SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
26 ta’ Jannar 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ – Kriterji – Indipendenza u natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tal-organu nazzjonali kkonċernat – Stabbiltà tal-membri ta’ dan l-organu – Direttiva 2014/24/UE – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Artikolu 58 – Kriterji ta’ selezzjoni – Possibbiltà li jiġu inklużi, f’dawn il-kriterji, obbligi li jirriżultaw minn regoli speċjali applikabbli għall-attivitajiet marbuta mal-kuntratt inkwistjoni u mhux previsti bħala kriterju ta’ selezzjoni fid-dokumenti tal-kuntratt – Artikolu 63(1) – Offerent li jagħmel użu mill-kapaċitajiet ta’ entità oħra sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti – Impossibbiltà li jiġi impost l-użu ta’ subappalt”
Fil-Kawża C‑403/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiliul Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tal-Kontestazzjonijiet, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura
SC NV Construct SRL
vs
Judeţul Timiş,
fil-preżenza ta’:
SC Proiect – Construct Regiunea Transilvania SRL,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek, E. A. Stamate u G. Wils, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 58 u 63 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ responsabbiltà u ta’ trasparenza. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SC NV Construct SRL u Judeţul Timiş (il-Kontea ta’ Timiș, ir-Rumanija) dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku intiż sabiex tiġi evalwata l-fattibbiltà tal-kostruzzjoni ta’ triq. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 89/665/KEE
|
3 |
Fil-paragrafu 9 tiegħu, l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi ta’ provvista u ta’ xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246; rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, L 335, p. 31, rettifiki fil-ĠU 2018, L 176, p. 23 u fil-ĠU 2022, L 225, p. 5) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”), intitolat “Ħtiġijiet għall-proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprevedi: “Fejn il-korpi responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni ma jkunux ta’ natura ġudizzjarja, għandhom dejjem jingħataw raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, f’każ bħal dan, għandha ssir dispożizzjoni biex ikunu garantiti proċeduri li bihom kwalunkwe miżura kontra l-liġi allegatament meħuda mill-korp ta’ reviżjoni, jew kwalunkwe difett allegat fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu, jkunu jistgħu jiġu soġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja jew reviżjoni minn korp ieħor li jkun qorti jew tribunal fis-sens ta’ l-Artikolu [267 TFUE] u indipendenti kemm mill-awtorità kontraenti kif ukoll mill-korp ta’ reviżjoni. Il-membri ta’ tali korp indipendenti għandhom jiġu maħtura u jħallu l-kariga tagħhom taħt l-istess kondizzjonijiet bħal membri tal-ġudikatura f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-awtorità responsabbli mill-ħatra tagħhom, il-perijodu tagħhom fil-kariga, u t-tneħħija tagħhom. ta’ l-inqas il-President ta’ dan il-korp indipendenti għandu jkollu l-istess kwalifiki legali u professjonali bħall-membri tal-ġudikatura. Il-korp indipendenti għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu wara proċedura li fiha jinstemgħu ż-żewġ naħat, u dawn id-deċiżjonijiet għandhom, b’mezzi ddeterminati minn kull Stat Membru, ikunu jorbtu legalment.” |
Id‑Direttiva 2014/24
|
4 |
Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Prinċipji tal-akkwist [għoti ta’ kuntratti]”, jiddisponi: “L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat. It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi.” |
|
5 |
L-Artikolu 42 ta’ din id-direttiva jirrigwarda l-“[is]peċifikazzjonijiet tekniċi”. |
|
6 |
L-Artikolu 58 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kriterji ta’ għażla”, huwa fformulat kif ġej: “1. Kriterji ta’ għażla jistgħu jirreferu għal:
Bħala rekwiżiti għall-parteċipazzjoni, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu biss il-kriterji msemmijin fil-paragrafi 2, 3 u 4 dwar l-operaturi ekonomiċi. Huma għandhom jillimitaw kwalunkwe rekwiżit għal dawk li huma addati biex jiġi żgurat li kandidat jew offerent għandu l-kapaċitajiet legali u finanzjarji u l-kapaċitajiet tekniċi u professjonali li jwettaq il-kuntratt li għandu jingħata. Ir-rekwiżiti kollha għandhom ikunu relatati u proporzjonati mas-suġġett tal-kuntratt. 2. Fir-rigward tal-adattabilità għat-twettiq tal-attività professjonali, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jkunu rreġistrati f’wieħed mir-reġistri professjonali jew kummerċjali miżmuma fl-Istati Membri ta’ stabbiliment tagħhom, kif spjegat fl-Anness XI jew biex jikkonformaw ma’ kwalunkwe talba oħra stabbilita f’dak l-Anness. Fil-proċeduri tal-akkwist għal servizzi, sa fejn l-operaturi ekonomiċi jrid ikollhom awtorizzazzjoni partikolari jew ikunu membri ta’ organizzazzjoni partikolari sabiex ikunu jistgħu jwettqu s-servizz ikkonċernat fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, l-awtorità kontraenti tista’ titlobhom jagħtu prova li għandhom awtorizzazzjoni jew sħubija bħal din. […] 4. Fir-rigward tal-abbiltà teknika u professjonali, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jkollhom ir-riżorsi umani u tekniċi u l-esperjenza meħtieġa sabiex iwettqu l-kuntratt bi standard adegwat ta’ kwalità. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jkollhom livell ta’ esperjenza suffiċjenti verifikata permezz ta’ riferenzi adatti minn kuntratti mwettqa fil-passat. […] […] 5. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jindikaw il-kondizzjonijiet meħtieġa ta’ parteċipazzjoni, li jistgħu jingħataw bħala livelli minimi ta’ abbiltà, flimkien mal-mezzi adegwati ta’ prova, fl-avviż dwar il-kuntratt jew fl-istedina għall-konferma tal-interess.” |
|
7 |
Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 63 tal-istess direttiva, intitolat “Dipendenza fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra”, jipprevedi: “Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-qagħda ekonomika u finanzjarja kif stabbilit skont l-Artikolu 58(3), u l-kriterji relatati mal-abbiltà teknika jew professjonali kif stabbilit skont l-Artikolu 58(4), operatur ekonomiku jista’, fejn dan ikun adegwat u għal kuntratt partikolari, jiddependi fuq il-kapaċitjiet ta’ entitajiet oħra, irrilevanti min-natura legali tar-rabtiet li għandu magħhom. Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-kwalifiki edukattivi u professjonali kif jinsabu fil-punt (f) tal-Anness XII Parti II jew l-esperjenza professjonali rilevanti, l-operaturi ekonomiċi jistgħu madankollu jiddependu biss fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra meta dawn tal-aħħar ser iwettqu l-ħidmiet jew is-servizzi li għalihom huma meħtieġa dawn il-kapaċitajiet. Meta operatur ekonomiku jkun irid jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, dan għandu jagħti prova lill-awtorità kontraenti li huwa ser ikollu r-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tiegħu, pereżempju, billi jippreżenta impenn minn dawk l-entitajiet għal dan il-għan. L-awtorità kontraenti għandha, f’konformità mal-Artikoli 59, 60 u 61, tivverifika jekk l-entitajiet li fuq il-kapaċità tagħhom l-operatur ekonomiku għandu l-intenzjoni li jiddependi, jissodisfawx il-kriterji ta’ għażla rilevanti u jekk hemmx raġunijiet għal esklużjoni skont l-Artikolu 57. L-awtorità kontraenti għandha tesiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li ma tissodisfax kriterju ta’ għażla rilevanti, jew li fir-rigward tagħha hemm raġunijiet obbligatorji għal esklużjoni. L-awtorità kontraenti tista’ tesiġi jew tintalab minn Stat Membru biex tesiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li fir-rigward tagħha hemm raġunijiet mhux obbligatorji għal esklużjoni. Fejn operatur ekonomiku jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħrajn fir-rigward ta’ kriterji relatati mal-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja, l-awtorità kontraenti tista’ tesiġi li l-operatur ekonomiku u dawk l-entitajiet ikunu responsabbli b’mod konġunt għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Taħt l-istess kondizzjonijiet, grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif imsemmi fl-Artikolu 19(2) jista’ jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ parteċipanti fil-grupp jew ta’ entitajiet oħra.” |
|
8 |
Fil-paragrafu 3 tiegħu, l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Kriterji għall-għoti tal-kuntratt”, jiddisponi: “ Il-kriterji tal-għoti għandhom jitqiesu li huma marbutin mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku fejn huma relatati max-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li għandhom jingħataw taħt dak il-kuntratt fi kwalunkwe aspett u fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, inklużi l-fatturi involuti:
anke fejn fatturi bħal dawn ma jagħmlux parti mis-sustanza materjali tagħhom.” |
|
9 |
L-Artikolu 70 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għat-twettiq ta’ kuntratti”, jipprevedi: “L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet speċjali relatati mat-twettiq ta’ kuntratt, dment li huma marbutin mas-suġġett tal-kuntratt skont it-tifsira tal-Artikolu 67(3) u indikati fis-sejħa għall-kompetizzjoni jew fid-dokumenti ta’ akkwist. Dawk il-kondizzjonijiet jistgħu jinkludu kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, relatati mal-innovazzjoni, ambjentali, soċjali jew relatati mal-impjieg.” |
Id‑dritt Rumen
Il‑Liġi Nru 101/2016
|
10 |
Il-Legea nr. 101/2016 privind remediile și căile de atac în materie de atribuire a contractelor de achiziție publică, a contractelor sectoriale și a contractelor de concesiune de lucrări și concesiune de servicii, precum și pentru organizarea și funcționarea Consiliului Național de Soluționare a Contestațiilor (il-Liġi Nru 101/2016 dwar ir-Rimedji fil-Qasam tal-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi, ta’ Kuntratti Settorjali u ta’ Konċessjonijiet għal Xogħlijiet u għal Servizzi, kif ukoll dwar l-Organizzazzjoni u l-Funzjonament tal-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim) tad‑19 ta’ Mejju 2016 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 393 tat‑23 ta’ Mejju 2016), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 101/2016”), tiddisponi, fl-Artikolu 2(1) tagħha: “Kull persuna li tqis li wieħed mid-drittijiet jew mill-interessi leġittimi tagħha ġie ppreġudikat b’att ta’ awtorità kontraenti jew b’nuqqas li tittieħed deċiżjoni fuq talba fit-terminu previst fil-liġi tista’ titlob l-annullament tal-att, l-obbligu tal-awtorità kontraenti li toħroġ att jew li tieħu miżuri korrettivi kif ukoll ir-rikonoxximent tad-dritt allegat jew tal-interess leġittimu, permezz ta’ rimedji amministrattivi u ġudizzjarji jew quddiem korp ġudizzjarju.” |
|
11 |
Skont l-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi: “Għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tat-tilwima, il-persuna leża tista’ tadixxi:
|
|
12 |
L-Artikolu 15(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi: “Il-proċedura ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim tosserva l-prinċipji ta’ legalità, ta’ ħeffa, tal-kontradittorju, ta’ garanzija tad-drittijiet tad-difiża, ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza tal-attività amministrattiva u ġudizzjarja.” |
|
13 |
Skont l-Artikolu 28(1) tal-istess liġi: “Id-deċiżjoni tal-Kunsill hija vinkolanti għall-partijiet fil-kawża.” |
|
14 |
L-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 101/2016 jiddisponi: “1. Il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim […] huwa korp indipendenti li jwettaq attività amministrattiva u ġudizzjarja. […] 3. Fil-kuntest tal-attività tiegħu, il-Kunsill jissuġġetta ruħu biss għal-liġi u s-seduti plenarji tal-Kunsill huma kkostitwiti legalment fil-preżenza tal-maġġoranza tal-membri tiegħu. 4. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet tiegħu, il-Kunsill huwa indipendenti u ma huwa suġġett għal ebda awtorità jew istituzzjoni pubblika.” |
|
15 |
Mill-Artikolu 44(4) ta’ din il-liġi jirriżulta: “Il-Kunsill għandu jeżerċita l-kompetenzi tiegħu b’konformità mal-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ stabbiltà tal-membri tiegħu.” |
|
16 |
Skont l-Artikolu 45 tal-imsemmija liġi: “1. Il-membri tal-Kunsill għandhom jintgħażlu b’kompetizzjoni, huma maħtura b’deċiżjoni tal-Prim Ministru, skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi. 2. Il-membri tal-Kunsill għandhom jintgħażlu abbażi tal-kapaċità professjonali tagħhom u tar-reputazzjoni tajba tagħhom. Il-kandidati għandhom ikunu [wettqu] studji universitarji, għaxar snin esperjenza professjonali fil-qasam legali, ekonomiku jew tekniku kif ukoll esperjenza ta’ mill-inqas tliet snin fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. […] 4. Il-President tal-Kunsill għandu jissottometti lill-Prim Ministru l-proposti għall-ħatra tal-membri tal-Kunsill, għall-kandidati ddikjarati ammessi għall-kompetizzjoni.” |
|
17 |
L-Artikolu 47 tal-istess liġi jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu: “1. Il-membri tal-Kunsill huma pprojbiti:
2. Il-membri tal-Kunsill huma obbligati jippreżentaw dikjarazzjonijiet tal-assi u tal-interessi […] 3. Il-membri tal-Kunsill ma humiex awtorizzati jipparteċipaw fir-riżoluzzjoni ta’ tilwima jekk ikunu f’waħda mis-sitwazzjonijiet previsti hawn taħt, taħt piena ta’ nullità tad-deċiżjoni mogħtija:
|
|
18 |
L-Artikolu 48a tal-Liġi Nru 101/2016 jistipula: “1. Il-konstatazzjoni tan-nuqqasijiet dixxiplinari mwettqa mill-membri tal-Kunsill hija l-kompitu tal-Kumitat tad-Dixxiplina li ser jinħoloq fil-qafas tal-Kunsill. 2. Il-Kumitat tad-Dixxiplina għandu jkun kompost minn tliet membri, li wieħed minnhom jinħatar mill-President tal-Kunsill, wieħed jiġi elett mill-membri tal-Kunsill b’maġġoranza sempliċi u wieħed minnhom ikun rappreżentant tal-aġenzija nazzjonali tal-uffiċjali pubbliċi. 3. Fuq proposta tal-Kumitat tad-Dixxiplina, is-sanzjonijiet dixxiplinari għandhom jiġu applikati mill-President tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tas-sanzjoni tat-tneħħija mill-kariga, li għandha tiġi applikata mill-persuna li jkollha l-kompetenza legali li taħtar l-imsemmija kariga.” |
Ir‑Regoli ta’ Proċedura tal‑Consiliul Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor (il‑Kunsill Nazzjonali għar‑Riżoluzzjoni tat‑Tilwim, ir‑Rumanija)
|
19 |
L-Artikolu 39(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Consiliul Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim) jistabbilixxi s-sanzjonijiet dixxiplinari li jistgħu jiġu applikati meta uffiċjal iwettaq nuqqas dixxiplinari, konformement, b’mod partikolari, tal-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 57/2019 privind Codul administrativ (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 57/2019 dwar il-Kodiċi Amministrattiv) tat‑3 ta’ Lulju 2019 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 555 tal‑5 ta’ Lulju 2019, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Amministrattiv”). |
Il‑Kodiċi Amministrattiv
|
20 |
L-Artikolu 492 tal-Kodiċi Amministrattiv, intitolat “Ir-responsabbiltà amministrattiva dixxiplinari”, jiddisponi: “1. Il-ksur bi ħtija, mill-uffiċjali pubbliċi, tad-dmirijiet li jikkorrispondu għall-kariga li huma jokkupaw u tar-regoli tal-kondotta professjonali u ċivika previsti mil-liġi jikkostitwixxi nuqqas dixxiplinari u jwassal għar-responsabbiltà amministrattiva dixxiplinari tagħhom. 2. Il-fatti li ġejjin jikkostitwixxu nuqqasijiet dixxiplinari:
3. Is-sanzjonijiet dixxiplinari huma: […]
4. In-nuqqasijiet dixxiplinari msemmija fil-paragrafu 2 huma suġġetti għas-sanzjonijiet dixxiplinari li ġejjin:
[…] 6. Waqt l-individwalizzazzjoni tas-sanzjoni dixxiplinari, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kawżi u l-gravità tan-nuqqas dixxiplinari, iċ-ċirkustanzi li fihom dan ikun twettaq, il-livell ta’ ħtija u l-konsegwenzi tan-nuqqas, il-kondotta ġenerali tal-uffiċjal matul is-servizz kif ukoll l-eżistenza, fir-rekords tiegħu, ta’ sanzjonijiet dixxiplinari oħra li ma tħassrux skont il-kundizzjonijiet previsti minn dan il-kodiċi. […]” |
|
21 |
Mill-Artikolu 568(2) ta’ dan il-kodiċi jirriżulta: “Ir-responsabbiltà amministrattiva dixxiplinari hija stabbilita b’osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża u hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qrati amministrattivi, skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi.” |
Il‑Liġi dwar il‑Kuntratti Pubbliċi
|
22 |
L-Artikolu 3 tal-Legea nr. 98/2016 privind achiziţiile publice (il-Liġi Nru 98/2016 dwar il-Kuntratti Pubbliċi) tad‑19 ta’ Mejju 2016 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 390 tat‑23 ta’ Mejju 2016, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), jiddisponi, fil-punti (w) u (yy) tiegħu:
[…]
|
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
23 |
Fis‑6 ta’ April 2021, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa organizzata għall-għoti ta’ kuntratt li għandu bħala suġġett it-“tħejjija ta’ dokumentazzjoni teknika u ekonomika – fażijiet ta’ studju ta’ fattibbiltà u proġett tekniku – dwar l-investiment: kostruzzjoni tat-triq dipartimentali li tgħaqqad l-ajruport internazzjonali “Traian Vuia” ta’ Timișoara mal-awtostrada Al”, il-Kontea ta’ Timiș, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità kontraenti, ikklassifikat lil NV Construct fir-raba’ pożizzjoni. |
|
24 |
Fis‑16 ta’ April 2021, din tal-aħħar adixxiet lill-Consiliul Național de Soluționare a Contestațiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim), li huwa l-organu tar-rinviju, sabiex tikseb id-disklassifikazzjoni tat-tliet offerenti kklassifikati quddiemha, kif ukoll evalwazzjoni ġdida tal-offerti tagħhom. |
|
25 |
NV Construct issostni, essenzjalment, li dawn it-tliet offerenti ma osservawx ir-rekwiżiti li ma kinux jinsabu fid-dokumenti tal-kuntratt, iżda li kienu imposti abbażi ta’ liġijiet speċjali li jirregolaw diversi attivitajiet li jkollhom jitwettqu waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew li jistgħu jitwettqu matul din l-eżekuzzjoni. L-awtorità kontraenti kellha għalhekk tivverifika li l-offerenti jew is-subappaltaturi tagħhom kienu awtorizzati u approvati mill-Autoritatea Feroviară Română (l-Awtorità Ferrovjarja Rumena, ir-Rumanija). Barra minn hekk, peress li l-offerent rebbieħ kellu l-intenzjoni li juża l-kapaċitajiet ta’ entitajiet terzi sabiex jeżegwixxi l-kuntratt, huwa kellu neċessarjament, sabiex jikkonforma mal-Artikolu 3(1)(yy) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, juża s-subappaltaturi, bl-esklużjoni ta’ kull forma oħra ta’ kooperazzjoni. Fl-aħħar nett, kellu jiġi indikat subappaltatur għall-attività “Servizzi bl-għan li tiġi stabbilita d-dokumentazzjoni għall-finijiet tal-avviż u tal-approvazzjoni tas-[serħan tal-art] tal-artijiet esproprjati u li tinbidel il-kategorija ta’ użu”, anki jekk ma jkunx ċert li dawn is-servizzi għandhom jintużaw, peress li d-dokumenti tal-kuntratt jippreċiżaw li din l-attività għandha titwettaq “biss jekk ikun meħtieġ”. |
|
26 |
L-awtorità kontraenti u l-offerent rebbieħ isostnu, min-naħa tagħhom, li d-dokumenti tal-kuntratt ma jinkludu l-ebda indikazzjoni dwar in-neċessità li fl-offerta jissemmew esklużivament l-operaturi approvati mill-Awtorità Ferrovjarja Rumena u mill-Asociația Națională a Evaluatorilor Autorizați din România (l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Evalwaturi Awtorizzati tar-Rumanija). Barra minn hekk, skont l-awtorità kontraenti, fil-mument tas-sottomissjoni tal-offerti, huwa impossibbli li jsir magħruf jekk huwiex neċessarju li jsir użu mis-servizzi ta’ tħejjija tad-dokumentazzjoni għas-serħan tal-art tal-artijiet esproprjati u sabiex jitħejja studju tal-pedoloġija. Din hija r-raġuni għaliex l-offerent rebbieħ indika, fl-offerta tiegħu, li huwa kien ser jimpenja ruħu, huwa stess u “biss jekk ikun meħtieġ”, li jħejji din id-dokumentazzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li ma semmiex mill-ewwel l-intenzjoni tiegħu li jissubappalta dawn is-servizzi ma jqajjimx diffikultà, peress li huwa jista’ jitlob subappaltaturi ġodda wara l-iffirmar tal-kuntratt. Barra minn hekk, l-esperti tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Evalwaturi Awtorizzati ġew innominati u pproduċew dikjarazzjonijiet ta’ disponibbiltà. |
|
27 |
Preliminarjament, l-organu tar-rinviju jirrileva li l-valur tal-kuntratt għal servizzi li għandu jingħata huwa stmat għal 1970967 leu (RON) (madwar EUR 421553), b’tali mod li jaqbeż il-limitu ta’ applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24. |
|
28 |
Dan l-organu jenfasizza li l-qrati Rumeni huma maqsuma dwar jekk awtorità kontraenti tistax teskludi operatur ekonomiku li l-offerta tiegħu ma tosservax obbligu li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni applikabbli għal professjoni, mingħajr ma saħansitra tagħtih il-possibbiltà li jirrettifika l-offerta tiegħu u meta dan l-obbligu ma kienx espressament imsemmi fid-dokumenti tal-kuntratt inkwistjoni. |
|
29 |
Għaldaqstant, din il-kawża toffri l-opportunità li tiġi kkjarifikata l-kwistjoni dwar, minn naħa, jekk ir-regoli speċjali dwar kull attività kkonċernata minn kuntratt, tkun xi tkun l-importanza ta’ dawn l-attivitajiet f’dan il-kuntratt, għandhomx jitqiesu li jikkompletaw id-dokumenti tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, jekk l-offerenti għandhomx obbligatorjament jindikaw fl-offerta tagħhom, taħt piena li din tiġi miċħuda, is-subappaltaturi li lilhom jagħtu l-attivitajiet li ma għandhomx importanza sinjifikattiva fl-imsemmi kuntratt. |
|
30 |
Il-Consiliul Național de Soluționare a Contestațiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim) jirrileva li jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo (C‑27/15, EU:C:2016:404), li operatur ekonomiku ma jistax jiġi eskluż mill-proċedura minħabba li ma osservax ir-rekwiżiti mhux previsti fid-dokumenti tal-kuntratt. |
|
31 |
Issa, fil-kawża prinċipali, ir-regoli dwar l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni, ta’ modernizzazzjoni, ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija tal-infrastruttura ferrovjarja, li ma jinsabux fid-dokumenti tal-kuntratt, huma imposti fuq l-offerent rebbieħ biss fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni. Barra minn hekk, in-numru ta’ operaturi ekonomiċi awtorizzati għal ċerti attivitajiet ta’ dan il-kuntratt huwa limitat. Għaldaqstant, l-obbligu li dawn jiġu indikati bħala subappaltaturi jnaqqas drastikament il-kompetizzjoni, filwaqt li jżid il-piż amministrattiv tal-parteċipanti fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jista’ jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-organu tar-rinviju jistaqsi, konsegwentement, jekk huwiex neċessarju li l-offerenti jkunu meħtieġa sistematikament li jindikaw is-subappaltaturi eventwali tagħhom fil-mument tas-sottomissjoni tal-offerta, tkun xi tkun l-importanza tal-attivitajiet li ser jiġu fdati lilhom fl-imsemmi kuntratt, il-mument li fih dawn is-subappaltaturi ser jintervjenu matul l-eżekuzzjoni tal-istess kuntratt, jew il-probabbiltà li dawn jintalbu jagħmlu dan. |
|
32 |
Barra minn hekk, skont dak l-organu, id-dokumenti tal-kuntratt ma jistgħux jiġu kkompletati b’ċerti kriterji li n-natura vinkolanti tagħhom tirriżulta minn liġijiet speċjali li ma humiex rilevanti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Fil-fatt, il-fatt li d-dokumenti tal-kuntratt jiġu kkompletati awtomatikament b’tali kriterji jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u jikkontesta l-marġni ta’ diskrezzjoni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 58(1) tad-Direttiva 2014/24 jirrikonoxxi lill-awtorità kontraenti fir-rigward tal-iffissar tal-kriterji ta’ selezzjoni. |
|
33 |
Bl-istess mod, fil-kuntest tar-rikorsi eventwali tagħhom, l-operaturi ekonomiċi leżi jistgħu biss jikkontestaw id-dokumenti tal-kuntratt li huma jqisu li huma restrittivi wisq, mingħajr ma jkunu jistgħu jsostnu li dawn huma permissivi wisq u li għandhom jinkludu kriterji addizzjonali ta’ natura li jirrestrinġu l-aċċess ta’ operaturi oħra għall-proċedura inkwistjoni. |
|
34 |
Barra minn hekk, l-operaturi ekonomiċi kklassifikati iktar ’l isfel ma jistgħux jikkontestaw evalwazzjoni tal-offerti mwettqa konformement mar-rekwiżiti stabbiliti fid-dokumenti tal-kuntratt. Għall-kuntrarju, huma għandhom juru li din l-evalwazzjoni ma tosservax dawn id-dokumenti, b’tali mod li l-prinċipju ta’ trasparenza ġie miksur. |
|
35 |
Fl-aħħar nett, li s-subappalt jiġi impost bħala l-uniku forma ta’ eżerċizzju ta’ attività ta’ kuntratt jikser il-libertà kuntrattwali, id-dritt ta’ organizzazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24. Fil-fatt, sa fejn minn dan l-Artikolu 63 jirriżulta li l-produzzjoni ta’ impenn hija biżżejjed sabiex turi l-osservanza tal-kriterji ta’ selezzjoni, sempliċi dikjarazzjoni ta’ disponibbiltà għandha a fortiori tkun suffiċjenti meta, fir-rigward ta’ attivitajiet li għandhom importanza minuri fis-suq, l-osservanza ta’ tali kriterji ma tkunx meħtieġa. |
|
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiliul Național de Soluționare a Contestațiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tal-Kontestazzjonijiet) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
37 |
Preliminarjament, għandu jiġi vverifikat jekk il-Consiliul Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim) jistax jiġi kklassifikat bħala “qorti nazzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. |
|
38 |
Fil-fatt, minkejja li l-organu tar-rinviju jqis li din il-kwalità ġiet irrikonoxxuta lilu mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tas‑17 ta’ Ottubru 2018, Beny Alex (C‑353/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:829), għandu jiġi kkonstatat li, f’dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ċaħdet it-talba għal deċiżjoni preliminari li kienet saritilha minn dan l-organu bħala manifestament inammissibbli, fis-sens tal-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma kklassifikat lill-imsemmi organu bħala “qorti nazzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. |
|
39 |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk organu tar-rinviju għandux in-natura ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, liema kwistjoni hija rregolata unikament mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ elementi, bħal jekk l-organu huwiex stabbilit b’liġi, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċedura tiegħu hijiex ta’ natura kontradittorja, jekk l-organu japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, Vaassen-Göbbels, 61/65, EU:C:1966:39, p. 395 u tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 51). |
|
40 |
Fid-dawl tal-informazzjoni li l-Consiliul Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim) ta lill-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Lulju 2022 b’risposta għal talba li hija għamlitlu fis‑16 ta’ Mejju 2022, ma hemmx lok li jiġi ddubitat li dan l-organu jissodisfa l-kriterji dwar l-oriġini legali tiegħu, dwar jekk huwiex permanenti, dwar in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu u dwar l-applikazzjoni, mill-imsemmi organu, ta’ regoli tad-dritt. Mill-banda l-oħra, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-istess organu jissodisfax, minn naħa, il-kriterju tan-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, dak tal-indipendenza. |
|
41 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tal-organu tar-rinviju, huwa minnu li mill-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 101/2016, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi, jirriżulta li kull persuna li tqis li wieħed mid-drittijiet jew mill-interessi leġittimi tagħha ġie ppreġudikat b’att jew ommissjoni ta’ awtorità kontraenti tista’ tagħżel li tadixxi, permezz ta’ rimedju amministrattiv u ġudizzjarju, lill-Consiliul Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim), jew, permezz ta’ rimedju ġudizzjarju, lil qorti li għandha sezzjoni tal-kontenzjuż amministrattiv. Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlatur Rumen għalhekk għażel, sabiex jittrasponi l-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 89/665, kif emendat bid-Direttiva 2007/66, li jattribwixxi fl-istess ħin il-ġurisdizzjoni sabiex jinstema’ dan it-tip ta’ tilwim lill-organu tar-rinviju, minn naħa, u lill-qrati li għandhom sezzjoni tal-kontenzjuż amministrattiv, min-naħa l-oħra. |
|
42 |
Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjonijiet tal-Consiliul Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim), li l-ġurisdizzjoni tiegħu ma tiddependix mill-ftehim tal-partijiet, huma vinkolanti għal dawn tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme, C‑203/14, EU:C:2015:664, punt 23). |
|
43 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiliul Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim) jissodisfa l-kriterju tan-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu. |
|
44 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju ta’ indipendenza, l-aspett estern ta’ dan il-prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati nazzjonali jeħtieġ li l-organu kkonċernat jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma jkun suġġett għal ebda restrizzjoni ġerarkika jew issuġġettar għal kwalunkwe organu ieħor u mingħajr ma jirċievi ordnijiet jew struzzjonijiet minn kwalunkwe sors. F’dan ir-rigward, huwa kruċjali li tiġi ggarantita l-irremovabbiltà tal-membri tal-organu kkonċernat, b’tali mod li l-każijiet ta’ tkeċċija ta’ membri ta’ dan l-organu jkunu ddeterminati minn regoli speċifiċi, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi espressi li joffru garanziji li jmorru lil hinn minn dawk previsti mir-regoli ġenerali tad-dritt amministrattiv u tad-dritt industrijali li japplikaw fil-każ ta’ tkeċċija abbużiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punti 56 sa 60). |
|
45 |
Fir-rigward tal-aspett intern tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati nazzjonali, din tingħaqad mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u tirreferi għad-distanza ugwali fir-rigward tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha. B’hekk il-kunċett ta’ “indipendenza” jimplika qabel kollox li l-organu kkonċernat ikollu l-kwalità ta’ terz fir-rigward tal-awtorità li adottat id-deċiżjoni suġġetta għal rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punti 61 u 62). |
|
46 |
Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-organu, tal-ħatra, tat-terminu tal-funzjonijiet kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ tkeċċija tal-membri tagħha, li jippermettu li jitneħħa kull dubju raġonevoli, fil-moħħ tal-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ dan l-organu fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi li tkun affrontata bihom (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 63). |
|
47 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-informazzjoni li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Liġi Nru 101/2016 tenfasizza, diversi drabi, l-aspett estern tal-indipendenza tal-Consiliul Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim). Huwa b’dan il-mod li l-paragrafi 1, 3 u 4 tal-Artikolu 37 ta’ din il-liġi jipprevedu rispettivament li dan il-kunsill “huwa korp indipendenti li jwettaq attività amministrattiva u ġudizzjarja”, li “jissuġġetta ruħu biss għal-liġi” u li “huwa indipendenti u ma huwa suġġett għal ebda awtorità jew istituzzjoni pubblika”. Mill-Artikolu 15(1) tal-imsemmija liġi jirriżulta wkoll li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim tosserva, inter alia, il-prinċipju ta’ indipendenza tal-attività amministrattiva u ġudizzjarja. L-Artikolu 44(4) tal-istess liġi jiddisponi, bl-istess mod, li l-Consiliul Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim) “għandu jeżerċita l-kompetenzi tiegħu b’konformità mal-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ stabbiltà tal-membri tiegħu”. |
|
48 |
Fir-rigward tal-ħatra tal-membri ta’ dan l-organu, mill-Artikolu 45 tal-Liġi Nru 101/2016 jirriżulta li dawn il-membri jintgħażlu b’kompetizzjoni, abbażi tal-kapaċità professjonali tagħhom u tal-integrità tagħhom, fost il-kandidati li għandhom taħriġ universitarju u esperjenza professjonali ta’ tul ta’ għaxar snin fl-oqsma msemmija f’dan l-artikolu, kif ukoll esperjenza ta’ mill-inqas tliet snin fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Dawn jinħatru permezz ta’ deċiżjoni tal-Prim Ministru, fuq proposta tal-President tal-imsemmi organu, għall-kandidati ddikjarati ammessi għall-kompetizzjoni. |
|
49 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 48a tal-Liġi Nru 101/2016 jirriżulta li n-nuqqasijiet dixxiplinari mwettqa mill-membri tal-organu tar-rinviju jistgħu jiġu kkonstatati biss minn kumitat tad-dixxiplina kkostitwita fi ħdanu. Fuq proposta ta’ dan il-kumitat, is-sanzjonijiet dixxiplinari jiġu applikati mill-president ta’ dan l-organu, bla ħsara għat-tneħħija mill-kariga, li tista’ tiġi deċiża biss mill-Awtorità tal-Ħatra tal-membri tal-imsemmi organu, jiġifieri l-Prim Ministru Rumen. |
|
50 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 39(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Consiliul Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim) jipprevedi skala ta’ sanzjonijiet proporzjonati, konformement mal-Artikolu 492(6) tal-Kodiċi Amministrattiv. |
|
51 |
Fl-aħħar nett, il-fatt li dan l-Artikolu 39 jirreferi għall-Kodiċi Amministrattiv sabiex jidentifika s-sitwazzjonijiet li fihom membru tal-Consiliul Nail-ħajja ional de Solumina ionare a Contestatorjali iilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim) jeħel sanzjoni ta’ tneħħija mill-kariga huwa ta’ natura li jiżgura ċ-ċertezza legali. |
|
52 |
B’hekk din is-sanzjoni tista’, b’mod partikolari, tiġi imposta kontra membru tal-Consiliul Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim) li jkun impossibbli għalih li jiġġustifika l-assenza tiegħu mix-xogħol jew li ma jkunx osserva r-regoli dwar is-sigriet professjonali jew dwar il-kunflitti ta’ interessi. Tali sitwazzjonijiet, imsemmija fl-Artikolu 492(2) tal-Kodiċi Amministrattiv, moqri flimkien mal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, jikkorrispondu għal każijiet eċċezzjonali li jirriflettu raġunijiet leġittimi u imperattivi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali sanzjoni, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-proċeduri xierqa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punti 59, 60 u 67). Għaldaqstant, il-membri tal-Consiliul Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim) igawdu, matul il-perijodu tal-mandat tagħhom, garanzija ta’ stabbiltà li tista’ ssir deroga minnha biss għal kawżi espressament elenkati mil-liġi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander,C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 70). |
|
53 |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-prinċipju ta’ stabbiltà li jibbenefikaw minnu, bis-saħħa tal-Artikolu 44(4) tal-Liġi Nru 101/2016, il-membri tal-Consiliul Național de Soluționare a Contestațiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim) għandu jiġi interpretat konformement mal-kriterju ta’ indipendenza kif iddefinit fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li għandu jissodisfa kull organu nazzjonali sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “qorti nazzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, sabiex jikkoinċidi mal-prinċipju ta’ irremovabbiltà. |
|
54 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fir-risposta msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-Consiliul Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim) enfasizza li l-membri tiegħu huma suġġetti għal inkompatibbiltajiet u għal projbizzjonijiet simili għal dawk imposti fuq l-imħallfin, u li r-revoka ta’ dawn il-membri sseħħ biss fil-każ ta’ nuqqas dixxiplinari gravi. Barra minn hekk, fil-każ fejn tali sanzjoni tkun imposta kontra wieħed mill-imsemmija membri, dan tal-aħħar ikollu dritt għal azzjoni legali quddiem il-qrati amministrattivi, bis-saħħa tal-Artikolu 568(2) tal-Kodiċi Amministrattiv. |
|
55 |
Barra minn hekk, l-organu tar-rinviju indika li, fil-prattika, l-ebda konsulent ma kien ġie mkeċċi sa mill-ħolqien tiegħu fl‑2006. |
|
56 |
Fir-rigward tal-aspett intern tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-“qrati nazzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, jidher li dan huwa ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Liġi Nru 101/2016, li huwa intiż sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li jistgħu jagħtu lok għal kunflitti ta’ interessi. Huwa għalhekk li l-membri tal-Consiliul Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim) ma għandhomx iwettqu attivitajiet kummerċjali, ikunu membri tal-korp deċiżjonali ta’ operatur ekonomiku, ikunu involuti f’attivitajiet politiċi, jew jeżerċitaw attività pubblika jew privata, bl-eċċezzjoni tal-funzjonijiet didattiċi fl-edukazzjoni għolja. Barra minn hekk, dawn l-inkompatibbiltajiet huma l-istess bħal dawk li għalihom huma suġġetti l-imħallfin bis-saħħa tad-dritt Rumen. Barra minn hekk, il-membri tal-Consiliul Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim) huma suġġetti għal regoli dwar il-kawżi ta’ rikuża, previsti fl-Artikolu 47(3) ta’ din il-liġi, li jipprovdu li dawn ma humiex awtorizzati jipparteċipaw fir-riżoluzzjoni ta’ tilwima, taħt piena ta’ nullità tad-deċiżjoni mogħtija, meta jsibu ruħhom f’waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni. |
|
57 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 15(1) tal-imsemmija liġi jirriżulta li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim quddiem l-organu tar-rinviju tosserva, inter alia, il-prinċipji tal-kontradittorju, ta’ garanzija tad-drittijiet tad-difiża u ta’ imparzjalità. |
|
58 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-Consiliul Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim) jista’ jiġi kklassifikat bħala “qorti nazzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u li, konsegwentement, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
59 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza ggarantiti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kontraenti għandha l-possibbiltà li timponi bħala kriterji ta’ selezzjoni obbligi li jirriżultaw minn regoli speċjali applikabbli għal attivitajiet li jistgħu jitwettqu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku u li ma għandhomx importanza sinjifikattiva. |
|
60 |
Peress li l-awtorità kontraenti hija fl-aħjar pożizzjoni li tevalwa l-bżonnijiet tagħha stess, hija ġiet irrikonoxxuta mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea setgħa diskrezzjonali wiesgħa, waqt id-determinazzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni, hekk kif jixhed b’mod partikolari l-użu repetittiv tal-verb “jista’” fl-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24. Għalhekk, hija tibbenefika, konformement mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, minn ċerta diskrezzjoni sabiex tiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt li hija tqis relatati u proporzjonali mas-suġġett tal-kuntratt u adatti sabiex jiżguraw li kandidat jew offerent ikollu l-kapaċità legali u finanzjarja, kif ukoll kompetenzi tekniċi u professjonali neċessarji sabiex jeżegwixxi l-kuntratt li għandu jingħata. B’mod iktar partikolari, skont il-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, l-awtorità kontraenti għandha tevalwa liberament il-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni li hija tqis li huma xierqa, mill-perspettiva tagħha, sabiex b’mod partikolari tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tal-kuntratt fuq livell ta’ kwalità li hija tqis xieraq (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Smetna palata na Republika Bulgaria, C‑195/21, EU:C:2022:239, punt 50). |
|
61 |
Fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-awtorità kontraenti tista’ tiddeċiedi li tinkludi, fost il-kriterji ta’ selezzjoni msemmija f’avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, obbligi li jirriżultaw minn regoli speċjali applikabbli għal attivitajiet li jistgħu jitwettqu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku u li ma għandhomx importanza sinjifikattiva. |
|
62 |
Għall-kuntrarju, l-awtorità kontraenti tista’ wkoll tuża din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tikkunsidra li ma hemmx lok li dawn l-obbligi jiġu inklużi fost il-kriterji ta’ selezzjoni. Tali għażla tista’ tiġi spjegata b’mod partikolari mill-fatt li l-imsemmija obbligi ma għandhomx importanza sinjifikattiva jew min-natura eventwali tat-twettiq tal-attivitajiet li għalihom japplikaw l-obbligi inkwistjoni. L-awtorità kontraenti tista’ tippreferi wkoll li ssemmi l-istess obbligi abbażi tal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt b’tali mod li timponi l-osservanza tagħhom biss fuq l-offerent rebbieħ (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punti 88 u 89). |
|
63 |
Fil-fatt, id-Direttiva 2014/24 ma teskludix li r-rekwiżiti tekniċi jistgħu jinftiehmu kemm bħala kriterji ta’ selezzjoni relatati mal-kapaċitajiet tekniċi u professjonali, bħala speċifikazzjonijiet tekniċi u/jew bħala kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 58(4) u tal-Artikoli 42 u 70 ta’ din id-direttiva (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 84). Reċiprokament, awtorità kontraenti tista’ tiddeċiedi li tagħżel waħda minn dawn il-kwalifiki. |
|
64 |
F’dan ir-rigward, awtorità kontraenti tista’, bis-saħħa tal-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24, tipprevedi kundizzjonijiet partikolari dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt sakemm dawn ikunu marbuta mas-suġġett tal-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 67(3) ta’ din id-direttiva, u indikati fis-sejħa għal offerti jew fid-dokumenti tal-kuntratt. |
|
65 |
Barra minn hekk, il-fatt li l-offerenti jiġu mġiegħla jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt sa mis-sottomissjoni tal-offerta tagħhom jikkostitwixxi rekwiżit eċċessiv li jirriskja li jiddisswadi lil dawn l-operaturi milli jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti u, b’hekk, jikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza ggarantiti fl-Artikolu 18(1) tal-imsemmija direttiva (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Sanresa, C‑295/20, EU:C:2021:556, punt 62). |
|
66 |
Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza ggarantiti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kontraenti għandha l-possibbiltà li timponi bħala kriterji ta’ selezzjoni obbligi li jirriżultaw minn regoli speċjali applikabbli għal attivitajiet li jistgħu jitwettqu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku u li ma għandhomx importanza sinjifikattiva. |
Fuq it‑tieni domanda
|
67 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza ggarantiti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li d-dokumenti tal-kuntratt jiġu awtomatikament ikkompletati permezz ta’ kriterji ta’ klassifikazzjoni li jirriżultaw minn regoli speċjali applikabbli għal attivitajiet relatati mal-kuntratt li għandu jingħata li ma kinux previsti f’dawn id-dokumenti u li l-awtorità kontraenti ma kellhiex l-intenzjoni li timponi fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati. |
|
68 |
Kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, sabiex ma titneħħilhiex is-sustanza tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-awtorità kontraenti sabiex tiddetermina l-kriterji ta’ selezzjoni li hija għandha l-intenzjoni timponi fuq l-operaturi ekonomiċi bħala kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, l-obbligi li jirriżultaw minn regoli speċjali applikabbli għal attivitajiet relatati ma’ kuntratt pubbliku li għandu jingħata ma jistgħux awtomatikament jinżiedu bħala kriterji ta’ selezzjoni mal-kriterji msemmija espressament fid-dokumenti ta’ dan il-kuntratt. |
|
69 |
Ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza ggarantiti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li d-dokumenti tal-kuntratt jiġu awtomatikament ikkompletati permezz ta’ kriterji ta’ klassifikazzjoni li jirriżultaw minn regoli speċjali applikabbli għal attivitajiet relatati mal-kuntratt li għandu jingħata li ma kinux previsti f’dawn id-dokumenti u li l-awtorità kontraenti ma kellhiex l-intenzjoni li timponi fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati. |
Fuq il‑punt (a) tat‑tielet domanda
|
70 |
Permezz tal-punt (a) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li offerent jiġi eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt minħabba li ma indikax is-subappaltatur li lilu huwa għandu l-intenzjoni li jafda l-eżekuzzjoni ta’ obbligi li jirriżultaw minn regoli speċjali applikabbli għall-attivitajiet relatati mal-kuntratt inkwistjoni u mhux previsti fid-dokumenti tal-kuntratt, meta dan l-offerent ikun ippreċiża fl-offerta tiegħu li huwa kien ser jeżegwixxi dawn l-obbligi billi juża l-kapaċitajiet ta’ entità oħra mingħajr madankollu ma jkun marbut ma’ din tal-aħħar permezz ta’ kuntratt ta’ subappalt. |
|
71 |
Kif jirriżulta mill-punt 62 ta’ din is-sentenza, jekk l-obbligi li jirriżultaw minn regoli speċjali applikabbli għall-attivitajiet relatati mal-kuntratt inkwistjoni u mhux previsti, bħala kriterju ta’ selezzjoni, fid-dokumenti tal-kuntratt kellhom jiġu kklassifikati bħala kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt u jekk l-offerent rebbieħ ma kienx jissodisfahom meta ngħata l-kuntratt, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi ma jkollux effett fuq il-konformità tal-għoti tal-kuntratt mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 89). |
|
72 |
Fil-każ fejn l-obbligi li jirriżultaw minn regoli speċjali applikabbli għall-attivitajiet relatati mal-kuntratt inkwistjoni u li ma humiex previsti fid-dokumenti tal-kuntratt jikkostitwixxu effettivament kriterji ta’ selezzjoni, fis-sens tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Artikolu 63(1) ta’ din id-direttiva jagħti dritt lil kull operatur ekonomiku li juża, għal kuntratt partikolari, il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, tkun xi tkun in-natura legali tar-rabtiet li jgħaqqduh ma’ dawn l-entitajiet, sabiex jissodisfa l-kategoriji differenti ta’ kriterji ta’ selezzjoni elenkati fl-Artikolu 58(1) tal-imsemmija direttiva u kkonkretizzati fil-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Swm Costruzioni 2 u Mannocchi Luigino, C‑94/12, EU:C:2013:646, punti 29 u 33, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras,C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 150). |
|
73 |
Barra minn hekk, mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta b’mod ċar li, meta operatur ekonomiku jkun jixtieq juża l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, huwa biżżejjed li huwa jipproduċi lill-awtorità kontraenti l-prova li huwa ser ikollu l-mezzi neċessarji, pereżempju, billi jipproduċi l-impenn ta’ dawn l-entitajiet għal dan l-għan. |
|
74 |
Konsegwentement, huwa ċar li s-subappalt jikkostitwixxi biss waħda mill-modalitajiet li permezz tagħhom operatur ekonomiku jista’ juża l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra u, għalhekk, huwa ċar li s-subappalt ma jistax jiġi impost fuqu mill-awtorità kontraenti. |
|
75 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (a) tat-tielet domanda hija li l-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li offerent jiġi eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt minħabba li ma indikax is-subappaltatur li lilu huwa għandu l-intenzjoni li jafda l-eżekuzzjoni ta’ obbligi li jirriżultaw minn regoli speċjali applikabbli għall-attivitajiet relatati mal-kuntratt inkwistjoni u mhux previsti fid-dokumenti tal-kuntratt, meta dan l-offerent ikun ippreċiża fl-offerta tiegħu li huwa kien ser jeżegwixxi dawn l-obbligi billi juża l-kapaċitajiet ta’ entità oħra mingħajr madankollu ma jkun marbut ma’ din tal-aħħar permezz ta’ kuntratt ta’ subappalt. |
Fuq il‑punt (b) tat‑tielet domanda
|
76 |
Permezz tal-punt (b) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li operatur ekonomiku għandu d-dritt jistabbilixxi l-organizzazzjoni tiegħu u r-relazzjonijiet kuntrattwali fi ħdan il-grupp u jekk jistgħux ukoll jintervjenu fornituri f’kuntratt jekk il-fornitur ikkonċernat ma jkunx jagħmel parti mill-entitajiet li l-offerent ikollu l-intenzjoni li jibbaża ruħu fuq il-kapaċità tagħhom sabiex jipprova l-konformità mal-kriterji rilevanti. |
|
77 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf, C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 43). |
|
78 |
Madankollu, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dawn jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom, b’tali mod li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa oġġettiva inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, EU:C:1981:302, punt 18, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 44). |
|
79 |
Minn din il-perspettiva u peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari sservi bħala bażi għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa indispensabbli li, f’din it-talba, il-qorti nazzjonali tispjega, b’mod partikolari, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’mod iktar partikolari f’ċerti oqsma kkaratterizzati minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi kumplessi, bħal dak tal-kuntratti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C‑320/90 sa C‑322/90, EU:C:1993:26, punti 6 u 7, kif ukoll id-digriet tal‑25 ta’ April 2018, Secretaria Regional de Saúde dos Açores, C‑102/17, EU:C:2018:294, punti 28 u 29). |
|
80 |
Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix deskrizzjoni tal-kuntest fattwali u leġiżlattiv tat-tilwima fil-kawża prinċipali li hija suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tirrispondi b’mod utli għall-punt (b) tat-tielet domanda. |
|
81 |
Konsegwentement, dan il-punt (b) tat-tielet domanda għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. |
Fuq l‑ispejjeż
|
82 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir‑Rumen.