|
13.10.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 334/22 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1471
tat-12 ta’ Ottubru 2020
li jiffissa r-rati tal-imgħax li jridu jintużaw biex jiġu kkalkulati l-kostijiet għall-finanzjament tal-miżuri ta’ intervent, li jikkonsistu fix-xiri, il-ħżin u r-rimi tal-ħażniet għas-sena kontabilistika 2021 tal-FAEG
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) u (4) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 906/2014 (2) jistipula li n-nefqa relatata mal-kostijiet ta’ finanzjament imġarrba mill-Istati Membri sabiex jimmobilizzaw fondi biex jixtru l-prodotti trid tiġi ddeterminata f’konformità mal-metodi stabbiliti fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Il-punt I.1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014 jipprevedi li l-kostijiet ta’ finanzjament ikkonċernati jridu jiġu kkalkulati abbażi ta’ rata tal-imgħax uniformi għall-Unjoni ffissata mill-Kummissjoni fil-bidu ta’ kull sena kontabilistika. Din ir-rata tal-imgħax tikkorrispondi għall-medja tar-rati bil-quddiem tal-Euribor għal terminu ta’ tliet xhur u ta’ 12-il xahar, reġistrati matul il-perjodu ta’ referenza ta’ sitt xhur li jrid jiġi determinat mill-Kummissjoni, qabel in-notifika mingħand l-Istati Membri prevista fl-ewwel paragrafu tal-punt I.2 ta’ dak l-Anness, b’koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ terz u żewġ terzi rispettivament. |
|
(3) |
Biex jiġu ddeterminati r-rati tal-imgħax applikabbli għal sena kontabilistika partikolari, l-ewwel paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014 jipprevedi li l-Istati Membri jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni, meta titlob dan, bir-rata tal-imgħax medja mġarrba minnhom realment matul il-perjodu ta’ referenza msemmi fil-punt I.1 ta’ dak l-Anness, sa mhux iktar tard mid-data ta’ skadenza msemmija f’dik it-talba. |
|
(4) |
Barra minn hekk, f’konformità mat-tieni paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014, jekk Stat Membru ma jibgħat l-ebda notifika, fil-forma u sad-data ta’ skadenza msemmijin fl-ewwel paragrafu ta’ dak il-punt, ir-rata tal-imgħax imġarrba minn dak l-Istat Membru għandha titqies bħala 0 %. Jekk Stat Membru jiddikjara li ma ġarrab l-ebda kost tal-imgħax għax ma kellux prodotti agrikoli fil-ħżin pubbliku matul il-perjodu ta’ referenza, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi dik ir-rata tal-imgħax f’konformità mat-tielet paragrafu ta’ dak il-punt. |
|
(5) |
F’konformità mal-punt I.3 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014, ir-rata tal-imgħax stabbilita abbażi tal-punt I.2 ta’ dak l-Anness trid titqabbel mar-rata tal-imgħax uniformi ffissata abbażi tal-punt I.1 ta’ dak l-Anness. Ir-rata tal-imgħax applikabbli għal kull Stat Membru trid tkun l-aktar waħda baxxa minn dawn iż-żewġ rati tal-imgħax. Madankollu, għall-fini tar-rimborż tan-nefqa tal-Istati Membri, ir-rati tal-imgħax negattivi ma jistgħux jiġu kkunsidrati. |
|
(6) |
Ir-rati tal-imgħax applikabbli għas-sena kontabilistika 2021 tal-FAEG jenħtieġ li jiġu ffissati billi jiġu kkunsidrati dawk il-fatturi differenti. |
|
(7) |
Sabiex jiġi evitat li jkun hemm vojt ġuridiku rigward ir-rata tal-imgħax applikabbli għall-kalkolu tal-kostijiet għall-finanzjament tal-miżuri ta’ intervent, huwa xieraq li r-rata l-ġdida tapplika retroattivament mill-1 ta’ Ottubru 2020, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Għan-nefqa marbuta mal-kostijiet ta’ finanzjament imġarrba mill-Istati Membri biex jimmobilizzaw il-fondi għax-xiri ta’ prodotti li għandhom jitħallsu mis-sena kontabilistika 2021 tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), ir-rati tal-imgħax previsti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014 f’konformità mal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dak ir-Regolament għandhom jiġu ffissati għal 0 %.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2020.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(2) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 906/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-infiq b’intervent pubbliku (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 1).