European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1124

3.6.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1124

tad-19 ta’ Marzu 2025

li jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) 2018/273 fir-rigward tal-importazzjoni tal-inbid li joriġina mill-Kanada

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 89, il-punt (a), u l-Artikolu 147(3), il-punt (a), tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tad-dokumenti ta’ akkumpanjament għar-rilaxx tal-prodotti tal-inbid importati fiċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 23 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada dwar il-kummerċ fl-inbejjed u x-xorb alkoħoliku (3) (“il-Ftehim”), l-inbid li joriġina fil-Kanada, li huwa prodott taħt is-superviżjoni u l-kontroll ta’ wieħed mill-korpi kompetenti elenkati fl-Anness VI tal-Ftehim, jista’ jiġi importat f’konformità mad-dispożizzjonijiet simplifikati taċ-ċertifikazzjoni previsti skont ir-regoli tal-Unjoni.

(3)

Skont l-Artikolu 23(2) tal-Ftehim, il-produtturi individwali jistgħu jfasslu u jiffirmaw id-dokument ta’ ċertifikazzjoni meta jkunu awtorizzati jagħmlu dan minn wieħed mill-korpi kompetenti.

(4)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/840 (4) emenda r-Regolament Delegat (UE) 2018/273 sabiex jimplimenta l-Artikolu 23 tal-Ftehim billi ppermetta l-użu tal-proċedura simplifikata msemmija fl-Artikolu 26 ta’ dak ir-Regolament Delegat għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ nbejjed li joriġinaw mill-Kanada. Permezz ta’ din l-emenda, il-Kanada ġiet inkluża fil-lista ta’ pajjiżi terzi fejn il-produtturi tal-inbid jistgħu jfasslu u jiffirmaw id-dokument ta’ ċertifikazzjoni.

(5)

Madankollu, l-użu tal-proċedura simplifikata għaċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti importati tas-settur tal-inbid mhuwiex limitat għad-dispożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 26 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/273. Jikkonċerna wkoll id-dispożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 21, il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament Delegat, li tippermetti l-preżentazzjoni ta’ verżjoni simplifikata tat-taqsima tar-rapport ta’ analiżi tad-dokument VI-1 għall-importazzjoni tal-inbejjed li joriġinaw mil-lista ta’ pajjiżi terzi fejn il-produtturi tal-inbid jistgħu jfasslu u jiffirmaw id-dokument ta’ ċertifikazzjoni, u dan għall-inbejjed imqegħdin f’kontenituri tikkettati li ma jesgħux aktar minn 60 litru, magħluqin b’għotjien li ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw.

(6)

Sabiex jiġi implimentat l-Artikolu 23 tal-Ftehim, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2018/273 jiġi kkoreġut biex jinkludi dispożizzjoni li tippermetti wkoll l-użu tal-proċedura simplifikata stabbilita fl-Artikolu 21, il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament Delegat għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ nbejjed li joriġinaw fil-Kanada.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2018/273 jiġi kkoreġut skont dan.

(8)

Kwalunkwe dewmien ulterjuri fl-implimentazzjoni korretta tal-Artikolu 23 tal-Ftehim idewwem ukoll l-użu tal-verżjoni simplifikata tat-taqsima tar-rapport ta’ analiżi tad-dokument VI-1 għall-importazzjoni tal-inbid mill-Kanada. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness VII tar-Regolament Delegat (UE) 2018/273, fil-Parti IV, it-Taqsima A hija sostitwita b’dan li ġej:

“A.

Lista tal-pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 21, il-punt (b):

—

L-Awstralja

—

Il-Kanada

—

Iċ-Ċilì

—

New Zealand.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħlu l-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil tad-dwieli, ir-reġistru tal-vinji, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u ċ-ċertifikazzjoni, ir-reġistru tad-dħul u l-ħruġ, id-dikjarazzjonijiet obbligatorji, in-notifiki u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni notifikata, u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli u penali rilevanti, li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008, (KE) Nru 606/2009 u (KE) Nru 607/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 436/2009 kif ukoll ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/560 (ĠU L 58, 28.2.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/273/oj).

(3)  Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada dwar il-kummerċ fl-inbejjed u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 35, 6.2.2004, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2004/91/oj).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/840 tat-12 ta’ Marzu 2019 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2018/273 fir-rigward tal-importazzjoni tal-inbid li joriġina fil-Kanada u l-eżenzjoni tal-bejjiegħa bl-imnut milli jżommu reġistru tad-dħul u l-ħruġ (ĠU L 138, 24.5.2019, p. 74, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/840/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1124/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)