|
18.4.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 100/8 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 318/2009
tas-17 ta' April 2009
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1914/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer Eġej iżgħar
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 tat-18 ta’ Settembru 2006 li jistipula miżuri speċifiċi fil-qasam tal-agrikoltura favur il-gżejjer iż-żgħar tal-Baħar Eġew u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fid-dawl tal-esperjenza miksuba waqt l-applikazzjoni tal-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1914/2006 (2), jeħtieġ li jkunu ppreċiżati l-proċeduri tal-emendar tal-programm provduti f'dak l-Artikolu. Jeħtieġ li tinġieb ’il quddiem l-aħħar data għat-tressiq tat-talbiet annwali għall-emendar tal-programm biex ikun evitat li deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni jiġu adottati tard. Minħabba r-regoli baġitarji, l-emendi approvati għandhom ikunu implimentati mill-1 ta’ Jannar tas-sena wara dik li fiha tkun tressqet it-talba għall-emendar. Barra minn hekk, jeħtieġ li jkunu ppreċiżati aktar ċerti regoli dwar l-emendi minuri li ma jeħtiġilhomx ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni għajr għal finijiet ta’ informazzjoni. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1914/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan. |
|
(3) |
Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 1914/2006 għandu jinbidel b'dan li ġej:
“Artikolu 34
Emendar tal-programm
1. L-emendi għall-programm approvat skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1405/2006 għandhom jitressqu lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni u jkunu motivati kif xieraq, partikolarment billi jippreċiżaw:
|
a) |
ir-raġunijiet u kwalunkwe diffikultà ta' implimentazzjoni li jiġġustifikaw emenda tal-programm; |
|
b) |
l-effetti mistennija tal-emenda; |
|
ċ) |
il-konsegwenzi fuq il-finanzjament u l-kontroll tal-impenji. |
Għajr fil-każ ta’ force majeure jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Greċja għandha tressaq talbiet għall-emendar darba biss għal kull sena kalendarja u għal kull programm. Dawn it-talbiet għall-emendar jeħtiġilhom jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Awwissu ta’ kull sena.
Jekk il-Kummissjoni ma tqajjem ebda oġġezzjoni, il-Greċja għandha tapplika dawk l-emendi mill-1 ta’ Jannar tas-sena wara dik li fiha tkun tressqet it-talba għall-emendar.
Huwa possibbli li dawn l-emendi jidħlu fis-seħħ aktar kmieni, jekk il-Kummissjoni tinforma lill-Greċja bil-miktub, qabel id-data ppreċiżata fit-tielet suparagrafu, li l-emenda notifikata tikkonforma mal-leġiżlazzjoni Komunitarja.
Jekk l-emenda notifikata ma tikkonformax mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Greċja b’dan u l-emenda ma tidħolx fis-seħħ sa meta l-Kummissjoni tirċievi emenda li tista’ tiġi ddikjarata konformi.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, għall-emendi li ġejjin, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-proposti tal-Greċja u tiddeċiedi dwar l-approvazzjoni tagħhom sa mhux aktar minn erba′ xhur mit-tressiq tagħhom, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1405/2006:
|
a) |
l-introduzzjoni ta’ miżuri, azzjonijiet, prodotti jew skemi ta’ għajnuna ġodda fil-programm, u |
|
b) |
iż-żieda tal-livell bażiku ta' appoġġ diġà approvat għal kull miżura, azzjonijiet, prodotti jew skemi ta’ għajnuna eżistenti b’aktar minn 50 % tal-ammont applikabbli fiż-żmien meta titressaq t-talba għall-emenda. |
L-emendi hekk approvati japplikaw mill-1 ta’ Jannar tas-sena wara dik li fiha jkunu ġew notifikati.
3. Il-Greċja għandha tkun awtorizzata tagħmel l-emendi li ġejjin mingħajr rikors għall-proċedura stipulata fil-paragrafu 1, dejjem sakemm l-emendi jkunu notifikati lill-Kummissjoni:
|
a) |
f’dak li jirrigwarda l-bilanċi tal-provvista mbassrin, l-emendar tal-kwantitajiet tal-prodotti eliġibbli għas-sistema tal-provvista u, konsegwentement, l-ammont globali tal-għajnuna allokata favur kull firxa ta’ prodotti, |
|
b) |
fir-rigward tal-għajnuna għall-produzzjoni lokali, l-emendar, sa limitu ta’ 20 %, tal-allokazzjoni finanzjarja maħsuba għal kull miżura: u |
|
ċ) |
l-emendi li jsegwu emendi għall-kodiċijiet u d-deżinjazzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (*1) u li jservu biex jidentifikaw il-prodotti li jibbenefikaw minn għajnuna, dejjem sakemm dawn l-emendi ma jinvolvux bidla tal-prodotti nfushom. |
L-emendi msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandhomx jidħlu fis-seħħ qabel id-data li fiha jaslu għand il-Kummissjoni. Jeħtieġ li jkunu spjegati u ġustifikati kif suppost, u ma jistgħux ikunu implimentati ħlief darba kull sena, għajr fil-każijiet li ġejjin:
|
a) |
force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali, |
|
b) |
emendi tal-kwantitajiet ta’ prodotti eliġibbli għall-iskema ta’ provvista, |
|
c) |
emenda tan-nomenklatura statistika u l-kodiċijiet tat-tariffa doganali komuni f’konformità mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, |
|
d) |
trasferimenti baġitarji fi ħdan il-miżuri ta’ appoġġ għall-produzzjoni. Dawn l-aħħar emendi, madankollu, jeħtiġilhom ikunu notifikati sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April tas-sena kalendarja li għaliha tirreferi l-allokazzjoni finanzjarja emendata. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ April 2009.
Għall-Kummissjoni
Mariann FISCHER BOEL
Membru tal-Kummissjoni