8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

527


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta' Marzu 2006

dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni provviżorji fir-rigward tad-Deni Klassiku tal-Ħnieżer fil-Ġermanja

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 1321)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/254/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tagħha,

Billi:

(1)

Seħħew tifqigħat tad-Deni Klassiku tal-Ħnieżer fil-Ġermanja.

(2)

Fid-dawl tal-kummerċ tal-ħnieżer ħajjin u ċerti prodotti tal-ħnieżer, dawn it-tifqigħat jistgħu joħolqu periklu għall-merħliet ta' Stati Membri oħra.

(3)

Il-Ġermanja ħadet miżuri fi ħdan il-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE (2) dwar il-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda ta' l-infafet vesikolari (Deni Klassiku) tal-ħnieżer.

(4)

Il-kundizzjonijiet dwar is-saħħa ta' l-annimali u r-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni għall-kummerċ tal-ħnieżer huma stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa ta' l-annimali li jaffettwaw il-kummerċ ta' annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (3).

(5)

Il-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali u r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni għall-kummerċ ta' semen tal-ħnieżer huma stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-bhejjem applikabbli għal kummerċ intra-Komunitarju u għall-importazzjonijiet ta' semen ta' bhejjem domestiċi ta' l-ispeċi tal-majjali (4).

(6)

Il-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali u r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni tal-kummerċ ta' l-ova u l-embrijuni tal-ħnieżer huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/483/KE tad-9 ta' Novembru 1995 li tistabbilixxi l-kampjun taċ-ċertifikat għall-kummerċ intra-Komunitarju fl-ova u l-embrijuni tal-majjali (5).

(7)

Sakemm issir il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali flimkien ma' l-Istat Membru kkonċernat, huwa xieraq li jiġu adottati miżuri ta' protezzjoni provviżorji.

(8)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Mingħajr preġudizzju għall-miżuri tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE, u partikolarment l-Artikoli 9, 10 u 11 tagħha, il-Ġermanja għandha tassigura li:

(a)

l-ebda ħanżir ma jiġi ttrasportat minn u lejn stabbilimenti għat-trobbija tal-ħnieżer li jinsabu fiż-żoni deskritti fl-Anness;

(b)

it-trasport tal-ħnieżer għat-tbiċċir minn stabbilimenti li jinsabu barra ż-żoni deskritti fl-Anness lejn biċċeriji li jinsabu fiż-żoni msemmija u t-trasport ta' ħnieżer miż-ż-żoni msemmija għandhom jitħallew isiru biss minn toroq jew linji tal-ferroviji prinċipali u skond l-istruzzjonijiet dettaljati pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti biex jiġi evitat il-kuntatt dirett jew indirett tal-ħnieżer in kwistjoni ma' ħnieżer oħra matul it-trasport.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1(a), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw it-trasport dirett tal-ħnieżer lejn biċċerija li tkun tinsab fiż-żona deskritta fl-Anness, jew, f'każijiet eċezzjonali, lejn biċċeriji lil hinn minn dik iż-żona fil-Ġermanja, għall-qatla immedjata.

Artikolu 2

1.   Il-Ġermanja għandha tiżgura li l-ebda ħanżir, minbarra dawk mibgħuta direttament lejn il-biċċeriji għall-qatla immedjata, ma jintbagħat lejn Stati Membri oħra jew lejn pajjiż terz, sakemm il-ħanżir ma jkunx:

(a)

ġej minn stabbiliment li jinsab f'żona barra ż-żoni deskritti fl-Anness, u

(b)

residenti fl-istabbiliment ta' l-oriġini għal ta' l-inqas 30 ġurnata qabel ma tgħabba, jew mit-twelid jekk ta' età inqas minn 30 ġurnata, u

(ċ)

ġej minn stabbiliment fejn l-ebda ħanżir ħaj ma ġie introdott matul il-perjodu ta' 30 ġurnata immedjatament qabel id-dispaċċ tal-ħanżir in kwistjoni.

2.   L-awtorità veterinarja kompetenti tal-Ġermanja għandha tiżgura li n-notifika tad-dispaċċ tal-ħnieżer lejn Stati Membri oħra tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet veterinarji ċentrali u lokali ta' l-Istat Membru li fih qed jintbagħat u lil kull Stat Membru li se jgħaddi minn ġo fiha matul it-trasport minn ta' l-inqas 3 ijiem qabel id-dispaċċ.

Artikolu 3

1.   Il-Ġermanja għandha tiżgura li l-ebda konsenja ta' semen tal-ħnieżer ma tintbagħat lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi sakemm is-semen joriġina minn ħnieżer selvaġġi miżmuma f'ċentru ta' kollezzjoni msemmi fl-Artikolu 3 (a) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE u li jinsab barra ż-żoni mniżżla fl-Anness.

2.   Il-Ġermanja għandha tiżgura li l-ebda konsenja ta' ova u embrijoni ta' ħnieżer ma tintbagħat lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi sakemm l-ova u l-embrijoni ma joriġinawx minn ħnieżer miżmuma fi stabbiliment li jinsab barra ż-żoni deskritti fl-Anness.

Artikolu 4

Il-Ġermanja għandha tiżgura li:

(a)

iċ-ċertifikat tas-saħħa previst fid-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE li jakkumpanja dispaċċi tal-ħnieżer mill-Ġermanja għandu jkun jinkludi dan li ġej:

“L-annimali skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/254/KE tat-28 ta' Marzu 2006 li tikkonċerna ċerti miżuri ta' protezzjoni fir-rigward tad-Deni Klassiku tal-Ħnieżer fil-Ġermanja”

(b)

iċ-ċertifikat tas-saħħa previst fid-Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE li jakkumpanja dispaċċi ta' semen tal-ħnieżer selvaġġi mill-Ġermanja għandu jkun jinkludi dan li ġej:

“L-annimali skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/254/KE tat-28 ta' Marzu 2006 li tikkonċerna ċerti miżuri ta' protezzjoni fir-rigward tad-Deni Klassiku tal-Ħnieżer fil-Ġermanja”

(ċ)

iċ-ċertifikat tas-saħħa previst fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/483/KE li jakkumpanja dispaċċi ta' l-ova u l-embrijuni tal-ħnieżer mill-Ġermanja għandu jkun jinkludi dan li ġej:

“L-ova/l-embrijuni (ingassa kif jixraq) skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/254/KE tat-28 ta' Marzu 2006 li tikkonċerna ċerti miżuri ta' protezzjoni fir-rigward tad-Deni Klassiku tal-Ħnieżer fil-Ġermanja”

Artikolu 5

Il-Ġermanja għandha tiżgura li l-vetturi li ntużaw għat-trasport tal-ħnieżer jew li daħlu fi stabbiliment fejn jinżammu l-ħnieżer jiġu mnaddfa u ddiżinfettati wara kull operazzjoni u t-trasportatur għandu jagħti prova ta' tali diżinfezzjoni lill-awtorita veterinarja kompetenti.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jemendaw il-miżuri li japplikaw għall-kummerċ sabiex jikkonformawhom ma' din id-Deċiżjoni u għandhom jippubbliċizzaw il-miżuri adottati b'mod xieraq u immedjat. Huma għandhom jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar dan.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Marzu 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/33/KE (ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14).

(2)   ĠU L 316, 1.12.2002, p. 5. Id-Direttiva kif emendata mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(3)   ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(4)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 62. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1).

(5)   ĠU L 275, 18.11.1995, p. 30.


ANNESS

It-territorju kollu ta' l-istat federali ta' Nordrhien-Westfalen fil-Ġermanja.