European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2253

14.10.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2253

tat-12 ta’ Ottubru 2026

li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ talba mill-Polonja biex ma jiġix applikat ir-rekwiżit li tiġi installata GSM-R f’mina, kif stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014

(notifikata bid-dokument C(2026) 7077)

(It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,

Billi:

(1)

Fis-6 ta’ Novembru 2025, il-Polonja ressqet talba lill-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 4.2.1.8. (a) tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014 (2)għall-immodernizzar tal-linja ferrovjarja Nru 104 Chabówka – Nowy Sącz sal-31 ta’ Diċembru 2032 (it-“talba”). It-talba tressqet abbażi tal-Artikolu 7(1), il-punt (c), tad-Direttiva (UE) 2016/797.

(2)

Il-punt 4.2.1.8. (a) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1303/2014 jistabbilixxi r-rekwiżit li f’mini b’tul ta’ iktar minn 1 km, il-komunikazzjoni bir-radju ta’ emerġenza bejn il-ferrovija u ċ-ċentru tal-kontroll tal-maniġer tal-infrastruttura trid tiġi pprovduta bis-Sistema Globali għall-Komunikazzjoni Mobbli – Ferroviji (GSM-R).

(3)

Il-proġett imsemmi fit-talba jikkonsisti fil-modernizzazzjoni tal-linja ferrovjarja Nru 104 bejn Chabówka u Nowy Sącz, li speċifikament tinkludi l-mini fis-sezzjonijiet C1 u D minn km 48 + 600 (km eżistenti 49 + 822) sa km 61 + 220 (km eżistenti 63 + 965). L-installazzjoni tal-GSM-R fuq il-linja kollha hija prevista fi proġett futur li jrid jitlesta sal-31 ta’ Diċembru 2032.

(4)

Skont id-dokumenti mressqa mill-Polonja, il-konformità mal-punt 4.2.1.8. (a) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1303/2014 tkun tinvolvi kost addizzjonali ta’ PLN 30 000 000, peress li minbarra s-sezzjonijiet tal-mini, is-sezzjonijiet addizzjonali tal-linji fiż-żona tal-madwar ikollhom jiġu mgħammra bil-GSM-R. Dawn il-kostijiet addizzjonali jikkompromettu l-vijabbiltà ekonomika tal-proġett.

(5)

Bħala dispożizzjoni alternattiva, il-Polonja tipproponi li tapplika l-Kapitolu 1.1 tal-Istandards Tekniċi li jikkonċerna Kundizzjonijiet tekniċi speċifiċi għall-immodernizzar jew għall-kostruzzjoni ta’ linji ferrovjarji sa Telekomunikazzjoni tal-Volum VII Vmax ≤ 250 km/h kif applikabbli fid-19 ta’ Frar 2026 (3), li jistabbilixxi l-possibbiltà li f’mina tintuża l-GSM-R jew is-sistema tar-radju PKP. Is-sistema tar-radju PKP topera fuq il-banda ta’ frekwenzi ta’ 150 MHz u hija elenkata bħala sistema tar-radju bil-vuċi tal-Klassi B fil-punt 3.4. tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 (4). Din ir-regola nazzjonali ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji skont l-Artikolu 14(1), il-punt (c), tad-Direttiva (UE) 2016/797, skont ir-regola ID PL-FI-2783-1-A (5).

(6)

Abbażi tal-ġustifikazzjoni għat-talba pprovduta mill-Polonja u tad-dispożizzjoni alternattiva proposta, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1), il-punt (c), u fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 jistgħu jitqiesu bħala ssodisfati għall-modernizzazzjoni tal-linja ferrovjarja Nru 104 Chabówka – Nowy Sącz. Għalhekk, jenħtieġ li t-talba tiġi aċċettata.

(7)

Is-sikurezza, kif stabbilit mid-Direttiva (UE) 2016/797, hija rekwiżit essenzjali li jrid jiġi ssodisfat mis-sistema ferrovjarja tal-Unjoni, mis-subsistemi u mill-kostitwenti tal-interoperabbiltà, inkluż l-interfaċċi. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata kwalunkwe informazzjoni li tindika li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 4.2.1.8. (a) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1303/2014 jista’ jikkomprometti s-sikurezza tas-sistema ferrovjarja.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-talba tal-Polonja għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 4.2.1.8. (a) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1303/2014 għall-immodernizzar tal-linja ferrovjarja Nru 104 Chabówka – Nowy Sącz hija aċċettata bil-kundizzjoni li tiġi applikata d-dispożizzjoni alternattiva proposta mill-Polonja.

Il-Polonja għandha tinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed fil-każ li jkollha informazzjoni li n-nuqqas ta’ applikazzjoni jista’ jikkomprometti b’mod raġonevoli s-sikurezza tas-sistema ferrovjarja.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2032.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kummissjoni

Apostolos TZITZIKOSTAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/797/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-“sikurezza fil-mini ferrovjarji” tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 394, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1303/oj).

(3)   https://www.plk-sa.pl/files/public/user_upload/pdf/Akty_prawne_i_przepisy/Standardy_techniczne/19.02.2026/ST-T7_obowiazuja_od_2026-02-19.pdf.

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 tal-10 ta’ Awwissu 2023 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-kontroll-kmand u sinjalazzjoni tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 222, 8.9.2023, p. 380, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1695/oj).

(5)   https://srd.era.europa.eu/national-rules/rule?id=3023.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2253/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)