Official Journal L 186 , 30/06/1989 P. 0021 - 0022
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 9 P. 0071
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 9 P. 0071
Id-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Ġunju 1989 dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjieni oġġett ta’ l-ikel (89/396/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], F’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi huwa meħtieġ illi jiġu adottati miżuri bil-għan li jiġi stabbilit progressivament is-suq intern matul il-perjodu taż-żmien li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 1992; billi s-suq intern jikkomprendi żona mingħajr fruntieri interni li fiha huwa żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital; Billi l-kummerċ fl-oġġetti ta’ l-ikel jokkupa post importanti ħafna fis-suq intern; Billi l-indikazzjoni tal-lott li għalih jappartjieni oġġett ta’ l-ikel jilħaq il-ħtieġa ta’ tagħrif aħjar dwar l-identità tal-prodotti; billi huwa għalhekk sors utili ta’ tagħrif meta l-oġġetti ta’ l-ikel ikunu s-suġġett ta’ kwistjonijiet jew jikkostitwixxu riskju għas-saħħa tal-konsumaturi; Billi d-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel [4], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/395/KEE [5], ma fiha l-ebda dispożizzjoni dwar l-indikazzjoni ta’ l-identifikazzjoni tal-lott; billi sadanittant uħud mill-Istati Membri adottaw miżuri nazzjonali li jeħtieġu din l-indikazzjoni; Billi fil-livell internazzjonali issa hemm obbligu ġenerali li tiġi pprovduta referenza għal-lot ta’ fabbrikazzjoni jew ta’ imballaġġ ta’ oġġetti ta’ l-ikel imballati minn qabel; billi huwa d-dmir tal-Komunità li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali; Billi huwa għalhekk ta’ min li jiġu adottati regoli ta’ natura ġenerali u orizzontali sabiex tiġi stabbilita sistema komuni ta’ l-identifikazzjoni tal-lott; Billi l-effiċjenza ta’ din is-sistema tiddependi fuq l-applikazzjoni tagħha fl-istadji varji tat-tqegħid fis-suq; billi huwa madankollu mixtieq li jiġu esklużi ċerti prodotti u operazzjonijiet b’mod partikolari dawk li jseħħu fil-bidu tan-network tad-distribuzzjoni tal-prodotti agrikoli; Billi l-kunċett ta’ lott jimplika illi numru ta’ unitajiet tal-bejgħ ta’ oġġett ta’ l-ikel għandhom karatteristiċi tal-produzzjoni, tal-fabbrikazzjoni jew ta’ l-imballaġġ kważi identiċi; billi dak il-kunċett għalhekk ma setax japplika għall-prodotti bl-ingrossa jew għall-prodotti li, minħabba n-natura individwali speċifika jew eteroġenja tagħhom, ma setgħux jiġu meqjusa li jagħmlu parti minn batch eteroġenju; Billi, minħabba l-varjetà tal-metodi ta’ l-identifikazzjoni wżati, hija r-responsabbiltà tan-negozjant li jiddetermina l-lott u li jwaħħal l-indikazzjoni jew il-marka korrispondenti; Billi, sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġiet tat-tagħrif li għaliha hija maħsuba, din l-indikazzjoni għandha tkun distinta u tingħaraf bħala tali; Billi d-data ta’ durabbiltà minima jew id-data sa meta l-oġġett għandu jkun ikkunsmat, jistgħu, skond id-Direttiva 79/112/KEE, iservu bħala identifikazzjoni tal-lott, sakemm din tiġi indikata b’mod preċiż, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 1. Din id-Direttiva tirrigwarda l-indikazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-lott li għalih jappartjieni xi oġġett ta’ l-ikel. 2. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, "lott" ifisser batch ta’ unitajiet tal-bejgħ ta’ oġġett ta’ l-ikel prodott, iffabbrikat jew imballat taħt prattikament l-istess kondizzjonijiet. L-Artikolu 2 1. Oġġett ta’ l-ikel ma jistgħax jitqiegħed fis-suq jekk ma jkunx akkumpanjat minn indikazzjoni li kif stipulat fl-Artikolu 1(1). 2. Iżda, il-paragrafu 1 ma għandux japplika: (a) għall-prodotti agrikoli li, malli jħallu l-azjenda jkunu: - mibjugħa jew ikkunsinjati fi stazzjonijiet temporanji tal-ħażna, preparazzjoni jew imballaġġ, - ittrasportati lejn organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew - miġbura għall-integrazzjoni immedjata f’sistema operazzjonali ta’ preparazzjoni jew ta’ proċessar; (b) meta, fil-punt tal-bejgħ lill-aħħar konsumatur, l-oġġetti ta’ l-ikel ma jkunux imballati minn qabel, jiġu imballati fuq it-talba tax-xerrej jew jiġu imballati minn qabel għall-bejgħ immedjat; (ċ) għall-imballaġġi jew il-kontenituri, li l-akbar ġenb tagħhom ikollu area ta’ anqas minn 10 ċm2. 3. L-Istati Membri jistgħu, sal-31 ta’ Diċembru 1996, iżommu lura milli jeħtieġu li l-indikazzjoni riferita fl-Artikolu 1(1) għandha tissemma fil-każ tal-fliexken tal-ħġieġ maħsuba sabiex jerġgħu jintużaw li jkunu mmarkati b’mod li ma jitħassarx u li għalhekk ma jġibu fuqhom l-ebda tikketta, ċurkett jew kullar. L-Artikolu 3 Il-lott għandu jiġi stabbilit f’kull każ mill-produttur, mill-fabbrikant jew mill-pakkeġġjatur ta’ l-oġġett ta’ l-ikel in kwistjoni, jew mill-ewwel bejjiegħ stabbilit fil-Komunità. L-indikazzjoni riferita fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi determinata u mwaħħla fuq ir-responsabbiltà ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn l-operaturi. Għandha tkun preċeduta mill-ittra "L" għajr fil-każijiet fejn tkun tingħaraf b’mod ċar mill-indikazzjonijiet l-oħra fuq it-tikketta. L-Artikolu 4 Fejn l-oġġetti ta’ l-ikel jiġu imballati minn qabel, l-indikazzjoni riferita fl-Artikolu 1(1) u, fejn japplika, l-ittra "L" għandhom jidhru fuq l-imballaġġ minn qabel jew fuq it-tikketta mwaħħla magħhom. Fejn l-oġġetti ta’ l-ikel ma jiġux imballati minn qabel, l-indikazzjoni riferita fl-Artikolu 1(1) u, fejn tapplika, l-ittra "L" għandhom jidhru fuq l-imballaġġ jew fuq il-kontenitur jew, fin-nuqqas ta’ dawn, fuq id-dokumenti kummerċjali rilevanti. Għandhom fil-każijiet kollha jidhru b’mod li jkunu jidhru faċilment, jinqraw ċar u ma jitħassrux. L-Artikolu 5 Meta d-data tad-durabbiltà minima jew id-data sa meta l-oġġett għandu jkun ikkunsmat tidher fuq it-tikketta, l-indikazzjoni riferita fl-Artikolu 1(1) m’għandhiex għalfejn tidher fuq l-oġġett ta’ l-ikel, sakemm id-data tikkonsisti f’mill-anqas l-indikazzjoni mhux ikkodifikata tal-jum u x-xahar f’dik l-ordni. L-Artikolu 6 Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għall-indikazzjonijiet stabbiliti minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Komunità. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u żżomm aġġornata lista tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. L-Artikolu 7 L-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jemendaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex: - jawtorizzaw il-kummerċ fil-prodotti li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Ġunju 1990, - jipprojbixxu l-kummerċ fil-prodotti li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva b’effett mill-20 ta’ Ġunju 1991, madankollu, l-kummerċ fil-prodotti mqiegħda fis-suq jew ittikkettjati qabel dik id-data u li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva jista’ jissokta sakemm jintemmu l-ħażniet. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu minnufih b’dan lill-Kummissjoni. L-Artikolu 8 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri kollha. Magħmula fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Ġunju 1989. Għall-Kunsill Il-President P. Solbes [1] ĠU C 310, tal-20.11.1987, p. 2. [2] ĠU C 167, tas-27.6.1988, p. 425 u ĠU C 120, tas-16.5.1989. [3] ĠU C 95, tal-11.4.1988, p. 1. [4] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 1. [5] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 17. --------------------------------------------------