1.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 117/42


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta’ April 2008

li timponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw il-guar gum li joriġina jew li jasal mill-Indja minħabba r-riskji ta’ kontaminazzjoni ta’ dawk il-prodotti mill-pentachlorophenol u mid-dijossini

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1641)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/352/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta' l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

Billi:

(1)

Instabu livelli għolja ta’ pentachlorophenol u dijossini f’xi lottijiet ta’ guar gum li joriġina jew li jasal mill-Indja. Kontaminazzjoni ta' dan it-tip tikkostitwixxi theddida lis-saħħa pubblika fi ħdan il-Komunità jekk ma jittieħdu l-ebda miżuri biex tiġi evitata l-preżenza tal-pentachlorophenol (PCP) u d-dijossini fil-guar gum.

(2)

Bħala reazzjoni għal din is-sejba ta’ livelli elevati ta’ PCP u dijossini, il-Kummissjoni għamlet żjara urġenti ta’ spezzjoni fl-Indja bejn il-5 u 11 ta’ Ottubru 2007. L-għan kien li tinġabar informazzjoni dwar dak li jista’ jkun is-sors tal-kontaminazzjoni u li jiġu evalwati l-miżuri ta’ kontroll stabbiliti mill-awtoritajiet Indjani biex jiġi evitat it-tixrif mill-ġdid ta’ din il-kontaminazzjoni. It-tim ta’ spezzjoni kkonkluda li sal-lum għad m’hemmx biżżejjed evidenza dwar il-kawża ta’ l-episodju tal-kontaminazzjoni, u l-investigazzjoni li għamlu l-awtoritajiet Indjani ma kinitx adattata biex twassal għal xi konklużjonijiet. Bid-disponibbiltà tas-sodium pentachlorophenol u ta’ l-użu tiegħu fl-industrija tal-guar gum, u b’industrija li fil-biċċa l-kbira tagħha tirregola lilha nnifisha, ma jeżistux biżżejjed kontrolli biex jiġi żgurat li din il-kontaminazzjoni ma tixrifx mill-ġdid.

(3)

Mingħajr ħsara għall-obbligi ta’ kontroll ta’ l-Istati Membri, il-miżuri li għandhom jiġu adottati b'mod ulterjuri għall-importazzjoni ta’ prodotti possibbilment ikkontaminati għandhom ikunu suġġetti għal strateġija komprensiva u komuni li tippermetti li tittieħed azzjoni rapida u effettiva u li tevita differenzi fit-trattament tas-sitwazzjoni mill-Istati Membri varji. Għalhekk hemm bżonn li jiġu adottati miżuri speċjali fil-livell Komunitarju.

(4)

Biex tiġi evitata frodi bil-għan li wieħed jaħrab mill-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet speċjali stipulati f'din id-Deċiżjoni magħmula biex tħares is-saħħa ta’ l-annimali u dik pubblika, huwa importanti li prodotti komposti ta’ l-ikel u ta’ l-għalf li għandhom ammont sinifikanti ta’ guar gum li joriġina jew li jasal mill-Indja jaqgħu wkoll fl-ambitu ta' din id-Deċiżjoni. Ġie stabbilit limitu massimu ta’ 10 %.

(5)

Il-Laboratorju ta’ Referenza tal-Komunità għad-Dijossini u l-PCBs fl-Għalf u fl-Ikel għamel studju dwar ir-rabta bejn il-PCP u d-dijossini fil-guar gum ikkontaminat mill-Indja. Minn dan l-istudju wieħed jista’ jikkonkludi li l-guar gum li għandu livell ta’ PCP taħt il-livell ta’ 0.01 mg/kg m'għandux livelli inaċċettabbli ta' dijossini.

(6)

Il-Vimta Laboratory ta’ Hyderabad, li fih saret żjara mit-tim ta’ spezzjoni, huwa laboratorju akkreditat, mogħni b’numru tajjeb ta’ ħaddiema u attrezzat sew. Il-prestazzjoni analitika għall-PCP f’dan il-laboratorju nstabet li kienet adegwata. Il-prestazzjoni analitika fil-laboratorji l-oħra li saret żjara fihom ġiet evalwata bħala waħda mhix adegwata.

(7)

Huwa xieraq li jintalab li l-kunsinji kollha ta' guar gum jew ta' prodotti li għandhom il-guar gum f'ammonti sinifikanti u li joriġinaw jew jaslu mill-Indja u li jiġu impurtati fil-Komunità, intiżi għall-konsum mill-bniedem u mill-annimali, għandu jintbagħat magħhom rapport analitiku maħruġ minn laboratorju akkreditat skond l-EN ISO/IEC 17025 għall-analiżi tal-PCP fl-ikel u fl-għalf jew minn laboratorju li huwa konformi mal-proċeduri neċessarji ta’ akkreditazzjoni u li għandu biżżejjed skemi xierqa tal-kwalità tal-kontroll li huma rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż fejn jinsab il-laboratorju.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ambitu

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal:

(a)

guar gum, li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1302 32 90 , li joriġina jew jasal mill-Indja u li hu intiż għall-konsum mill-annimali u mill-bniedem.

(b)

prodotti komposti ta' l-għalf u ta’ l-ikel li għandhom ta’ l-anqas 10 % guar gum li joriġina jew jasal mill-Indja.

Artikolu 2

Kundizzjonijiet għall-ewwel tqegħid fis-suq

1.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 sakemm ma jintbagħatx magħhom rapport analitiku oriġinali, maħruġ minn laboratorju akkreditat skond il-EN ISO/IEC 17025 għall-analiżi tal-PCP fl-ikel u fl-għalf jew minn laboratorju li huwa konformi mal-proċeduri neċessarji ta’ akkreditazzjoni u li għandu biżżejjed skemi xierqa tal-kwalità tal-kontroll (2) li jindika li l-prodott m’għandux aktar minn 0.01 mg/kg pentachlorophenol (PCP). Ir-riżultat analitiku jrid jiġi rappurtat bl-inċertezza mwessgħa tal-kejl.

2.   Ir-rapport analitiku għandu jiġi rikonoxxut minn rappreżentant mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż fejn jinsab il-laboratorju.

3.   Qabel il-wasla fiżika tal-kunsinji ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1, l-operatur tan-negozju ta’ l-għalf u ta’ l-ikel li hu responsabbli għall-konsenja, jew ir-rappreżentant tiegħu, għandu jipprovdi notifika minn qabel dwar il-wasla lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru.

4.   L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom jiċċekkjaw li kull konsenja tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ippreżentati għall-ewwel tqegħid fis-suq jintbagħat magħha rapport analitiku kif stipulat fil-paragrafu 1. Kull konsenja ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi identifikata b’kodiċi li jikkorrispondi mal-kodiċi msemmija f’dan ir-rapport analitiku msemmi hawn fuq li jinkludi r-riżultati tat-teħid minn kampjuni u ta’ analiżi. Kull borża individwali jew forma oħra ta' ppakkjar tal-kunsinja għandha tiġi identifikata b’din il-kodiċi.

5.   Fl-assenza ta’ rapport analitiku bħal dan kif inhu stipulat fil-paragrafu 1, l-operatur tan-negozju ta' l-għalf jew ta' l-ikel stabbilit fil-Komunità għandu jkollu l-prodott eżaminat minn laboratorju akkreditat skond l-EN ISO/IEC 17025 għall-analiżi tal-PCP fl-ikel u fl-għalf jew minn laboratorju li huwa konformi mal-proċeduri neċessarji ta’ akkreditazzjoni u li għandu biżżejjed skemi xierqa tal-kwalità tal-kontroll li jindika li l-prodott m’għandux aktar minn 0.01 mg/kg PCP. Waqt li tkun mistennija d-disponibbiltà tar-rapport analitiku rikonoxxut minn rappreżentant ta’ l-awtorità kompetenti mill-pajjiż fejn jinsab il-laboratorju, il-prodott għandu jinżamm taħt superviżjoni uffiċjali għal perjodu ta’ mhux aktar minn 60 ġurnata, u wara dan il-perjodu l-awtorità kompetenti għandha tieħu miżuri fir-rigward ta’ dan il-prodott skond l-Artikolu 19 (1) (a) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi ta' l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta' l-annimali u mar-regoli dwar il-benesseri ta' l-annimali (3).

6.   Għall-finijiet ta' l-eżaminazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 5, l-analiżi għandha ssir fuq kampjun meħud b'mod li jirrappreżenta l-kunsinji skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/63/KE tal-11 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi metodi tal-Komunità ta’ teħid ta’ kampjuni għall-kontroll uffiċjali ta’ residwi ta’ pestiċidi ġo u fuq prodotti li joriġinaw mill-pjanti jew mill-annimali u li tħassar id-Direttiva 79/700/KEE (4). L-estrazzjoni ta’ qabel l-analiżi għandha ssir permezz ta' solvent aċidifikat. L-analiżi għandha ssir skond verżjoni modifikata tal-metodu tal-QuEChERS kif imniżżel fuq il-websajt tal-Laboratorji ta’ Referenza tal-Komunità għar-Residwi tal-Pestiċidi (5) jew skond metodu daqstantieħor ta’ min wieħed joqgħod fuqu.

Artikolu 3

Teħid ta’ kampjuni u analiżi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji, inkluż teħid ta’ kampjuni addoċċ u analiżi tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 bi frekwenza ta’ 5 % tal-kunsinji ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1, ippreżentati għall-ewwel tqegħid fis-suq sabiex jiġi vverifikat li ma nqabiżx il-livell ta’ 0.01 mg/kg ta’ PCP.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni permezz tas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-ikel u l-għalf f'kull konsenja li jinstab li fiha aktar minn 0.01 mg/kg ta’ PCP filwaqt li jqisu l-inċertezza tal-kejl.

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport tar-riżultati analitiċi kollha tal-kontrolli uffiċjali fuq kunsinji ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1 lill-Kummissjoni kull tliet xhur. Dan ir-rapport għandu jitressaq matul ix-xahar ta’ wara kull kwart tas-sena (April, Lulju, Ottubru, u Jannar).

2.   Kull kunsinja suġġetta għal teħid ta’ kampjun u analiżi uffiċjali tista' tinżamm qabel ma tiġi rilaxxata fis-suq għal perjodu massimu ta' 15-il ġurnata tax-xogħol.

Artikolu 4

Qsim ta' kunsinja

Jekk kunsinja tinfired/tinqasam, kopja ċċertifikata tar-rapport analitiku stipulat fl-Artikolu 2(1) u 2(5) għandha tintbagħat ma’ kull parti tal-kunsinja mifruda/maqsuma sal-punt, u billi tinkludi l-perjodu, tal-bejgħ bl-ingrossa. Il-kopji vverifikati tar-rapport analitiku jistgħu wkoll jiġu pprovduti mill-awtorità kompetenti fil-mument tal-ħruġ għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa f'każ li l-operatur tan-negozju ta' l-għalf u ta’ l-ikel juri li għandu l-ħsieb li jifred/jaqsam il-kunsinja.

Artikolu 5

X’jiġri mill-kunsinji li mhumiex konformi

Il-miżuri fir-rigward ta’ kunsinji ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1, u li jinstab li fihom aktar minn 0.01 mg/kg ta' PCP, għandhom jittieħdu skond l-Artikolu 19 (1) (a) tar-Regolament (KE) 882/2004, u dan filwaqt li titqies l-inċertezza tal-kejl.

Artikolu 6

L-irkupru ta' l-ispejjeż

L-ispejjeż kollha li jirriżultaw mit-teħid ta’ kampjuni, mill-analiżi, mill-ħażna jew minn miżuri b’rabta man-nuqqas ta’ konformità għandhom iġarrbuhom l-operaturi tan-negozju ta’ l-għalf u ta’ l-ikel skond l-Artikolu 22 u l-Anness VI tar-Regolament (KE) 882/2004.

Artikolu 7

Miżuri tranżizzjonali

B'deroga mill-Artikolu 2(1) u 2 (5), il-kunsinji ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1 u li jkunu ħallew il-pajjiż ta' l-oriġini qabel id-data tal-pubblikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu aċċettati mill-Istati Membri anke jekk ma jintbagħatx magħhom rapport analitiku kif stipulat f’dak l-Artikolu.

Artikolu 8

Reviżjoni tal-miżuri

Din id-Deċiżjoni se tiġi riveduta sa mhux aktar tard minn sena wara d-data ta' l-applikazzjoni.

Artikolu 9

Id-data ta' l-applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-5 ta’ Mejju 2008.

Artikolu 10

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 29 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 202/2008 (ĠU L 60, 5.3.2008, p. 17).

(2)  B’segwitu għas-sejbiet li saru mill-FVO, il-Vimta Labs, Hyderabad, Andhra Pradesh, huwa l-uniku laboratorju fl-Indja li jissodisfa dan ir-rekwiżit.

(3)   ĠU L 165, 30.4.2004. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 301/2008 (ĠU L 97, 9.4.2008).

(4)   ĠU L 187, 16.7.2002, p. 30.

(5)  http://www.crl-pesticides.eu/library/docs/srm/QuechersForGuarGum.pdf