SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
18 ta’ Jannar 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 3(1) – Artikolu 6(1) – Artikolu 7(1) – Artikolu 8 – Titolu eżekuttiv li kiseb l-awtorità ta’ res judicata – Setgħa tal-qorti li teżamina ex officio n-natura potenzjalment inġusta ta’ klawżola fil-kuntest ta’ stħarriġ ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata – Reġistru nazzjonali tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali – Klawżoli differenti minn dawk li jinsabu f’dan ir-reġistru minħabba l-formulazzjoni tagħhom iżda li għandhom l-istess portata u li jipproduċu l-istess effetti”
Fil-Kawża C‑531/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja – Ċentru, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Lulju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Awwissu 2022, fil-proċedura
Getin Noble Bank S.A.,
TF,
C2,
PI
vs
TL,
fil-preżenza ta’:
EOS,
Zakład Ubezpieczeń Społecznych,
MG,
Komornik Sądowy AC,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
komposta minn O. Spineanu-Matei, Presidenta tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Settembru 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Getin Noble Bank S.A., minn M. Ł. Hejmej, M. Przygodzka, A. Szczęśniak, J. Szewczak, Ł. Żak, adwokaci, u M. Pugowski, aplikant radcowski, |
|
– |
għal TF, minn M. Czugan, M. Jaroch-Konwent, W. Kołosz, A. Pakos u K. Zawadzanko, radcowie prawni, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, M. Kozak u S. Żyrek, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn U. Małecka u N. Ruiz García, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1), tal-Artikolu 6(1), tal-Artikolu 7(1) u (2), u tal-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, u r-rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100), tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ effettività, ta’ proporzjonalità u tal-awtorità ta’ res judicata kif ukoll tad-dritt għal smigħ. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata bejn, minn naħa, Getin Noble Bank S.A., TF, C2 u PI, erba’ debituri, u, min-naħa l-oħra, TL, id-debitur tagħhom, fir-rigward ta’ ordni ta’ ħlas maħruġa fir-rigward ta’ dan tal-aħħar. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi: “Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.” |
|
4 |
L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.” |
|
5 |
L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jiddikjara: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 7(1) u (2) tal-istess direttiva: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri. 2. Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.” |
|
7 |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi: L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.” |
Id‑dritt Pollakk
|
8 |
L-Artikolu 189 tal-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. Nru 43, pożizzjoni 296), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), jiddikjara: “Rikorrent jista’ jressaq quddiem il-qorti talba għall-konstatazzjoni tal-eżistenza jew tan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ relazzjoni ġuridika jew ta’ dritt, sakemm ikollu interess ġuridiku leġittimu.” |
|
9 |
L-Artikolu 50532(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi: “Fit-talba tiegħu, ir-rikorrent għandu jindika l-provi insostenn tal-pretensjonijiet tiegħu. Il-provi ma għandhomx jiġu annessi mar-rikors.” |
|
10 |
L-Artikolu 758 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi: “Il-qrati distrettwali kif ukoll l-uffiċjali ġudizzjarji assenjati ma’ dawn il-qrati huma kompetenti fil-qasam tal-eżekuzzjoni forzata.” |
|
11 |
L-Artikolu 804(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi: “L-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex is-setgħa li teżamina l-fondatezza u n-natura eżekuttiva tal-obbligu li huwa s-suġġett ta’ titolu għalkollox eżekuttiv.” |
|
12 |
Skont l-Artikolu 840(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili: “Id-debitur jista’ jitlob permezz ta’ rikors l-annullament totali jew parzjali jew il-limitazzjoni tal-effett eżekuttiv tat-titolu eżekuttiv meta:
|
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
13 |
Fid‑9 ta’ Jannar 2006, TL, konsumatur, ikkonkluda kuntratt ta’ kreditu ma’ Getin Noble Bank, għall-perijodu mid‑9 ta’ Jannar 2009 sas‑16 ta’ Jannar 2016, iddenominat fi zloty Pollakki (PLN), indiċjat fuq il-frank Svizzeru (CHF) u li kien jikkorrispondi għall-ekwivalenti f’PLN ta’ CHF 15 645.27 (madwar EUR 16270). Skont dan il-kuntratt ta’ kreditu, l-ammont tal-kreditu mogħti minn Getin Noble Bank ġie kkonvertit, fid-data tal-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt ta’ kreditu, fuq il-bażi tar-rata ta’ xiri tal-munita ta’ indiċjar ikkonċernata mniżżla fit-tabella ta’ rata ta’ munita barranija ta’ dan il-bank, u r-rimbors ta’ kull dejn kellu għalhekk isir f’PLN wara l-konverżjoni ta’ dan id-dejn iddenominat f’din il-munita ta’ indiċjar fuq il-bażi tar-rata ta’ bejgħ ta’ din tal-aħħar applikabbli fid-data tal-ħlas tal-imsemmi bank. |
|
14 |
Fit‑13 ta’ Mejju 2008, TL ikkonkluda kuntratt ta’ kreditu ieħor mal-istess bank f’PLN indiċjat fuq CHF u li kien jikkorrispondi għall-ekwivalenti f’PLN ta’ CHF 36 299.30 (madwar EUR 37740) għal perijodu ta’ 120 xahar. Dan il-kuntratt ta’ kreditu ieħor essenzjalment irriproduċa mill-ġdid il-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu msemmi fil-punt preċedenti. |
|
15 |
Billi invoka nuqqasijiet ta’ ħlas min-naħa ta’ TL, Getin Noble Bank xolja dawn iż-żewġ kuntratti ta’ kreditu u ppreżenta quddiem is-Sąd Rejonowy Lublin-Zachód w Lublinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Lublin-Punent, il-Polonja), rispettivament fit‑28 ta’ Diċembru u t‑3 ta’ Ġunju 2016, permezz tal-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas elettroniku, żewġ rikorsi kontra TL, li fihom huwa talab il-ħlas minn dan tal-aħħar tas-somom dovuti taħt l-imsemmija kuntratti ta’ kreditu, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż. |
|
16 |
Insostenn tal-pretensjonijiet tiegħu, Getin Noble Bank indika l-kuntratti ta’ kreditu li kien ikkonkluda ma’ TL, mingħajr ma seta’ jannettihom ma’ dawn iż-żewġ rikorsi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet proċedurali li jirregolaw il-proċeduri ta’ ordni ta’ ħlas elettroniku li jinsabu fl-Artikolu 50532(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, u tal-karatteristiċi tekniċi tas-sistema ta’ ġestjoni ta’ dawn il-proċeduri, li ma jippermettux il-produzzjoni ta’ provi. B’hekk, is-Sąd Rejonowy Lublin-Zachód w Lublinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Lublin-Punent) la kellha l-kompetenza u lanqas il-possibbiltà teknika li teżiġi minn Getin Noble Bank li din tipproduċi dawn il-kuntratti ta’ kreditu. |
|
17 |
Is-Sąd Rejonowy Lublin-Zachód w Lublinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Lublin-Punent) ħarġet żewġt ordnijiet ta’ ħlas li ma ġewx ikkontestati minn TL u għaldaqstant saru definittivi qabel ma kienu mogħnija bi klawżola ta’ infurzabbiltà. Dan ippermetta li tinfetaħ il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fuq il-proprjetà immobbli ta’ TL, immexxija mill-uffiċjal ġudizzjaru taħt il-kontroll tas-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja – Ċentru), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
18 |
Fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, il-qorti tar-rinviju għaldaqstant kienet l-ewwel qorti nazzjonali li quddiemha l-kuntratti ta’ kreditu fil-kawża prinċipali ġew sottomessi. |
|
19 |
Wara l-eżami tal-kontenut ta’ dawn il-kuntratti ta’ kreditu, il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji fir-rigward tal-validità tal-imsemmija kuntratti, fid-dawl tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali ta’ konverżjoni li jinsabu fl-imsemmija kuntratti ta’ kreditu, li mingħajrhom dawn tal-aħħar ma jistgħux jiġu eżegwiti u għandhom jiġu kkunsidrati bħala nulli. |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li l-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni tal-eżami ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratti konklużi ma’ konsumaturi li fuq il-bażi tagħhom inbdiet proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, jiġifieri kwistjoni analoga għal dik li kienet imqajma fil-kuntest tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et (C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395), u tas‑17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco (C‑600/19, EU:C:2022:394). |
|
21 |
Din il-qorti tosserva li TL ma opponiex l-ordnijiet ta’ ħlas imsemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza u, għaldaqstant, ma fadallux iżjed rimedji legali li jippermettulu, bħala prinċipju, jikkontesta l-obbligi li jirriżultaw minn dawn l-ordnijiet ta’ ħlas. Minn naħa, azzjoni ta’ oppożizzjoni indirizzata kontra titolu eżekuttiv ikkostitwita minn deċiżjoni ġudizzjarja ma tistax validament tippermetti, bis-saħħa tal-punt 1 tal-Artikolu 840(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li jikkontesta l-fondatezza tal-obbligu li huwa s-suġġett ta’ dan it-titolu. Min-naħa l-oħra, il-preżentata, minn debitur, ta’ azzjoni intiża għall-konstatazzjoni tan-nullità ta’ kuntratt jew għall-istabbiliment tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-klawżoli inġusti ta’ dan il-kuntratt b’ebda mod ma jbiddel, fil-prattika, is-sitwazzjoni tiegħu, ġaladarba tali azzjoni ma tistax twassal, bis-saħħa tal-Artikolu 189 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, l-annullament ta’ ordni ta’ ħlas definittiva. Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikolu 365(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, sentenza definittiva, inkluża sentenza li tiddeċiedi ordni ta’ ħlas fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni ta’ ħlas elettronika, torbot lill-qrati kollha. |
|
22 |
Fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tkun obbligata, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, teżamina ex officio n-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratti ta’ kreditu kkonċernati, hija tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li jiġu estiżi, b’mod partikolari meta l-konsumatur ikkonċernat ma jinvokax id-drittijiet tiegħu li jirriżultaw minn din id-direttiva, l-effetti tal-inklużjoni ta’ klawżola kuntrattwali fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali (iktar ’il quddiem ir-“reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali”) fuq bejjiegħ jew fornitur li ma kienx parti fil-proċedura li wasslet għal din l-inklużjoni. |
|
23 |
Paragun tal-kontenut tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dak tal-klawżoli kuntrattwali ta’ banek oħra, minbarra Getin Noble Bank, li huma inklużi fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali jippermetti li jiġi konkluż li jeżisti xebh sinjifikattiv bejn dawn il-klawżoli, fejn għalhekk dawn għandhom portata ekwivalenti u jagħtu lok għall-istess konsegwenzi għall-konsumaturi. |
|
24 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Biuro podróży Partner (C‑119/15, EU:C:2016:987), xejn ma jipprekludi li l-effetti tal-inklużjoni ta’ klawżola kuntrattwali speċifika fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali jkunu applikabbli, minn naħa, għall-bejjiegħa jew fornituri kollha li japplikaw din il-klawżola kuntrattwali, u mhux biss għall-bejjiegħ jew fornitur li kien parti fil-proċedura li kienet intiża għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-imsemmija klawżola u għall-inklużjoni ta’ din tal-aħħar f’dan ir-reġistru, u, min-naħa l-oħra, għal kull klawżola li essenzjalment tkun identika għall-istess klawżola, mingħajr neċessarjament ma tkun identika mill-perspettiva tal-formulazzjoni tagħha. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tapplikax għall-proċeduri li fihom waħda mill-partijiet hija konsumatur li kkonkluda kuntratt mal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat u mhux biss għall-proċeduri amministrattivi li għandhom bħala għan li jissanzjonaw lill-bejjiegħa jew fornituri li jużaw klawżoli inklużi fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali, hekk kif kien il-każ fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza. |
|
25 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, min-naħa l-oħra, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) tat, fl‑20 ta’ Novembru 2015, ir-riżoluzzjoni III CZP 175/15, li skontha inklużjoni fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali ma tipproduċix effetti fir-rigward ta’ bejjiegħa jew fornituri oħra minbarra dak ikkonċernat mill-proċedura ta’ inklużjoni f’dan ir-reġistru, sabiex jiġi osservat id-dritt għal smigħ ta’ dawn il-bejjiegħa jew fornituri oħra. |
|
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja – Ċentru) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
27 |
Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari li tat lok għal din is-sentenza tiġi ssuġġettata għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha għall-applikazzjoni ta’ proċedura mħaffa, il-qorti tar-rinviju sostniet li l-uffiċjal ġudizzjarju inkarigat mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien issekwestra l-proprjetà immobbli li hija s-suġġett ta’ din il-proċedura u li l-bejgħ bl-irkant ta’ din il-proprjetà immobbli kellu jsir sussegwentement għat-tressiq ta’ talbiet mill-kredituri, liema bejgħ bl-irkant jista’ jwassal sabiex, minn naħa, TL ma jibqax fil-pussess ta’ din il-proprjetà immobbli u, min-naħa l-oħra, il-kredituri jirċievu somom li ma humiex dovuti lilhom. Issa, minkejja li TL jista’, jekk ikun il-każ, jinvoka ulterjorment id-drittijiet tiegħu permezz ta’ rikors għal kumpens, dan ma jiżguralux il-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet tiegħu. |
|
28 |
L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi ssuġġettat għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien. |
|
29 |
Għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż biex jissodisfa sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Fil-każ ineżami, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fil‑15 ta’ Settembru 2022, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukata Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ t-talba msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza. |
|
31 |
Fil-fatt, minn naħa, is-sempliċi ċirkustanza li l-proċedura fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata li tirrikjedi soluzzjoni rapida ma hijiex tali li tistabbilixxi, fiha nnifisha, l-urġenza rikjesta fl-Artikolu 105 tar-Regoli ta’ Proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Ottubru 2018, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2018:825, punt 12). |
|
32 |
Min-naħa l-oħra, huwa minnu li l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ħa inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ kawża li fiha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu opponew sekwestru ipotekarju tal-proprjetà immobbli tagħhom, il-fatt li, fid-dawl tal-modalitajiet tal-proċedura ċivili nazzjonali kkonċernata, l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata kienet tesponihom għar-riskju li jitilfu r-residenza prinċipali tagħhom. B’hekk huwa laqgħa t-talba tagħhom għall-applikazzjoni ta’ proċedura mħaffa, filwaqt li osserva li, f’tali sitwazzjoni, id-dritt nazzjonali kkonċernat kien jagħti lid-debitur leż biss protezzjoni għalkollox kumpensatorja u ma kienx jippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti li fiha kien il-proprjetarju tar-residenza tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Ottubru 2018, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2018:825, punt 13). |
|
33 |
Madankollu, f’dan il-każ, b’ebda mod ma jirriżulta mit-talba għall-applikazzjoni ta’ proċedura mħaffa u lanqas mit-talba għal deċiżjoni preliminari li TL fil-preżent jinsab f’riskju imminenti li jitlef ir-residenza prinċipali tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma indikatx lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-proprjetà immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija r-residenza prinċipali ta’ TL, fejn wara kollox jidher li dan tal-aħħar jirrisjedi f’indirizz differenti minn dak ta’ din il-proprjetà immobbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Ottubru 2018, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2018:825, punt 14). |
Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
34 |
Fl-ewwel lok, Getin Noble Bank isostni, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari inkwantu d-domandi preliminari jirrigwardaw proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata nazzjonali – li ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 19(3)(b) TUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dwar il-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
|
36 |
Issa, mill-formulazzjoni nnifisha tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni Getin Noble Bank, dawn id-domandi jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 u tal-Karta kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u mhux dik ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti. |
|
37 |
Fit-tieni lok, Getin Noble Bank isostni, essenzjalment, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija, fi kwalunkwe każ, inammissibbli. |
|
38 |
Fil-fatt, minn naħa, il-qorti tar-rinviju ma hijiex kompetenti biex tiddeċiedi tilwima bejn il-partijiet permezz ta’ deċiżjoni li tikkostitwixxi “sentenza”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u għandha tiġi kkunsidrata bħala “korp amministrattiv” meta tintervjeni fil-kuntest ta’ stħarriġ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni forzata. Min-naħa l-oħra, id-domandi preliminari magħmula huma impreċiżi, wisq ġenerali u ta’ natura ipotetika. L-ewwel domanda la tispeċifika l-miżura ta’ stħarriġ li dwarha qed titkellem u lanqas il-modalitajiet għall-applikazzjoni tar-risposti eventwali tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-partijiet fil-proċedura ta’ stħarriġ ma għandhom ebda bażi legali li tippermetti li tinkiseb deċiżjoni fuq il-mertu. It-tieni domanda ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, minkejja li huwa obbligatorju li tinkiseb il-pożizzjoni tal-konsumatur ikkonċernat dwar iż-żamma tal-klawżoli li l-qorti tar-rinviju tqis li huma inġusti, din tal-aħħar ma hijiex kompetenti biex tanalizza r-rieda tal-konsumatur f’dan ir-rigward, li wara kollox kien inattiv hawnhekk. |
|
39 |
Għalhekk Getin Noble Bank jikkontesta, essenzjalment, il-punt li l-qorti tar-rinviju għandha, bis-saħħa tad-dritt Pollakk, kompetenza biex teżamina ex officio n-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratti ta’ kreditu fil-kawża prinċipali. Tali argument, li jressaq punt li jikkonċerna aspetti sostantivi b’ebda mod ma huwa ta’ natura li jista’ jqiegħed inkwistjoni l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, An tAire Talmhaíochta Bia agus Mara et, C‑64/20, EU:C:2021:207, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari u din tal-aħħar hija ammissibbli. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
41 |
Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li qorti nazzjonali ma tistax tipproċedi ex officio għal eżami tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur u tislet il-konsegwenzi minn dan meta tistħarreġ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata bbażata fuq deċiżjoni li tagħti ordni ta’ ħlas definittiva mogħnija bl-awtorità ta’ res judicata. |
|
42 |
Għandu jitfakkar, qabel kollox, li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza li teżisti bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss permezz ta’ intervent pożittiv, li ma jinvolvix il-partijiet fil-kuntratt ikkonċernat, fejn il-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura potenzjalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Vicente (Azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat), C‑335/21, EU:C:2022:720, punt 52). |
|
43 |
Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’diversi aspetti u billi ħadet inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-mod kif qorti nazzjonali għandha tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u li dawn għalhekk jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri. Dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali fir-rigward tar-regoli proċedurali tad-dritt Pollakk li jirregolaw il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni, jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Vicente (Azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat), C‑335/21, EU:C:2022:720, punt 53). |
|
44 |
Madankollu, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, il-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Vicente (Azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat), C‑335/21, EU:C:2022:720, punt 54). |
|
45 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha kkonċernata, l-iżvolġiment u l-karatteristiċi partikolari tagħha kkunsidrati b’mod komplessiv, kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment it-tajjeb tal-proċedura. F’din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività ma tistax tasal biex tissostitwixxi għalkollox il-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2022, Unicaja Banco,C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 28). |
|
46 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ikkonfermata fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva u stabbilita fl-Artikolu 47 tal-Karta, li tapplika, b’mod partikolari, għad-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 29). |
|
47 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ eżami effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat, ir-rispett tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13 ma jistax jiġi ggarantit (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 30). |
|
48 |
Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-drittijiet nazzjonali, li għalihom jirreferi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ma jistgħux jippreġudikaw is-sustanza tad-dritt li l-konsumaturi jisiltu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li ma jkunux marbuta minn klawżola meqjusa inġusta (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 31). |
|
49 |
Il-qorti tar-rinviju tesponi li ordnijiet ta’ ħlas, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġu deċiżi, wara li jkunu ntalbu mill-kreditur ikkonċernat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni ta’ ħlas elettroniku, minn qrati Pollakki, mingħajr ma dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà ġuridika u teknika li jikkonsultaw il-kuntratti li fuq il-bażi tagħhom dawn l-ordnijiet ta’ ħlas jingħataw u, għalhekk, li jeżaminaw ex officio jekk dawn il-kuntratti fihomx klawżoli inġusti. Fil-każ fejn l-imsemmija ordnijiet ta’ ħlas ma jiġux ikkontestati mid-debitur ikkonċernat f’terminu ta’ ġimagħtejn wara li jkunu ġew innotifikati, dawn ikunu mogħnija bi klawżola ta’ infurzabbiltà u bl-awtorità ta’ res judicata, li jkollu bħala effett li l-qorti li taħt il-kontroll tagħha l-uffiċjal ġudizzjarju kkonċernat imexxi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ma jkollhiex kompetenza li teżamina dan l-eżami ex officio. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija lil konsumatur permezz tad-Direttiva 93/13 tista’ tiġi ggarantita biss bil-kundizzjoni li s-sistema proċedurali tad-dritt nazzjonali kkonċernat tippermetti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas jew tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, eżami ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt ikkonċernat (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Impuls Leasing România, C‑725/19 EU:C:2022:396, punt 49). |
|
51 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, fl-ipoteżi fejn fl-istadju tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ma jkun previst ebda eżami ex officio, minn qorti, tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt ikkonċernat, leġiżlazzjoni nazzjonali għandha titqies li hija ta’ natura li tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13 jekk din ma tipprevedix tali stħarriġ fl-istadju tal-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas jew, meta tali eżami jkun previst biss fl-istadju tal-oppożizzjoni kontra l-ordni ta’ ħlas ikkonċernata, jekk ikun hemm riskju mhux negliġibbli li l-konsumatur ikkonċernat ma jressaqx l-oppożizzjoni meħtieġa jew minħabba t-terminu partikolarment qasir previst għal dan il-għan, jew fid-dawl tal-ispejjeż ikkawżati minn tali azzjoni ġudizzjarja meta mqabbla mal-ammont tad-dejn ikkontestat, jew minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix l-obbligu li tiġi kkomunikata lill-konsumatur l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jiddetermina l-firxa tad-drittijiet tiegħu (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Impuls Leasing România, C‑725/19 EU:C:2022:396, punt 50). |
|
52 |
Għalhekk, minn naħa, il-leġiżlazzjoni Pollakka li tirregola l-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas u l-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività fl-ipoteżi fejn din ma tipprevedi ebda eżami ex officio, minn qorti, tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt ikkonċernat. |
|
53 |
Min-naħa l-oħra, għalkemm id-dritt Pollakk jipprevedi tali eżami biss meta l-konsumatur ikkonċernat jikkontesta ordni ta’ ħlas, tkun il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk jeżistix riskju mhux negliġibbli li dan il-konsumatur ma jressaqx l-oppożizzjoni meħtieġa jew minħabba t-terminu partikolarment qasir previst għal dan il-għan, jew fid-dawl tal-ispejjeż li azzjoni ġudizzjarja tiġġenera meta mqabbel mal-ammont tad-dejn ikkontestat, jew għaliex dan id-dritt ma jipprevedix l-obbligu li tiġi kkomunikata lill-imsemmi konsumatur l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex dan ikun jista’ jiddetermina l-firxa tad-drittijiet tiegħu. |
|
54 |
Fir-rigward tat-terminu ta’ ġimagħtejn għat-tressiq ta’ tali oppożizzjoni previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali terminu jiġġenera r-riskju msemmi fil-punt preċedenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑6 ta’ Novembru 2019, BNP Paribas Personal Finance SA Paris Sucursala Bucureşti u Secapital, C‑75/19, EU:C:2019:950, punti 31 u 33). |
|
55 |
Anki jekk parti ma kinitx obbligata timmotiva l-oppożizzjoni tagħha għall-ordni ta’ ħlas bis-saħħa tad-dritt Pollakk, hekk kif isostni Getin Noble Bank, dan it-terminu ta’ ġimagħtejn madankollu jidher li huwa partikolarment qasir sabiex il-konsumatur ikkonċernat ikun jista’ jevalwa l-konsegwenzi ġuridiċi tad-deċiżjoni tiegħu jekk jopponix din l-ordni jew le. |
|
56 |
Fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tqis li jeżisti riskju mhux negliġibbli li ma titressaqx oppożizzjoni għall-ordnijiet ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba ċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-fatt li dawn l-ordnijiet huma mogħnija bl-awtorità ta’ res judicata, li, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għall-eżerċizzju ta’ dawn ir-rimedji ma jkunux jistgħu jitqiegħdu iżjed inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 32). |
|
57 |
Barra minn hekk, il-protezzjoni tal-konsumatur ikkonċernat ma hijiex assoluta. B’mod partikolari, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix lil qorti nazzjonali l-obbligu li teskludi l-applikazzjoni tar-regoli proċedurali interni li jikkonferixxu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni, anki meta dan ikun jippermetti li jiġi rrimedjat ksur ta’ dispożizzjoni, ikun ta’ liema natura jkun, li tinsab fid-Direttiva 93/13, suġġett, madankollu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 33). |
|
58 |
F’sitwazzjoni fejn tqies li seħħ eżami ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali u li dan iġorr miegħu l-awtorità ta’ res judicata, madankollu mingħajr ma dan l-eżami ġie mmotivat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tirrikjedi li l-qorti tal-eżekuzzjoni tista’ tevalwa, inkluż għall-ewwel darba, in-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li servew bħala bażi għall-ordni ta’ ħlas mogħtija minn qorti fuq it-talba ta’ kreditur li kontriha d-debitur ma ressaqx oppożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et, C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punti 65 u 66). |
|
59 |
L-istess jgħodd a fortiori meta ma jitqies li seħħ ebda eżami ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jinsabu fil-kuntratt ikkonċernat, hekk kif jidher li huwa l-każ hawnhekk. |
|
60 |
Il-fatt li TL kien passiv waqt il-proċeduri mmexxija quddiem il-qrati Pollakki ma jeħlisx lill-qorti tar-rinviju mill-obbligu tagħha li twettaq dan l-eżami ex officio jekk din tistabbilixxi li TL ma ressaqx oppożizzjoni għall-ordnijiet ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba ċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, fejn din l-oppożizzjoni kienet l-uniku rimedju proċedurali li TL kellu għad-dispożizzjoni tiegħu biex jikkontesta n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
61 |
Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li qorti nazzjonali ma tistax tipproċedi ex officio għal eżami tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt u tislet il-konsegwenzi minn dan meta tistħarreġ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata bbażata fuq deċiżjoni li tagħti ordni ta’ ħlas definittiva mogħnija bl-awtorità ta’ res judicata:
|
Fuq it‑tieni domanda
|
62 |
Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(1) u (2) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li skontha l-inklużjoni ta’ klawżola ta’ kuntratt fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali jkollha bħala effett li din il-klawżola tiġi kkunsidrata inġusta f’kull proċedura li tinvolvi konsumatur, inkluż fir-rigward ta’ bejjiegħ jew fornitur ieħor differenti minn dak li kontrih kienet tressqet il-proċedura ta’ inklużjoni tal-imsemmija klawżola f’dan ir-reġistru nazzjonali u meta l-klawżola kkonċernata ma jkollhiex formulazzjoni identika għal dik tal-klawżola li ġiet irreġistrata iżda li għandha l-istess portata u tipproduċi l-istess effetti għall-konsumatur ikkonċernat. |
|
63 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 tistrieħ fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjazzjoni kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 34). |
|
64 |
Għaldaqstant, qabel kollox, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, klawżola ta’ kuntratt li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment għandha titqies li hija inġusta meta, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, toħloq, għad-detriment tal-konsumatur ikkonċernat, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, filwaqt li, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, tali klawżola inġusta ma torbotx lil dan il-konsumatur. Din l-aħħar dispożizzjoni hija intiża li tissostitwixxi l-ekwilibriju formali li l-imsemmi kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’ekwilibriju reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
Sussegwentement, minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku kkostitwit mill-protezzjoni tal-konsumaturi li jinsabu f’tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu mezzi adegwati u effikaċi sabiex jintemm l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 36). |
|
66 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13, il-mezzi msemmija iktar ’il fuq jinkludu l-possibbiltà, għal persuni jew organizzazzjonijiet li għandhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi, li jressqu azzjoni quddiem il-qrati sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżoli redatti bl-għan li jintużaw b’mod iġġeneralizzat humiex ta’ natura inġusta u, jekk ikun il-każ, sabiex jiksbu l-projbizzjoni tagħhom (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 37). |
|
67 |
Madankollu, peress li l-kawża prinċipali ma tikkonċernax tali persuni u organizzazzjonijiet, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13. |
|
68 |
Fl-aħħar nett, skont it-tnax‑il premessa ta’ din d-direttiva, din twettaq biss armonizzazzjoni parzjali u minima tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-klawżoli inġusti, filwaqt li tħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà, b’osservanza tat-Trattat FUE, li jiżguraw livell ta’ protezzjoni ogħla lill-konsumatur ikkonċernat livell ogħla permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti minn dawk tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 8 tal-istess direttiva, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu, fil-qasam irregolat minnha, dispożizzjonijiet iktar stretti, kompatibbli ma’ dan it-trattat, biex jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni lil dan il-konsumatur (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
69 |
Issa, fir-rigward tar-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mekkaniżmu bħal dan ir-reġistru, li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ lista ta’ klawżoli li għandhom jiġu kkunsidrati bħala inġusti, jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet iktar stretti li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ bis-saħħa tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, u li dan ir-reġistru jissodisfa, bħala prinċipju, l-interess tal-protezzjoni tal-konsumaturi (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
70 |
Peress li l-istabbiliment ta’ tali reġistru ma huwiex rikjest mid-Direttiva 93/13, l-għażla tal-mezzi użati biex jintlaħqu l-għanijiet partikolari tagħha u, b’hekk, id-determinazzjoni tal-effetti legali li inklużjoni f’dan ir-reġistru ta’ klawżoli ddikjarati inġusti tista’ tipproduċi, jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri. |
|
71 |
Sa fejn ir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali huwa ġestit b’mod trasparenti, mhux biss fl-interess tal-konsumaturi iżda wkoll tal-bejjiegħa jew fornituri, u jinżamm aġġornat, b’osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-istabbiliment ta’ dan ir-reġistru huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
72 |
Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reġistru ta’ klawżoli illegali tippreżupponi evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali kompetenti, tal-ekwivalenza tal-klawżola kuntrattwali kkontestata ma’ klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali u li tinsab f’dan ir-reġistru, li permezz tiegħu l-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat għandu l-possibbiltà li jikkontesta din l-ekwivalenza quddiem qorti nazzjonali, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti speċifiċi għal kull każ inkwistjoni, din il-klawżola kuntrattwali hijiex materjalment identika, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-effetti li din tipproduċi, għal dik inkluża f’tali reġistru (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant tali sistema nazzjonali ma tmurx kontra d-drittijiet tad-difiża tal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Biuro podróży Partner, C‑119/15, EU:C:2016:987, punt 43). |
|
73 |
Barra minn hekk, għalkemm, konformement mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jipprevedu, fid-dritt intern tagħhom, eżami ex officio usa’ minn dak li l-qrati tagħhom għandhom iwettqu bis-saħħa ta’ din id-direttiva, jew anki proċeduri ssemplifikati ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali tibqa’ madankollu, bħala regola ġenerali, obbligata li tinforma lill-partijiet fil-kawża b’din l-evalwazzjoni u li tistedinhom sabiex jiddiskutuha b’mod kontradittorju, skont il-forom previsti f’dan ir-rigward mir-regoli proċedurali nazzjonali (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 45). |
|
74 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li d-dritt Pollakk jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-inklużjoni ta’ klawżola kuntrattwali fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali għandha bħala effett li din il-klawżola għandha tiġi kkunsidrata inġusta f’kull proċedura li tinvolvi konsumatur, inkluż fir-rigward ta’ bejjiegħ jew fornitur ieħor differenti minn dak li kontrih kienet tressqet il-proċedura ta’ inklużjoni tal-imsemmija klawżola f’dan ir-reġistru nazzjonali u meta l-klawżola kkonċernata ma jkollhiex formulazzjoni identika għal dik tal-klawżola li ġiet irreġistrata iżda jkollha l-istess portata u tipproduċi l-istess effetti għall-konsumatur ikkonċernat. |
|
75 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali kontenzjuża fuq il-bażi ta’ paragun tal-kontenut tagħha ma’ dak ta’ klawżola inkluża fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali tista’ tikkontribwixxi b’mod rapidu sabiex il-klawżoli inġusti użati f’numru kbir ta’ kuntratti jieqfu jipproduċu effetti fir-rigward tal-konsumaturi li huma partijiet f’dawn il-kuntratti (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 41). |
|
76 |
Barra minn hekk, f’kawża li tirrigwarda proċedura amministrattiva mressqa kontra bejjiegħ jew fornitur, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU 2009, L 110, p. 30), kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-użu ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali, li l-kontenut tagħhom huwa ekwivalenti għal dak ta’ klawżoli meqjusa illegali minn deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u inklużi fir-reġistru nazzjonali ta’ klawżoli illegali, jiġi kkunsidrat, fir-rigward ta’ bejjiegħ jew fornitur li ma kienx parti fil-proċedura li wasslet għall-inklużjoni ta’ dawn il-klawżoli f’dan ir-reġistru, bħala aġir illegali (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Biuro podróży Partner, C‑119/15, EU:C:2016:987, punt 47). |
|
77 |
L-istess jgħodd a fortiori fir-rigward ta’ tilwima bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumatur, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha t-termini ta’ klawżola kuntrattwali potenzjalment inġusta għandhom jiġu eżegwiti. |
|
78 |
Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux ġurisprudenza nazzjonali li skontha l-inklużjoni ta’ klawżola ta’ kuntratt fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali jkollha bħala effett li din il-klawżola tiġi kkunsidrata inġusta f’kull proċedura li tinvolvi konsumatur, inkluż fir-rigward ta’ bejjiegħ jew fornitur ieħor differenti minn dak li kontrih kienet tressqet il-proċedura ta’ inklużjoni tal-imsemmija klawżola f’dan ir-reġistru nazzjonali u meta l-istess klawżola ma jkollhiex formulazzjoni identika għal dik tal-klawżola li ġiet irreġistrata iżda li għandha l-istess portata u tipproduċi l-istess effetti fuq il-konsumatur ikkonċernat. |
Fuq l‑ispejjeż
|
79 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.