|
24.8.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
428 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-30 ta' Marzu 2007
rigward kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lejn stħarriġ bażilineari dwar il-prevalenza ta' Salmonella fid-dundjani li għandu jitwettaq fil-Bulgarija u fir-Rumanija
(notifikat bid-dokument numru C(2007) 1401)
(It-testi bil-Bulgaru u bir-Rumen biss huma awtentiċi)
(2007/208/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni 90/424/KEE taħseb għal kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Komunità lejn miżuri veterinarji speċifiċi. Taħseb wkoll għall-Komunità sabiex twettaq jew tgħin lill-Istati Membri fit-twettiq ta' miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni veterinarja u għall-iżvilupp ta' edukazzjoni veterinarja jew taħriġ veterinarju. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 fuq il-kontroll tas-Salmonella u aġenti Żoonotiċi oħra speċifiċi li jkun hemm ġewwa l-ikel (2), jistipula li għandha tiġi stabbilita mira Komunitarja biex titnaqqas il-prevalenza ta' Salmonella f'popolazzjonijiet ta' qatgħat ta' dundjani sa tmiem l-2007. |
|
(3) |
Sabiex tiġi stabbilita l-mira Komunitarja, jeħtieġ li tkun disponibbli data komparabbli dwar il-prevalenza ta' Salmonella fil-popolazzjonijiet ta' dundjani fil-Bulgarija u fir-Rumanija. Tagħrif bħal dan mhuwiex disponibbli attwalment u għalhekk għandu jsir stħarriġ li jissorvelja l-prevalenza ta' Salmonella fid-dundjani fuq perjodu xieraq f'dawk l-Istati Membri. |
|
(4) |
Għandu jsir studju bażilineari mill-Istati Membri l-oħra bejn Ottubru 2006 u Settembru 2006 dwar is-Salmonella fid-dundjani skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/662/KE tad-29 ta' Settembru 2006 li għandha x'taqsam ma' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lejn stħarriġ bażilineari li għandu jitwettaq fl-Istati Membri dwar il-prevalenza ta' Salmonella fid-dundjani (3). L-istess proċeduri għandhom jintużaw fl-istudji bażilineari fil-Bulgarija u r-Rumanija. Madankollu, l-perjodu ta' l-istħarriġ għandu jitqassar biex jippermetti għall-analiżi tad-data ta' l-Istati Membri kollha fl-istess ħin. |
|
(5) |
L-istħarriġ għandu jipprovdi t-tagħrif tekniku meħtieġ għall-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità. Minħabba l-importanza li tinġabar data komparabbli dwar il-prevalenza ta' Salmonella fid-dundjani fil-Bulgarija u r-Rumanija, dawk l-Istati Membri għandhom jingħataw kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità biex jiġu implimentati r-rekwiżiti speċifiċi ta' l-istħarriġ. Huwa għalhekk xieraq li l-ispejjeż imġarrba fuq testijiet ta' laboratorju jingħataw 100 % lura, suġġetti għal limitu massimu. L-ispejjeż l-oħra kollha bħal dawk li għandhom x'jaqsmu ma' teħid ta' kampjunji, ivvjaġġar u amministrazzjoni ma għandhom ikunu eliġibbli għall-ebda kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità. |
|
(6) |
Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandha tingħata jekk l-istħarriġ jitwettaq skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Komunitarja u suġġett għall-konformità ma' ċerti kondizzjonijiet speċifiċi oħra. Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tingħata sakemm l-azzjonijiet maħsuba jsiru b'mod effettiv u sakemm l-awtoritajiet jagħtu t-tagħrif kollu meħtieġ fil-limiti taż-żmien previsti. |
|
(7) |
Jeħtieġ li tiġi ċċarata r-rata li għandha tintuża għall-konverżjoni ta' l-applikazzjonijiet għall-ħlas mressqa f'muniti nazzjonali kif definit fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 2799/98 tal-15 ta' Diċembru 1998 li jistabbilixxi l-arranġamenti agrimonetarji għall-euro (4). |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI
Artikolu 1
Is-suġġett u l-ambitu
1. Għandu jsir stħarriġ biex jevalwa l-prevalenza ta' Salmonella spp. fil-Bulgarija u r-Rumanija f'dawn il-qatgħat ta' dundjani li ġejjin:
|
(a) |
qatgħat ta' dundjani għat-tismin li ttieħdu bħala kampjun fi żmien tliet ġimgħat mid-data li jkunu ħallew ir-razzett magħżul għall-biċċerija; |
|
(b) |
qatgħat ta' dundjani għat-trobbija fi żmien 9 ġimgħat qabel id-data ta' depopolazzjoni tal-qatgħat. |
2. L-istħarriġ dwar il-prevalenza tas-Salmonella fuq il-qatgħat imsemmija fil-paragrafu 1 (’il-qatgħat’) għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta' April 2007 sat-30 ta' Settembru 2007.
3. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, ’l-awtorità kompetenti’ għandha tkun l-awtorità jew l-awtoritajiet ta' Stat Membru kif maħtura taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.
Artikolu 2
Qafas għat-teħid tal-kampjuni
1. It-teħid ta' kampjuni għall-għan ta' l-istħarriġ għandu jitwettaq fi rziezet li fihom mill-inqas 500 dundjan għat-tismin jew 250 dundjan għat-trobbija. F'kull razzett magħżul ta' dundjani għat-tismin, qatgħa waħda ta' l-età adattata għandha tittieħed bħala kampjun.
Madankollu, jekk l-għadd ikkalkulat ta' qatgħat li għandhom jittieħdu bħala kampjun kif stipulat fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi huwa ogħla mill-għadd ta' rziezet disponibbli, li fihom mill-anqas l-għadd ta' dundjani msemmi fl-ewwel subparagrafu, sabiex jinkiseb l-għadd ikkalkulat ta' qatgħat, jistgħu jittieħdu bħala kampjun sa erbgħa qatgħat mill-istess razzett. Fejn ikun possibbli dawk il-qatgħat addizzjonali minn razzett wieħed għandhom ikunu minn postijiet differenti fejn jitrabbew id-dundjani u l-kampjuni meħuda f' xhur differenti.
Jekk l-għadd ta' qatgħat li għandhom jittieħdu bħala kampjun jibqa' ma jkunx biżżejjed, aktar minn erba' qatgħat jistgħu jittieħdu bħala kampjun mill-istess razzett, b'attenzjoni akbar mitfuha fuq l-irziezet il-kbar.
Jekk l-għadd ta' qatgħat li għandhom jittieħdu bħala kampjun jibqa' ma jkunx biżżejjed, il-qatgħat jistgħu jittieħdu bħala kampjun fi rziezet b'inqas dundjani milli speċifikat fl-ewwel subparagrafu.
2. It-teħid ta' kampjuni għandu jitwettaq mill-awtorità kompetenti jew taħt is-superviżjoni tagħha.
Artikolu 3
L-istħarriġ ta' Salmonella spp. u serotipar ta' l-iżolati rilevanti
1. L-istħarriġ ta' Salmonella spp. u serotipar ta' l-iżolati rilevanti għandu jsir f'laboratorji ta' referenza nazzjonali għas-Salmonella (LRN).
Madankollu, meta LRN ma jkollux il-kapaċità li jwettaq l-analiżi kollha jew jekk ma jkunx il-laboratorju li jwettaq l-istħarriġ b'mod regolari, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaħtru għadd limitat ta' laboratorji oħra involuti f'kontrolli uffiċjali ta' Salmonella biex iwettqu l-analiżi.
Dawn il-laboratorji għandu jkollhom esperjenza ċċertifikata fl-użu tal-metodu ta' stħarriġ meħtieġ, għandhom jimplimentaw sistema ta' assigurazzjoni tal-kwalità konformi ma' l-istandard 17025 ta' l-ISO, u għandhom ikunu sorveljati mil-LRN.
2. L-istħarriġ tas-Salmonella spp. għandu jitwettaq skond il-metodu rakkomandat mill-laboratorju ta' referenza tal-Komunità għas-Salmonella.
3. Serotipar ta' l-iżolati rilevanti għandu jitwettaq skond l-iskema Kaufmann-White.
Artikolu 4
Ġbir tad-data, valutazzjoni u rappurtar
1. L-awtorità kompetenti għandha tiġbor u tevalwa r-riżultati miksuba skond l-Artikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni fuq il-bażi tal-qafas tat-teħid ta' kampjuni msemmi fl-Artikolu 2 tagħha, u għandha tirrapporta d-data miġbura meħtieġa kollha u l-evalwazzjoni tagħha lill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni għandha tressaq dawn ir-riżultati flimkien mad-data nazzjonali miġbura u l-valutazzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, li għandha teżaminahom.
2. Id-data nazzjonali miġbura u r-riżultati msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru pubblikament disponibbli f'forma li tiżgura l-kunfidenzjalità.
Artikolu 5
Speċifikazzjonijiet tekniċi
Il-ħidmiet u l-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 2, 3 u 4 ta' din id-Deċiżjoni għandhom jitwettqu f'konformità ma' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi SANCO/2083/2006 ppreżentati fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali fit-18 ta' Lulju 2006 kif ippubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni http://europa.eu.int/comm/food/food/biosafety/salmonella/impl_reg_en.htm
Artikolu 6
Kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja
1. Għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lill-Bulgarija u lir-Rumanija għall-ispejjeż imġarrba minnhom għat-testijiet ta' laboratorju, jiġifieri għall-istħarriġ batterjoloġiku ta' Salmonella spp. u s-serotipar ta' l-iżolati rilevanti.
2. Il-kotribuzzjoni finanzjarja massima tal-Komunità għandha tkun:
|
(a) |
EUR 20 għal kull test għall-istħarriġ ta' Salmonella spp.; |
|
(b) |
EUR 30 għal kull test ta' setotipar ta' l-iżolati rilevanti. |
Madankollu, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità m'għandhiex taqbeż l-ammonti stipulati fl-Anness I.
Artkolu 7
Kondizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità
1. Il-kontribuzzjoni finanzjarja stipulata fl-Artikolu 6 għandha tingħata lill-Bulgarija u lir-Rumanija jekk l-istħarriġ jiġi implimentat f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Komunitarja, li tinkludi r-regoli dwar il-kompetizzjoni u dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi, u suġġetta għall-konformità mal-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' l-istħarriġ għandhom jidħlu fis-seħħ mhux iktar tard mill-1 ta' April 2007; |
|
(b) |
għandu jitressaq rapport tal-progress miksub sal-31 ta' Lulju 2007 li jkopri l-ewwel tliet xhur ta' l-istħarriġ; Ir-rapport tal-progress miksub għandu jinkludi t-tagħrif kollu mogħti f'Kapitolu 6 Rappurtar ta' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 5. |
|
(ċ) |
għandu jitressaq rapport finali sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2007, dwar l-eżekuzzjoni teknika ta' l-istħarriġ, flimkien ma' dokumenti ta' prova għall-ispejjeż imġarrba u r-riżultati miksuba matul il-perjodu li jibda mill-1 ta' April 2007 sat-30 ta' Settembru 2007; id-dokumenti ta' prova fir-rigward ta' l-ispejjeż imġarrba għandhom mill-anqas jinkludu t-tagħrif stipulat fl-Anness II. |
|
(d) |
l-istħarriġ għandu jiġi implimentat effettivament. |
2. Ħlas bil-quddiem ta' 50 % tas-somma totali msemmija fl-Anness I jista' jsir fuq it-talba tal-Bulgarija u r-Rumanija.
3. Nuqqas ta' konformità mal-limitu ta' żmien imsemmi f'paragrafu 1(c) għandu jimplika tnaqqis progressiv tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità li għandha titħallas, li jammonta għal 25 % tas-somma totali sal-15 ta' Novembru 2007, 50 % sa l-1 ta' Diċembru 2007 u 100 % tas-somma sal-15 ta' Diċembru 2007.
Artikolu 8
Rata ta' konverżjoni għan-nefqa
Għal raġunijiet ta' effiċjenza amministrattiva n-nefqa mressqa għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandha tkun espressa f'euro. Skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1913/2006 ta' l-20 ta' Diċembru 2006 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema agrimonetarja għall-euro fl-agrikultura u li jemenda ċerti regolamenti, ir-rata ta' konverżjoni għan-nefqa f'munita oħra għajr l-euro għandha tkun ir-rata l-aktar reċenti stipulata mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-ewwel jum tax-xahar li fih l-applikazzjoni titressaq mill-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 9
Applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd mill-1 ta' April 2007.
Artikolu 10
Id-Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija.
Magħmul fi Brussell, 30 ta' Marzu 2007.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/965/KE (ĠU L 397, 30.12.2006, p. 22).
(2) ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1791/20056.
ANNESS I
Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Komunità lill-Bulgarija u lir-Rumanija
|
(EUR) |
|
|
Stat Membru |
Ammont |
|
Il-Bulgarija |
2 990 |
|
Ir-Rumanija |
3 250 |
ANNESS II
Rapport finanzjarju ċċertifikat dwar l-implimentazzjoni ta' stħarriġ bażilineari dwar il-prevalenza tas-Salmonella spp. f'qatgħat ta' dundjani
Perjodu ta' rapportaġġ: mill-1 ta' April 2007 sat-30 ta' Settembru 2007
Dikjarazzjoni dwar l-ispejjeż imġarrba fit-twettiq ta' l-isħarriġ u eliġibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità:
In-numru ta' referenza tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità: …
…
|
Spejjeż imġarrba relatati mal-funzjonijiet fi/minn |
Numru ta' testijiet |
Spejjeż totali ta' l-ittestjar imġarrba matul il-perjodu tar-rappurtar (munita nazzjonali) |
|
Batterjoloġija għas-Salmonella spp. |
|
|
|
Serotipar ta' l-iżolati tas-Salmonella |
|
|
Dikjarazzjoni mill-benefiċjarju
Niċċertifikaw li
|
— |
l-ispejjeż stipulati fid-dikjarazzjoni ta' l-ispejjeż huma ġenwini u ġġarrbu fit-twettiq tal-ħidmiet stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni […/2007] u kienu essenzjali għall-qadi xieraq ta' dawn il-ħidmiet; |
|
— |
id-dokumenti ta' prova għal dawn l-ispejjeż huma disponibbli għall-fini tal-verifika finanzjarja. |
Id-Data: …
Il-persuna responsabbli għall-finanzi: …
Firma: …