|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/267 |
29.1.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/267
tad-29 ta’ Jannar 2026
li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 tat-12 ta' April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-12 ta' April 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 359/2011. |
|
(2) |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2022 saħqu li l-Unjoni rrifjutat bil-qawwa l-prattika tal-Iran tad-detenzjoni arbitrarja ta' ċittadini barranin, inkluż persuni b'nazzjonalità doppja, u appellat lill-Iran biex itemm il-prattika inkwetanti tad-detenzjoni ta' persuni ċivili barranin innoċenti bil-ħsieb li jikseb vantaġġi politiċi. L-Unjoni fakkret lill-Iran fl-obbligi internazzjonali tiegħu skont il-Konvenzjonijiet ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi u Konsulari u ħeġġet lill-awtoritajiet Iranjani biex jirrispettaw dawk l-obbligi. |
|
(3) |
Fid-9 ta' Jannar 2026, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ħarġet dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni fejn innotat bi tħassib kbir ir-rapporti dwar il-vittmi u kkundannat l-użu tal-vjolenza, id-detenzjoni arbitrarja, u t-tattiċi ta' intimidazzjoni mill-forzi tas-sigurtà kontra d-dimostranti. Id-dikjarazzjoni appellat biex l-individwi kollha detenuti inġustament talli eżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom jinħelsu immedjatament u ħeġġet lill-awtoritajiet Iranjani jaderixxu mal-obbligi internazzjonali tal-Iran u jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika. Appellat ukoll biex jiġi żgurat id-dritt ta' aċċess għall-informazzjoni, inkluż billi jiġi restawrat l-aċċess għall-internet għal kulħadd. |
|
(4) |
F'dak il-kuntest, u f'konformità mal-impenn tal-Unjoni li tindirizza l-kwistjonijiet kollha ta' tħassib mal-Iran, fosthom is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, jenħtieġ li 15-il persuna u sitt entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 359/2011. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 359/2011 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 359/2011 huwa emendat f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Jannar 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) ĠU L 100, 14.4.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/359/oj.
ANNESS
Il-persuni u l-entitajiet li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 359/2011:
Persuni
|
|
Isem |
Informazzjoni tal-identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
|
“245. |
Eskandar MOMENI اسکندر مؤمنی |
Funzjoni: Ministru għall-Intern Kap tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali; Viċi Kap Kmandant tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) Data tat-twelid: 1962 Post tat-twelid: Qaem Shahr, Iran Nazzjonalità: Iranjana Sess: raġel |
Eskandar Momeni huwa l-Ministru għall-Intern tal-Iran u l-Kap tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali. F'dan ir-rwol, huwa jissorvelja l-Law Enforcement Forces (LEF) tal-Iran, li huma responsabbli għal ksur sfaċċat u serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż. Momeni jservi wkoll bħala Viċi Kap Kmandant tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC), u f'din il-kapaċità jissorvelja forzi tas-sigurtà differenti tal-IRGC, inkluż il-Forza ta’ Reżistenza ta’ Basij. Fir-rwol doppju tiegħu, Momeni huwa responsabbli għas-soppressjoni tal-protesti fit-toroq, li raw mijiet ta' vittmi li forzi differenti tas-sigurtà taħt il-kontroll tiegħu huma responsabbli għalihom. Momeni ġie inkarigat ukoll minn investigazzjoni dwar il-mewt f'Awwissu 2024 ta' Mohammad Mirmousavi, li ġie ttorturat għall-mewt mill-forzi tas-sigurtà, u Momeni eżonera lill-forzi tas-sigurtà f'dak il-każ billi tefa' t-tort fuq il-vittma. Għalhekk, Eskandar Momeni huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026 |
|
246. |
Mohammad MOVAHEDI-AZAD محمد موحدی آزاد |
Funzjoni: Prosekutur Ġenerali Data tat-twelid: 6.9.1960 Post tat-twelid: Qom, Iran Nazzjonalità: Iranjana Sess: raġel |
Mohammad Movahedi-Azad huwa l-Prosekutur Ġenerali u kellu sensiela ta' karigi importanti fis-sistema ġudizzjarja tal-Iran, speċjalment f'Tehran. Matul il-karriera professjonali tiegħu huwa ħareġ u kkonferma sentenzi inġusti b'mod partikolari kontra dimostranti u minoranzi, fittex li jissopprimi d-dissens u l-libertà tal-espressjoni, u ssorvelja t-tortura. Waqt il-protesti mal-pajjiż kollu fl-Iran li bdew f'Diċembru 2025, fil-kapaċità tiegħu bħala Prosekutur Ġenerali, hedded lid-dimostranti bil-piena tal-mewt minħabba li huma ‘għedewwa t'Alla’ u appella għas-sekwestru tal-assi tagħhom. Għaldaqstant, Mohammad Movahedi-Azad huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026 |
|
247. |
Seyed Majid Feiz JAFARI سید مجید فیض جعفری |
Funzjoni: Kap tal-Public Security Police Nazzjonalità: Iranjana Sess: raġel |
Seyed Majid Feiz Jafari huwa l-Kap tal-Public Security Police (Pulizija tas-Sigurtà Pubblika). F'din il-pożizzjoni kellu rwol attiv fis-soppressjoni vjolenti ta' protesti paċifiċi. Il-Pulizija tas-Sigurtà Pubblika sistematikament tuża l-vjolenza u metodi ta' intimidazzjoni kontra d-dimostranti u l-attivisti, u b'hekk tikser id-drittijiet tagħhom ta’ libertà ta' espressjoni u ta' għaqda tagħhom. Għaldaqstant, Seyed Majid Feiz Jafari huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026 |
|
248. |
Ahmad Ali FAIZULLAHI احمدعلی فیض اللهی |
Funzjoni: Kmandant tas-Saberin Takavar Special Forces Brigade tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) Data tat-twelid: 1966 jew 1967 Nazzjonalità: Iranjana Sess: raġel |
Ahmad Ali Faizullahi huwa l-Kmandant tas-Saberin Takavar Special Forces Brigade tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC), forza ta' operazzjonijiet speċjali tal-ogħla livell fil-Forzi tal-Art tal-IRGC. Is-Saberin Takavar Special Forces Brigade kienet involuta direttament fis-soppressjoni vjolenti tal-protesti fl-Iran u fit-twettiq ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fir-rigward tal-protesti mal-pajjiż kollu fl-Iran li bdew f’Diċembru 2025. Għaldaqstant, Ahmad Ali Faizullahi huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026 |
|
249. |
Iman AFSHARI |
Funzjoni: Imħallef li jippresiedi l-Fergħa 26 tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta' Tehran Nazzjonalità: Iranjana Sess: raġel |
Iman Afshari huwa l-imħallef li jippresiedi l-Fergħa 26 tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta' Tehran. F'din il-kapaċità, huwa kellu rwol ċentrali fiż-żamma tal-politiki oppressivi tar-reġim Iranjan, billi ta sentenzi tal-mewt u sentenzi twal ta' ħabs kontra priġunieri politiċi, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, u minoranzi etniċi u reliġjużi. Iman Afshari huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026 |
|
250. |
Ali Abdollahi ALIABADI
|
Funzjoni: Kmandant tal-Khatam al-Anbiya Central Headquarters Data tat-twelid: 1959 Post tat-twelid: Aliabad, Rudbar County, Iran Nazzjonalità: Iranjana Sess: raġel |
Ali Abdollahi Aliabadi huwa l-Kmandant tal-Khatam al-Anbiya Central Headquarters, li jissorvelja l-koordinazzjoni bejn l-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) u l-Armata Iranjana. Bħala Kmandant huwa jissorvelja, jikkoordina u jippjana l-operazzjonijiet militari Iranjani kollha li jinvolvu fergħat multipli tal-Forzi Armati Iranjani, bħall-Pulizija, l-IRGC u l-Armata. Għalhekk, Khatam al-Anbiya Central Headquarters għandhom ukoll rwol sinifikanti fit-tnedija ta' soppressjonijiet u repressjoni mifruxin bl-użu ta' vjolenza eċċessiva. Taħt il-kmand ta' Aliabadi tal-Khatam al-Anbiya Central Headquarters, il-Forzi Armati Iranjani arrestaw, sawtu, ittorturaw u qatlu lill-Iranjani. Ali Abdollahi Aliabadi huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026 |
|
251. |
Ruhollah Momen NASAB
|
Funzjoni: Kap tal-fergħa ta' Tehran tal-korp tal-gvern ‘the Headquarters for Promoting Virtue and Preventing Vice’ Data tat-twelid: 21.1.1981 Nazzjonalità: Iranjana Sess: raġel |
Ruhollah Momen Nasab huwa l-kap tal-fergħa ta' Tehran ta' korp tal-gvern imsejjaħ ‘the Headquarters for Promoting Virtue and Preventing Vice’‘li fl-aħħar mill-aħħar jaqa’ taħt il-Mexxej Suprem Ali Khamenei. Taħt l-inizjattiva ta' Nasab, dan il-korp stabbilixxa Unità ‘Chastity and Hijab’ li għandha l-għan li timmonitorja l-ilbies tan-nisa fl-Iran. Barra minn hekk, Ruhollah Momen-Nasab ipparteċipa f'kampanji ta' diżinformazzjoni online, imwettqa bil-ħolqien ta' kontijiet foloz bl-użu tal-ismijiet ta’ individwi magħrufa sew. Barra minn hekk, Ruhollah Momen Nasab huwa wieħed mid-disinjaturi ewlenin tal-pjan għall-Protezzjoni taċ-Ċiberspazju, li għandu l-għan li jirrestrinġi l-aċċess taċ-ċittadini għall-internet mingħajr ħlas fl-Iran sabiex l-użu ta' networks soċjali bħal Instagram u WhatsApp, u tas-servizzi ta' Google u servizzi oħra tal-posta elettronika jsir impossibbli għaċ-ċittadini. Għaldaqstant, Ruhollah Momen Nasab qed jikser id-drittijiet tal-libertà tal-informazzjoni u tal-espressjoni tal-poplu Iranjan, u għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026 |
|
252. |
Haidar OLFATI magħruf ukoll bħala Heydar OLFATI |
Funzjoni: Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-Provinċja ta' Ilam Nazzjonalità: Iranjana Sess: raġel |
Haidar Olfati huwa Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-Provinċja ta' Ilam. Taħt il-kmand tiegħu, il-forzi tal-IRGC fil-Provinċja ta' Ilam kienu involuti fir-repressjoni vjolenti tad-dimostrazzjonijiet, inkluż matul il-protesti fil-pajjiż kollu fl-Iran li bdew f’Diċembru 2025 meta l-forzi tal-IRGC fetħu n-nar fuq dimostranti paċifiċi, li rriżulta fi mwiet u korrimenti. Bħala Kmandant tal-IRGC fil-Provinċja ta' Ilam, għalhekk Haidar Olfati huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, inkluż ksur tad-dritt għall-ħajja u d-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda paċifika. |
29.1.2026 |
|
253 |
Morteza SHEYKHI مرتضی شیخی magħruf ukoll bħala Morteza SHEIKHI |
Funzjoni: Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-Kontea ta' Azna Nazzjonalità: Iranjana Sess: raġel |
Morteza Sheykhi ilu l-Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-Kontea ta' Azna, fil-Provinċja ta' Lorestan, mill-2024. Taħt il-kmand tiegħu, il-forzi tal-IRGC fil-Kontea ta’ Azna kienu involuti fir-repressjoni vjolenti tad-dimostrazzjonijiet, inkluż matul il-protesti mal-pajjiż kollu fl-Iran li bdew f’Diċembru 2025, fejn il-forzi tal-IRGC fetħu n-nar fuq id-dimostranti, li rriżultaw fi mwiet u korrimenti. Bħala Kmandant tal-IRGC fil-Kontea ta' Azna, Morteza Sheykhi huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026 |
|
254. |
Seyed Ali-Asghar POURBEHESHT
|
Funzjoni: Kmandant tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) u tal-Basij Resistance Force tal-Kontea ta' Kohgiluyeh Nazzjonalità: Iranjana Sess: raġel |
Seyed Ali-Asghar Pourbehesht huwa kmandant tal-Korp tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) u tal-Basij Resistance Force fil-Kontea ta' Kohgiluyeh. Il-Basij Resistance Force hija organizzazzjoni paramilitari volontarja li topera taħt l-IRGC b'fergħat madwar l-Iran. Il-Basij Resistance Force kienet waħda mill-forzi ordnati mill-Gvern Iranjan biex tissopprimi b'mod vjolenti l-protesti f'Settembru 2022. Il-forzi tal-IRGC u dawk ta’ Basij kienu involuti wkoll fir-repressjoni vjolenti tal-protesti mal-pajjiż kollu fl-Iran li bdew f’Diċembru 2025 u li rriżultaw f'bosta vittmi u detenzjonijiet arbitrarji, inkluż fil-Kontea ta' Kohgiluyeh. Għalhekk, fil-kapaċità tiegħu bħala Kmandant tal-IRGC u tal-Basij Resistance Force, Seyed Ali-Asghar Pourbehesht huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, inkluż id-drittijiet għall-ħajja u d-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda. |
29.1.2026. |
|
255. |
Alireza NOSHAD magħruf ukoll bħala Alireza NOWSHAD |
Funzjoni: Kmandant tal-Pulizija tal-Kontea ta' Marvdasht u membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Kontea ta' Marvdasht Nazzjonalità: Iranjana Sess: raġel |
Alireza Noshad huwa l-Kmandant tal-Pulizija tal-Kontea ta' Marvdasht u membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Kontea ta’ Marvdasht. F'din il-kapaċità, Alireza Noshad mexxa r-repressjoni vjolenti tal-protesti madwar il-pajjiż kollu fl-Iran li bdew f'Diċembru 2025, li rriżultat fi mwiet u korrimenti. Alireza Noshad huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026 |
|
256. |
Rasoul JALILI رسول جلیلی |
Funzjoni: Membru tas-Supreme Council of Cyberspace; riċerkatur akkademiku fix-Sharif University of Technology u President tagħha Data tat-twelid: 1961 Post tat-twelid: Eqlid, Fars, Iran Nazzjonalità: Iranjana Sess: raġel |
Rasoul Jalili huwa membru tas-Supreme Council for Cyberspace (SCC), entità elenkata mill-Unjoni. F'dan ir-rwol, huwa kien involut fl-iżvilupp ta' għodod ta' ċensura u sorveljanza u huwa involut fix-Sharif Opening Plan, sistema b'livelli differenti ta' aċċess għall-Internet fl-Iran li tiddiskrimina bejn l-individwi abbażi tal-istatus professjonali u soċjali tagħhom. L-SCC huwa responsabbli wkoll għall-koordinazzjoni tar-restrizzjonijiet tal-aċċess għall-internet sabiex jipprevjeni jew jopprimi l-protesti u jillimita l-aċċess għal informazzjoni miftuħa u mingħajr ħlas. Permezz tar-rwol tiegħu fl-SCC, Rasoul Jalili qed jikser id-drittijiet għal-libertà tal-informazzjoni u tal-espressjoni tal-poplu Iranjan. .Rasoul Jalili huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u huwa assoċjat mas-Supreme Council of Cyberspace, entità responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026 |
|
257. |
Masoud MOSADEGH مسعود مصدق magħruf ukoll bħala Masoud MOSSADEGH magħruf ukoll bħala Masoud MOSADDEQ |
Funzjoni: Brigadier Ġeneral; Kmandant tal-Unitajiet Speċjali tal-Law Enforcement Forces tal-Iran (LEF Special Units) Nazzjonalità: Iran Sess: raġel |
Masoud Mosadegh huwa l-Kmandant tal-Unitajiet Speċjali tal-Law Enforcement Forces tal-Iran (LEF Special Units). Il-LEF Special Units ġew ħafna drabi skjerati biex jissopprimu b'mod vjolenti l-protesti paċifiċi, filwaqt li qatlu u darbu lil persuni ċivili. Dan kien il-każ ukoll fil-protesti mal-pajjiż kollu fl-Iran li bdew f’Diċembru 2025. Masoud Mosadegh huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026 |
|
258. |
Mohsen EBRAHIMI محسن ابراهیمی |
Funzjoni: Kmandant tal-Counter-Terrorism Special Force (NOPO) Nazzjonalità: Iranjana Sess: raġel |
Mohsen Ebrahimi huwa l-Kmandant tal-Counter-Terrorism Special Force (NOPO) tal-Iran, entità elenkata mill-Unjoni. In-NOPO hija subdiviżjoni tal-iSpecial Units tal-Law Enforcement Forces (LEF) tal-Iran. In-NOPO hija unità mħarrġa ħafna u speċjalizzata li ħafna drabi tiġi skjerata biex ittemm il-protesti. In-NOPO użat vjolenza eċċessiva u forza letali kontra dimostranti mhux armati, inkluż nisa u tfal. Il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħha ġie dokumentat matul diversi protesti, inkluż il-protesti mal-pajjiż kollu fl-Iran li bdew f’Diċembru 2025. Mohsen Ebrahimi huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026 |
|
259. |
Mohsen FATHIZADEH محسن فتحی زاده magħruf ukoll bħala Mohsen FATHI ZADEH |
Funzjoni: Kap tal-Protection and Intelligence Organization of the Law Enforcement Forces (LEF) Grad Militari: Brigadier Ġeneral tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) Nazzjonalità: Iranjana Sess: raġel Numru tal-ID Nazzjonali: 4839651760 |
Mohsen Fathizadeh huwa l-Kap tal-Protection and Intelligence Organization of the Law Enforcement Forces (LEF) fl-Iran. Il-missjoni tal-Protection and Intelligence Organization hija li tipprovdi appoġġ ta' intelligence lill-kmand tal-pulizija u b'hekk tiżgura s-sigurtà interna fl-Iran. L-aġenti taħt il-kmand ta’ Mohsen Fathizadeh arrestaw b'mod arbitrarju attivisti, issopprimew b'mod vjolenti dimostranti paċifiċi, u infurzaw ir-regolamenti stretti dwar il-ħiġab. Barra minn hekk, il-LEF ġew ħafna drabi skjerati biex jissopprimu b'mod vjolenti l-protesti paċifiċi, filwaqt li qatlu u darbu lil persuni ċivili. Għalhekk, Mohsen Fathizadeh huwa responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026”; |
Entitajiet
|
|
Isem |
Informazzjoni tal-identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
|
“46. |
Iranian Audio-Visual Media Regulatory Authority (SATRA) سازمان تنظیم مقررات رسانه های صوت و تصویر فراگیر در فضای مجازی - ساترا |
Indirizz: No. 234, Motahari St., Tehran, Iran PO Box:1588874611 Post tar-reġistrazzjoni: Iran Data tar-reġistrazzjoni: 2016 |
L-Audio-Visual Media Regulatory Authority (SATRA) hija korp tal-gvern li huwa responsabbli għall-monitoraġġ tal-kontenut online u vidjo ppubblikat fl-Iran, inkluż prodotti tad-divertiment murija fuq pjattaformi tal-istreaming bi sjieda privata. SATRA topera taħt is-superviżjoni tax-xandar tal-istat, l-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB) u għalhekk hija assoċjata mal-IRIB, entità elenkata mill-Unjoni. Bħala parti mill-attivitajiet tagħha, SATRA tiċċensura kontenut politiku u kulturali, bħal fehmiet politiċi kuntrarji espressi f’wirjiet televiżivi u f’films, u rappreżentazzjonijiet ta’ konsum tal-alkoħol, tipjip, u n-nuqqas ta' ħiġab. Billi tiċċensura l-kontenut tal-media, SATRA tikser id-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni tal-poplu Iranjanu l-libertà u l-pluraliżmu tal-media. SATRA hija għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026 |
|
47. |
Seraj Cyberspace Organization |
Post tar-reġistrazzjoni: Fars, Iran Sit web: https://seraj.ir/ Data tar-reġistrazzjoni: 2013 |
Seraj Cyberspace Organization ġiet stabbilita mill-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) biex tappoġġa l-apparat tal-IRGC billi tirrekluta, tħarreġ u timmobilizza utenti tal-internet favur ir-reġim. L-operazzjonijiet ta' Seraj Cyberspace Organisation jinkludu kampanji ta' trolling fuq il-media soċjali, it-tixrid ta' diżinformazzjoni u miżinformazzjoni online, il-popolarizzazzjoni ta' hashtags favur ir-reġim u l-orkestrazzjoni ta' diviżjonijiet fost l-oppożizzjoni Iranjana. Il-kontijiet relatati ma' Seraj Cyberspace Organization jintużaw ukoll biex jinxtered kontenut abbużiv kontra l-avversarji tar-Repubblika Iżlamika u biex jiġu attakkati l-avversarji politiċi online. Għaldaqstant, Seraj Cyberspace Organization qed tikser id-drittijiet tal-libertà tal-informazzjoni u tal-libertà tal-espressjoni tal-poplu Iranjan. . Seraj Cyberspace Organization hija għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026 |
|
48. |
Working Group for Determining Instances of Criminal Content کارگروه تعیین مصادیق محتوای مجرمانه magħruf ukoll bħala WGDICC magħruf ukoll bħala l-Commission to Determine the Instances of Criminal Content (CDICC) magħruf ukoll bħala The Filtering Committee magħruf ukoll bħala Internet Blocking Censory Committee |
Indirizz: Sure-Esrafil St, Tehran, Iran Post tar-reġistrazzjoni: Sure-Esrafil St, Tehran, Iran Sit web: http://internet.ir |
Il-Working Group for Determining Instances of Criminal Content (WGDICC) huwa korp ġudizzjarju li jopera taħt l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Iran. Għandu l-kompitu li jiffiltra u jiċċensura l-internet fl-Iran. Biex jagħmel dan, jikkollabora ma' diversi kumpaniji u organi tax-xandir biex jiżviluppa u juża għodod ta' sorveljanza u ċensura. Dawn jinkludu għodod li għandhom l-għan li jnaqqsu l-wisa' tal-banda, jimblukkaw pjattaformi internazzjonali tal-media soċjali u jimblukkaw il-VPNs mhux awtorizzati. Barra minn hekk, id-WGDICC huwa involut fl-iffiltrar ta' informazzjoni meqjusa li tmur kontra l-valuri u s-sigurtà tar-reġim Iranjan. B'dan il-mod, id-WGDICC qed jillimita b'mod sistematiku l-aċċess għal informazzjoni indipendenti u qed jillimita l-libertà taċ-ċittadini Iranjani li jesprimu l-fehmiet tagħhom, li jikkomunikaw ma' xulxin, u li jorganizzaw ruħhom sabiex jagħtu effett lil-libertà ta' għaqda, b'mod partikolari permezz tal-użu ta' pjattaformi online bħall-media soċjali. Id-WGDICC huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet għal-libertà tal-informazzjoni, l-espressjoni u l-għaqda tal-poplu -Iranjan. Id-WGDICC huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026 |
|
49. |
Yaftar Pazhohan Pishtaz Rayanesh Limited Company magħrufa wkoll bħala Yaftar magħrufa wkoll bħala Yaftar Company |
Indirizz: No.37, Unit 13, Qasemi Street, Habibollah Street, Azadi Avenue, Tehran, 1576984418, Iran Indirizz: No. 56, 4th and 5th floors, Ghasemi Alley, Shahid Akbari Boulevard, Azadi St, Tehran, Iran Tip ta' entità: Kumpanija Limitata Numru tar-reġistrazzjoni: 436501 Numru tal-Identità Nazzjonali: 10320862133 |
Yaftar hija kumpanija fl-Iran li tikkollabora mal-Working Group for Determining Instances of Criminal Content (WGDICC). Yaftar tikkontribwixxi għat-tfixkil mifrux tal-aċċess għall-internet billi tiżviluppa għodod ta' sorveljanza u repressjoni. Yaftar hija waħda mill-kuntratturi ewlenin li qed jaħdmu fuq iċ-ċensura online fl-Iran u hija involuta fl-imblukkar u ċ-ċensura tas-siti web u tal-apps fuq l-internet. B'mod speċifiku, Yaftar qed tiżviluppa sistemi biex tiġbor data minn magni tat-tiftix sabiex tidentifika u tiċċensura kontenut meqjus bħala ‘kriminali’ mid-WGDICC. Yaftar ikkooperat ukoll mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Iranjan fl-imblukkar tal-VPNs. Barra minn hekk, Yaftar taħdem fuq l-analiżi tal-immaġni u l-għarfien tal-wiċċ. Permezz tal-attivitajiet tagħha, Yaftar qed tillimita b'mod sinifikanti l-aċċess għal informazzjoni indipendenti u l-libertà tal-espressjoni taċ-ċittadini Iranjani. Yaftar hija għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026 |
|
50. |
Douran Software Technologies گروه دوران magħrufa wkoll bħala Douran Group magħrufa wkoll bħala Douran Information Technologies magħrufa wkoll bħala Douran Software |
Indirizz: No.62, 1st floor, Shahid Farshad ayyazi (9th), Shahid Abdolhamid Sabunchi St., Shahid Beheshti Ave., Tehran, 1533763811, Iran Post tar-reġistrazzjoni: Iran Data tar-reġistrazzjoni: 4.10.2004 Numru tar-reġistrazzjoni: 231475 Numru tal-identità nazzjonali: 10102527140 Sit web: www.douran.ir |
Douran Software Technologies hija kumpanija tas-software Iranjana nvoluta f'attivitajiet ta' mblukkar u ċensura tal-internet. Tipprovdi għodod għall-analiżi tat-traffiku u ċ-ċensura, l-iffiltrar fuq l-internet u l-imblukkar tat-tagħmir tal-VPNs lill-fornituri tal-internet Iranjani. Douran Software Technologies hija involuta fil-proġetti tan-National Information Network u tikkoopera fost l-oħrajn mal-Working Group for Determining Instances of Criminal Content (WGDICC) u l-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) biex tillimita l-aċċess għal siti web internazzjonali. Għalhekk, Douran Software Technologies qed tikser id-dritt għal-libertà tal-informazzjoni, tal-għaqda u l-espressjoni tal-poplu Iranjan,, billi timblokka l-aċċess vitali għall-internet. Douran Software Technologies għalhekk,hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026 |
|
51. |
Masaf Institute |
Post tar-reġistrazzjoni: Iran Data tar-reġistrazzjoni: Ġunju 2011 |
Il-Masaf Institute huwa organizzazzjoni mwaqqfa fl-2011 minn Ali Akbar Raefipour. Il-Masaf Institute għandu rwol ewlieni fit-tiskit tal-oppożizzjoni politika, billi jinvolvi ruħu f'kampanji ta' doxxing u malafama kontra l-Iranjani li huma kontra r-reġim. Jiżviluppa armati ċibernetiċi favur ir-reġim, jorganizza attakki online, u jxerred id-diżinformazzjoni, bl-għan li jidentifika dissidenti politiċi. Kien involut f'kampanji koordinati ta' ‘doxxing’ immexxija mill-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC), li wasslu għad-detenzjoni ta' dissidenti politiċi. Il-Masaf Institute jservi bħala mezz ta' propaganda għar-Repubblika Iżlamika permezz tal-użu ta' diversi għodod, bħal filmati, dokumentarji, films qosra, logħob, software, mużika, grafika, cartoons, illustrazzjonijiet, u analiżi ta' avvenimenti politiċi. B'dan il-mod, il-Masaf Institute qed jikser id-drittijiet għal-libertà tal-informazzjoni, tal-għaqda u tal-espressjoni tal-poplu Iranjan. Il-Masaf Institute huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
29.1.2026”. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/267/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)