KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fl-1 ta’ April 2014 ( 1 )
Kawża C‑83/13
Fonnship A/S
vs
Svenska Transportarbetareförbundet,
Facket för Service och Kommunikation (SEKO)
u
Svenska Transportarbetareförbundet
vs
Fonnship A/S
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbetsdomstolen (l-Isvezja)]
“Talba għal deċiżjoni preliminari — Domanda addizzjonali mitluba minn parti iżda mhux magħmula mill-qorti tar-rinviju — Regolament (KEE) Nru°4055/86 — Kamp ta’ applikazzjoni — Provvista ta’ servizzi ta’ trasport marittimu — Transport marittimu lejn Stat Membru minn vapur li jappartjeni lil kumpannija bis-sede tagħha fi Stat parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li jġorr bandiera ta’ Stat terz mhux membru taż-ŻEE — Abbuż ta’ dritt — Azzjoni kollettiva mibdija f’port ta’ Stat Membru li wasslet lill-kumpannija proprjetarja tal-vapur tiffirma ftehim kollettiv — Kompetizzjoni ġusta”
I – Introduzzjoni
|
1. |
Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, l‑Arbetsdomstolen (l-Isvezja) jistaqsi, essenzjalment, jekk kumpannija, li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) ( 2 ), proprjetarja ta’ vapur li jġorr bandiera ta’ Stat terz, taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif applikabbli għat-trasport marittimu bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86, tat-22 ta’ Diċembru 1986, li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi ( 3 ), inkorporat ukoll fil-Ftehim ŻEE ( 4 ). |
|
2. |
Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta’ kawżi tal-kumpannija Norveġiża Fonnship A/S, kumpannija Norveġiża (iktar ’il quddiem “Fonnship”) kontra Svenska Transportarbetarförbundet (Federazzjoni Svediża tal-Ħaddiema tat‑Trasport, iktar ’il quddiem l-“ST”) u Facket för Service och Kommunikation (sindakat ta’ ħaddiema fl-oqsma tas-servizzi u tal‑komunikazzjoni, iktar ’il quddiem is-“SEKO”), assoċjazzjonijiet Svediżi dwar azzjonijiet sindakali, meħuda fl-2001 u fl-2003, li allegatament affettwaw ħażin, fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), il-provvista ta’ servizzi permezz ta’ vapur li jappartjeni lil Fonnship (is-Sava Star), irreġistrat fir-reġistru marittimu tal-Panama u, għalhekk, iġorr il-bandiera ta’ dan il-pajjiż terz ( 5 ). |
|
3. |
B’mod iktar preċiż, peress li l-ekwipaġġ tas-Sava Star użat minn Fonnship, kompost biss, fil-perijodu tal-fatti tal-kawża prinċipali, minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi ( 6 ), ma kienx jirċievi salarju biżżejjed li jista’ jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli għal vapur li jopera prinċiparjament fl-Ewropa, ST, fl-2001, waqt waqfa ta’ dan il-vapur f’port Svediż, bdiet azzjoni sindakali intiża sabiex twaqqaf il-ħatt u t-tgħabbija tas-Sava Star, jekk ma tkunx tista’ tikseb mingħand Fonnship l-assigurazzjoni li kienet ser tiffirma ftehim kollettiv maqbul mal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ħaddiema tat-Trasport (iktar ’il quddiem l-“ITF”) ( 7 ). Minkejja li apparentement marbuta bi ftehim kollettiv Russu, Fonnship xorta aċċettat li tiffirma l-ftehim kollettiv maqbul mal-ITF wara l-azzjoni sindakali u li tħallas il-miżati u l-kontribuzzjonijiet mitluba minn ST, biex b’hekk is-Sava Star seta’ jitlaq mill-port. |
|
4. |
Wara li skada l-ftehim kollettiv iffirmat fl-2001, inbdiet azzjoni simili minn SEKO waqt waqfa oħra tas-Sava Star f’port Svediż. Taħt protesta, Fonnship iffirmat il-ftehim kollettiv maqbul mal-ITF, mitlub mis-SEKO u ħallset l-ispejjeż u l-kontribuzzjonijiet mitluba mill-istess ftehim, li ppermetta lis-Sava Star sabiex ikompli bir-rotta tiegħu. |
|
5. |
Permezz ta’ żewġ azzjonijiet separati, Fonnship ipproċediet kontra ST u SEKO quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex, dawn l-assoċjazzjonijiet jiġu kkundannati jħallsu d-danni allegatament subiti li jirriżultaw mill-illegalità tal-azzjonijiet sindikali meħuda u min-nullità tal-ftehim kollettivi li hija kienet kostretta tiffirma. Min-naħa tagħha, ST ipproċediet kontra Fonnship quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex din tal-aħħar tiġi kkundannata tħallasha d-danni peress li din il-kumpannija ma ħallsitx ir-remunerazzjoni prevista mill-ftehim kollettiv iffirmat fl-2001. |
|
6. |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjoni tal-legalità tal-azzjonijiet sindakali hija deċiżiva għad-deċiżjoni tal-kawżi prinċipali u li sabiex tirrispondi din id-domanda jeħtieġ illi tiddeċiedi jekk id-dritt Svediż dwar azzjonijiet sindakali huwiex kompatibbli mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni (taż-ŻEE) dwar il-libertà tal-provvista ta’ servizzi. Madankollu, fid-dawl ta’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilit fis-sentenzi Viking Line, iċċitata iktar ’il fuq, u Laval un Partneri ( 8 ), il-qorti tar-rinviju tqis, kuntrarjament għal dak li sostniet Fonnship quddiemha, li ma hemmx bżonn li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi mitluba tagħti pożizzjoni dwar din il-kwistjoni. |
|
7. |
Min-naħa l-oħra, l-Arbetsdomstolen il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni illi d-domanda, diskussa wkoll quddiemha iżda li għadha ma ġietx eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja, dwar jekk id-dritt taż-ŻEE huwiex applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik f’din il-kawża, fejn vapur irreġistrat f’pajjiż terz u fejn ir-relazzjonijiet abbord huma, bħala prinċipju, irregolati mid-dritt tal-Istat tal-bandiera, teħtieġ illi jiġu sospiżi l-proċeduri u li ssir d-domanda preliminari li ġejja: “Ir-regola prevista fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea dwar il-moviment liberu tas-servizzi, servizzi ta’ trasport bil-baħar — li hemm regola ekwivalenti għaliha fit-Trattat KE — hija applikabbli għal kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat tal-EFTA fir-rigward tal-attivitajiet tagħha fil-forma ta’ servizzi ta’ trasport lejn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew lejn Stat tal-EFTA permezz ta’ bastiment li huwa rreġistrat, itajjar il-bandiera, ta’ pajjiż terz barra mill-Unjoni/Żona Ekonomika Ewropea?” |
|
8. |
Din id-domanda kienet is-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub li saru mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Svediż u dak Grieg, mill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ikkonċernati ġew ittrattati wkoll fis-seduta li saret fit-28 ta’ Jannar 2014. |
II – Analiżi
A – Rimarki preliminari dwar il-portata tat-talba għal deċiżjoni preliminari
|
9. |
Kif irrilevajt fil-punt 6 iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju b’mod ċar irrifjutat tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-azzjonijiet sindakali mad-dritt taż-ŻEE, peress li kkunsidrat, fid-dawl tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Viking Line u Laval un Partneri, li għandha tkun hi, fil-każ li r-regoli taż-ŻEE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi japplikaw għal sitwazzjonijiet bħal dawk li wasslu għall-kawżi prinċipali, li tiddeċiedi dwar kemm kienu neċessarji u xierqa l-imsemmija azzjonijiet. Madankollu, hija ma tindikax kif bi ħsiebha tiddeċiedi din il-kwistjoni. |
|
10. |
Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Fonnship iddedikat parti sostanzjali mill-osservazzjonijiet tagħha sabiex tikkritika lill-qorti tar-rinviju talli limitat it-talba għal deċiżjoni preliminari għall-kwistjoni tal-applikabbiltà tad-dritt taż-ŻEE, filwaqt li rrifjutat li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ma’ dan id-dritt tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Svediż li jawtorizzaw azzjonijiet sindakali tat-tip bħal dawk li saru minn ST u SEKO kontra Sava Star. |
|
11. |
Mingħajr ma speċifikament titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex fir-risposta tagħha għat-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi kunsiderazzjonijiet dwar il-kompatibbiltà u l-proporzjonalità tal-azzjonijiet sindakali mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-każ li tirrispondi b’mod pożittiv għad-domanda magħmula, Fonnship tqis li, fid-dawl tad-diskussjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju, din kellha l-obbligu li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tindirizza l-kwistjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li huma meħtieġa sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni fil-kawżi prinċipali. Fil-fatt, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata illi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija applikabbli f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tinkludi, fit-talba tagħha, id-domanda dwar il-kompatibbiltà tal-azzjonijiet sindakali mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kien jippermetti, fl-opinjoni ta’ Fonnship, li jiġi evitat, fid-dawl tal-inċertezza tad-dritt taż-ŻEE fuq dan il-punt, li kawża li ilha pendenti iktar minn għaxar snin terġa’ tkun is-suġġett ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jew, fin-nuqqas, li Fonnship ikollha terġa’ tiftaħ kawża għad-danni kontra r-Renju tal-Isvezja. |
|
12. |
Għalkemm ma iniex totalment insensittiv għall-istedina impliċita ta’ Fonnship sabiex, anki b’mod sussidjarju, fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni li ġiet sottomessa lilha jiġu inklużi wkoll kunsiderazzjonijiet dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-azzjonijiet sindakali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet taż-ŻEE rilevanti, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju u fid-dawl tal-fatt illi hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi finalment, tali inklużjoni teħtieġ, fil-każ inkwistjoni f’din il-kawża, li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel li tibdel b’mod sostanzjali l-ġurisprudenza tagħha fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE. |
|
13. |
Huwa magħruf, li din il-ġurisprudenza tirrikonoxxi illi hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha l-fakultà li tistabbilixxi d-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 9 ) u l-esklużività li tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija għandha l-intenzjoni li tagħmlilha ( 10 ), filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tkun kostretta minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali li tagħmel domanda ( 11 ), jew li tibdel il-portata tagħha ( 12 ). |
|
14. |
Din il-ġurisprudenza hija bbażata, minn naħa, fuq argument testwali li l-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, skont proċedura mhux kontenzjuża u mingħajr intervent tal-partijiet ( 13 ) u, min-naħa l-oħra, fuq l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw sottomissjonijiet, skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-fatt illi, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li huma nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati ( 14 ). |
|
15. |
Huwa għalhekk illi l-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta, bħala regola, li tirrispondi għal domandi kumplimentari msemmija mill-partijiet fil-kawża prinċipali jew mill-partijiet ikkonċernati, li ma jaqgħux fil-kuntest ta’ dik magħmula mill-qorti nazzjonali ( 15 ) jew, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-validità ta’ att tal-Unjoni, li testendi din l-evalwazzjoni għal motivi oħra minbarra dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju ( 16 ). |
|
16. |
Xorta jibqa’ l-fatt illi jidher li hemm ċertu diskrepanza bejn din il-ġurisprudenza u prassi ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja li xxaqleb iktar lejn il-ħtieġa li tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju. |
|
17. |
Fil-fatt, f’ħafna sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma toqgħodx lura, minkejja d-delimitazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari magħmul mill-qorti nazzjonali, kemm milli tivverifika, fid-dawl tal-fatti u tal-argumenti mqajma matul il-proċedura, jekk l-applikabbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma kinitx is-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, tistax xorta tkun applikabbli għall-kawża ( 17 ), kemm, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti nazzjonali, sabiex tiddeċiedi jekk l-argument ta’ wieħed mill-partijiet fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ dispożizzjoni mhux imsemmija fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwiex fondat ( 18 ), kif ukoll sabiex tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula sabiex tinkludi fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni waħda jew iktar mid-dispożizzjonijiet imsemmija minn waħda mill-partijiet, anki jekk ex officio, dejjem bl-istess ħsieb illi tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali ( 19 ). |
|
18. |
Minkejja li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma tidhirx univoka, ma jidhirlix li hawnhekk huwa meħtieġ li jiġu eżaminati fid-dettall l-eventwali kriterji li jippermettu li jsir qari koerenti ta’ dawn is-sentenzi kollha. |
|
19. |
Fil-fatt, jidher li hemm tal-inqas eżempju wieħed, li fl-opinjoni tiegħi, japplika għal din il-kawża, li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta b’mod sistematiku li tibdel jew testendi s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari lil hinn mill-kuntest iddefinit mill-qorti nazzjonali. Dan huwa l-każ li fih il-qorti tar-rinviju tkun, espliċitament jew impliċitament, irrifjutat li tiddeferixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda addizzjonali ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma espressament minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali ( 20 ). |
|
20. |
F’din il-kawża, huwa veru li, kuntrarjament għall-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament iddeċidiet fuq dan il-punt, il-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi finalment u ammettiet ir-rilevanza tad-domanda magħmula minn Fonnship, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod pożittiv għal dak li ġie mitlub lilha ( 21 ). |
|
21. |
Barra minn hekk, qari oġġettiv tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jista’ jagħti x’jifhem illi meta “titqajjem” kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’kawża pendenti quddiem qorti li tiddeċiedi finalment, din il-qorti “għandha” tirreferi lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
22. |
Tali interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE tista’ b’mod partikolari tiġi użata fil-każijiet fejn il-qorti li ser tiddeċiedi finalment tissuġġerixxi, insostenn tar-rifjut tagħha li tagħmel domanda addizzjonali lill-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni manifestament żbaljata tad-dritt tal-Unjoni jew tifformula d-domanda tagħha abbażi ta’ premessa ġuridika manifestament ineżatta, li għalhekk tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja, wara l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li terġa’ teżamina n-natura żbaljata tal-interpretazzjoni żbaljata proposta jew tal-premessa ġuridika ( 22 ). Fil-fatt, jidhirli inkonċepibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ konxjentament ma tirrettifikax tali żbalji kommessi minn qorti li ser tiddeċiedi finalment, għad-detriment tal-partijiet fil-kawża, billi jiġu mċaħħda, fil-fatt, mill-possibbiltà effettiva illi jsostnu r-responsabbiltà tal-Istat Membru, li fuqu tiddependi l-imsemmija qorti, minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni. |
|
23. |
Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma japplikawx f’din il-kawża, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-qorti tar-rinviju ma tat l-ebda informazzjoni li tippermetti li jkun magħruf, b’mod partikolari, f’liema sens hija ser tiddeċiedi l-kwistjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-azzjonijiet sindakali mal-osservanza tar-regoli tal-Ftehim ŻEE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
|
24. |
B’mod iktar ġenerali, fis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Consiglio nazionale dei geologi u Autorità garante della concorrenza e del mercato, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja — adita minn qorti li tagħti deċiżjoni finali, jiġifieri l-Consiglio di Stato (l-Italja), fir-rigward tal-portata tal-kompetenza ta’ din il-qorti li tagħżel u tifformula mill-ġdid id-domandi proposti minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali — ċaħdet l-eżistenza ta’ obbligu inkundizzjonat ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ta’ kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma minn waħda mill-partijiet ( 23 ), filwaqt li fakkret ukoll illi d-deċiżjoni dwar u l-formulazzjoni tad-domandi li jsirulha huma kompitu esklużiv tal-qorti nazzjonali ( 24 ). |
|
25. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nqis illi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha sabiex tirrispondi d-domanda li saritilha, li tirrigwarda l-applikabbiltà tar-regoli tal-Ftehim ŻEE fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mingħajr, għalhekk ma teżamina dik, imqajma minn Fonnship quddiem il-qorti tar-rinviju iżda espressament miċħuda minnha, dwar l-eventwali kompatibbiltà ta’ azzjonijiet sindakali mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
B – Fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari u l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 4055/86
|
26. |
Jekk, fid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju rreferiet b’mod ġeneriku għar-regoli tal-Ftehim ŻEE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fl-opinjoni tiegħi, tkun limitata biss għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4055/86, kif issuġġerew ukoll il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-partijiet l-oħra kkonċernati li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
27. |
Fil-fatt, huwa stabbilit illi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar it-trasport u li, fir-rigward b’mod partikolari tan-navigazzjoni marittima, huwa l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li għandu jiddeċiedi, skont l-Artikolu 84(2) tat-Trattat KEE, jekk setgħux jittieħdu dispożizzjonijiet xierqa f’dan is-settur, dak li effettivament ġie kkonstatat u applikat, bl-adozzjoni, fit-22 ta’ Diċembru 1986, tar-Regolament Nru 4055/86, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1987. Peress li r-Regolament Nru 4055/86 li, kif diġà indikat, ġie inkorporat fil-Ftehim ŻEE, id-domanda magħmula għandha tiġi fformulata mill-ġdid billi tiġi limitata għall-interpretazzjoni ta’ dan l-att. |
|
28. |
Fid-dawl tal-provi fil-proċess u tal-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, id-domanda magħmula tista’ wkoll tiġi limitata għal kjarifika tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 4055/86, li huwa stipulat fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpannija legalment stabbilita fiż-ŻEE, f’dan il-każ fin-Norveġja, proprjetarja ta’ vapur li jopera servizzi ta’ trasport marittimu fiż-ŻEE iżda li jġorr bandiera ta’ pajjiż terz, f’dan il-każ il-Panama, taqax taħt dan l-att u, jekk ikun il-każ, tistax, bħala regola, tibbenefika mil-libertà li huwa jagħti. |
1. Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 4055/86
|
29. |
Risposta pożittiva, mal-ewwel impressjoni sempliċi, tidher li tirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 4055/86 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
30. |
Fil-fatt, skont l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, hija applikabbli għaċ-ċittadini tal-Istati Membri stabbiliti fi Stat Membru ieħor minbarra dak li huwa destinatarju tas-servizzi, peress illi, permezz tar-riferiment li jsir fit-tielet paragrafu tiegħu b’mod partikolari għall-Artikolu 58 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 48 KE), il-kumpanniji stabbiliti fl-Unjoni Ewropea (taż-ŻEE) huma assimilati mal-persuni fiżiċi ċittadini tal-Istati Membri. |
|
31. |
Huwa b’dan il-mod illi, fil-kuntest ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru li tħaddem servizz ta’ trasport regolari lejn Stat Membru ieħor, iżda li l-vapuri tagħha kienu rreġistrati u kienu jġorru l-bandiera tal-Panama, il-Qorti tal-Ġustizzja mill-kliem tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86 iddeduċiet li dan huwa “intiż għaċ-ċittadini tal-Istati Membri stabbiliti fi Stat Membru ieħor u mhux dak li huwa destinatarju tas-servizzi u ma jirreferix għar-reġistrazzjoni jew għall-bandiera ta’ vapuri użati mill-impriża ta’ trasport” ( 25 ). |
|
32. |
In-nuqqas ta’ rilevanza tar-reġistrazzjoni u/jew tal-bandiera tal-vapuri sabiex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86 huwa msaħħaħ, a contrario, mit-tieni paragrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni. Dan il-paragrafu fil-fatt jistipula illi dan l-att japplika wkoll għaċ-ċittadini tal-Istati Membri stabbiliti barra mill-Unjoni u għall-kumpaniji marittimi stabbiliti barra mill-Unjoni u kkontrollati minn ċittadini ta’ Stat Membru, jekk il-vapuri tagħhom ikunu rreġistrati f’dak l-Istat Membru skont il-leġiżlazzjoni tiegħu. |
|
33. |
Kif irrilevat l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-ispjegazzjoni mogħtija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 4055/86 tirrifletti dak li huwa komunament magħruf bħala l-“eċċezzjoni Griega” ( 26 ). Fil-fatt, peress li, skont id-dritt Grieg, iċ-ċittadini Griegi stabbiliti f’pajjiżi terzi huma awtorizzati jirreġistraw il-vapuri tagħhom fir-reġistru marittimu ta’ dan l-Istat Membru, li kieku din is-sitwazzjoni ma ġietx ikkunsidrata mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament kien jitnaqqas proporzjon sinjifikattiv ta’ tunnellaġġ totali appartenenti lil ċittadini tal-Istati taż-ŻEE ( 27 ). |
|
34. |
Għalhekk ma hemmx dubju illi l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux il-ħsieb li jissuġġetta l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86 għal kundizzjoni dwar il-post tar-reġistrazzjoni tal-vapuri. |
|
35. |
Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ST u SEKO argumentaw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-fatt li ċ-ċittadini ta’ Stati taż-ŻEE li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni jirreġistraw il-vapuri tagħhom f’pajjiż terz ma jfissirx li dawn iċ-ċittadini ma għadhomx stabbiliti fi Stat taż-ŻEE. |
|
36. |
Ir-raġunament imsemmi iktar ’il fuq lanqas ma għandu jkun ikkontestat bl-argument ta’ ST u ta’ SEKO li, sakemm il-kawża prinċipali tikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-ekwipaġġ ta’ vapur li jaqgħu fid-dritt ta’ pajjiż terz, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4055/86 ma humiex applikabbli jew, tal-inqas, huma suġġetti għal rabta mill-qrib suffiċjenti bejn ir-relazzjoni tal-impjieg mat-territorju tal-Unjoni (taż-ŻEE), li hija nieqsa f’dan il-każ. |
|
37. |
Fil-fatt, dan l-argument għandu jiġi miċħud mill-ewwel għaliex, minn perspettiva proċedurali, huwa intiż, b’mod definittiv, peress illi huwa bbażat fuq numru ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema ( 28 ), sabiex jikkontesta r-rilevanza tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju mill-perspettiva ta’ provvista ta’ servizzi filwaqt li, skont il-ġurisprudenza, din il-qorti bħala regola tibqa’ l-unika waħda kompetenti sabiex tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi tagħha u li għandha tevalwa kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-kawża li minnha tkun adita ( 29 ). |
|
38. |
Barra minn hekk, l-argument ta’ ST u ta’ SEKO għandu wkoll jiġi miċħud għaliex il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4055/86 huwa stabbilit mid-dispożizzjonijiet tiegħu stess u ma jiddependix fuq id-dritt applikabbli għar-relazzjonijiet tal-impjieg li jorbot lill-ekwipaġġ ta’ vapur ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ trasport marittimu li jistgħu jaqgħu taħt dan ir-regolament. Minħabba l-fatt li r-Regolament Nru 4055/86 ma jsemmi xejn, pereżempju, dwar il-kriterji sabiex jiġi stabbilit id-dritt applikabbli għal kuntratti individwali ta’ impjieg ta’ membri ta’ ekwipaġġ, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjonijiet li dan l-att għandu jkollu mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, iffirmata f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”) ( 30 ). |
|
39. |
Fl-aħħar nett, l-argument inkwistjoni xorta ma jistax jintlaqa’ għaliex, jekk inhu possibbli li jiġi aċċettat, kif isostnu ST u SEKO, li r-relazzjonijiet ta’ impjieg abbord vapur fl-ibħra internazzjonali huma rregolati mid-dritt tal-Istat tal-bandiera, skont l-Artikoli 91 u 94 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-liġi tal-baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montego Bay”) ( 31 ), punt li huwa barra minn hekk irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 32 ), mir-Regolament Nru 4055/86 ma jirriżulta bl-ebda mod li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għaċ-ċittadini li joffru servizzi ta’ trasport marittimu permezz ta’ vapuri li abbord tagħhom ir-relazzjonijiet tal-impjieg huma rregolati mid-dritt ta’ Stat Membru (jew minn dak ta’ Stat taż-ŻEE) ( 33 ). |
|
40. |
Li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4055/86 jiġi ssuġġettat għal tali kundizzjoni supplimentari jista’ jippreġudika l-għan tar-Regolament li huwa li jestendi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi bil-għan li jiġu aboliti b’mod progressiv ir-restrizzjonijiet eżistenti u l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda ( 34 ). |
|
41. |
Min-naħa l-oħra, hija iktar delikata l-kwistjoni, ukoll diskussa mill-partijiet ikkonċernati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi ddeterminata l-portata eżatta tal-benefiċjarji tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi marittimi, kif imsemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86, b’mod partikolari jekk minħabba s-sempliċi residenza jew l-istabbiliment tiegħu fi Stat taż-ŻEE, il-proprjetarju ta’ vapur jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
42. |
Din il-mistoqsija toriġina minn nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali dwar l-identità u l-post tal-istabbiliment tal-entità li hija inkarigata mill-amministrazzjoni u mill-operazzjoni kummerċjali tas-Sava Star, peress li ST u SEKO jsostnu li l-attivitajiet kienu ttrasferiti lil kumpannija stabbilita fil-Panama, filwaqt li Fonnship issostni li hija assumiet, matul il-perijodu rilevanti, l-operazzjoni kummerċjali kollha tas-Sava Star min-Norveġja. |
|
43. |
Evidentement ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE li għandha tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni fattwali, li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju, anki jekk, skont il-kliem tad-domanda preliminari, din il-qorti milli jidher kienet diġà telqet mill-premessa illi Fonnship kienet eżerċitat, matul il-perijodu tal-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali, “attività li tikkonsisti f’li toffri servizzi ta’ trasport” u li ċerti dokumenti trażmessi minn din il-kumpannija fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll matul is-seduta jikkonfermaw din l-impressjoni. |
|
44. |
Madankollu, jekk din il-kontroversja fattwali titwarrab mal-ġenb, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86, huwa meħtieġ l-ewwel nett li jitfakkar li din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-benefiċjarji tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport marittimu bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi f’termini li huma sostanzjalment simili għal dawk tal-Artikolu 49 KE ( 35 ), jiġifieri li kemm il-persuni fiżiċi kif ukoll dawk ġuridiċi stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni (taż-ŻEE), jagħtu jew jibbenefikaw minn, bi ħlas, servizzi transkonfinali fi ħdan iż-ŻEE ( 36 ). |
|
45. |
Abbażi ta’ din il-premessa ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat illi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86 jaqgħu, kumpannija stabbilita taħt id-dritt Norveġiż li topera vapuri fl-ibħra internazzjonali ( 37 ), aġent marittimu, li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru, li jopera vapur li ma kienx proprjetà tiegħu, u li kien joffri servizz regolari bejn il-portijiet ta’ żewġ Stati Membri ( 38 ), sidien ta’ vapuri Griegi li kienu jikru kompletament il-bastimenti tagħhom lil aġenziji tal-ivvjaġġar għal eskursjonijiet ta’ ġurnata bejn Stat Membru u pajjiż terz ( 39 ) kif ukoll il-kaptan, ta’ nazzjonalità Taljana, ta’ vapur li joffri trasport marittimu bejn żewġ portijiet ta’ Stati Membri ( 40 ). |
|
46. |
Din il-ġurisprudenza tagħti interpretazzjoni flessibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86, ċertament kompatibbli max-xewqa li jiġi żgurat illi l-maġġoranza tal-attivitajiet ekonomiċi li ma jaqgħux taħt il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital jew tal-persuni fl-istess ħin ma jiġux esklużi mill-applikazzjoni tat-Trattat KE (jew tal-Ftehim ŻEE) ( 41 ). |
|
47. |
Madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-ġurisprudenza ma tgħid xejn espliċitament dwar il-kwistjoni jekk sempliċi proprjetarju ta’ vapur għandux jiġi kkunsidrat bħala fornitur ta’ servizzi ta’ trasport marittimu. |
|
48. |
Gwida utli, fis-sens ta’ risposta negattiva għal din il-mistoqsija, fl-opinjoni tiegħi, tista’ tinkiseb mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar mezzi oħra tat-trasport. |
|
49. |
Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta, b’mod partikolari mis-sentenzi Cura Anlagen ( 42 ), Jobra ( 43 ) u Waypoint Aviation ( 44 ), li jekk il-proprjetarju ta’ vettura jista’ faċilment jiġi kklassifikat bħala fornitur ta’ servizzi li jaqgħu taħt l-Artikolu 49 KE meta huwa joffri tali vettura għall-kiri (dan ikun għalhekk, b’mod definittiv, provvista ta’ servizzi ta’ kiri), min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma waslet sabiex tikkunsidrah bħala fornitur ta’ servizzi ta’ trasport. |
|
50. |
Sabiex jiġi kklassifikat bħala tali, għalhekk jeħtieġ illi l-proprjetarju huwa stess jeżerċita l-attivitajiet ta’ trasport, f’dan il-każ l-attivitajiet ta’ trasport permezz tal-użu tal-vapuri tiegħu. |
|
51. |
Din il-klassifikazzjoni hija koerenti mad-definizzjoni tal‑espressjoni “proprjetarju ta’ vapur tal-Komunità”, mogħtija fl-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, li tirreferi għal “dawk ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru stabbiliti fi Stat Membru […] li jagħmlu attivitajiet tal-ġarr bil-baħar” ( 45 ). |
|
52. |
Jidhirli li hija wkoll fuq l-istess linji mad-definizzjoni tat-terminu “sid ta’ vapur” li jinsab pereżempju, fil-klawżola 2 tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE, tal-21 ta’ Ġunju 1999, dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Komunità Ewropea tas-Sidien tal-Bastimenti (ECSA) u l-Federazzjoni tal-Unjonijiet tal-Ħaddiema tat-Trasport (FST) ( 46 ), li tiddeskrivi “sid tal-vapur jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-amministratur jew kerrej tal-vapur, li jkun ħa r-responsabbiltà għall-ħidma tal-vapur mingħand is-sid tal-vapur u li malli jkun ħa responsabbilità bħal din, ikun qabel li jieħu f’idejh id-dmirijiet u r-responsabbilitajiet li tagħhom ikun hemm bżonn.”. Fil-fatt, minn din id-definizzjoni jirriżulta mingħajr dubju li l-proprjetà ta’ vapur ma tikkoinċidix mar-responsabbiltà tal-operazzjoni kummerċjali tiegħu. |
|
53. |
Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, huwa biss il-proprjetarju ta’ vapur li jassumi r-responsabbiltà tal-operazzjoni kummerċjali tiegħu li jista’ jiġi kkunsidrat bħala li qed iforni servizzi ta’ trasport marittimu. Min-naħa l-oħra, jekk jagħti din ir-responsabbiltà lil oħrajn, huma dawn tal-aħħar li jassumu l-provvista tas-servizz. |
|
54. |
Il-kwistjoni dwar jekk il-proprjetarju ta’ vapur jistax jikkwalifika bħala fornitur ta’ servizz ta’ trasport marittimu jekk jassumi biss parti mill-attivitajiet relatati mal-operazzjoni kummerċjali tal-vapur hija madankollu delikata u tiddependi mingħajr dubju fuq iċ-ċirkustanzi fattwali ta’ kull kawża. |
|
55. |
Madankollu jidhirli li għandhom isiru xi riflessjonijiet ġenerali f’dan ir-rigward, li iżda huma sempliċi ħafna meta mqabbla mal-kumplessità tal-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ trasport marittimu internazzjonali. |
|
56. |
B’hekk, meta proprjetarju ta’ vapur jikrih għal perijodu determinat (kirja għal perijodu) jew għal vjaġġ partikolari (kirja għal vjaġġ) huwa possibbli li jiġi preżunt li huwa jżomm, bħala regola, ir-responsabbiltà tal-ekwipaġġ tal-vapur. Minkejja li huwa l-persuna li tikri li għandha tiżgura t-trasport għall-klijenti tagħha, dan l-operatur juża l-ekwipaġġ tal-vapur użat u magħmul għad-dispożizzjoni tiegħu mill-proprjetarju. F’tali każ, jekk il-proprjetarju tal-vapur jibqa’ direttament responsabbli mill-ekwipaġġ tal-vapur, jidhirli li jista’ jiġi kkunsidrat illi kemm il-persuna li tikri kif ukoll is-sid qed joffru l-istess provvista ta’ servizzi ta’ trasport marittimu. Għaldaqstant, jista’ jiġi preżunt li t-tnejn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4055/86 ( 47 ). |
|
57. |
Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ bareboat charter, jiġifieri vapur mikri mingħajr ekwipaġġ, jiena nħoss li s-sid ta’ dan il-vapur jista’ jiġi eskluż mill-persuni, fiżiċi jew morali, li jistgħu jipprevalixxu ruħhom mill-kwalità ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ trasport marittimu, sakemm il-pożizzjoni tiegħu ma hijiex finalment differenti minn dik ta’ proprjetarji ta’ mezzi oħra tat-trasport mogħtija b’kirja, li sa issa ma ġewx ikkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jaqgħu fil-kategorija ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ trasport. |
|
58. |
B’dan premess, hija l-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-provi kollha sottomessi quddiemha, li għandha tivverifika jekk Fonnship, matul il-perijodu tal-kawżi prinċipali, assumietx l-operazzjoni kummerċjali tas-Sava Star b’tali mod li tipprovdi servizzi ta’ trasport marittimu fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86. |
|
59. |
Jekk dan ikun il-każ, għad irid jiġi evalwat jekk l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 4055/86 tistax xorta titwarrab minħabba l-fatt, kif argumentat minn ST u SEKO kif ukoll mill-Gvern Svediż, li r-regoli taż-ŻEE ma humiex intiżi sabiex jipproteġu impriżi ta’ trasport li ddeċidew li jiskartaw dritt ta’ Stat taż-ŻEE kif ukoll kundizzjonijiet raġonevoli aċċettati internazzjonalment fil-qasam tal-impjieg u tar-remunerazzjoni, billi jirreġistraw il-vapuri tagħhom f’pajjiżi terzi, bħall-Panama fil-perijodu tal-fatti tal-kawżi prinċipali, li jagħtu bnadar ta’ konvenjenza. |
2. Fuq il-kwistjoni ta’ eventwali abbuż ta’ dritt
|
60. |
F’sitwazzjoni li sa issa għadha ma nqalgħetx, li dwarha ser nitkellem iktar tard, l-argument ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati jirreferi mingħajr dubju għall-projbizzjoni, magħmula b’mod pretorjan, lill-operaturi ekonomiċi li jinvokaw b’mod abbużiv id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kemm sabiex jiskartaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom kif ukoll sabiex jiksbu vantaġġi li huma kuntrarji għall-finalitajiet u l-għanijiet tal-imsemmija dispożizzjonijiet ( 48 ). |
|
61. |
Fid-dawl tad-delimitazzjoni tad-domanda preliminari, l-eżami tal-kwistjoni ta’ eventwali “abbuż ta’ dritt” xorta ma huwiex ħieles minn diffikultajiet proċedurali, peress li fis-seduta, l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA qieset li dan kien ifisser preċiżament li għandha tiġi analizzata l-kwistjoni li, b’mod definittiv, il-qorti tar-rinviju rrifjutat li tirreferi lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
62. |
Minkejja li l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA ma komplietx tiżviluppa l-pożizzjoni tagħha, din tista’ tinftiehem, jidhirli, jekk il-kunċett ta’ abbuż ta’ dritt jitqies bħala regola jew prinċipju ( 49 ) li jista’ jillimita l-eżerċizzju ta’ dritt (suġġettiv) mogħti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (taż-ŻEE) u mhux bħala regola li tista’ tiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet. |
|
63. |
F’dan il-każ, li tikkwalifika l-kunċett ta’ abbuż ta’ dritt bħala regola li tillimita l-eżerċizzju ta’ dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni (taż-ŻEE) twassal, fil-fatt, sabiex tiġi rikonoxxuta l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 4055/86 u tissostitwixxi l-analiżi abbażi ta’ rapporti bejn id-dritt mogħti minn dan l-att lil Fonnship u l-azzjonijiet sindakali ta’ ST u ta’ SEKO, kwistjoni li l-qorti tar-rinviju rrifjutat li tindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
64. |
Għall-kuntrarju, jekk jiġi aċċettat li l-kunċett ta’ abbuż ta’ dritt jopera bħala regola li tippermetti li tiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (taż-ŻEE), ikun permissibli, f’din il-kawża, li l‑eżami ta’ eventwali prattika abbużiva jintrabat mad-domanda preliminari li ġiet riferuta lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 4055/86. |
|
65. |
Fil-ġurisprudenza tagħha, ma jidhirlix li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt għażlet xi waħda jew l-oħra minn dawn il-kwalifikazzjonijiet tal-abbuż ta’ dritt. |
|
66. |
Hija b’hekk iddikjarat illi hija “ġurisprudenza stabbilita li l-applikazzjoni tar-regolamenti tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri prattiki abbużivi ta’ kummerċjanti” ( 50 ), li konsegwentement tagħti x’tifhem li l-kunċett ta’ abbuż (ta’ dritt) jikkostitwixxi regola ta’ delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 51 ), filwaqt li, għall-kuntrarju, hija kkonstatat “illi l-eventwali użu abbużiv tad-drittijiet mogħtija mill-ordni ġuridiku [tal-Unjoni] bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet relatati mal-moviment liberu tal-ħaddiema jippresupponi li l-persuna kkonċernata taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tat-trattat, u tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tiġi kklassifikata bħala ‘ħaddiem’” ( 52 ) u eżaminat ukoll il-ġlieda kontra l-prattiki abbużivi minħabba motivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertajiet ta’ moviment ( 53 ), li jippresupponi wkoll li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni jaqgħu verament fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-libertajiet. |
|
67. |
Minn naħa tiegħi, jien nippreferi din l-aħħar direzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, minflok li l-kunċett ta’ abbuż ta’ dritt jiġi kkonċepit bħala prinċipju ta’ delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (taż-ŻEE). |
|
68. |
Hemm numru ta’ raġunijiet li jsaħħu l-konvinzjoni tiegħi f’dan ir-rigward. |
|
69. |
L-ewwel nett, motiv sempliċement semantiku, li jista’ jiġi deskritt fil-qosor kif ġej, jiġifieri dritt ma jistax ikun is-suġġett ta’ użu abbużiv ħlief jekk dan id-dritt ikun ġie rrikonoxxut minn qabel. Meta tagħmel riferiment regolari dwar il-ħtieġa li jitwaqqaf “l-abbuż tad-dritt”, l-“aġir abbużiv” jew il-“prattiki abbużivi” ta’ individwi jew ta’ operaturi ekonomiċi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-intenzjoni, fl-opinjoni tiegħi, li tagħti lil dawn l-espressjonijiet differenti funzjoni limitata tad-drittijiet suġġettivi li dawn tal-aħħar għandhom abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-libertajiet tal-moviment li huwa jiggarantixxi. Peress li tali drittijiet huma wkoll mogħtija permezz tal-Ftehim ŻEE ( 54 ), ma hemm l-ebda ostakolu, fuq dan il-punt, sabiex jiġi adottat dan il-ħsieb tal-kunċett ta’ abbuż ta’ dritt. |
|
70. |
Sussegwentement, jekk il-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt titqies bħala prinċipju li jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, dan ifisser, fl-opinjoni tiegħi, li fir-rigward tal-libertajiet fundamentali ta’ moviment, ikun qed jingħata l-istatus analogu għal dak ta’ regola ta’ raġonevolezza (“rule of reason”), ħaġa li jidhirli li ma hijiex korretta u opportuna. Fil-fatt, tali rikonoxximent iwassal sabiex ikun il-ħtieġa li jiġi vverifikat, fil-każijiet kollha, jekk sitwazzjoni partikolari timplikax abbuż ta’ dritt qabel ma dik is-sitwazzjoni tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Tali artikolazzjoni bejn l-abbuż u d-dritt, li tagħti preferenza lill-eżami tal-abbuż tad-dritt fuq dak tad-dritt, tikkawża, fl-opinjoni tiegħi, preġudizzju sinjifikattiv għall-effett utli tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat KE u mill-Ftehim ŻEE. |
|
71. |
Barra minn hekk, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tikklassifika l-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 55 ), status li, jista’ wkoll, jekk ikun il-każ, jiġi aċċettat fil-kuntest tal-Ftehim ŻEE ( 56 ), li l-interpretazzjoni skorretta tiegħu tista’ tfisser il-limitazzjoni jew iċ-ċaħda tal-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati, issaħħaħ l-idea li l-funzjoni ta’ dan il-kunċett tmur lil hinn minn dik ta’ regola ta’ interpretazzjoni tan-normi tad-drittijiet tal-Unjoni ( 57 ). |
|
72. |
Finalment, kif turi s-sentenza Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), il-ġurisprudenza turi li, fi kwalunkwe każ, it-tranżazzjonijiet involuti fi prattika abbużiva ma humiex eżentati mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li, min-naħa l-oħra, hija l-konsegwenza ta’ konstatazzjoni ta’ abbuż ta’ dritt jekk dan ikollu l-funzjoni li jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ dan id-dritt. Fil-fatt, kif jirriżulta minn din il-kawża, il-fatt li tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu prattika abbużiva għandhom jiġu ddefiniti mill-ġdid b’mod li jerġgħu jistabbilixxu s-sitwazzjoni kif kienet tkun teżisti fin-nuqqas ta’ tali tranżazzjonijiet tfisser li l-abbuż ta’ dritt jieħu rwol bħala prinċipju li jillimita drittijiet suġġettivi tal-individwi mogħtija mid-dritt tal-Unjoni. Dan l-approċċ, minn naħa, jawtorizza lill-operatur ikkonċernat sabiex igawdi mill-eżerċizzju adegwat tad-drittijiet tiegħu ( 58 ) filwaqt li, min-naħa l-oħra, jopera bħala test ta’ proporzjonalità tal-aġir abbużiv u tal-miżuri intiżi sabiex jipprojbixxih. |
|
73. |
Fid-dawl tad-delimitazzjoni tad-domanda preliminari li għamlet il-qorti tar-rinviju, il-konsegwenza proċedurali, f’din il-kawża, tal-argument li jassimila l-funzjoni tal-abbuż ta’ dritt għal regola ta’ limitazzjonijiet tad-drittijiet suġġettivi li l-individwi għandhom abbażi tad-dritt tal-Unjoni jista’ sempliċement ifisser li ma jsirx eżami ta’ eventwali abbuż ta’ dritt, peress illi dan l-eżami jirriskja li jidħol fuq id-domanda, li deliberatament ma ġietx riferuta mill-qorti tar-rinviju, dwar l-eżerċizzju tad-dritt li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport marittimu skont ir-Regolament Nru 4055/86 u l-limiti li jistgħu leġittimament isirulu. Jiena nippreferi din id-direzzjoni. |
|
74. |
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din is-soluzzjoni, b’mod partikolari mal-motiv li l-kunċett ta’ abbuż ta’ dritt għandu bħala funzjoni d-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiena nixtieq nagħmel l-osservazzjonijiet segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex inpoġġiha fl-aħjar kundizzjonijiet sabiex tagħti s-sentenza tagħha. |
|
75. |
L-ewwel nett, nixtieq infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament aċċettat li Stat Membru għandu d-dritt li jieħu l-miżuri li jimpedixxu li, permezz tal-faċilitajiet maħluqa bit-Trattat, uħud miċ-ċittadini jippruvaw joħorġu rwieħhom b’mod abbużiv mill-kamp tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u li l-individwi ma jistgħux jagħmlu użu abbużiv jew qarrieqi tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni ( 59 ). |
|
76. |
Ir-rikonoxximent tal-interess leġittimu tal-Istati Membri sabiex jiġġieldu kontra l-evażjoni abbużiva tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ma jikkorrispondix b’mod manifest mas-sitwazzjoni li minnha oriġinaw il-kawżi prinċipali. |
|
77. |
Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar kemm mill-proċess kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, li l-azzjonijiet tas-sindakati Svediżi kontra Fonnship, jekk dawn jiġu assimilati ma’ dawk tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru ( 60 ), ma kinux isegwu l-għan li jevitaw li din il-kumpannija, billi tikseb vantaġġ tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4055/86 applikabbli bħala regola għall-vapuri li jġorru bandiera ta’ pajjiż terz, tneħħi l-kuntratti ta’ impjieg tal-membri tal-ekwipaġġ tas-Sava Star minn taħt id-dritt Svediż jew, tal-inqas, minn taħt id-dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi Svediża ( 61 ). |
|
78. |
Skont is-sottomissjonijiet ta’ ST u ta’ SEKO, dawn l-azzjonijiet saru sabiex jevitaw li Fonnship tkun tista’ tiskarta d-dritt tal-impjieg Norveġiż jew “kundizzjonijiet raġonevoli aċċettati internazzjonalment fil-qasam tax-xogħol u tar-remunerazzjoni”. |
|
79. |
Għalhekk, sabiex jiġi aċċettat li fil-kawżi prinċipali tħaddmet l-ipoteżi li “xi ċittadini jippruvaw joħorġu rwieħhom b’mod abbużiv mill-kamp tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom” fis-sens tal-ġurisprudenza, jeħtieġ li mhux biss jiġu assimilati l-azzjonijiet sindakali ma’ dawk ta’ Stat Membru, iżda wkoll li jiġi rikonoxxut illi Stat taż-ŻEE jista’ leġittimament jiġġieled kontra l-evażjoni minn operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stat ieħor taż-ŻEE tal-leġiżlazzjoni tal-impjieg ta’ dan l-Istat l-ieħor, jiġifieri, skont ST u SEKO, ta’ “kundizzjonijiet raġonevoli aċċettati internazzjonalment fil-qasam tax-xogħol u tar-remunerazzjoni”, mingħajr il-ħtieġa li tali kundizzjonijiet jiġu speċifikati iktar u mingħajr ma teżisti, fil-livell taż-ŻEE, approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali fil-qasam tal-paga minima, b’mod partikolari dik tal-baħrin ( 62 ). |
|
80. |
Ikun x’ikun, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja hija lesta li tagħmel dan il-pass, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li jekk il-qrati nazzjonali huma awtorizzati, każ b’każ, u billi jibbażaw ruħhom fuq elementi oġġettivi, jikkunsidraw l-aġir abbużiv tal-persuni kkonċernati sabiex jirrifjutawlhom il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati, dawn il-qrati għandhom, fl-evalwazzjoni ta’ tali aġir, jikkunsidraw l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni ( 63 ). |
|
81. |
Barra minn hekk, dejjem skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, grupp ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan li għandu jintlaħaq minn din il-leġiżlazzjoni ma ġiex milħuq u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fil-volontà li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jintlaħaq ( 64 ). |
|
82. |
Jekk, b’konformità mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-eżami jiġi limitat għall-għan li għandu jintlaħaq mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86, dan l-għan huwa, kif diġà indikat, li jagħti liċ-ċittadini tal-Istati taż-ŻEE d-dritt tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport marittimu bejn l-Istati taż-ŻEE u bejn dawn tal-aħħar u l-pajjiżi terzi, irrispettivament mir-reġistrazzjoni jew il-bandiera tal-vapuri użati minn dawn iċ-ċittadini. |
|
83. |
Għalhekk, is-sempliċi fatt li ċittadin stabbilit fi Stat taż-ŻEE juża vapur li jġorr il-bandiera ta’ pajjiż terz sabiex jeżerċita l-libertà li jipprovdi servizzi fih innifsu ma għandux jikkostitwixxi użu abbużiv ta’ din il-libertà kif stabbilita fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86. |
|
84. |
Barra minn hekk, lanqas jista’ jikkostitwixxi tali użu l-fatt għal tali ċittadin li juża vapur li jġorr il-bandiera ta’ konvenjenza ta’ pajjiż terz, jiġifieri minkejja li ma teżistix definizzjoni uffiċjali, vapur li ma għandux rabta ġenwina (“genuine link”) mal-Istat li tiegħu jġorr il-bandiera, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay ( 65 ), billi huwa reġistrat hemm minn jew għan-nom ta’ proprjetarju barrani għal raġunijiet ta’ opportunità bil-għan, prinċiparjament, li jikseb vantaġġ ta’ garanzija ta’ kunfidenzjalità, tal-fiskalità tad-dħul u tal-applikazzjoni ta’ normi lokali fil-qasam soċjali u tas-sigurtà, inkluż ambjentali ( 66 ). |
|
85. |
Fil-fatt, filwaqt li huwa stabbilit illi, tal-inqas sal-mument tal-fatti tal-kawżi prinċipali, il-Panama kienet tikkostitwixxi wieħed mill-fornituri prinċipali ta’ bnadar ta’ konvenjenza ( 67 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellha l-ebda riżerva, fis-sentenzi tagħha ċċitati iktar ’il fuq Corsica Ferries u Corsica Ferries France, sabiex tammetti l-applikabbiltà tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86 għal impriżi ta’ transport li jużaw vapuri li jġorru bandiera ta’ dan il-pajjiż terz. |
|
86. |
Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ ukoll li jiġi kkunsidrat l-għan li għandu jintlaħaq mhux biss mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni, iżda, b’mod iktar ġenerali, bil-leġiżlazzjoni msemmija, f’dan il-każ ir-Regolament Nru 4055/86 stess. |
|
87. |
Għandu jitfakkar illi s-sitt u s-seba’ premessi ta’ dan ir-regolament jinsistu dwar il-fatt li, fir-rigward ta’ kumpanniji li joperaw fil-qasam ta’ trasport bil-massa jew “tbaħħir mingħajr korsa regolari”, l-Unjoni tixtieq b’mod partikolari żżomm f’dan is-settur ta’ attivitajiet “sistema ta’ kompetizzjoni ġusta” u li, l-imsemmija kumpanniji, b’mod partikolari, ma għandhomx jinżammu milli joperaw “sakemm iżommu mal-prinċipju ta’ kompetizzjoni ġusta fuq bażi kummerċjali”. |
|
88. |
Jekk inhu veru li l-kunċett ta’ “kompetizzjoni ġusta” ma huwiex iddefinit minkejja li jinsab mhux biss fil-preambolu tat-Trattat KE ( 68 ) iżda wkoll f’diversi atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet illi “il-prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali” min-naħa tal-impriżi li jħallsu lill-ħaddiema tagħhom f’livell inqas minn dak tal-paga minima setgħet titqies bħala għan leġittimu ( 69 ). |
|
89. |
L-osservanza ta’ kompetizzjoni ġusta, li għandha tintlaħaq mir-Regolament Nru 4055/86, tiġi kompromessa, fl-opinjoni tiegħi, b’mod partikolari, fil-każ fejn kien muri li impriża tat-trasport marittimu, li topera fil-qasam ta’ trasport bil-massa jew “tbaħħir mingħajr korsa regolari” bejn l-Istati taż-ŻEE billi topera vapur irreġistrat f’pajjiż terz li miegħu dan il-vapur ma għandux rabta ġenwina, iħallas lill-ekwipaġġ tal-vapur tiegħu f’livell sinjifikattiv inqas mill-paga minima jew, fin-nuqqas, mill-paga ġeneralment aċċettata fis-settur, li kienet bħala regola tkun applikabbli li kieku l-vapur kien irreġistrat fl-Istat taż-ŻEE li fih hija stabbilita din l-impriża ( 70 ). |
|
90. |
Għalhekk, f’każ bħal dan, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4055/86, l-għan ta’ dan tal-aħħar li jiżgura r-rispett tal-kompetizzjoni ġusta fis-settur tas-servizzi ta’ trasport bil-massa jew “tbaħħir mingħajr korsa regolari” fiż-ŻEE, ma jintlaħaqx. |
|
91. |
Skont il-ġurisprudenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta fil-kawżi prinċipali, skont ir-regoli tal-prova tad-dritt nazzjonali, sa fejn jiġi żgurat li l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni ma tiġix ippreġudikata ( 71 ). |
|
92. |
Dwar l-element suġġettiv li jikkostitwixxi l-prova ta’ prattika abbużiva, kundizzjoni li l-qorti tar-rinviju wkoll trid tara jekk hijiex issodisfatta ( 72 ), jiena nqis, abbażi tal-ġurisprudenza, li żewġ ċirkustanzi, mhux bil-fors kumulattivament, għandhom jiġu vverifikati. |
|
93. |
Minn naħa, aġir abbużiv jista’ jiġi kkonstatat jekk jirriżulta minn numru ta’ elementi oġġettivi li l-“għan essenzjali” li għandu jintlaħaq miċ-ċittadin ta’ Stat taż-ŻEE, sid ta’ vapur li jġorr bandiera ta’ konvenjenza ta’ pajjiż terz, kien li jevita l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-ekwipaġġ ta’ dan il-vapur normalment applikabbli li kieku dan tal-aħħar kien ġie rreġistrat fl-Istat taż-ŻEE li fih il-proprjetarju huwa stabbilit ( 73 ), u b’hekk konsegwentement jikkomprometti l-għan tal-osservanza ta’ kompetizzjoni ġusta, kif stipulat bir-Regolament Nru 4055/86 ( 74 ). |
|
94. |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tista’ wkoll ikollha tivverifika jekk iċ-ċittadin ta’ Stat taż-ŻEE, proprjetarju ta’ vapur li jġorr il-bandiera ta’ konvenjenza ta’ pajjiż terz, “ħoloqx b’mod artifiċjali” il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4055/86 permezz ta’ arranġamenti li bihom huwa jeżerċita b’mod fittizju l-operazzjoni kummerċjali, kollha jew parzjali, ta’ dan il-vapur, minn kumpannija waħda jew diversi li huma marbuta miegħu, stabbiliti f’pajjiż terz ( 75 ). Fil-fatt, f’dan l-aħħar każ, dan iċ-ċittadin għandu jiġi kkunsidrat bħala sempliċi proprjetarju ta’ dan il-vapur u ma jistax, għalhekk, kif jiena indikajt preċedentement, validament jiġi inkluż fil-kategorija ta’ persuni li jibbenefikaw mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport marittimu, kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86 ( 76 ). |
III – Konklużjoni
|
95. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Arbetsdomstolen kif ġej: L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) tat-22 ta’ Diċembru 1986, li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3573/90, tal-4 ta’ Diċembru 1990, integrat hu stess fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, iffirmat fit-2 ta’ Mejju 1992, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport marittimu tapplika għal kumpannija stabbilita fi Stat taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), proprjetarja ta’ vapur, li jġorr il-bandiera ta’ pajjiż terz u li jopera servizzi ta’ trasport marittimu bejn l-Istati taż-ŻEE, bil-kundizzjoni li din il-kumpannija tassumi hi stess ir-responsabbiltà tal-operazzjoni kummerċjali ta’ dan il-vapur, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Ftehim iffirmat fit-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3).
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 174, b’rettifika fil-ĠU 1987, L 93, p. 17 u kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3573/90, tal-4 ta’ Diċembru 1990, ĠU L 353, p. 16.
( 4 ) Ara l-Anness XIII tal-Ftehim ŻEE, ĠU 1994, L 1, p. 422.
( 5 ) Mill-proċess u mill-osservazzjonijiet ta’ Fonnship jirriżulta li s-Sava Star kien vapur tal-merkanzija li kien joffri servizzi ta’ “trasport mhux regolari” essenzjalment fiż-ŻEE. Skont l-Artikolu 1(3)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4056/86, tat-22 ta’ Diċembru 1986, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat għat-trasport marittimu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 241), is-servizzi (internazzjonali) ta’ “trasport mhux regolari” huma ddefiniti bħala “il-ġarr ta’ oġġetti bil-grossa jew partijiet kbar f’bastiment mikri totalment jew parzjalment lil baħħar wieħed jew iżjed fuq il-bażi ta’ vjaġġ jew l-iskeda taż-żmien jew xi forma oħra ta’ kuntratt għal tbaħħir li m’huwiex skedat regolarment jew li m’huwiex irreklamat regolarment meta r-rati tal-ġarr tal-merkanzija huma nnegozjati b’mod ħieles każ b’każ skond il-kundizzjonijiet tal-provvista u tad-domanda.” Dan għalhekk essenzjalment jinvolvi trasport mingħajr skeda ta’ kommodità waħda li timla l-vapur kollu, ara wkoll il-punt 11 tal-Linji ta’ Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE għas-servizzi ta’ trasport marittimu (ĠU 2008, C 245, p. 2).
( 6 ) Fil-perijodu tal-fatti fil-kawża prinċipali, dawn kienu erba’ uffiċjali Pollakki u żewġ baħrin Russi.
( 7 ) Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, imsejħa “Viking Line” (C-438/05, Ġabra p. I-10779, punti 7 u 8), l-ITF tiġbor is-sindikati tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport u wieħed mill-għanijiet tal-politika tagħha hija l-kampanja tagħha kontra l-“bnadar ta’ konvenjenza”. L-għanijiet essenzjali ta’ din il-politika huma, minn naħa, li tiġi stabbilita konnessjoni vera bejn il-bandiera ta’ vapur u n-nazzjonalità ta’ proprjetarju kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ekwipaġġi tal-vapuri taħt bandiera ta’ konvenjenza. L-ITF tqis li vapur huwa rreġistrat taħt bandiera ta’ konvenjenza meta l-proprjetà effettiva u l-kontroll tal-vapur jinsabu fi Stat li ma jkunx dak tal-bandiera li fih ġie rreġistrat il-vapur.
( 8 ) Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri (C-341/05, Ġabra p. I-11767).
( 9 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1992, Kerafina - Keramische und Finanz-Holding u Vioktimatiki (C-134/91 u C-135/91, Ġabra p. I-5699, punt 16); tas-17 ta’ Lulju 1997, Affish (C-183/95, Ġabra p. I-4315, punt 23), kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter (C-316/10, Ġabra p. I-13721, punt 32).
( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2006, Kersbergen-Lap u Dams‑Schipper (C-154/05, Ġabra p. I-6249, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata), u dik tal-11 ta’ Lulju 2013, Belgian Electronic Sorting Technology (C‑657/11, punt 28).
( 11 ) Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1965, Singer (44/65, Ġabra p. 1191, 1199).
( 12 ) Idem (p. 1198) kif ukoll, b’mod partikolari, is-sentenzi Kerafina - Keramische und Finanz-Holding u Vioktimatiki, iċċitata iktar ’il fuq (punt 16); tas-17 ta’ Settembru 1998, Kainuun Liikenne u Pohjolan Liikenne (C-412/96, Ġabra p. I-5141, punt 23), kif ukoll tal-15 ta’ Ottubru 2009, Hochtief u Linde-Kca-Dresden (C-138/08, Ġabra p. I-9889, punt 21).
( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Singer, iċċitata iktar ’il fuq (p. 1199), tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft (C-364/92, Ġabra p. I-43, punt 9); tas-6 ta’ Lulju 2000, ATB et (C-402/98, Ġabra p. I-5501, punt 29); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C-210/06, Ġabra p. I-9641, punt 90); tal-15 ta’ Ottubru 2009, Acoset (C-196/08, Ġabra p. I-9913, punt 34), kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2013, Consiglio nazionale dei geologi u Autorità garante della concorrenza e del mercato (C‑136/12, punt 28).
( 14 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kainuun Liikenne u Pohjolan Liikenne (punt 24); Hochtief u Linde-Kca-Dresden (punt 22), kif ukoll Danske Svineproducenter (punt 32).
( 15 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Kainuun Liikenne u Pohjolan Liikenne, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24); Kersbergen-Lap u Dams-Schipper, iċċitata iktar ’il fuq (punt 22); tal-14 ta’ April 2011, Vlaamse Dierenartsenvereniging u Janssens (C-42/10, C-45/10 u C-57/10, Ġabra p. I-2975, punti 42 sa 45); tat-13 ta’ Ottubru 2011, DHL International (C-148/10, Ġabra p. I-9543, punti 25, 28 u 30), kif ukoll Danske Svineproducenter, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33).
( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ATB et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 28, 30 u 31); tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophones et (C-305/05, Ġabra p. I-5305, punt 19), kif ukoll tal-15 ta’ April 2008, Nuovo Agricast (C-390/06, Ġabra p. I-2577, punt 44).
( 17 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1990, Hennen Olie (C-302/88, Ġabra p. I-4625, punt 20), kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte (C‑181/12, punti 16 u 27).
( 18 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Internetportal und Marketing (C-569/08, Ġabra p. I-4871, punti 27 sa 30).
( 19 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Weigel (C-387/01, Ġabra p. I-4981, punt 44); tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais (C-152/03, Ġabra p. I-1711, punt 39); tal-25 ta’ Jannar 2007, Dyson (C-321/03, Ġabra p. I-687, punt 26); tat‑30 ta’ Mejju 2013, Worten (C‑342/12, punti 30 u 31), kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2013, Hay (C‑267/12, punt 23).
( 20 ) Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1988, Alsatel (247/86, Ġabra p. 5987, punti 7 u 8) kif ukoll DHL International, iċċitata iktar ’il fuq (punti 25 u 30). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 1994, AC-ATEL Electronics (C-30/93, Ġabra p. I-2305, punti 19 u 20), kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani (C-261/95, Ġabra p. I-4025, punti 30 u 31). Ara wkoll, il-punt 25 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża li tat lok għas-sentenza AC-ATEL Electronics iċċitata iktar ’il fuq; punt 46 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C-366/10, Ġabra p. I-13755) kif ukoll il-punt 18 tal‑konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Belgian Electronic Sorting Technology, iċċitata iktar ’il fuq.
( 21 ) Fis-sentenza DHL International, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fil-punt 30 tas-sentenza tagħha, li l-qorti tar-rinviju ma ammettiet “la l-ħtieġa u lanqas ir-relevanza” ta’ kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni addizzjonali ssuġġeriti quddiemha mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.
( 22 ) Dan huwa wkoll dak li pproponew, fil-prattika, rispettivament, l-Avukat Ġenerali Léger fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Engelbrecht (C-262/97, Ġabra p. I-7321) u l-Avukat Ġenerali Bot fil-punti 34 u 35 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C-409/06, Ġabra p. I-8015), bil-ħsieb illi jagħtu risposta utli lill-qrati nazzjonali. Dan huwa wkoll dak li l-Qorti tal-Ġustizzja tammetti fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Frar 2009, Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie (C-515/07, Ġabra p. I-839, punti 29 u 40), wara l-konklużjonijiet tiegħi f’dan is-sens (ara b’mod partikolari l‑punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Ir-raġunijiet li għalihom ġew miċħuda l‑ewwel żewġ proposti u li għalihom intlaqgħet it-tielet proposta ma jidhrux mill‑motivi tas-sentenzi. Madankollu, huwa interessanti li jiġi rrilevat illi kienet biss il-kawża li tat lok għas-sentenza Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet introdotta minn qorti nazzjonali li tiddeċiedi b’mod finali.
( 23 ) Ara s-sentenza tal-Consiglio nazionale dei geologi u Autorità garante della concorrenza e del mercato, iċċitata iktar ’il fuq (punt 34). Għandu jiġi nnotat illi, fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika illi qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma huma suġġetti għal ebda rikors ġudizzjarju hija, “fil-prinċipju, marbuta li tirreferi għall-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE meta tiġi invokata quddiemha domanda relatata mal-interpretazzjoni tat-Trattat FUE” (enfasi miżjud minni).
( 24 ) Ibid. (punt 29).
( 25 ) Sentenza tas-17 ta’ Mejju 1994, Corsica Ferries (C-18/93, Ġabra p. I-1783, punt 29) (enfasi miżjud minni). Il-fatt li l-vapuri użati minn din il-kumpannija kienu rreġistrati u kellhom il-bandiera tal-Panama jirriżulta mill-punt 8 ta’ din is‑sentenza. Ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France (C-266/96, Ġabra p. I-3949, punt 3).
( 26 ) Ara f’dan ir-rigward, fost oħrajn, A. Bredima-Savopoulou u J. Tzoannos, The Common Shipping Policy of the EC, North Holland, Amsterdam, 1990, p. 176 u P.J. Baena Baena, La politica comunitaria de los transportes maritimos, Marcial Pons, Madrid, 1995, p. 127.
( 27 ) Skont awtur, dan hu l-każ ta’ 85 % tal-flotta li għandha l-bandiera Griega: ara, S. Martinez Lage, “El régimen comunitario del transporte marítimo y el Real Decreto 990/1986 sobre ordenación del transporte marítimo en España”, Gaceta Juridica de la CEE, Nru°10, 1988, p. 408.
( 28 ) Fil-punti 79 u 80 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ST u SEKO jsemmu, insostenn tal-argument tagħhom, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Prodest (237/83, Ġabra p. 3153, punt 6); tas-27 ta’ Settembru 1989, Lopes da Viega (9/88, Ġabra p. 2989, punt 15); tad-29 ta’ Ġunju 1994, Aldewereld (C-60/93, Ġabra p. I-2991, punt 14) u tat-30 ta’ April 1996, Boukhalfa (C-214/94, Ġabra p. I-2253, punt 15), li kollha jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-trattat jew ta’ dritt sekondarju dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema.
( 29 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kersbergen-Lap u Dams-Schipper (punt 21) kif ukoll Danske Svineproducenter (punt 32).
( 30 ) ĠU 2005, C 169, p. 10. Jien niftakar li l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma intitolat “Kuntratti individwali ta’ impjieg” jipprovdi essenzjalment, li fil-kuntratt ta’ impjieg, l-għażla ta’ liġi magħmula mill-partijiet tal-liġi applikabbli ma għandhiex ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu mir-regoli mandatarji tal-liġi li tkun applikabbli skont dan l-Artikolu 6(2) fin-nuqqas ta’ għażla. Skont dan il-paragrafu, il-kuntratt ta’ impjieg huwa regolat, minn naħa bil-liġi tal-pajjiż li fih l-impjegat fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt is-soltu jagħmel ix-xogħol tiegħu jew, min-naħa l-oħra, jekk l-impjegat mhux soltu jagħmel ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, skont il-liġi tal-pajjiż fejn il-post tan-negozju li minnu jkun tqabbad ikun jinsab. Dawn il-kriterji japplikaw sakemm ma jkunx jidher miċ-ċirkustanzi kollha li l-kuntratt ikollu rabta eqreb ma’ pajjiż ieħor, f’liema każ il-kuntratt għandu jkun irregolat mil-liġi ta’ dak il-pajjiż. Dwar l-applikazzjoni u l-artikolazzjoni ta’ dawn il-kriterji dwar id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli fil-kuntest ta’ tkeċċija ta’ membru ta’ ekwipaġġ ta’ vapur, sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C-384/10, Ġabra p. I-13275).
( 31 ) Inklużi fil-parti VII tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, intitolata “Ibħra internazzjonali”, l-Artikoli 91 u 94 jistipulaw rispettivament, b’mod partikolari, minn naħa, li l-vapuri li għandhom iċ-ċittadinanza tal-Istat li tiegħu jġorru l-bandiera, irid ikun hemm rabta sostanzjali bejn l-Istat u l-vapur, u, min-naħa l-oħra, li kull Stat għandu jeżerċita b’mod effettiv il-ġurisdizzjoni tiegħu u l-kontroll tiegħu fis-settur amministrattiv, tekniku u dak soċjali fuq il-vapuri li jġorru l-bandiera tiegħu, b’mod partikolari, skont id-dritt intern tiegħu, fuq il-kaptan, l-uffiċjali u l-ekwipaġġ għall-kwistjonijiet amministrattivi, tekniċi u soċjali li jikkonċernaw il-vapur.
( 32 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C-286/90, Ġabra p. I-6019, punti 18 u 22).
( 33 ) Ara f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C-323/03, Ġabra p. I-2161, punt 26), dwar ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tassimila t-termini użati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10) ma’ dawk tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, ħaġa li kien ikollha bħala effett il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.
( 34 ) Ara l-premessa ta’ qabel tal-aħħar tar-Regolament Nru 4055/86. Għal raġunament simili, ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24).
( 35 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta (C-379/92, Ġabra p. I-3453, punt 39); tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il‑Kummissjoni vs Franza (C-381/93, Ġabra p. I-5145, punt 10), kif ukoll tat-13 ta’ Ġunju 2002, Sea-Land Service u Nedlloyd Lijnen (C-430/99 u C-431/99, Ġabra p. I-5235, punt 30).
( 36 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE (libertà li jiġu pprovduti servizzi), sentenza tal-Qorti EFTA, sentenza tal-25 ta’ April 2012, Granville Establishment (E‑13/11, EFTA Court Report 2012, p. 403, punti 38 u 39).
( 37 ) Ara s-sentenza Sea-Land Service u Nedlloyd Lijnen, iċċitata iktar ’il fuq (punti 16, 26 sa 29). Għandu jiġi nnotat illi jekk l-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet lill-qorti nazzjonali l-inkarigu li tivverifika jekk is-sitwazzjonijiet li minnhom oriġinaw il-kwistjonijiet f’din il-kawża kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 4055/86, dan ġara probabbilment, wara qari tal-punti 63 sa 76 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber f’din il-kawża, minħabba l-fatt li l-kumpannija l-oħra tat-trasport involuta fil-kawża prinċipali (Sea-Land Service) kienet stabbilita fl-Istati Uniti tal-Amerika u li l-qorti tar-rinviju ma kinitx tat biżżejjed indikazzjonijiet dwar jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament kinux issodisfatti.
( 38 ) Ara s-sentenza Corsica Ferries iċċitata iktar ’il fuq (punti 8 u 30), kif ukoll il-punt 2 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali van Gerven f’din il-kawża. Ara, ukoll, Corsica Ferries France, iċċitata iktar ’il fuq (punt 3). Kif diġà indikat, il-vapuri kellhom bandiera tal-Panama.
( 39 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2002, Geha Naftiliaki et (C-435/00, Ġabra p. I-10615, punti 5 u 6) kif ukoll il-punti 5 u 6 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber f’din il-kawża.
( 40 ) Sentenza Peralta, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42). Is-sid tal-vapur kien Taljan u l-vapur kellu bandiera Taljana.
( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch (C-533/07, Ġabra p. I-3327, punt 35).
( 42 ) Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002 (C-451/99, Ġabra p. I-3193, punt 18). Din il-kawża kienet tirrigwarda l-obbligu ta’ reġistrazzjoni fi Stat ta’ użu ta’ vetturi meħuda b’leasing minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor.
( 43 ) Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2008 (C-330/07, Ġabra p. I-9099, punt 22). Din il-kawża kienet tirrigwarda rifjut mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jingħata primjum tal-investiment lil kumpannija li kienet tat b’leasing trakkijiet prinċiparjament użati fit-territorju ta’ Stati Membri oħra.
( 44 ) Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011 (C-9/11, Ġabra p. I-9697, punti 17 u 20). Il-kawża kienet tikkonċerna, essenzjalment, l-interdizzjoni ta’ konċessjoni ta’ użu ta’ inġenji tal-ajru lil kumpannija mhux stabbilita fi Stat Membru li kien ta vantaġġ finanzjarju għall-finanzjament tax-xiri tiegħu.
( 45 ) Enfasi miżjud minni.
( 46 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 363. Din id-direttiva kienet applikabbli fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, inkluż fiż-ŻEE, bis-saħħa tad-Deċiżjoni Nru 66/2000 tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE , tat-2 ta’ Awwissu 2000, li temenda l-Anness XI (Servizzi ta’ Telekomunikazzjoni) għall-Ftehim taż-ŻEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 4, p. 188). Il-kundizzjonijiet ta’ din id-direttiva ġew estiżi permezz tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/95/KE, tat-13 ta’ Diċembru 1999, li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet fejn għandhom x’jaqsmu s-sigħat tax-xogħol tal-baħħara abbord vapuri li jidħlu f’portijiet Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 407) għall-vapuri li jieqfu fl-Unjoni [din id-direttiva kienet hija stess integrata fil-Ftehim ŻEE bid-Deċiżjoni Nru 94/2000 tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, tas-27 ta’ Ottubru 2000, li temenda l-Anness XIII (Trasport) għall-Ftehim taż-ŻEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 5, p. 181)]. Madankollu, permezz tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 1999/95, il-kundizzjonijiet imposti xorta ma kinux applikabbli għall-vapuri bil-bandiera ta’ Stati terzi li mill-10 ta’ Jannar 2004, il-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll tal-1996 tal-Konvenzjoni Nru 147 tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) dwar ir-regoli minimi li għandhom jiġu osservati fuq il-vapuri tal-merkanzija, jiġifieri xi ġimgħat qabel l-azzjoni kollettiva ta’ SEKO. Għandu jiġi nnotat ukoll, fir-rigward tal-istrumenti li daħlu fis-seħħ b’mod komplet wara l-fatti tal-kawżi prinċipali, definizzjoni analoga li tinsab fl-Artikolu 2(j) tal-Konvenzjoni tax-xogħol marittimu 2006 adottata taħt l-awspiċi tal-ILO u li daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Awwissu 2013. Din id-definizzjoni kienet riprodotta fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE, tas-16 ta’ Frar 2009, li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (ĠU L 124, p. 30).
( 47 ) Min kif jidher, din hija s-sitwazzjoni li minnha oriġinat is-sentenza Geha Naftiliaki et, iċċitata iktar ’il fuq.
( 48 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 63 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C-255/02, Ġabra p. I-1609).
( 49 ) Jien niftakar li fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Lulju 2007, Kofoed (C-321/05, Ġabra p. I-5795, punt 38), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi l-projbizzjoni ta’ abbuż tad-dritt kien jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.
( 50 ) Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Slancheva sila (C-434/12, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata) (enfasi miżjud minni). Ara wkoll għal formola simili, is-sentenzi Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 69), kif ukoll tas-6 ta’ April 2006, Agip Petroli (C-456/04, Ġabra p. I-3395, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 51 ) Ibbażata fuq numru ta’ sentenzi preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, fosthom, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1988, Lair (39/86, Ġabra p. 3161, punt 43), kif ukoll tat-23 ta’ Settembru 2003, Akrich (C-109/01, Ġabra p. I-9607, punt 57 u l-punt 2 tad-dispożittiv), din il-klassifikazzjoni tal-kunċett ta’ abbuż (tad-dritt) kienet ukoll sostnuta mill-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq.
( 52 ) Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Ninni-Orasche (C-413/01, Ġabra p. I-13187, punt 31) (enfasi miżjud minni). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C-212/97, Ġabra p. I-1459, punt 18) u tal-21 ta’ Frar 2013, A (C‑123/11, punt 27), fejn huwa indikat li: “il-kwistjoni tal-applikazzjoni” tal-artikoli tat-Trattat li jirregolaw il-libertà ta’ stabbiliment hija “distinta minn dik dwar jekk Stat Membru jistax jieħu miżuri sabiex jimpedixxi li, billi jirrikorru għall-possibbiltajiet offruti mit-Trattat, xi wħud miċ-ċittadini tiegħu jippruvaw jevitaw abbużivament l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom” (enfasi miżjud minni).
( 53 ) Ara, fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 55); tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C-524/04, Ġabra p. I-2107, punti 74 u 80) u tas-17 ta’ Jannar 2008, Lammers & Van Cleeff (C-105/07, Ġabra p. I-173, punt 29), kif ukoll, is-sentenza tal-Qorti EFTA, Arcade Drilling (E‑15/11, EFTA Court Report 2012, p. 676, punt 88). Ara, f’dak li jirrigwarda l-provvista tas-servizzi, is-sentenzi Jobra, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35) u tal-5 ta’ Lulju 2012, SIAT (C‑318/10, punt 50).
( 54 ) Dan huwa kkonfermat mill-konstatazzjoni doppja illi “wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Ftehim ŻEE huwa li jinkiseb bl-iktar mod komplet possibbli l‑moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal‑kapital fiż-ŻEE kollha, b’tali mod li s-suq intern maħluq fit-territorju tal‑Unjoni jiġi estiż għall-Istati tal-EFTA” [ara s-sentenzi tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg (C-452/01, Ġabra p. I-9743, punt 29) u tas-26 ta’ Settembru 2013, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑431/11, punt 50)] u li dak li huwa stipulat fl-artikoli tal-Ftehim ŻEE dwar il-libertajiet ta’ moviment għandhom l-istess portata ġuridika bħal dik tad-dispożizzjonijiet, identiċi fis-sustanza, tal-artikoli tat-Trattat KE li jiggarantixxu dawn il-libertajiet. Ara, pereżempju, fir-rigward tal-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE (libertà li jiġu pprovduti servizzi), sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C-153/08, Ġabra p. I-9735 punt 48). Ara wkoll dwar in-natura sui generis tal-Ftehim ŻEE u tad-drittijiet li huma mogħtija lill-individwi u lill-operaturi ekonomiċi, is-sentenza tal-Qorti EFTA, Eva María Sveinbjörnsdóttir (E‑9/97, EFTA Court Report 1998, p. 95, punti 58 u 59) kif ukoll b’mod partikolari, dwar dan is-suġġett, C. Baudenbacher, “L’individu, principal protagoniste de l’accord EEE”, f’Le droit à la mesure de l’homme: Mélanges en l’honneur de Philippe Léger, Pedone, Pariġi, 2006, p. 335.
( 55 ) Ara s-sentenza Kofoed, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38). Il-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt issa hija wkoll stabbilita fl-Artikolu 54 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li madankollu ma kellha l-ebda saħħa vinkolanti fil-mument tal-fatti tal-kawża prinċipali.
( 56 ) In-natura tal-Ftehim ŻEE ma tostakolax illi l-prinċipji ġenerali tad-dritt taż-ŻEE (“general principles of EEA law”) jistgħu, permezz ta’ interpretazzjoni, jiġu sseparati mill-għanijiet tiegħu (bħal dak tal-interpretazzjoni omoġenika tad-dispożizzjonijiet sostanzjalment identiċi għal dawk tat-Trattat KE) u mid-dispożizzjonijiet tiegħu. Ara, fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, is-sentenza tal-Qorti EFTA, Posten Norge (E‑15/10, EFTA Court Report 2012, p. 246, punt 86), li fiha l-Qorti EFTA tirreferi kemm għall-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1980, kif ukoll għall-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ara wkoll, fir-rigward tar-rispett taċ-ċertezza legali, is-sentenza tal-Qorti EFTA, EFTA Surveillance Authority vs Norway (E‑9/11, EFTA Court Report 2012, p. 442, punt 99) u fir-rigward tal-protezzjoni tal-aspettattiva leġittima, is-sentenza tal-Qorti EFTA, DB Schenker vs EFTA Surveillance Authority (E‑7/12, EFTA Court Report 2013, punt 117).
( 57 ) Ara wkoll f’dan is-sens, b’mod partikolari R.N. Ionescu, L’abus de droit de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2012, p. 428.
( 58 ) Ara s-sentenza Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 94 sa 97).
( 59 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Centros, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24) u Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35), kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2008, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C-286/06, Ġabra p. I-8025, punt 69).
( 60 ) Ipoteżi li jiena madankollu ma aċċetajtx fil-punti 136 u 137 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża li tat lok għas-sentenza Laval un Partneri, iċċitata iktar ’il fuq.
( 61 ) Dan seta’ teoretikament jiġi kkonċepit jekk, minn naħa, is-sindakati kienu kkunsidraw, fid-dawl pereżempju, tar-rabtiet tal-ankrar u tal-waqfien tas-Sava Star, li l-membri tal-ekwipaġġ kienu abitwalment iwettqu xogħolhom fl-Isvezja u, min‑naħa l-oħra, l-għażla tal-liġi applikabbli magħmula mill-partijiet kellha bħala riżultat li tippriva lil dawn il-ħaddiema mill-protezzjoni li kienu jagħtuhom id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-pajjiż li fih huma abitwalment iwettqu xogħolhom, fis-sens tal-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. Fil-fatt, mis-sentenza Voogsgeerd, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tippreferi l-kriterju ta’ rabta stipulat fl-imsemmi Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar id-dritt tal-Istat tal-bandiera tal-vapur, jekk dan tal-aħħar jirriżulta f’li jippriva lill-ħaddiem mill-protezzjoni li kien jikseb bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mandatarji tal-liġi li kienet tkun applikabbli għalih fin-nuqqas tal-għażla tal-partijiet.
( 62 ) Kif diġà indikat (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet), fil-perijodu tal-fatti tal-kawżi prinċipali, kienet applikabbli d-Direttiva 1999/63, li kienet intiża sabiex timplementa l-Ftehim bejn l-imsieħba soċjali Ewropej dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara, estiża bid-Direttiva 1999/95 għall-vapuri kollha li jieqfu fil-portijiet tal-Unjoni, tkun xi tkun il-bandiera tagħhom, mill-10 ta’ Jannar 2003. Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 1999/95, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex il-vapuri li ma jġorrux il-bandiera tagħhom jirrispettaw il-klawżoli 1 sa 12 tal-ftehim li jinsab fl-anness tad-Direttiva 1999/63, jiġifieri, essenzjalment, il-klawżoli dwar il-ħin tax-xogħol u l-ħin tal-mistrieħ abbord il-vapuri, iżda mhux dawk relatati mal-protezzjoni tal-baħrin fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa (klawżola 15) u lanqas dik li tirrigwarda t-tul tal-leave mħallas (klawżola 16), li jinkludu kundizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dawk previsti mill-Konvenzjoni Nru 180 tal-ILO dwar it-tul tax-xogħol tal-baħħara u l-ekwipaġġ tal-vapur, adottata fit-22 ta’ Ottubru 1996 u li daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Awwissu 2002.
( 63 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi Centros, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25); Agip Petroli, iċċitata iktar ’il fuq (punt 21), u tal-21 ta’ Lulju 2011, Oguz (C-186/10, Ġabra p. I-6957, punt 25).
( 64 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2012, L‑Ungerija vs Is‑Slovakkja (C‑364/10, punt 58) u tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, punt 58). Minn dawn is-sentenzi kif ukoll mis-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C-110/99, Ġabra p. I-11569, punti 52 u 53), jirriżulta b’mod ċar li l-imsemmija kundizzjonijiet huma rilevanti inkluż f’kuntesti li fihom l-atti ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni ma jagħmlux riferiment għalihom.
( 65 ) Ir-rekwiżit ta’ rabta ġenwina bejn il-vapur u l-Istat li tiegħu jġorr il-bandiera, stipulat fl-Artikoli 91 u 94 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, huwa sabiex tkun żgurata osservanza effiċjenti mill-Istati tal-bandiera tal-obbligazzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari dawk dwar l-eżerċizzju effettiva tal-ġurisdizzjoni u tal-kontroll tiegħu fil-qasam amministrattiv, tekniku u soċjali. Ara sentenza tat-Tribunal Internazzjonali tad-Dritt tal-Baħar, tal-1 ta’ Lulju 1999, Saint-Vincent-et les-Grenadines vs Il‑Ginea, kawża tal-vapur “Saiga” (Nru 2), Ġabra ta’ sentenzi, opinjonijiet konsultattivi u digrieti, Vol. 3, 1999 (punti 81 sa 83), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, (C-299/02, Ġabra p. I-9761, punt 23) li tirreferi għall-punti 51 sa 59 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger ippreżentati f’din il-kawża. Minn dawn is-sentenzi jirriżulta wkoll li n-nuqqas ta’ tali rabta bejn il-vapur u l-Istat tal-bandiera ma jawtorizzax lill-Istati l-oħra li jikkontestaw il-validità tar-reġistrazzjoni tal-imsemmi vapur (ara wkoll fuq dan is-suġġett u l-miżuri li huma awtorizzati: Y. Takei, “International legal responses to the flag State in breach of its duties: possibilities for other States to take action against the flag State”, Nordic Journal of International Law, Nru 2, 2013, p. 283). Ma hemmx dubju illi Saint-Vincent-et-les-Grenadines, li minnu oriġinat il-kawża tal-vapur “Saiga”, imressqa quddiem it-Tribunal internazzjonali tad-dritt tal-baħar, huwa wieħed mill-Istati li jagħtu bandiera ta’ konvenjenza. Ara, pereżempju, A. Mandaraka-Sheppard, Modern Maritime Law and Risk Management, it-tieni edizzjoni, Routledge-Cavendish, Londra New-York, 2007, p. 279.
( 66 ) L-ewwel darba li ssemmiet b’mod uffiċjali l-espressjoni “bandiera ta’ konvenjenza” kien fil-preambolu tal-Konvenzjoni Nru 147 tal-ILO dwar ir-regoli minimi li għandhom jiġu osservati fuq il-vapuri tal-merkanzija, adottata fid-29 ta’ Ottubru 1967 u li daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Novembru 1981, mingħajr madankollu ma ngħatat definizzjoni. Ara, b’mod partikolari, dwar id-definizzjoni u l-karatteristiċi tal-bnadar ta’ konvenjenza, Unterm, http://unterm.un.org/DGAACS/unterm.nsf; A., Mandaraka-Sheppard, op.cit., p. 278 u 279; A. Masutti, “Genuine link e bandiere ombra”, f’A. Antonini, Trattato breve di diritto marittimo, Vol. I., Giuffrè, Milano, 2007, p. 430 u 431 u H. Slim, “Les pavillons de complaisance”, f’Le Pavillon, il-minuti tas-seduti miżmuma fit-2 u 3 ta’ Marzu 2007 fl-Institut océanographique de Paris, Pedone, Pariġi, 2007, p. 93.
( 67 ) Skont l-istudju ta’ H. Slim, op.cit. (p. 89), fis-snin 2000, il-Panama, flimkien mal-Liberja, kellha l-maġġoranza tal-bnadar ta’ konvenjenza fil-flotta mondjali. Barra minn hekk, skont ir-rapport tas-senatur Franċiż Marini, fl-1998, kważi 30 % tal-baħrin kienu jbaħħru taħt bandiera ta’ konvenjenza, fost liema l-iktar waħda sinjifikattiva kienet dik Panamiża, b’104 000 baħri. Ara r-Rapport sur les actions menées en faveur de la politique maritime et littorale de la France, Nru 345, Pariġi, 1998, p. 29. Matul il-perijodu 2001 sa 2003, il-Panama kienet ukoll fuq il-lista s-sewda tal-bnadar li jkopru vapuri ta’ “standard inferjuri”, stabbilita bil-memorandum ta’ ftehim ta’ Pariġi (Paris MoU) dwar il-kontroll ta’ vapuri mill-Istat tal-port (ara, Paris MoU, 2003 Annual Report on Port State Control, Pariġi, p. 25), ftehim adottat fl-1982 u li l-istruttura organizzattiva tiegħu tiġbor bħalissa, fi ħdan il-kumitat tiegħu, 27 amministrazzjoni marittima nazzjonali u l-Kummissjoni. L-esperjenza miksuba fi ħdan il-memorandum ta’ ftehim ta’ Pariġi fil-qasam tal-ispezzjoni tal-vapuri tibqa’ riferiment għal dawk assenjati fuq il-vapuri li jieqfu fl-Unjoni. Ara, fl-ewwel lok, ir-riferimenti għal memorandum u għall-kriterji u għall-proċeduri ta’ spezzjoni żviluppati taħt il-qafas tiegħu bid-Direttiva tal-Kunsill 95/21/KE, tad-19 ta’ Ġunju 1995, li tikkonċerna l-infurzar, fir‑rigward ta’ bastimenti li jużaw l-portijiet tal-Komunità u li jbaħħru fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, ta’ standards internazzjonali għas-sigurtà tal‑bastimenti, il-prevenzjoni ta’ tniġġis u l-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax‑xogħol abbord (kontroll portwali tal-Istat) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 263) u fl-aħħar lok, dawk magħmula bid-Direttiva 2009/16/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port, (ĠU L 131, p. 57), kif emendata bid-Direttiva 2013/38/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Awwissu 2013 (ĠU L 218, p. 1).
( 68 ) Skont il-preambolu, il-partijiet kontraenti għolja jirrikonoxxu “li t-tneħħija tal-ostakoli eżistenti titlob ħidma konċertata sabiex tiggarantixxi […] kompetizzjoni ġusta”.
( 69 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wolff & Müller (C-60/03, Ġabra p. I-9553, punt 41).
( 70 ) Numru ta’ Stati taż-ŻEE ma stabbilixxewx, fis-sens proprju tal-kelma, paga minima applikabbli fit-territorju tagħhom, peress li l-livell tal-pagi ġeneralment ikun stabbilit permezz ta’ ftehim kollettivi. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat illi diversi Stati taż-ŻEE introduċew, sabiex iwaqqfu lis-sidien tal-vapuri Ewropej milli jirrikorru għall-bnadar ta’ konvenjenza, reġistri msejħa internazzjonali bħal, fil-każ tar-Renju tan-Norveġja, in-Norwegian International Ship Register (NIS) li jippermetti illi jiġu ngaġġati bħala membri tal-ekwipaġġ ċittadini ta’ Stati terzi iżda li jiggarantixxi, permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim kollettivi maqbula mal-ITF, l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-paga li jitqiesu xierqa (ara, A. Massuti, op.cit., p. 444). Fi Franza, il-Liġi Nru 2005‑412 tat-3 ta’ Mejju 2005 li toħloq reġistru internazzjonali Franċiż (JORF tal-4 ta’ Mejju 2005, p. 7697) permezz tad-Deċiżjoni Nru 2005‑514 DC tal-Qorti Kostituzzjonali tat-28 ta’ April 2005, tistipula illi l-baħrin residenti barra Franza impjegati abbord ta’ vapuri rreġistrati fir-Reġistru internazzjonali Franċiż jibbenefikaw mir-regoli tal-ordni pubbliku soċjali, bl-osservanza tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u ta’ ftehim internazzjonali u Komunitarji ta’ Franza, u tistabbilixxi garanziji minimi fil-qasam tal-pagi u tal-protezzjoni soċjali. Ir-reġistru internazzjonali Ġermaniż u dak Daniż rispettivament kienu s-suġġett, mill-perspettiva tad-dritt ta’ għajnuna mill-Istat, ta’ kawżi li taw lok għas-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun (C-72/91 u C-73/91, Ġabra p. I-887); tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni (C-319/07 P, Ġabra p. I-5963), u tal-24 ta’ Jannar 2013, Falles Fagligt Forbund (3F) vs Il‑Kummissjoni (C-646/11 P). Il-punt komuni ta’ dawn ir-reġistri internazzjonali, li jiżguraw lill-impriżi ta’ trasport marittimu vantaġġi fiskali u soċjali huwa li, bid-differenza tal-bnadar ta’ konvenjenza, l-Istati jżommu l-kontroll tal-vapuri rreġistrati fit-territorju tagħhom. Ara, A. Massuti, op.cit., p. 444.
( 71 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Emsland-Stärke (punt 54) kif ukoll Agip Petroli (punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 72 ) Iż-żewġ elementi li jikkostitwixxu prattika abbużiva fil-fatt huma kumulattivi, ara, b’mod partikolari, is-sentenza Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq (punt 55).
( 73 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Agip Petroli, iċċitata iktar ’il fuq (punt 23 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 74 ) Għandu jiġi nnotat illi, wara l-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja u waqt is-seduta, Fonnship indikat illi s-Sava Star kien irreġistrat il-Panama minħabba raġunijiet relatati ma’ restrizzjonijiet fil-qasam tal-kabotaġġ marittimu fin-Norveġja, mingħajr ma tressqu jew ġew issostanzjati spjegazzjonijiet iktar preċiżi jew komprensibbli. Għandu jitfakkar illi, skont ir-Regolament Nru 3577/92 integrat mal-Ftehim ŻEE [ara d-Deċiżjoni Nru 70/97 tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, tal-4 ta’ Ottubru 1997, li temenda l-Anness XIII (Trasport) għall-Ftehim taż-ŻEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 2, p. 325)], il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam il-kabotaġġ marittimu japplika biss għal sidien ta’ vapuri taż-ŻEE li jużaw vapuri rreġistrati fi Stat taż-ŻEE u li jġorru bandiera ta’ dan l-Istat. Huwa għalhekk diffiċli li tinftiehem l-allegazzjoni li r-reġistrazzjoni tas-Sava Star fil-Panama setgħet tiffaċilita l-kabotaġġ marittimu fin-Norveġja.
( 75 ) Ara b’analoġija, sabiex jiġu kkunsidrati r-rabtiet ta’ natura ġuridika, ekonomika u/jew personali bejn il-persuni involuti fi tranżazzjoni biex tistabbilixxi n-natura artifiċjali tal-ħolqien tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Emsland-Stärke (punt 58) u Slancheva sila (punt 40).
( 76 ) Jiena nżid, għall-finijiet kollha utli, li din is-sitwazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 4055/86 peress illi, tal-inqas, il-vapur ma jissodisfax il-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni fl-Istat taż-ŻEE li tiegħu huwa ċittadin il-proprjetarju tal-vapur.