|
7.2.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 31/3 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/182
tat-2 ta' Frar 2015
li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 827/2011 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 827/2011 (2) ikklassifikat iż-żebgħa blu tal-polimetin (żebgħa fluworexxenti) dilwita f'taħlita ta' solventi tal-glikol tal-etilen u l-metanol, użata f'analizzaturi awtomatiċi tad-demm biex il-lewkoċiti jingħataw il-kulur permezz ta' mmarkar fluworexxenti wara li jkunu għaddew minn trattament preparatorju speċifiku, taħt l-intestatura 3212 tan-Nomenklatura Magħquda bħala żebgħa u materjal li jagħti l-kulur. Il-klassifikazzjoni tal-prodott taħt l-intestatura 3822 tan-Nomenklatura Magħquda kienet eskluża għar-raġuni li l-materjal li jagħti l-kulurtal-intestatura 3204 li jkun għall-bejgħ huwa kklassifikat taħt l-intestatura 3212 . |
|
(2) |
Fil-Kawża C-480/13 Sysmex Europe GmbH v Hauptzollamt Hamburg-Hafen (3), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea qatgħet li prodott, magħmul mis-solventi u ta' sustanza abbażi ta' polimetin għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 3822 tan-Nomenklatura Magħquda bħala reaġenti tal-laboratorju. Il-Qorti kkunsidrat, fuq l-informazzjoni sottomessa, li l-użu ta' dak il-prodott bħala materjal li jagħti l-kulur m'huwa xejn aktar minn possibilità purament teoretika. |
|
(3) |
Il-prodott eżaminat mill-Qorti fil-kawża C-480/13 huwa identiku għall-prodott li l-klassifikazzjoni tiegħu hija stabbilita fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 827/2011. |
|
(4) |
Bħala konsegwenza, huwa xieraq li r-Regolament tal-Implimentazzjoni (UE) Nru 827/2011 jitħassar sabiex jiġu evitati diverġenzi potenzjali fil-klassifikazzjoni tariffarja taż-żebgħa blu tal-polimetin (żebgħa fluworexxenti) dilwita f'taħlita ta' solventi tal-glikol tal-etilen u l-metanol u sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda fi ħdan l-Unjoni. |
|
(5) |
Għalhekk ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 827/2011 għandu jitħassar. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 827/2011 jiġi mħassar.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Frar 2015.
Għall-Kummissjoni,
F'isem il-President,
Heinz ZOUREK
Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 827/2011 tas-12 ta' Awwissu 2011 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 211, 18.8.2011, p. 9).
(3) Sentenza li ngħtat fis-17 ta' Lulju 2014, li għadha ma ġietx ippubblikata fir-REK, paragrafi 42, 44 u 45.