoni, sabiex itejbu l-affidabbiltà tat-testijiet u tal-proċeduri, li taħthom jaqgħu wkoll l-operazzjonijiet u l-prevenzjoni tal-iżbalji ta’ identifikazzjoni tal-persuni waqt operazzjonijiet, kif ukoll sabiex jevitaw żbalji waqt it-trasfużjonijiet tad-demm u fit-teħid ta’ kampjuni, u għalhekk, b’mod definittiv, sabiex jipprevjenu mwiet ikkawżati minn żbalji mediċi. Zentrale hija għalhekk tal-fehma li dawn il-brazzuletti ta’ identifikazzjoni jikkontribwixxu, fis-sens tar-Regolament 2017/745, għad-dijanjosi, għall-prevenzjoni, għas-sorveljanza, għat-tbassir, għall-pronjosi, għat-trattament u għat-tnaqqis ta’ mard, ta’ feriti u ta’ diżabbiltajiet. Hija żżid li l-erba’ oqsma ta’ applikazzjoni msemmija fl-imsemmi dokument, jiġifieri l-“amministrazzjoni ta’ prodotti mediċinali”, it-“testijiet u l-proċeduri”, it-“trasfużjonijiet tad-demm” kif ukoll it-“teħid ta’ kampjuni” jikkostitwixxu, barra minn hekk, fihom innifishom, għanijiet maħsuba, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/745.

32

Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni Zentrale, l-għan maħsub tal-brazzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali indikat mill-manifattur tagħhom jikkonsisti fl-identifikazzjoni tajba tal-pazjenti, peress li dawn il-brazzuletti ta’ identifikazzjoni huma intiżi li jiggarantixxu l-aċċess affidabbli għad-data rilevanti tal-pazjenti matul is-soġġorn kollu tagħhom, b’mod partikolari, fl-isptar. Għal dan l-għan, l-imsemmija brazzuletti ta’ identifikazzjoni jistgħu jkunu akkumpanjati minn informazzjoni stampata bħall-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid u n-numru tal-fajl tal-pazjent ikkonċernat kif ukoll, b’mod fakultattiv, is-servizz tal-isptar li fih tinsab il-persuna kkonċernata.

33

Madankollu, għandu jitfakkar li l-istess brazzuletti ta’ identifikazzjoni ġew ikkunsinnati vojta mill-istampar. Minn dan jirriżulta li dawn tal-aħħar ma humiex maħsuba sabiex jissodisfaw għan mediku preċiż jew sabiex jeżerċitaw azzjoni fiżika fuq il-ġisem tal-bniedem. Dawn il-brazzuletti ta’ identifikazzjoni ma jservu ebda għan terapewtiku, dijanjostiku jew skop mediku speċifiku ieħor fost dawk iċċitati fil‑punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/745. Barra minn hekk, dawn il-brazzuletti ma jikkostitwixxux prodotti li għandhom jitqiesu bħala “apparati mediċi”, fis-sens tal-aħħar żewġ inċiżi ta’ din id-dispożizzjoni.

34

Iktar minn hekk, xejn fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li l-manifattur tal-imsemmija brazzuletti ta’ identifikazzjoni għamel evalwazzjoni klinika, li tippermetti wkoll li jiġi konkluż li l-istess brazzuletti ta’ identifikazzjoni ma humiex intiżi għal għan mediku, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

35

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-assenza ta’ evalwazzjoni klinika ma teskludix li prodott jista’ jiġi kklassifikat bħala apparat mediku.

36

B’żieda ma’ dan, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-manifattur, li barra minn hekk indika li huwa kien jopera fis-settur tal-istampar u mhux fis-settur tal-apparati mediċi, ma pprovda ebda dikjarazzjonijiet mediċi la fuq it-tikketta tal-apparat ikkonċernat u lanqas fuq l-istruzzjonijiet għall-użu tiegħu. L-uniċi dikjarazzjonijiet li fuqhom tibbaża ruħha Zentrale huma għalhekk l-allegazzjonijiet kummerċjali ta’ dan il-manifattur ta’ natura ġenerali fid-dokument imsemmi fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li jgħidu li l-użu tal-brazzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti ta’ kwalità għolja jippermetti lill-persunal tas-saħħa jivverifika li dan huwa l-pazjent it-tajjeb, il-prodott mediċinali it-tajjeb, id-doża t-tajba, il-mument it-tajjeb u l-mod it-tajjeb ta’ amministrazzjoni u, għaldaqstant, inaqqas jew jevita l-konsegwenzi negattivi ta’ żbalji marbuta mal-identifikazzjoni tal-pazjent.

37

Peress li l-identifikazzjoni korretta tal-pazjent mill-persunal tas-saħħa hija għalhekk l-uniku għan tal-brazzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat li l-għanijiet mediċi kollha msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/745 jiddependu barra minn hekk minn fatturi oħra u mhux minn jekk il-pazjent għandux jew le tali brazzuletta ta’ identifikazzjoni.

38

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li dan l-għan jista’ jintlaħaq ukoll, pereżempju, permezz tal-ilbies ta’ tikketta bl-isem, ta’ badge personalizzata, ta’ kopja ta’ dokument tal-identità jew ta’ kull mezz ieħor ta’ identifikazzjoni, li juri li brazzuletta ta’ identifikazzjoni, bħala tali, ma għandha ebda influwenza diretta fuq l-attivitajiet dijanjostiċi jew terapewtiċi. Fil-fatt, jidher inkontestabbli li l-metodu ta’ identifikazzjoni ta’ pazjent ma għandux effett dirett fuq l-amministrazzjoni ta’ prodotti mediċinali, testijiet u proċeduri, trasfużjonijiet tad-demm jew it-teħid ta’ kampjuni, peress li l-brazzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfaw biss funzjoni purament amministrattiva billi jiffaċilitaw il-mod kif dan il-pazjent jista’ jiġi identifikat mill-persunal tas-saħħa. Għaldaqstant, ma jistax jiġi affermat li dawn il-brazzuletti ta’ identifikazzjoni jintużaw flimkien ma’ prodotti oħra għal finijiet mediċi speċifiċi, konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/745.

39

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ta’ Zentrale bbażat fuq is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Snitem u Philips France (C‑329/16, EU:C:2017:947), din tal-aħħar ingħatat fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal‑14 ta’ Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 82).

40

Skont Zentrale, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-fatt, li l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(2)(a) ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li software li waħda mill-funzjonijiet tiegħu tippermetti l-użu ta’ data ta’ pazjent, għall-finijiet, b’mod partikolari, li jiġu identifikati l-kontraindikazzjonijiet, l-interazzjonijiet bejn il-mediċini u d-dożi eċċessivi, jikkostitwixxi, fir-rigward ta’ din il-funzjoni, apparat mediku fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u dan anki jekk tali software ma jaġixxix direttament ġewwa jew fuq il-ġisem tal-bniedem.

41

Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta’ Zentrale jirriżulta minn riproduzzjoni ssemplifikata tal-imsemmija sentenza u li s-soluzzjoni adottata fiha ma tistax tiġi trasposta għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

42

Fil-fatt, jidher li s-software inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2017, Snitem u Philips France (C‑329/16, EU:C:2017:947), ma kienx jissodisfa biss funzjonijiet amministrattivi bħall-brazzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda, sa fejn kien jipproċessa d-data li biha kien ġie pprovdut, kien jipprovdi wkoll informazzjoni lit-tabib sabiex tassistih fl-attività tiegħu.

43

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 93/42 kienet ġiet emendata bl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2007/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/385/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward il-mezzi mediċi attivi li jiddaħħlu f’xi parti tal-ġisem, id-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE dwar mezzi mediċi u d-Direttiva 98/8/KE dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU 2007, L 247, p. 21), li l-premessa 6 tagħha tenfasizza li software fih innifsu huwa apparat mediku meta huwa speċifikament maħsub mill-manifattur tiegħu sabiex jintuża għal għan mediku wieħed jew iktar li jinsabu fid-definizzjoni ta’ apparat mediku, filwaqt li tippreċiża li software għal użu ġenerali użat f’ambjent mediku ma huwiex apparat mediku (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Snitem u Philips France, C‑329/16, EU:C:2017:947, punt 24).

44

Għalhekk, il-leġiżlatur iddeċieda mingħajr ambigwità li, għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/42, ma huwiex biżżejjed li dawn jiġu użati f’kuntest mediku, iżda għad hemm bżonn li l-użu maħsub tagħhom, iddefinit mill-manifattur tagħhom, ikun speċifikament mediku (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Snitem u Philips France, C‑329/16, EU:C:2012:947, punt 24).

45

Għaldaqstant, ma jistax jitqies li huwa apparat mediku software li, filwaqt li huwa intiż li jiġi użat f’kuntest mediku, għandu bħala għan uniku li jaħżen, jiġbor u jittrażmetti data, bħal software ta’ ħażna ta’ data medika tal-pazjent, software li l-funzjoni tiegħu hija limitata għal li jiġi indikat lit-tabib involut l-isem tal-prodott mediċinali ġeneriku relatat ma’ dak li jkollu l-ħsieb jippreskrivi jew inkella software maħsub sabiex jindika kontraindikazzjonijiet imsemmija mill-manifattur ta’ dan il-prodott mediċinali fl-istruzzjonijiet għall-użu tiegħu (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Snitem u Philips France, C‑329/16, EU:C:2017:947, punt 26).

46

Minn dan kollu premess jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-punti 1 u 12 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/745 għandhom jiġu interpretati fis-sens li brazzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti, immanifatturati minn reżina termoplastika u maħsuba sabiex jintlibsu minn pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa, li, minkejja li jistgħu jiġu stampati individwalment b’ittri, b’numri u/jew b’barcode sabiex jidentifikaw il-pazjent ikkonċernat u sabiex jaħżnu data oħra li tikkonċernah, ġew ikkunsinnati vojta minn kull iskrizzjoni, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “apparati mediċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punti 1 u 12 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

brazzuletti ta’ identifikazzjoni tal-pazjenti, magħmula minn reżina termoplastika u maħsuba sabiex jintlibsu mill-pazjenti fis-settur tal-kura tas-saħħa, li, għalkemm jistgħu jiġu stampati individwalment b’ittri, b’numri u/jew b’barcode sabiex jidentifikaw il-pazjent ikkonċernat u sabiex jaħżnu data oħra li tikkonċernah, ġew ikkonsenjati vojta minn kull iskrizzjoni, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “apparati mediċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.