Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
12 ta’ Novembru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 4 – Evalwazzjoni tal-elementi rilevanti ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Obbligu għall-applikant li jissostanzja l-elementi tal-applikazzjoni permezz ta’ dokumenti awtentiċi jew ta’ provi oħra oġġettivament verifikabbli – Portata – Kooperazzjoni tal-Istat Membru mal-applikant sabiex jiġu evalwati l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni tiegħu – Portata – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46 – Dritt għal rimedju effettiv – Eżami komplet u ex nunc – Portata tas-setgħat tal-qorti tal-ewwel istanza – Eżami mill-qorti tal-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali u tal-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement”
Fil-Kawżi magħquda C‑7/25 [Ramodi] (i) u C‑8/25 [Karkik] i,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Roermond (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Roermond, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑7 ta’ Jannar 2025, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Jannar 2025, fil-proċeduri
K (C‑7/25),
P (C‑8/25)
vs
Minister van Asiel en Migratie,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, Z. Csehi, M. Gavalec (Relatur) u F. Schalin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal K, minn G. J. van der Graaf, advocaat,
– għal P, minn K. S. Kort, advocate,
– għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. H. S. Gijzen, A. Hanje u J. Langer, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azema, M. Debieuvre u F. van Schaik, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Marzu 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(1) sa (4) ta’ din id-direttiva, tal-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni (ĠU 2013, L 180, p. 60), kif ukoll tal-Artikoli 4 u 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikoli 4, 18 u 47 tal-Karta.
2 Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, rispettivament, K u P, ċittadini tal-Iraq, u l-Minister van Asiel en Migratie (il-Ministru għall-Ażil u għall-Migrazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) dwar deċiżjonijiet li permezz tagħhom dan tal-aħħar ċaħad bħala infondati l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali, indika li ma kinux ser jirċievu permess ta’ residenza għal raġunijiet oħra, imponielhom obbligu ta’ ritorn, filwaqt li indika l-Iraq bħala pajjiż ta’ destinazzjoni u stabbilixxa terminu ta’ erba’ ġimgħat għat-tluq volontarju.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Karta
3 L-Artikolu 4 tal-Karta, intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”, jipprevedi:
“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.”
4 L-Artikolu 18 tal-Karta huwa fformulat kif ġej:
“Id-dritt għall-asil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni [dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951) (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 (iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Genève’)] u l-Protokoll [dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967] u skond it-Trattat [UE] u t-Trattat [FUE] [...]”
5 L-Artikolu 19 tal-Karta, intitolat “Il-protezzjoni f’każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:
“Ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.”
6 L-Artikolu 47 tal-Karta intitolat, “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, jipprovdi:
“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.
Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.”
Id-Direttiva 2008/115/KE
7 L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punt 4 tiegħu:
“‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn”.
8 Skont l-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva:
“L-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija:
(a) meta hija tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement [...]”
9 L-Artikolu 13(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:
“1. Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza.
2. L-awtorità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom ikollhom is-setgħa li jirrivedu deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), inkluża l-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament l-infurzar tagħhom, dment li ma tkunx diġà applikabbli sospensjoni temporanja taħt il-leġislazzjoni nazzjonali.”
Id-Direttiva 2011/95
10 Il-premessa 12 tad-Direttiva 2011/95 hija fformulata kif ġej:
“L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, minn naħa waħda, li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawk il-persuni fl-Istati Membri kollha.”
11 L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għal refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal ptotezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.”
12 L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, jipprovdi:
“1. L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni.
2. L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond, inkluż dawk ta’ qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, l-applikazzjonijiet ta’ ażil preċedenti, ir-rotot ta’ vjaġġar, id-dokumenti ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.
3. L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:
(a) il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni, inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż tal-oriġini u l-manjiera li biha jiġu applikati;
(b) id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;
(c) il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni jew periklu serju;
(d) jekk l-attivitajiet tal-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini kinux għall-għan waħdieni jew ewlieni li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi stmat jekk dawk l-attivitajiet jesponux lill-applikant għal persekuzzjoni jew periklu serju jekk jiġi ritornat lejn dak il-pajjiż;
(e) jekk l-applikant ikun mistenni b’mod raġonevoli li japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor fejn ikun jista’ jiddikjara ċ-ċittadinanza.
4. Il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-periklu, huwa indikazzjoni serja tal-biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri dannu serju, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajbin li jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni jew dan id-dannu serju ma jiġix ripetut.
5. Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) l-applikant ikun għamel sforz ġenwin sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu;
(b) l-elementi rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant ikunu ġew sottomessi, u spjegazzjoni sodisfaċenti li tirrigwarda nuqqas ta’ elementi rilevanti oħra tkun ingħatat;
(c) id-dikjarazzjonijiet tal-applikant jinstabu li huma koerenti u plawżibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ tal-applikant;
(d) l-applikant ikun applika għal protezzjoni internazzjonali kmieni kemm jista’ jkun, sakemm l-applikant [ma jkunx] jista’ jagħti raġuni tajba għaliex ma jkunx għamel dan; u
(e) il-kredibilità ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita.”
13 L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “L-għoti ta’ status ta’ refuġjat”, jipprevedi:
“L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III.”
Id-Direttiva 2013/32
14 Il-premessa 10 tad-Direttiva 2013/32 hija fformulata kif ġej:
“Meta jimplimentaw din id-Direttiva l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-linji gwida rilevanti żviluppati mill-[Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO), li fl‑2022 ġie issostitwit bl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA)].”
15 L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti għall-eżami ta’ applikazzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu meħuda wara eżami adegwat. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a) l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati u d-deċiżjonijiet jiġu meħuda individwalment, oġġettivament u imparzjalment;
(b) tinkiseb informazzjoni preċiża u aġġornata minn sorsi varji, bħall-EASO u l-[Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati] u organizzazzjonijiet rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali, rigward is-sitwazzjoni ġenerali li teżisti fil-pajjiżi ta’ origini tal-applikanti u, fejn meħtieġ, f’pajjiżi li għaddew minnhom, u li tali informazzjoni issir disponibbli għall-persunal responsabbli mill-eżami tal-applikazzjonijiet u mit-teħid ta’ deċiżjonijiet;
(c) il-persunal li jeżamina l-applikazzjonijiet u li jieħu d-deċiżjonijiet ikun jaf l-istandards relevanti applikabbli fil-qasam tal-liġi dwar l-asil u dwar ir-rifuġjati;
(d) il-persunal li jeżamina l-applikazzjonijiet u li jieħu d-deċiżjonijiet għandu l-possibbiltà li jitlob parir, meta jkun meħtieġ, minn esperti dwar kwistjonijiet partikolari, bħal pereżempju kwistjonijiet mediċi, kulturali, dwar it-tfal jew is-sess.”
16 L-Artikolu 46(1) u (3) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:
(a) deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:
(i) li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,
[...]
3. Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95], ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.”
Id‑dritt Olandiż
17 L-Artikolu 8:69 tal-wet houdende algemene regels van bestuursrecht (Algemene wet bestuursrecht) (il-Liġi li Tistabbilixxi r-Regoli Ġenerali tad-Dritt Amministrattiv) (il-Liġi Ġenerali dwar id-Dritt Amministrattiv)), tal‑4 ta’ Ġunju 1992 (Stb. 1992, no 315), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, jipprovdi:
“1. Il-qorti adita għandha tiddeċiedi abbażi tar-rikors, tad-dokumenti prodotti, tal-istruttorja preliminari u tal-istruttorja tal-kawża matul is-seduta.
2. Il-qorti għandha tikkompleta l-motivi ta’ dritt ex officio.
3. Il-qorti tista’ tikkompleta l-fatti ex officio.”
18 L-Artikolu 31 tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi dwar il-Barranin tal‑2000), tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, no 495), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Vw”), jipprovdi:
“1 Applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja fis-sens tal-Artikolu 28 għandha tiġi miċħuda bħala infondata skont l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva [2013/32] jekk iċ-ċittadin barrani ma jkunx iġġustifika b’mod suffiċjenti li l-applikazzjoni tiegħu hija bbażata fuq ċirkustanzi li, fihom innifishom, jew fir-rigward ta’ fatti oħra, jikkostitwixxu bażi legali għall-għoti tal-permess.
2 Il-barrani għandu jippreżenta, kemm jista’ jkun malajr, l-elementi kollha neċessarji sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu. Il-Ministru tagħna għandu jevalwa l-elementi rilevanti f’kooperazzjoni mal-barrani.
3 L-elementi msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jinkludu d-dikjarazzjonijiet tal-barrani u d-dokumenti kollha rilevanti fil-pussess tiegħu.
4 L-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, l-elementi li ġejjin:
a) il-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw il-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet legali u regolatorji tal-pajjiż tal-oriġini u l-mod kif jiġu applikati;
b) id-dikjarazzjoni u d-dokumenti prodotti mill-barrani, kif ukoll l-informazzjoni li tindika jekk il-barrani kienx jew jistax ikun espost għal persekuzzjonijiet fis-sens tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] jew għal dannu gravi fis-sens tal-Artikolu 29(1)(b);
c) is-sitwazzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali tal-barrani, inklużi fatturi bħalma huma l-passat, is-sess u l-età, sabiex jiġi evalwat jekk, abbażi taċ-ċirkustanzi personali tal-barrani, l-atti li għalihom huwa kien jew jista’ jkun espost, humiex ekwivalenti għal persekuzzjoni fis-sens tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] jew għal dannu gravi msemmi fl-Artikolu 29(1)(b);
d) il-kwistjoni dwar jekk, minn meta telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew minn pajjiż ta’ residenza preċedenti, l-attivitajiet tiegħu kinux intiżi biss sabiex joħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex ikun jista’ jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sabiex jiġi vverifikat jekk, fil-każ ta’ ritorn lejn dan il-pajjiż, dawn l-attivitajiet humiex ser jesponu lill-barrani għal persekuzzjonijiet fis-sens tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] jew għal dannu gravi fis-sens tal-Artikolu 29(1)(b);
e) il-kwistjoni dwar jekk huwiex raġonevolment mistenni li l-barrani jkun jista’ jitqiegħed taħt il-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor li fih huwa jista’ jinvoka n-nazzjonalità tiegħu.
5 Il-fatt li l-barrani jkun diġà ġie ppersegwitat fis-sens tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] jew li jkun diġà ġarrab dannu gravi fis-sens tal-Artikolu 29(1)(b) fil-passat, jew li jkun ġie direttament mhedded b’dan, huwa indizju serju li juri li l-biża’ tal-barrani li jiġi ppersegwitat huwa fondat u li r-riskju li jġarrab dan id-dannu gravi huwa reali, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajba li wieħed jaħseb li din il-persekuzzjoni jew dan id-dannu gravi ma humiex ser jerġgħu jseħħu.
6 Jekk il-barrani ma jkunx f’pożizzjoni li jipproduċi dokumenti insostenn tad-dikjarazzjonijiet tiegħu jew ta’ parti mid-dikjarazzjonijiet tiegħu, dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom jitqiesu li huma kredibbli u l-benefiċċju tad-dubju għandu jingħata lill-barrani meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfatti:
a) il-barrani jkun għamel sforz ġenwin sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu;
b) l-elementi rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant ikunu ġew ippreżentati u tkun ingħatat spjegazzjoni sodisfaċenti dwar l-assenza ta’ elementi probatorji oħra;
c) id-dikjarazzjonijiet tal-applikant jinstabu li huma koerenti u plawżibbli u ma jkunux kontradetti minn informazzjoni ġenerali u speċifika li tkun magħrufa u rilevanti għall-applikazzjoni tiegħu;
d) il-barrani jkun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali hekk kif kien possibbli, sakemm ma jkunx jista’ jagħti raġuni tajba għaliex ma jkunx għamel dan, u
e) il-kredibbiltà ġenerali tal-applikant setgħet tiġi stabbilita.
[...]”
19 Skont il-paragrafu C1/4.2.3 tal-Vreemdelingencirculaire 2000 (iċ-Ċirkulari tal‑2000 dwar il-Barranin), tat‑2 ta’ Marzu 2001 (Stcrt. 2001, Nru 64), kif emendata fit‑13 ta’ Ġunju 2024:
“Ir-raġuni għall-ażil hija suġġett jew kronoloġija fin-narrattiva tal-ażil ta’ barrani li tkun relatata jew rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk persuna għandhiex tibża’ minn persekuzzjoni jew minn dannu gravi.
Din ir-raġuni tinkludi l-fatti u ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-barrani. L-[Immigratie- en Naturalisatiedienst (id-Dipartiment tal-Immigrazzjoni u tan-Naturalizzazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem l-‘IND’)] jevalwa biss il-fatti u ċ-ċirkustanzi relatati mal-allegata persekuzzjoni min-naħa ta’ awtoritajiet jew ta’ terzi, jew il-fatti u ċ-ċirkustanzi tan-narrattiva li jkunu ta’ natura li juru dannu gravi. Għal din ir-raġuni, l-IND jaċċetta biss id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti relatati magħhom (kemm jekk favorevoli kif ukoll jekk mhux favorevoli).
Il-fatti u ċ-ċirkustanzi jistgħu jikkonsistu f’avvenimenti u f’aġir. Il-fatti u ċ-ċirkustanzi invokati jistgħu jkunu seħħew fil-pajjiż ta’ oriġini qabel it-tluq, iżda wkoll wara t-tluq tal-barrani mill-pajjiż ta’ oriġini. L-avvenimenti allegati jinkludu wkoll is-suppożizzjonijiet tal-barrani. B’suppożizzjonijiet, l-IND jifhem l-ipoteżijiet ippreżentati mill-barrani li jagħmlu parti mill-avvenimenti passati li huwa allega.
Applikazzjoni għall-ażil tista’ tkun ibbażata fuq diversi raġunijiet ta’ ażil indipendenti minn xulxin. Madankollu, dawn ir-raġunijiet għall-ażil jistgħu wkoll, sa ċertu punt, jinteraġixxu jew ikunu marbuta ma’ xulxin.
[...]”
20 Il-paragrafu C1/4.3 ta’ din iċ-ċirkulari jipprovdi:
“Evalwazzjoni tal-kredibbiltà
[...]
Raġuni għall-ażil
Wara li jkun stabbilixxa r-raġuni għall-ażil, l-IND għandu jevalwa l-kredibbiltà ta’ din ir-raġuni għall-ażil. F’dan ir-rigward, l-eżami jirrigwarda fatti u ċirkustanzi.
Sabiex jiddetermina l-kredibbiltà tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li fuqhom tkun ibbażata r-raġuni għall-ażil, l-IND għandu dejjem jevalwa jekk ir-raġuni għall-ażil:
tkunx issostanzjata b’mod suffiċjenti minn provi; jew
tkunx tista’ titqies li hija kredibbli taħt il-kontroll tal-kredibbiltà li jirriżulta mill-Artikolu 31(6) tal-Vw.
[...]
4.3.1. L-eżami tad-dokumenti
L-IND għandu l-ewwel jeżamina jekk il-barrani ssostanzjax b’mod suffiċjenti r-raġuni għall-ażil permezz ta’ provi. Dawn huma dokumenti oġġettivi, li jkunu awtentiċi u li l-veraċità tagħhom tkun tista’ tiġi stabbilita u li jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet tal-barrani. Dawn jistgħu jkunu wkoll sorsi oġġettivi u pubbliċi li jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet tal-barrani.
[...]
4.3.2. Assenza jew insuffiċjenza ta’ ġustifikazzjoni tar-raġuni għall-ażil permezz ta’ dokumenti.
Jekk il-barrani ma jkunx issostanzja jew ma jkunx issostanzja b’mod suffiċjenti r-raġuni għall-ażil tiegħu bi provi, l-IND jista’ (fl-aħħar mill-aħħar) jikkunsidra bħala kredibbli l-fatti u ċ-ċirkustanzi li fuqhom tkun ibbażata r-raġuni għall-ażil jekk il-barrani jissodisfa l-ħames kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin tal-Artikolu 31(6) tal-Vw:
[...]
4.3.2.6. Konklużjoni finali tal-evalwazzjoni tal-kredibbiltà
Fi tmiem l-evalwazzjoni tiegħu tad-diversi fatti u ċirkustanzi, l-IND għandu jasal għal konklużjoni dwar il-kredibbiltà tar-raġuni għall-ażil. Jekk ir-raġuni għall-ażil ma tkunx issostanzjata b’mod suffiċjenti minn provi u jekk il-barrani ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 31(6) [tal-]Vw, ir-raġuni għall-ażil ma tkunx kredibbli. L-IND għandu jindika r-raġunijiet għaliex ir-raġuni għall-ażil ma tkunx qieset li hija kredibbli.
[...]”
21 Il-Werkinstructie WI 2024/6 Geloofwaardigheidsbeoordeling (asiel), tal‑10 ta’ Ottubru 2024 [l-Istruzzjoni Amministrattiva WI 2024/6 – Evalwazzjoni tal-kredibbiltà (ażil), iktar ’il quddiem l-“Istruzzjoni Amministrattiva 2024/6”), tipprevedi li, fl-evalwazzjoni tal-kredibbiltà tar-raġuni għall-ażil, għandu jiġi evalwat jekk “in-narrattiva mogħtija insostenn tal-applikazzjoni għall-ażil hijiex issostanzjata b’mod suffiċjenti minn provi oġġettivi jew jekk in-narrattiva mogħtija insostenn tal-applikazzjoni għall-ażil tistax titqies li hija kredibbli abbażi tal-kontroll skont l-Artikolu 31(6) tal-Vw”.
22 Din l-istruzzjoni amministrattiva tindika wkoll li, “jekk il-barrani ma jkunx jista’ jissostanzja jew ma jkunx jista’ jissostanzja b’mod suffiċjenti raġuni għall-ażil permezz ta’ provi oġġettivi għal kwalunkwe raġuni, l-IND għandu japplika l-kontroll tal-kredibbiltà sabiex jasal għal evalwazzjoni dwar il-kredibbiltà” u li, f’dan il-każ, “ir-raġuni għall-ażil tista’ titqies kredibbli jekk il-barrani jissodisfa ħames kundizzjonijiet stabbiliti b’mod kumulattiv”.
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
23 K u P, żewġ ċittadini tal-Iraq, imwielda rispettivament fl‑1958 u fl‑1985, ippreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl‑1 ta’ Frar 2022 u fis‑6 ta’ Lulju 2023 rispettivament.
24 Il-Ministru ċaħad l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ K u ta’ P minħabba nuqqas ta’ bażi permezz ta’ deċiżjonijiet rispettivi tal‑15 u tal‑5 ta’ Lulju 2024. Il-Ministru ddeċieda wkoll li K u P ma kinux ser jirċievu permess ta’ residenza għal raġunijiet oħra. Kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tinkludi wkoll deċiżjoni ta’ ritorn li tindika l-Iraq bħala pajjiż ta’ destinazzjoni u li tistabbilixxi terminu ta’ erba’ ġimgħat għat-tluq volontarju.
25 Kemm K u kemm P ippreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Roermond (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Roermond, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju.
26 Dik il-qorti tindika li, mill‑1 ta’ Lulju 2024, il-Ministru emenda l-politika tiegħu fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-kredibbiltà tal-fatti u taċ-ċirkustanzi tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u ppreċiża l-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ din il-politika fl-Istruzzjoni Amministrattiva 2024/6. Din il-politika l-ġdida allegatament ġiet applikata waqt l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ K u ta’ P.
27 Issa, K u P isostnu, quddiem l-imsemmija qorti, li l-mod kif ġiet evalwata l-kredibbiltà tar-raġunijiet tal-applikazzjonijiet tagħhom ma huwiex konformi mal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95. Huma jsostnu li din id-dispożizzjoni hija standard minimu b’tali mod li dikjarazzjonijiet mhux issostanzjati permezz ta’ dokumenti jistgħu wkoll jitqiesu li huma kredibbli.
28 L-istess qorti, għaldaqstant, għandha dubju dwar il-mod kif il-Ministru eżamina u evalwa l-ħtieġa ta’ protezzjoni ta’ K u ta’ P u, b’mod iktar wiesa’, dwar jekk l-Istruzzjoni Amministrattiva 2024/6 hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.
29 Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li, minkejja l-Artikolu 8:69 tal-Liġi Ġenerali dwar id-Dritt Amministrattiv, fil-verżjoni applikabbli għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, hija għandha, sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, tillimita ruħha għall-argumenti u għar-raġunijiet espliċitament invokati mill-applikant. Għaldaqstant, il-limiti tat-tilwima huma ddettati mill-motivi tar-rikors u mhux mis-suġġett tal-proċedura, jiġifieri l-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ dan l-applikant.
30 Għalhekk, f’dan il-każ, dik il-qorti tindika li, għalkemm hija għandha tillimita l-evalwazzjoni tagħha għall-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet abbażi tal-fatti u taċ-ċirkustanzi espliċitament invokati fil-motivi tar-rikors, hija ma hijiex f’pożizzjoni li tistħarreġ id-deċiżjonijiet indirizzati lil K u lil P u lanqas ma hija f’pożizzjoni li twettaq eżami komplet u fil-fond tal-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali u tar-riskju ta’ refoulement.
31 Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma indikatx espliċitament jekk l-obbligu li jiġi kkonstatat, jekk ikun hemm bżonn ex officio, eventwali ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement huwiex impost ukoll waqt l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala infondata.
32 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Roermond (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti fi Roermond) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati b’mod identiku fil-Kawżi magħquda C‑7/25 u C‑8/25:
“1) Metodu ta’ xogħol nazzjonali li fih jiġi applikat l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva [2011/95] b’tali mod li d-dikjarazzjonijiet li huma l-bażi ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma jitqiesux kredibbli meta l-applikant ma jkunx jista’ jsostni b’mod sħiħ dawn id-dikjarazzjonijiet permezz ta’ dokumenti verifikabbli li jkunu awtentiċi u/jew oġġettivi u/jew permezz ta’ sorsi oġġettivi u ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 5, huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, jew l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) sa (4) ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva [2013/32], u l-Artikoli 4 u 18 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità deċiżjonali għandha tevalwa l-fatti u ċ-ċirkustanzi li huma l-bażi tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi tikkoopera mal-applikant u tintegra kull prova u element insostenn ta’ din l-applikazzjoni fl-eżami u fl-evalwazzjoni tal-bżonn ta’ protezzjoni u, jekk l-applikant ikun f’pożizzjoni li jsostni biżżejjed id-dikjarazzjonijiet tiegħu permezz ta’ provi jew jekk jissodisfa l-imsemmija kundizzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet tiegħu ma jirrikjedux konferma addizzjonali u għalhekk ikunu kredibbli?
2) L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikoli 4, 18 u 47 tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali tal-ewwel istanza mitluba tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni li tiddikjara mhux fondata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, hija obbligata tipproċedi, jekk hemm bżonn ex officio, għal eżami komplet u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll fuq punti ta’ natura ġuridika, inkluż eżami tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95 fuq il-bażi tal-elementi tal-proċess li jinġiebu għall-għarfien tagħha, kif ikkompletati jew ippreċiżati fi tmiem proċedura kontradittorja?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑7/25 u fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑8/25
33 Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑7/25 u tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑8/25, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika meta d-dikjarazzjonijiet ippreżentati fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma jitqisux li huma kredibbli għaliex l-applikant ma jkunx f’pożizzjoni li jissostanzjahom permezz ta’ dokumenti awtentiċi u oġġettivament verifikabbli jew permezz ta’ sorsi oġġettivi u għaliex ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, jew jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, minn naħa, l-awtorità responsabbli għall-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tikkoopera mal-applikant u għandha tinkludi, fl-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta’ protezzjoni, il-mezzi kollha ta’ prova u l-elementi kollha ppreżentati insostenn tal-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, meta l-applikant ikun issostanzja b’mod suffiċjenti d-dikjarazzjonijiet tiegħu permezz ta’ provi jew meta jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjoni, id-dikjarazzjonijiet tiegħu ma jkunux jeħtieġu konferma addizzjonali u għandhom jitqiesu li huma kredibbli.
34 Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-qorti tar-rinviju, il-Ministru eżamina l-applikazzjonijiet għall-ażil ta’ K u ta’ P billi applika l-Istruzzjoni Amministrattiva 2024/6. Minn dan jirriżulta li l-Ministru jistabbilixxi r-raġunijiet għall-ażil qabel ma jevalwa jekk dawn ir-raġunijiet humiex kompletament issostanzjati permezz ta’ dokumenti awtentiċi u oġġettivament verifikabbli jew minn sorsi pubbliċi oġġettivi. Meta dan ma jkunx il-każ, il-Ministru jivverifika jekk l-applikant għall-ażil jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 31(6) tal-Vw, li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95, u, jekk le, in-narrattiva mogħtija insostenn tal-applikazzjoni għall-ażil ma għandhiex titqies li hija kredibbli.
35 Mingħajr ma jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi preliminari, il-Gvern Olandiż isostni madankollu li l-qorti tar-rinviju ma tesponix b’mod korrett il-prassi deċiżjonali fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-kredibbiltà tal-applikazzjonijiet għall-ażil.
36 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġuriżdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 1999, Sürül, C‑262/96, EU:C:1999:228, punt 95, kif ukoll tad‑9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva), C‑582/21, EU:C:2024:282, punti 31 u 54).
37 Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, l-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑7/25 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑8/25 jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95, u tali interpretazzjoni hija indipendenti mill-kwistjoni tal-interpretazzjoni korretta tad-dritt u tal-prassi nazzjonali.
38 Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, C‑292/82, EU:C:1983:335, punt 12, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 91).
39 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95, dan jipprevedi li, meta l-Istati Membri japplikaw il-prinċipju li huwa l-applikant li għandu jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu, u meta ċerti aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant ma jkunux issostanzjati permezz ta’ provi dokumentali jew ta’ provi oħra, dawn l-aspetti ma jkunux jeħtieġu konferma meta jkunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi huma marbuta mal-fatt li l-applikant ikun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali malajr kemm jista’ jkun, li jkun verament għamel sforz sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu, li huwa jkun ippreżenta l-elementi rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu, li huwa jkun ipprovda spjegazzjoni sodisfaċenti dwar l-assenza ta’ elementi probatorji oħra, li d-dikjarazzjonijiet tal-applikant jitqiesu li huma koerenti u plawżibbli, li ma jkunux kontradetti mill-informazzjoni ġenerali u speċifika magħrufa u rilevanti għall-applikazzjoni tiegħu u li l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant setgħet tiġi stabbilita.
40 Issa, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni sempliċement tagħmel riferiment għal provi dokumentali jew provi oħra, mingħajr bl-ebda mod ma teżiġi li d-dikjarazzjonijiet tal-applikant ikunu ssostanzjati permezz ta’ dokumenti awtentiċi u oġġettivament verifikabbli jew permezz ta’ sorsi oġġettivi.
41 Sussegwentement, l-imsemmija dispożizzjoni ma tindikax li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li d-dikjarazzjonijiet tal-applikant ma humiex kredibbli u jistgħu jiċħdu l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali għas-sempliċi raġuni li l-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija dispożizzjoni ma jkunux issodisfatti.
42 Għall-kuntrarju, mill-istess dispożizzjoni jirriżulta li, meta ċerti aspetti tad-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jkunux issostanzjati permezz ta’ provi dokumentali jew ta’ provi oħra, dawn l-aspetti jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 4(5)(a) sa (e) tad-Direttiva 2011/95 ikunu ssodisfatti (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Fathi, C‑56/17, EU:C:2018:803, punt 86).
43 Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta l-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95 ma jkunux issodisfatti u meta d-dikjarazzjonijiet tal-applikant ikunu jeħtieġu konferma, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jkollu jikkoopera ma’ dan l-applikant sabiex ikunu jistgħu jinġabru l-elementi kollha li jkunu ta’ natura li jissostanzjaw l-applikazzjoni għall-ażil (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, International Protection Appeals Tribunal et (Attentat fil-Pakistan), C‑756/21, EU:C:2023:523, punt 94).
44 Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95, għandu l-ewwel nett jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jqisu li huwa l-applikant li għandu jippreżenta, kemm jista’ jkun malajr, l-elementi kollha meħtieġa sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. F’din l-ipoteżi, l-awtoritajiet tal-Istat Membri jkollhom jevalwaw, b’kooperazzjoni mal-applikant, l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni.
45 Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet il-portata tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali.
46 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, tiżvolġi f’żewġ stadji distinti. L-ewwel stadju jikkonċerna l-istabbiliment ta’ ċirkustanzi fattwali li jistgħu jikkostitwixxu l-elementi ta’ prova insostenn tal-applikazzjoni, filwaqt li t-tieni stadju jikkonċerna l-evalwazzjoni ġuridika ta’ dawn l-elementi, evalwazzjoni li permezz tagħha jiġi deċiż jekk, fid-dawl tal-fatti li jikkaratterizzaw każ speċifiku, il-kundizzjonijiet sostantivi għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali jkunux issodisfatti. Huwa fl-istadju tad-determinazzjoni tal-elementi rilevanti li l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkoopera mal-applikant, konformement mal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 64 u 65, kif ukoll tat‑2 ta’ Diċembru 2014, A et, C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punti 55 u 56).
47 B’hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-każ li, tkun liema tkun ir-raġuni, l-elementi ppreżentati mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jkunux kompleti, attwali jew rilevanti, ikun meħtieġ li dawn l-awtoritajiet jikkooperaw attivament mal-applikant, f’dan l-istadju tal-proċedura, sabiex ikunu jistgħu jinġabru l-elementi kollha li jkunu ta’ natura li jissostanzjaw l-applikazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 65 u 66). Għalhekk, din il-kooperazzjoni għandha l-għan li tiddetermina u tikkompleta l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Nisa li jidentifikaw ruħhom mal-valur tal-ugwaljanza bejn is-sessi), C‑646/21, EU:C:2024:487, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
48 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali jikkostitwixxu biss il-punt tat-tluq tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi mwettaq mill-awtoritajiet kompetenti li spiss ikunu f’pożizzjoni aħjar mill-applikant sabiex ikollhom aċċess għal ċerti tipi ta’ dokumenti (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Nisa li jidentifikaw ruħhom mal-valur tal-ugwaljanza bejn is-sessi), C‑646/21, EU:C:2024:487, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jistgħu jsibu ruħhom, fil-qasam tal-prova, f’sitwazzjoni diffiċli u jista’ jkun impossibbli għalihom li jipprovdu ċerti elementi li jkunu jistgħu jissostanzjaw l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali.
49 Minn dan jirriżulta li jkun kuntrarju għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 jekk jitqies li huwa neċessarjament l-applikant biss li għandu jippreżenta l-elementi kollha li jippermettu li jiġu ssostanzjati r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Nisa li jidentifikaw ruħhom mal-valur tal-ugwaljanza bejn is-sessi), C‑646/21, EU:C:2024:487, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
50 It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/95, li jelenka l-elementi u d-dokumenti li applikant jista’ jipprovdi sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, ma jillimitax in-natura ta’ dawn id-dokumenti biss għad-dokumenti awtentiċi jew li jippermettu li tiġi vverifikata oġġettivament il-veraċità tal-elementi mressqa minn tali applikant.
51 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 10 tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jimplimentaw din id-direttiva, il-linji gwida rilevanti stabbiliti mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO), li fl‑2022 ġie ssostitwit bl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA).
52 Issa, fil-paġni 77 u 78 tad-dokument intitolat “Evalwazzjoni tal-provi u tal-kredibbiltà fil-kuntest tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil”, imfassal mill-EUAA u li għandu d-data tas‑17 ta’ Frar 2023, din l-aġenzija tispeċifika li applikant jista’ jipprovdi kull element li jippermetti li jiġu affermati, ikkonfermati jew issostanzjati l-fatti rilevanti jew li jikkonċerna tali fatti. B’hekk, dawn il-provi jistgħu jkunu orali jew dokumentali, jistgħu jinkludu materjal miktub, grafiku, diġitali jew viżiv u jistgħu jinkludu wkoll elementi bħalma huma oġġetti fiżiċi jew ċikatriċi fuq il-ġisem, kif ukoll reġistrazzjonijiet awdjo jew viżivi.
53 F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull dokument prodott mill-applikant insostenn tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali għandu jitqies li huwa element tagħha li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, konformement mal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, u li, għaldaqstant, l-impossibbiltà li dan id-dokument jiġi awtentikat jew l-assenza ta’ kull sors oġġettivament verifikabbli ma tistax tiġġustifika, fiha nnifisha, l-esklużjoni ta’ tali dokument mill-eżami li l-awtorità determinanti hija obbligata twettaq sabiex teżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda), C‑921/19, EU:C:2021:478, punt 44). Għall-kuntrarju, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sa fejn dokument, anki jekk l-awtentiċità tiegħu ma tistax tiġi stabbilita jew is-sors tiegħu ma jkunx jista’ jiġi vverifikat oġġettivament, jikkostitwixxi element prodott insostenn tal-applikazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, jevalwa dan id-dokument b’kooperazzjoni mal-applikant (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda), C‑921/19, EU:C:2021:478, punt 61).
54 It-tielet nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ refuġjat lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jitqiesu li huma refuġjati konformement mal-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva, mingħajr ma għandhom setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Bundesrepublik Deutschland (Effett ta’ deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat), C‑753/22, EU:C:2024:524, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija kundizzjonijiet humiex issodisfatti, l-Istati Membri għandhom iwettqu, konformement mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95, evalwazzjoni individwali ta’ kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw il-pajjiż tal-oriġini tal-persuna kkonċernata fil-mument tad-deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni, l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti ppreżentati minnha kif ukoll l-istatus individwali u s-sitwazzjoni personali ta’ din tal-aħħar (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Bundesrepublik Deutschland (Effett ta’ deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat), C‑753/22, EU:C:2024:524, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).
56 Bl-istess mod, mill-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta, essenzjalment, li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu s-suġġett ta’ eżami individwali, oġġettiv u imparzjali fid-dawl ta’ informazzjoni preċiża u aġġornata.
57 Issa, interpretazzjoni u applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95 fis-sens li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi miċħuda meta d-dikjarazzjonijiet tal-applikant ma jkunux issostanzjati minn dokumenti awtentiċi u oġġettivament verifikabbli, jew minn sorsi oġġettivi, u meta l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ma jkunux issodisfatti, jipprekludu li jitwettaq l-eżami individwali tal-applikazzjonijiet meħtieġ mill-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2013/32.
58 Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għanijiet tad-Direttiva 2011/95, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 12 u mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar għandha b’mod partikolari l-għan li tiżgura li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni tal-persuni li verament ikunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali.
59 Issa, huwa preċiżament billi jikkooperaw mal-applikanti u billi jinkludu fl-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta’ protezzjoni l-mezzi ta’ prova u l-elementi kollha ppreżentati insostenn tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu jistgħu jidentifikaw il-persuni li verament ikunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali.
60 Fid-dawl tal-motivi preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑7/25 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑8/25 għandha tkun li l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, l-awtorità responsabbli għall-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tikkoopera mal-applikant u għandha tinkludi fl-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta’ protezzjoni l-mezzi ta’ prova u l-elementi kollha ppreżentati insostenn tal-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, meta l-applikant jissostanzja b’mod suffiċjenti d-dikjarazzjonijiet tiegħu bi provi jew meta jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjoni, id-dikjarazzjonijiet tiegħu ma jkunux jeħtieġu konferma addizzjonali u għandhom jitqiesu li huma kredibbli.
Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑7/25 u fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑8/25
61 Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑7/25 u tat-tieni domanda fil-Kawża C‑8/25, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikoli 4 u 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali tal-ewwel istanza adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija obbligata twettaq, jekk hemm bżonn ex officio, eżami komplet u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura legali, inkluż eżami tal-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95 abbażi tal-elementi fil-fajl li jkunu tressqu għall-għarfien tagħha, kif ikkompletati jew ikkjarifikati fi tmiem proċedura kontradittorja.
62 Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ t-tilwima li jkollha quddiemha. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. F’dan ir-rigward, hija għandha tislet, mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 1978, Redmond, 83/78, EU:C:1978:214, punt 26; tat‑28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères, C‑88/99, EU:C:2000:652, punt 18, kif ukoll tat‑23 ta’ April 2026, Laboratoires Microenerics u Theramex France, C‑118/24, EU:C:2026:330, punt 39). Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja jaf ikollha tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1986, Tissier, 35/85, EU:C:1986:143, punt 9, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 44).
63 F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju indikat espliċitament li, permezz tal-imsemmija domandi, hija tixtieq li jiġi ddeterminat jekk qorti nazzjonali tal-ewwel istanza adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandhiex, fl-evalwazzjoni tagħha tal-legalità ta’ tali deċiżjoni, tistħarreġ, jekk ikun hemm bżonn ex officio, l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, li kieku kellha tillimita l-evalwazzjoni tagħha tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Ministru indirizzati lil K u lil P abbażi tal-fatti u taċ-ċirkustanzi espliċitament invokati fil-motivi tar-rikorsi rispettivi tagħhom, hija la tkun tista’ tistħarreġ dawn id-deċiżjonijiet, u lanqas ma tkun tista’ twettaq eżami komplet u fil-fond tar-riskju ta’ refoulement.
64 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 19(2) tal-Karta jipprojbixxi b’mod partikolari t-tneħħija lejn Stat fejn jeżisti riskju serju li l-persuna kkonċernata tkun suġġetta għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.
65 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑7/25 u tat-tieni domanda fil-Kawża C‑8/25, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll l-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati rispettivament fis-sens li qorti nazzjonali tal-ewwel istanza adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija obbligata twettaq, jekk ikun hemm bżonn ex officio, minn naħa, eżami komplet u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura legali, inkluż eżami tal-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95 kif ukoll, min-naħa l-oħra, stħarriġ ta’ eventwali ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement, abbażi tal-elementi tal-proċess li jkunu tressqu għall-għarfien tagħha, kif ikkompletati jew ikkjarifikati fi tmiem proċedura kontradittorja.
66 Fl-ewwel lok, l-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32 jirrikonoxxi lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali. L-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-portata ta’ dan id-dritt billi jippreċiża li l-Istati Membri marbuta minnha għandhom jiżguraw li l-qorti li quddiemha tiġi kkontestata deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali twettaq “eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]” (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 106, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 76).
67 Fir-rigward tal-portata tal-imsemmi dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kliem “għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi”, użat f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati, skont din l-aħħar dispożizzjoni, jorganizzaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li t-trattament tar-rimedji previsti jinkludi eżami, mill-qorti, tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li jippermettulha twettaq evalwazzjoni aġġornata tal-każ inkwistjoni (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 110, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 81).
68 F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-espressjoni “ex nunc” tenfasizza l-obbligu tal-qorti li twettaq evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, elementi ġodda li jirriżultaw wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 111, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 82).
69 Tali evalwazzjoni tippermetti, fil-fatt, li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi ttrattata b’mod eżawrjenti mingħajr il-ħtieġa li l-fajl jintbagħat lura lill-awtorità determinanti (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 112).
70 Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-aġġettiv “sħiħ”, li jinsab fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, jikkonferma li l-qorti hija obbligata teżamina kemm l-elementi li l-awtorità determinanti ħadet jew kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni, kif ukoll dawk li jkunu seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni minn din l-awtorità (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 113, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 83).
71 Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tiġi ggarantita l-effettività ta’ rikors kontra deċiżjoni li tikkonċerna applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, il-qorti nazzjonali, lil hinn mill-argumenti espliċitament invokati mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, għandha twettaq dan l-istħarriġ komplet u ex nunc abbażi tal-elementi kollha tal-proċess kif ukoll ta’ dawk imressqa għall-għarfien tagħha matul il-proċedura quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Ministerstvo vnitra České republiky, Odbor azylové a migrační politiky, C‑406/22, EU:C:2024:841, punti 94 u 98, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 66).
72 Għalhekk, mill-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollhom dritt għal rimedju effettiv kontra deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, b’tali mod li dawn id-deċiżjonijiet ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju biss jekk l-applikanti jippreżentaw rikors sabiex jikkontestawhom.
73 B’dan premess, jekk applikant għal protezzjoni internazzjonali jippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, in-natura effettiva ta’ tali rimedju hija suġġetta għall-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32.
74 Għalhekk, ladarba tkun adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, il-qorti nazzjonali tal-ewwel istanza, ikunu liema jkunu l-argumenti u l-motivi espliċitament imressqa insostenn ta’ dan ir-rikors, hija obbligata twettaq l-eżami komplet u ex nunc impost minn din id-dispożizzjoni u, jekk ikun il-każ, tevalwa l-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant.
75 Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 67 sa 71 ta’ din is-sentenza, sabiex twettaq tali eżami komplet u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura legali, inkluż eżami tal-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, qorti nazzjonali tal-ewwel istanza adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma għandhiex tillimita ruħha għall-argumenti u għall-motivi espliċitament invokati mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali.
76 Għall-kuntrarju, sabiex twettaq evalwazzjoni aġġornata tal-każ inkwistjoni u tal-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant billi tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, kemm l-elementi li l-awtorità determinanti ħadet jew kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni kif ukoll l-elementi li jkunu seħħew wara l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni minn din l-awtorità, tali qorti nazzjonali għandha neċessarjament tiddeċiedi abbażi tal-elementi tal-proċess li jkunu tressqu quddiemha, kif ikkompletati jew ikkjarifikati fi tmiem proċedura kontradittorja, u għandha tirrileva, abbażi ta’ dawn il-punti kollha, il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji għall-evalwazzjoni tagħha.
77 Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar l-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement, għandu jiġi enfasizzat li, permezz tad-deċiżjonijiet indirizzati lil K u lil P, li l-legalità tagħhom għandha tiġi evalwata minn dik il-qorti, il-Ministru, minn naħa, jiċħad bħala infondati l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, jimponilhom obbligu ta’ ritorn.
78 Għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li deċiżjoni ta’ ritorn, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, tiġi adottata simultanjament mad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 60), xorta jibqa’ l-fatt li dawn huma żewġ deċiżjonijiet distinti li jsegwu regoli legali differenti.
79 Għaldaqstant, iċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tistax titqies li timplika teħid ta’ pożizzjoni fir-rigward tal-kwistjoni distinta dwar jekk dan l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jistax jitneħħa lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Barra minn hekk, il-konsegwenzi, għall-imsemmi applikant, li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz, jew għas-soċjetà tal-Istat Membru li fih ikun jinsab dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ eventwali ritorn ta’ dan tal-aħħar fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ma humiex intiżi li jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tiġi adottata d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali iżda meta tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tal-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li wettaq delitt serju), C‑663/21, EU:C:2023:540, punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
80 Sabiex jiġi ddeterminat jekk qorti nazzjonali tal-ewwel istanza adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hijiex obbligata twettaq, jekk ikun hemm bżonn ex officio, stħarriġ ta’ eventwali ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement, abbażi tal-elementi tal-proċess li jkunu tressqu għall-għarfien tagħha, kif ikkompletati jew ikkjarifikati fi tmiem proċedura kontradittorja, għandu jiġi rrilevat li r-rimedju effettiv previst fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jikkonċerna esklużivament id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, id-deċiżjonijiet ta’ rifjut li jinfetaħ mill-ġdid l-eżami ta’ applikazzjoni wara l-għeluq ta’ dan l-eżami u d-deċiżjonijiet ta’ rtirar tal-protezzjoni internazzjonali u mhux id-deċiżjonijiet li jimponu obbligu ta’ ritorn.
81 Fir-rigward ta’ dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar, għandu jitfakkar li l-Artikolu 19(2) tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tagħha, jipprojbixxi f’termini assoluti, ikun xi jkun l-aġir tal-persuna kkonċernata, it-tneħħija, it-tkeċċija jew l-estradizzjoni lejn Stat fejn ikun hemm riskju serju li din il-persuna tkun suġġetta għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux ineħħu, ikeċċu jew jestradixxu barrani meta jkun hemm raġunijiet serji u kkonfermati sabiex wieħed jemmen li fil-pajjiż ta’ destinazzjoni huwa ser ikun espost għal riskju reali li jġarrab trattamenti pprojbiti minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-Karta. Din il-projbizzjoni tirrifletti wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, u n-natura assoluta tagħha hija marbuta mill-qrib mar-rispett tad-dinjità tal-bniedem imsemmi f’dan l-Artikolu 2 u fl-Artikolu 1 tal-Karta (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Ararat, C‑156/23, EU:C:2024:892, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
82 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tad-Direttiva 2008/115, li, meta jkun hemm raġunijiet serji u kkonfermati sabiex wieħed jemmen li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari ser ikun espost, fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, għal riskju reali li jġarrab trattamenti pprojbiti mill-imsemmija dispożizzjonijiet tal-Karta, dan iċ-ċittadin ma jistax ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn sakemm jippersisti tali riskju (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2020:913, punt 58). Bl-istess mod, l-imsemmi ċittadin ma jistax ikun is-suġġett ta’ miżura ta’ tneħħija matul dan il-perijodu, kif barra minn hekk jipprevedi espliċitament l-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva (sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 59, kif ukoll tal‑4 ta’ Settembru 2025, Adrar, C‑313/25 PPU, EU:C:2025:647, punti 62 u 63).
83 Fil-kuntest tal-imsemmija direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li qorti nazzjonali, adita bl-istħarriġ tal-legalità ta’ att li permezz tiegħu l-awtorità kompetenti nazzjonali tkun ċaħdet applikazzjoni għal permess ta’ residenza previst mid-dritt nazzjonali, u, b’dan il-mod, tkun temmet is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn adottata qabel fil-kuntest ta’ proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, għandha tqajjem ex officio l-eventwalità ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar, abbażi tal-elementi tal-proċess imressqa għall-għarfien tagħha, kif ikkompletati jew ikkjarifikati fi tmiem proċedura kontradittorja (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Ararat, C‑156/23, EU:C:2024:892, punt 52).
84 Fil-fatt, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantita mill-Artikolu 47 tal-Karta u, fir-rigward tad-deċiżjonijiet marbuta mar-ritorn, ikkonkretizzata fl-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115 la tkun effettiva u lanqas kompleta jekk il-qorti nazzjonali ma jkollhiex l-obbligu li tikkonstata, fid-dawl tal-elementi tal-proċess imressqa għall-għarfien tagħha, kif ikkompletati jew ikkjarifikati, fi tmiem proċedura kontradittorja, u jekk ikun il-każ ex officio, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement, li għandu, kif jirriżulta mill-punt 81 ta’ din is-sentenza, natura assoluta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Ararat, C‑156/23, EU:C:2024:892, punti 49 u 50).
85 Fl-aħħar nett, l-eżistenza ta’ dan l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tiżgura, jekk ikun il-każ ex officio, l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement tapplika bl-istess mod irrispettivament minn jekk id-deċiżjoni li timponi obbligu ta’ ritorn tkunx ġiet adottata meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat minn dan l-obbligu kien ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew kien ippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza previst biss mid-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Ararat, C‑156/23, EU:C:2024:892, punt 51).
86 Fid-dawl tan-natura assoluta tal-prinċipju ta’ non-refoulement u sabiex tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva, qorti nazzjonali tal-ewwel istanza adita b’rikors kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali marbuta ma’ deċiżjoni li timponi fuq l-applikant obbligu ta’ ritorn għandha tivverifika ex officio, abbażi tal-elementi tal-proċess imressqa għall-għarfien tagħha, kif ikkompletati jew ikkjarifikati fi tmiem proċedura kontradittorja, li l-prinċipju ta’ non-refoulement ma jipprekludix ir-ritorn ta’ dan tal-aħħar.
87 Tali qorti għandha twettaq ex officio din il-verifika meta jkun hemm riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement fil-każ ta’ ritorn tal-applikant.
88 Huwa minnu li l-Artikolu 19(2) tal-Karta jipprojbixxi t-tneħħija, it-tkeċċija jew l-estradizzjoni ta’ persuna lejn Stat fil-każ biss li jkun hemm riskju serju li din il-persuna tkun hemmhekk suġġetta għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti. Madankollu, sabiex tiġi ggarantita protezzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ non-refoulement, huwa biżżejjed li l-elementi tal-proċess juru riskju ta’ ksur ta’ dan il-prinċipju sabiex il-qorti nazzjonali adita b’rikors kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali marbuta ma’ deċiżjoni li timponi obbligu ta’ ritorn tkun obbligata tivverifika ex officio l-eżistenza ta’ riskju serju li l-imsemmija persuna tkun suġġetta, fil-każ ta’ ritorn lejn dan l-Istat, għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew għal trattamenti inumani jew degradanti.
89 Fid-dawl tal-motivi preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑7/25 u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑8/25 għandha tkun li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll l-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta għandhom rispettivament jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, qorti nazzjonali tal-ewwel istanza adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija obbligata twettaq eżami komplet u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura legali, inkluż eżami tal-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, abbażi tal-elementi tal-proċess li jkunu tressqu għall-għarfien tagħha, kif ikkompletati jew ikkjarifikati fi tmiem proċedura kontradittorja, u hija obbligata wkoll tirrileva, abbażi ta’ dawn l-elementi kollha, il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji għall-evalwazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, meta tali deċiżjoni ta’ ċaħda tkun marbuta ma’ deċiżjoni li timponi obbligu ta’ ritorn, tali qorti hija obbligata tivverifika ex officio, abbażi tal-elementi tal-proċess imressqa għall-għarfien tagħha, kif ikkompletati jew ikkjarifikati fi tmiem proċedura kontradittorja, li l-prinċipju ta’ non-refoulement ma jipprekludix ir-ritorn tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali.
Fuq l-ispejjeż
90 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
minn naħa, l-awtorità responsabbli għall-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tikkoopera mal-applikant u għandha tinkludi fl-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta’ protezzjoni l-mezzi ta’ prova u l-elementi kollha ppreżentati insostenn tal-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, meta l-applikant jissostanzja b’mod suffiċjenti d-dikjarazzjonijiet tiegħu bi provi jew meta jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjoni, id-dikjarazzjonijiet tiegħu ma jkunux jeħtieġu konferma addizzjonali u għandhom jitqiesu li huma kredibbli.
2) L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittjiet Fundamentali,
għandhom rispettivament jiġu interpretati fis-sens li:
minn naħa, qorti nazzjonali tal-ewwel istanza adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija obbligata twettaq eżami komplet u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura legali, inkluż eżami tal-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, abbażi tal-elementi tal-proċess li jkunu tressqu għall-għarfien tagħha, kif ikkompletati jew ikkjarifikati fi tmiem proċedura kontradittorja, u hija obbligata wkoll tirrileva, abbażi ta’ dawn l-elementi kollha, il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji għall-evalwazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, meta tali deċiżjoni ta’ ċaħda tkun marbuta ma’ deċiżjoni li timponi obbligu ta’ ritorn, tali qorti hija obbligata tivverifika ex officio, abbażi tal-elementi tal-proċess imressqa għall-għarfien tagħha, kif ikkompletati jew ikkjarifikati fi tmiem proċedura kontradittorja, li l-prinċipju ta’ non-refoulement ma jipprekludix ir-ritorn tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.