20.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 241/12


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1586

tad-19 ta' Settembru 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1067/2008 li jiftah u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji Komunitarji għal qamħ komuni ta' kwalità differenti minn dik superjuri oriġinanti minn pajjiżi terzi u li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1067/2008 (2) jipprovdi għall-ftuħ ta' kwota tariffarja globali għall-importazzjoni ta' 3 112 030 tunnellata ta' qamħ komuni li jaqa' taħt il-kodiċi tan-NM bin-numru 1001 99 00 u li huwa ta' kwalità differenti minn dik superjuri, b'rata ta' EUR 12 għal kull tunnellata. Din il-kwota tariffarja globali tinkludi subkwota ta' 38 853 tunnellata għall-importazzjonijiet mill-Kanada.

(2)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 (3), il-Kunsill qabel mal-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada fuq naħa u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra (“il-Ftehim”).

(3)

L-Artikolu 2.4 tal-Ftehim jipprevedi t-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta' dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw minn kwalunkwe Parti skont skedi għat-tneħħija tat-tariffi stabbiliti fl-Anness 2-A tal-Ftehim. Il-punt 9 ta' dak l-Anness jipprovdi kwota tariffarja bla dazju ta' 100 000 tunnellata ta' qamħ komuni ta' kwalità differenti minn dik superjuri, li jaqa' taħt il-kodiċi NM 1001 99 00 u li joriġina fil-Kanada, għal perjodu ta' seba' snin. Il-punt 6 ta' dak l-Anness jipprovdi għal regoli tranżitorji għall-ewwel sena.

(4)

Il-Protokoll dwar ir-regoli tal-oriġini u l-proċeduri dwar l-oriġini, mehmużin mal-Ftehim, jistabbilixxu r-regoli li jridu jiġu applikati fir-rigward tal-prova tal-oriġini. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar il-preżentazzjoni ta' prova tal-oriġini skont dan il-Protokoll.

(5)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1067/2008 għandu jiġi emendat skont dan. L-emendi proposti jenħtieġ li jiġu applikati mill-21 ta' Settembru 2017 tal-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim u għalhekk dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1067/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   B'deroga mit-Tariffa Doganali Komuni għandu jiġi ffissat id-dazju fuq l-importazzjoni tal-qamħ komuni li jaqa' taħt il-kodiċi tan-NM 1001 99 00, li huwa ta' kwalità differenti minn dik superjuri ddefinita fl-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 642/2010 (*1), fil-qafas tal-kwota miftuħa b'dan ir-Regolament.

2.   It-Tariffa Doganali Komuni għandha tapplika għall-importazzjonijiet tal-prodotti msemmija f'dan ir-Regolament bħala eċċess tal-kwantitajiet previsti fl-Artikoli 2 u 3.

(*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 642/2010 tal-20 ta' Lulju 2010 dwar regoli ta' applikazzjoni għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 dwar id-dazju ta' importazzjoni fis-settur taċ-ċereali (ĠU L 187, 21.7.2010, p. 5).” "

(2)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Fl-1 ta' Jannar ta' kull sena għandha tinfetaħ kwota tariffarja għall-importazzjoni ta' 3 073 177 tunnellata ta' qamħ komuni li jaqa' taħt il-kodiċi tan-NM bin-numru 1001 99 00 u li huwa ta' kwalità differenti minn dik superjuri.

Id-dazju fuq l-importazzjoni li taqa' taħt il-kwota tariffarja għandu jkun impost bir-rata ta' EUR 12 kull tunnellata metrika.”

(b)

il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Mill-2017 sal-2023, fl-1 ta' Jannar ta' kull sena għandha tinfetaħ kwota tariffarja għall-importazzjoni ta' 100 000 tunnellata ta' qamħ komuni li jaqa' taħt il-kodiċi tan-NM bin-numru 1001 99 00 u li huwa ta' kwalità differenti minn dik superjuri (bin-numru tal-ordni 09.4124).

Permezz ta' deroga mill-ewwel subparagrafu, għas-sena 2017, il-kwantità tal-kwota tariffarja għandha tkun 27 778 tunnellata.

L-importazzjoni fil-kwota tariffarja għandha tkun ħielsa mid-dazju.”

(3)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-kwota tariffarja tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) għandha tiġi diviża fi tliet subkwoti:

—

is-subkwota I (bin-numru tal-ordni 09.4123): 572 000 tunnellata għall-Istati Uniti tal-Amerika,

—

is-subkwota II (bin-numru tal-ordni 09.4125): 2 378 387 tunnellata għall-pajjiżi terzi, minbarra l-Kanada u l-Istati Uniti tal-Amerika,

—

is-subkwota III (bin-numru tal-ordni 09.4133): 122 790 tunnellata għall-pajjiżi terzi kollha.”

(b)

il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Fejn, matul xi sena, jidher li jkun hemm tnaqqis serju tat-teħid tas-subkwota I, bi ftehim mal-pajjiżi terzi kkonċernati, il-Kummissjoni tista' tadotta arranġamenti sabiex tittrasferixxi l-kwantitajiet mhux mittieħda għas-subkwoti l-oħrajn, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 229(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.”

(c)

fil-paragrafu 3, il-kliem “subkwota III” jinbidel bil-kliem “subkwota II”.

(4)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Kull rikjesta għal-liċenzja tindika kwantità f'kilogrammi, mingħajr deċimali, li ma tistax taqbeż:

—

fil-każ tas-subkwota II msemmija fl-Artikolu 3(1), il-kwantità totali miftuħa għas-subperijodu kkonċernat,

—

fil-każ tal-kwota msemmija fl-Artikolu 2(2) u tas-subkwoti I u III msemmija fl-Artikolu 3(1), il-kwantità totali miftuħa għas-sena għall-kwota jew is-subkwota kkonċernata.

Ir-rikjesta għal-liċenzja għall-importazzjoni u l-liċenzja għall-importazzjoni jsemmu pajjiż wieħed ta' oriġini biss.”

(5)

Fl-Artikolu 8, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“B'deroga mill-ewwel paragrafu, ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni ta' qamħ komuni ta' kwalità barra dik ta' kwalità għolja li toriġina fil-Kanada għandu jkun bil-kundizzjoni ta' preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni tal-oriġini. Id-dikjarazzjoni tal-oriġini għandha tingħata fuq irċevuta jew kwalunkwe dokument kummerċjali ieħor li jiddeskrivi l-prodott oriġinali b'dettalji suffiċjenti li jippermettu l-identifikazzjoni tiegħu. It-test tad-dikjarazzjoni tal-oriġini għandu jiġi kif stabbilit fl-Anness 2 tal-Protokoll dwar ir-regoli tal-oriġini u l-proċeduri dwar il-oriġini tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra (*2).

(*2)   ĠU L 11, 14.1.2017, p. 23.” "

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-21 ta' Settembru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Settembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1067/2008 tat-30 ta' Ottubru 2008 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwoti tariffari Komunitarji għal qamħ komuni ta' kwalità differenti minn dik superjuri oriġinanti minn pajjiżi terzi u li tidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 290, 31.10.2008, p. 3).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 tat-28 ta' Ottubru 2016 dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada fuq naħa u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1080).