20.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 759/2009

tad-19 ta’ Awwissu 2009

li jemenda l-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 21/2004 jistipula li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Din is-sistema fiha erba’ elementi, li huma: mezzi ta’ identifikazzjoni biex jiġi identifikat kull annimal; iż-żamma ta’reġistri aġġornati dwar kull stabbiliment; dokumenti dwar ċaqlieq; u reġistru ċentrali jew bażi ta’ dejta kompjuterizzata. L-Anness ta’ dan ir-Regolament jistipula r-rekwiżiti għal dawn l-elementi.

(3)

L-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 fil-preżent jistipula li annimali intiżi għall-qatla qabel l-età ta’ 12-il xahar u mhux intiżi għal kummerċ intra-Komunitarju jew esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jistgħu jiġu identifikati b’metodu li jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima A.7 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament. Iżda, f’xi każijiet annimali li oriġinarjament kienu intiżi għall-qatla jintużaw madankollu għat-tagħmir iktar tard fi stabbilimenti differenti minn dak tat-twelid. Għalhekk għandu jkun permess li dawn l-annimali jitħallew ikunu identifikati individwalment wara li jkunu ħallew l-istabbiliment fejn twieldu sakemm l-annimal individwali jista’ jiġi ttraċċat sal-istabbiliment fejn twieled.

(4)

It-taqsima C tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 tistipula t-tagħrif li għandu jkun hemm fid-dokument ta’ ċaqlieq. Sabiex jiġi reġistrat il-kodiċi ta’ identifikazzjoni individwali ta’ kull annimal fuq id-dokument ta’ ċaqlieq, il-karatteristiċi ta’ identifikazzjoni ta’ kull annimal individwali għandhom jiġu reġistrati mat-tluq. Reġistrazzjoni simili għandha terġa’ ssir fl-istabbiliment ta’ destinazzjoni. Sabiex jitnaqqas il-piż ta’ amministrazzjoni, għandu jkun permess li jitħalla li jiġu reġistrati l-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni tal-annimali fl-istabbiliment ta’ destinazzjoni, minflok fl-istabbiliment ta’ tluq, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

(5)

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 jistipula li ċerti sidien (detenturi) iżommu inventarju tal-annimali tal-inqas kull sena. Il-Parti D tal-Anness ta’ dan ir-Regolament jistipula li ċertu tagħrif jinżamm fil-bażi ta’ dejta kompjuterizzata. Ir-riżultati tal-inventarju huma parti minn dan it-tagħrif. Sabiex jitnaqqas il-piż ta’ amministrazzjoni, għandu jkun permess li ma jiġux reġistrati dawn ir-riżultati f’dawk l-Istati Membri fejn il-bażi ta’ dejta kompjuterizzata jkun fiha, barra mit-tagħrif meħtieġ skont il-Parti D ta’ dan l-Anness, il-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni individwali ta’ kull annimal fl-istabbilimenti.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 21/2004 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 21/2004 għandu jiġi emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu jkun applikabbli b’mod dirett fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Awwissu 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8.


ANNESS

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 21/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fit-Taqsima A, il-punt 7, it-tielet subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Annimali identifikati b’konformità ma’ dan il-punt li huma intiżi li jinżammu lilhinn minn 12-il xahar jew li huma intiżi għall-kummerċ intra-Komunitarju jew għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, għandhom ikunu identifikati b’konformità mal-punti 1 sa 4 sabiex tiġi żgurata t-traċċabilità ta’ kull annimal għall-istabbiliment ta’ twelid.”

(2)

Fit-Taqsima C, il-punt 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.

Mill-1 ta’ Jannar 2011, is-sid tal-istabbiliment tat-tluq għandu jirreġistra fid-dokument ta’ ċaqlieq il-kodiċi ta’ identifikazzjoni individwali ta’ kull annimal identifikat skont il-punti 1 sa 6 tat-Taqsima A qabel ma jsir iċ-ċaqlieq.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza għal ċaqlieq li ma jinvolvix kummerċ intra-Komunitarju r-reġistrazzjoni tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni individwali ta’ kull annimal fid-destinazzjoni f’isem is-sid tal-istabbiliment tat-tluq, suġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-annimali ma jinġarrux fl-istess mezz ta’ trasport ta’ annimali minn stabbilimenti oħra, sakemm il-gruppi ta’ annimali ma jkunux fiżikament separati minn xulxin;

(b)

l-istabbiliment ta’ destinazzjoni jkun approvata mill-awtorità kompetenti għall-fini ta’ reġistrazzjoni tal-kodiċijiet individwali tal-annimali f’isem is-sid tal-istabbiliment tat-tluq;

(c)

jkun hemm proċeduri biex jiġi żgurat li fi żmien 48 siegħa mill-ħin tat-tluq:

(i)

il-kodiċi ta’ identifikazzjoni individwali ta’ kull annimal jiġi reġistrat b’konformità mal-punt 2(a) tat-Taqsima B fir-reġistru tal-istabbiliment tat-tluq,

(ii)

it-tagħrif marbut maċ-ċaqlieq jingħata lill-awtorità kompetenti biex tiġi aġġornata l-bażi ta’ dejta kompjuterizzata b’konformità mal-punt 2 tat-Taqsima D.”

(3)

Fit-Taqsima D, il-punt 1(f) jinbidel b’dan li ġej:

“(f)

ir-riżultat tal-inventarju tal-annimali stipulat fl-Artikolu 7(2), u d-data meta twettaq dan l-inventarju, għajr fl-Istati Membri fejn il-bażi ta’ dejta kompjuterizzata ċċentralizzata jkollha l-kodiċi ta’ identifikazzjoni individwali ta’ kull annimal miżmum fi stabbiliment.”