|
15.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 371/92 |
P9_TA(2020)0204
Politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu – il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni u żviluppi reċenti oħra
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu – il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni u żviluppi reċenti oħra (2020/2686(RSP))
(2021/C 371/12)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Mejju 2020 dwar Pjan ta' Azzjoni għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (C(2020)2800), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Pakkett dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus tal-Kummissjoni, adottat fl-24 ta' Lulju 2019, li jikkonsisti f'komunikazzjoni politika bit-titolu “Fit-Triq lejn implimentazzjoni aħjar tal-qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu” (COM(2019)0360), ir-rapport dwar il-valutazzjoni ta' każijiet reċenti allegati ta' ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE (“post-mortem”) (COM(2019)0373), ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati mal-attivitajiet transfruntiera (ir-Rapport ta' Valutazzjoni tar-Riskju Sovranazzjonali (SNRA)) (COM(2019)0370) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjah (SWD(2019)0650), u r-rapport dwar l-interkonnessjoni ta' mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali (reġistri ċentrali jew sistemi ċentrali għall-irkupru ta' data elettronika) tal-Istati Membri dwar kontijiet bankarji (COM(2019)0372), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus) (1), u kif emendata mid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (il-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus) (2), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment, u r-Regolament (UE) 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi (3), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta' informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI (4), id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (5) u r-Regolament (UE) 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar kontrolli fir-rigward ta' flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 (6), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (7), u r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha tat-2 ta' Ġunju 2020, bit-titolu “L-irkupru tal-assi u l-konfiska: Niżguraw li l-kriminalità ma trendix qligħ” (COM(2020)0217), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (8), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (9), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2019 dwar prijoritajiet strateġiċi dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar it-tisħiħ tal-investigazzjonijiet finanzjarji fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea tal-24 ta' Lulju 2019 dwar komunikazzjonijiet lil entitajiet taħt superviżjoni rigward ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu f'superviżjoni prudenzjali, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' April 2018 bit-titolu: “Il-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi fl-Ewropa: il-każ tal-ġurnalist Slovakk Ján Kuciak u ta' Martina Kušnírová” (10), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar l-istat tad-dritt f'Malta (11), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, b'mod speċifiku f'Malta u fis-Slovakkja (12), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar l-istat tad-dritt f'Malta wara r-rivelazzjonijiet reċenti rigward il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia (13), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni “Lejn metodoloġija ġdida għall-valutazzjoni min-naħa tal-UE ta' Pajjiżi Terzi b'Riskju Kbir skont id-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu”, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ġunju 2018 bit-titolu “Metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir skont id-Direttiva (UE) 2015/849” (SWD(2018)0362), |
|
— |
wara li kkunsidra l-erba' Regolamenti Delegati adottati mill-Kummissjoni – (UE) 2016/1675 (14), (UE) 2018/105 (15), (UE) 2018/212 (16) u (UE) 2018/1467 (17) – li jissupplementaw id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifikaw pajjiżi terzi b'riskju kbir b'defiċjenzi strateġiċi, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar l-urġenza għal lista sewda tal-UE tal-pajjiżi terzi konformi mad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (18), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tax-taxxa (19), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-istat ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus (20), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi, skont il-Kummissjoni, madwar 1 % – EUR 160 biljun – tal-prodott domestiku gross tal-Unjoni huwa involut f'attività finanzjarja suspettuża (21) bħal ħasil tal-flus marbut ma' korruzzjoni, traffikar ta' armi u bnedmin, traffikar ta' drogi, evażjoni tat-taxxa u frodi, finanzjament tat-terroriżmu u attivitajiet illeċiti oħra li jaffettwaw iċ-ċittadini tal-UE fil-ħajja tagħhom ta' kuljum; |
|
B. |
billi skont il-Europol, għall-perjodu 2010-2014, 2,2 % tar-rikavat stmat minn attività kriminali ġew sekwestrati jew iffriżati proviżorjament u 1,1 % biss tal-profitti kriminali ġew ikkonfiskati fil-livell tal-UE, li jfisser li 98,9 % tal-profitti kriminali stmati ma ġewx ikkonfiskati u jibqgħu għad-dispożizzjoni tal-kriminali (22); |
|
C. |
billi l-qafas tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CTF) issaħħaħ permezz tal-adozzjoni tar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus f'Mejju 2015 u l-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus f'April 2018 u t-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri sa Ġunju 2017 u Jannar 2020 rispettivament, u permezz ta' leġiżlazzjoni u azzjonijiet oħra ta' akkumpanjament; billi t-Tielet Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus mhux dejjem ġiet implimentata kif suppost fl-Istati Membri, iżda l-Kummissjoni ma fetħet l-ebda proċedura ta' ksur; billi l-Kummissjoni bdiet proċeduri ta' ksur kontra l-maġġoranza tal-Istati Membri talli naqsu milli jittrasponu kif suppost ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus fid-dritt nazzjonali u bdew proċeduri kontra maġġoranza kbira ta' Stati Membri li ma kkomunikawx il-miżuri ta' traspożizzjoni tal-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus jew il-komunikazzjoni miżuri parzjali tat-traspożizzjoni tal-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (23); |
|
D. |
billi f'Marzu 2019 il-Parlament adotta riżoluzzjoni ambizzjuża dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, li kkonkludiet li kien hemm bżonn tiġdid maġġuri tar-regoli eżistenti tal-UE kontra l-ħasil tal-flus; |
|
E. |
billi fis-7 ta' Mejju 2020 il-Kummissjoni adottat Pjan ta' Azzjoni (24) għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; |
|
F. |
billi fl-istess data, ġiet ippubblikata l-metodoloġija l-ġdida għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi fir-rigward tal-AML/CTF, li ma tiddependix biss fuq sorsi ta' informazzjoni esterni; billi miżuri ta' diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti se jiġu applikati għal pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi b'riskju kbir taħt din il-metodoloġija, f'konformità mal-obbligi stabbiliti skont ir-Raba' u l-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus; |
|
G. |
billi xenarju leġiżlattiv, istituzzjonali u regolatorju frammentat madwar l-UE fil-qasam AML/CTF joħloq spejjeż u piżijiet addizzjonali għal dawk li jipprovdu servizzi transfruntiera, jinċentiva lin-negozji biex jirreġistraw fejn ir-regoli huma aktar laxki, u jippermetti lill-individwi, lill-organizzazzjonijiet u lill-intermedjarji finanzjarji tagħhom iwettqu attivitajiet illegali fejn is-superviżjoni u l-infurzar huma meqjusa aktar dgħajfa u/jew aktar klementi; billi l-qafas leġiżlattiv attwali AML/CTF jirriżulta f'interpretazzjonijiet u prattiki differenti tal-AMLD madwar l-Istati Membri; |
|
H. |
billi kien hemm numru ta' rivelazzjonijiet fir-rigward tal-AML/CTF matul dawn l-aħħar ftit snin, inkluż iżda mhux limitat għal każijiet imsemmija fir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni ta' każijiet allegati ta' ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE, l-iskandlu Cum Ex dwar l-arbitraġġ tad-dividendi u r-rivelazzjonijiet ta' Luanda Leaks; billi rivelazzjonijiet addizzjonali jiġu ppubblikati b'mod regolari u spiss jikkonċernaw l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u każijiet ta' korruzzjoni fl-Istati Membri; billi dan juri l-ħtieġa li l-UE tibqa' tiġġieled kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu bħala prijorità u li taġġorna l-qafas leġiżlattiv AML/CTF tagħha; |
|
I. |
billi fl-2019, l-uffiċċju tal-awditjar intern tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) wettaq awditu dwar l-implimentazzjoni tal-qafas AML/CTF tiegħu, l-aktar mill-2017 'il quddiem, li indika diskrepanzi sinifikanti f'parti relatata mal-adattament mhux komplut tal-qafas; billi l-BEI fassal pjan biex jagħlaq il-lakuni identifikati kollha sa Lulju 2020; |
|
J. |
billi t-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) f'Mejju 2020 wissiet (25) li ż-żieda fil-kriminalità relatata mal-COVID-19, bħalma huma l-frodi, iċ-ċiberkriminalità u d-direzzjoni ħażina u l-isfruttament tal-fondi tal-gvern u l-għajnuna finanzjarja internazzjonali, qed toħloq sorsi ġodda ta' rikavati għal atturi illeċiti; billi l-Europol wissa wkoll dwar il-modi li bihom il-kriminali malajr ħadu l-opportunitajiet biex jisfruttaw il-kriżi billi adattaw il-modi ta' operazzjoni tagħhom u żviluppaw attivitajiet kriminali ġodda, jiġifieri permezz taċ-ċiberkriminalità, il-frodi, il-falsifikazzjoni u kriminalità organizzata kontra l-proprjetà (26); billi l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) ħarġet rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jaħdmu mal-entitajiet marbutin b'obbligu sabiex jidentifikaw u jimmitigaw ir-riskji AML/CFT speċifiċi li jirriżultaw mit-tifqigħa tal-COVID-19 u jadattaw l-għodod superviżorji tagħhom (27); |
|
K. |
billi mill-aħjar 10 ġurisdizzjonijiet ta' segretezza fid-dinja, kif ikklasifikati mill-Indiċi tas-Segretezza Finanzjarja tat-Tax Justice Network, tnejn minnhom huma Stati Membri tal-UE, ieħor qiegħed fl-Ewropa u tnejn huma territorji extra-Ewropej ta' pajjiż li kien Stat Membru tal-UE; billi l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni trid għalhekk tibda fi ħdan l-UE; |
|
L. |
billi skont l-Indiċi tas-Segretezza Finanzjarja 2020, il-pajjiżi li jappartjenu għall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) huma responsabbli għal 49 % tas-segretezza finanzjarja kollha fid-dinja; |
|
M. |
billi l-fatturazzjoni kummerċjali qarrieqa tintuża biex jiġu evitati t-taxxi u/jew id-dazji doganali, biex jinħaslu rikavati minn attività kriminali, biex jiġu evitati l-kontrolli tal-munita u l-profitti jiġu trasferiti offshore; billi d-diskrepanzi fil-valur minħabba fatturazzjoni kummerċjali qarrieqa identifikati fil-kummerċ bejn 135 pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp u 36 ekonomija avvanzata tul il-perjodu ta' 10 snin 2008-2017 laħħqu mat-USD 8,7 triljun (28); |
Pjan ta' Azzjoni tal-UE u l-qafas AML/CTF
|
1. |
Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Mejju 2020 dwar Pjan ta' Azzjoni għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li tistabbilixxi l-kuntest għal aktar titjib, b'mod partikolari fl-infurzar u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti; jistieden lill-Unjoni tavvanza fuq is-sitt pilastri kollha ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni kemm jista' jkun malajr; |
|
2. |
Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li twassal ġabra unika ta' regoli fil-qasam tal-AML/CTF, inkluż billi tibdel il-partijiet rilevanti tal-AMLD f'regolament biex tiżgura sett aktar armonizzat ta' regoli biex tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra l-oqsma li ġejjin li għandhom jiġu koperti b'dan ir-regolament: l-identifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji; il-lista ta' entitajiet marbutin b'obbligu u l-obbligi ta' rappurtar tagħhom; ir-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta mal-klijenti, inklużi dawk relatati ma' persuni politikament esposti; id-dispożizzjonijiet dwar ir-reġistri tas-sjieda benefiċjarja u l-mekkaniżmi ċentralizzati dwar il-kontijiet tal-pagament u l-kontijiet tal-bank; il-qafas ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja (FIUs); l-istandards għas-superviżjoni kemm tal-entitajiet marbutin b'obbligu finanzjarji kif ukoll dawk mhux finanzjarji, u l-protezzjoni tal-individwi li jirrappurtaw suspetti ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu; jemmen li jista' jkun hemm il-bżonn li jiġu adottati standards tekniċi addizzjonali, iżda li miżuri ta' armonizzazzjoni essenzjali għandhom jiġu indirizzati fir-regolament sabiex jiġi żgurat ir-rwol proprju tal-Parlament u tal-Kunsill bħala koleġiżlaturi f'dan il-qasam estremament sensittiv; |
|
3. |
Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta, fit-12-il xahar li ġejjin, arkitettura istituzzjonali ġdida tal-UE għall-AML/CTF mibnija fuq superviżur AML/CTF fil-livell tal-UE u mekkaniżmu ta' koordinazzjoni u appoġġ tal-UE għall-FIUs; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' koordinazzjoni u appoġġ tal-UE fil-forma ta' FIU tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-responsabbiltajiet tas-superviżur AML/CTF ikopru entitajiet marbutin b'obbligu finanzjarju u mhux finanzjarju b'setgħat ta' superviżjoni diretta fuq ċerti entitajiet marbuta b'obbligu skont id-daqs tagħhom jew ir-riskju li jippreżentaw, kif ukoll is-superviżjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-UE mis-superviżuri nazzjonali; jitlob li jkun hemm diviżjoni ċara tas-setgħat rispettivi tal-UE u tas-superviżuri nazzjonali kif ukoll ċarezza dwar il-kundizzjonijiet għal superviżjoni diretta mis-superviżur AML/CTF fil-livell tal-UE wara valutazzjoni bbażata fuq ir-riskju, kif ukoll meta l-imġiba jew l-azzjonijiet tas-superviżuri nazzjonali jitqiesu bħala mhux adegwati u/jew insuffiċjenti; jitlob li s-superviżur AML/CTF fil-livell tal-UE u l-FIU tal-UE jingħataw indipendenza baġitarja u funzjonali; |
|
4. |
Jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-ġabra unika tar-regoli fil-qasam AML/CTF biex twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-entitajiet marbutin b'obbligu, b'mod partikolari bil-ħsieb li jiġu integrati setturi ġodda u ta' tfixkil tas-suq, kif ukoll l-innovazzjoni u l-iżviluppi teknoloġiċi fl-istandards internazzjonali, u tiżgura li l-forniment tas-servizzi jkun kopert bl-istess mod bħall-provvista ta' oġġetti; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza r-riskji tal-kriptoassi billi tinforza l-prinċipju “kun af lill-klijent tiegħek” b'mod wiesa' filwaqt li tirrispetta l-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-entitajiet b'obbligu mhux finanzjarju jiġu soġġetti għal superviżjoni simili għal entitajiet finanzjarji, minn awtorità pubblika indipendenti fil-livell nazzjonali, u biex tiżgura li l-livelli ta' sensibilizzazzjoni, taħriġ, konformità u sanzjonar f'każijiet ta' mġiba ħażina minn dawn l-awtoritajiet nazzjonali indipendenti jkunu adegwati; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet AML/CTF ma twassalx għal leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi ostakoli eċċessivi għall-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; |
|
5. |
Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar il-ħtieġa li jkun hemm reġistri interkonnessi u ta' kwalità għolja tas-sidien benefiċjarji fl-Unjoni, filwaqt li jiġu żgurati standards għoljin ta' protezzjoni tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tesplora t-tnaqqis tal-livell limitu għall-identifikazzjoni ta' sid benefiċjarju, b'kont meħud tal-prattiki fl-Istati Uniti, u tissuġġerixxi l-ħolqien ta' reġistri pubblikament aċċessibbli għas-sidien benefiċjarji ta' trusts u arranġamenti simili; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti biex jingħalqu l-lakuni eżistenti li jippermettu lill-kumpaniji jaħbu s-sidien benefiċjarji aħħarin tagħhom wara persuni delegati, kif ukoll tippermetti li l-kumpaniji jitolbu t-terminazzjoni ta' relazzjoni ta' negozju fil-każ li s-sid benefiċjarju aħħari ma jkunx jista' jiġi identifikat; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-armonizzazzjoni tal-informazzjoni fir-reġistri katastali u tal-artijiet u taħdem favur l-interkonnessjoni ta' dawk ir-reġistri; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva flimkien ma' dan ir-rapport, jekk ikun xieraq; |
|
6. |
Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza n-nuqqas ta' data suffiċjenti u preċiża fir-reġistri nazzjonali li jistgħu jintużaw biex jiġu identifikati sidien benefiċjarji aħħarin, speċjalment f'sitwazzjonijiet fejn jintuża netwerk ta' kumpaniji tal-isem; jitlob li l-istandards ta' trasparenza rigward is-sjieda benefiċjarja jissaħħu kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li huma jipprovdu mekkaniżmi ta' verifika relatati mal-preċiżjoni tad-data; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sorveljanza tagħha tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-istabbiliment ta' reġistri tas-sjieda benefiċjarja fl-Istati Membri sabiex tiżgura li dawn jiffunzjonaw kif xieraq u tipprovdi aċċess pubbliku għal data ta' kwalità għolja; |
|
7. |
Jilqa' l-pjan biex tiġi żgurata l-interkonnessjoni ta' mekkaniżmi ċentralizzati ta' pagament u kontijiet bankarji madwar l-UE, sabiex jiġi ffaċilitat aċċess aktar rapidu għall-informazzjoni finanzjarja għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-FIUs matul fażijiet differenti ta' investigazzjoni u sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transfruntiera f'konformità sħiħa mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data; |
|
8. |
Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid ir-regoli dwar l-ammont ta' informazzjoni li għandha tinġabar waqt l-inkorporazzjoni ta' entitajiet korporattivi u l-ħolqien ta' entitajiet legali oħra, trusts u arranġamenti legali simili, u biex tipproponi dispożizzjonijiet aktar dettaljati dwar id-diliġenza dovuta tal-klijent meta jinfetħu kontijiet finanzjarji, inklużi kontijiet bankarji; |
|
9. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi sett aktar armonizzat ta' sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-livell tal-UE għal nuqqas ta' konformità mar-regolamenti AML/CTF; |
Implimentazzjoni tad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus
|
10. |
Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li ma nfetħu l-ebda proċeduri ta' ksur għal implimentazzjoni mhux korretta tat-Tielet Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus u jistieden lill-Kummissjoni tiftaħ tali proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri meta jkunu ġġustifikati; jesprimi t-tħassib l-aktar serju tiegħu dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni tar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus minn għadd kbir ta' Stati Membri; jilqa', għalhekk, l-approċċ ta' tolleranza żero tal-Kummissjoni u l-bidu ta' proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri abbażi tas-sejbiet tal-kontrolli tal-kompletezza tagħha; jinsab imħasseb serjament li l-iskadenza tat-traspożizzjoni għall-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus tal-10 ta' Jannar 2020, kif ukoll l-iskadenzi rispettivi tal-10 ta' Jannar 2020 għar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja għal entitajiet korporattivi u legali oħra u l-10 ta' Marzu 2020 għal trusts u arranġamenti legali simili, ma ġewx rispettati mill-Istati Membri; jilqa', għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni diġà bdiet għadd ta' proċeduri ta' ksur u jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tibda proċeduri ta' ksur addizzjonali kontra Stati Membri abbażi tas-sejbiet tal-kontrolli tal-kompletezza tagħha mill-aktar fis possibbli; |
|
11. |
Jiddispjaċih għall-fatt li l-kontrolli tal-korrettezza għar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus ma setgħux jitwettqu mill-Kummissjoni nnifisha minħabba nuqqas ta' kapaċità u qed jieħdu diversi snin wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva li għandha titlesta, u b'hekk ittardjaw ulterjorment l-implimentazzjoni xierqa tal-obbligi AML/CTF fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza kemm jista' jkun malajr kontrolli tal-korrettezza bir-reqqa u tiftaħ proċeduri ta' ksur ulterjuri meta jkun meħtieġ; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ttrasponewx u ma implimentawx ir-Raba' u l-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus biex jagħmlu dan immedjatament u b'mod xieraq; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ġenerali ta' infurzar f'każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli u ta' ħasil tal-flus fl-Istati Membri u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-iżviluppi mill-qrib ħafna u tieħu azzjoni aktar b'saħħitha u aktar deċiżiva f'dan ir-rigward; |
|
12. |
Jilqa' l-inklużjoni tar-rakkomandazzjonijiet AML/CTF fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għal ċerti Stati Membri, adottati mill-Kunsill fil-kuntest taċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta, b'mod partikolari, jekk l-unitajiet tal-FIUs għandhomx biżżejjed riżorsi għad-dispożizzjoni tagħhom biex jittrattaw b'mod effettiv ir-riskji AML/CTF; |
Lista tal-UE ta' pajjiżi terzi b'riskju għoli
|
13. |
Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta l-possibbiltà li tiġi stabbilita lista griża ta' pajjiżi terzi potenzjalment b'riskju kbir, bl-istess mod bħall-approċċ kurrenti tal-Unjoni fl-elenkar ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal skopijiet ta' taxxa; jesprimi t-tħassib tiegħu li t-tul tal-perjodu ta' tnax-il xahar li jwassal għall-valutazzjoni finali fl-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'defiċjenzi strateġiċi jirriskja li jikkawża dewmien żejjed għal azzjonijiet AML/CTF effettivi; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ma tistrieħx biss fuq il-proċess ta' elenkar tal-FATF u hija lesta li tuża l-kriterji msaħħa pprovduti mill-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja, biex twettaq valutazzjoni awtonoma ta' pajjiżi terzi, li għandha tkun ħielsa minn indħil ġeopolitiku; |
|
14. |
Għandu dubji dwar l-approċċ li ħadet il-Kummissjoni fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tagħha intitolat “Metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir skont id-Direttiva (UE) 2015/849”, li tiddefinixxi pajjiżi li jippreżentaw “livell aktar importanti ta' theddid” b'żewġ kriterji li għandhom jiġu ssodisfati t-tnejn li huma; jirrakkomanda li l-pajjiżi li jippreżentaw “theddida sinifikanti ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu” b'mod awtomatiku jitqiegħdu immedjatament fil-lista ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx mingħajr aktar kundizzjonijiet addizzjonali u għandhom jitneħħew mil-lista ladarba l-impenji neċessarji tagħhom jiġu implimentati bis-sħiħ; |
|
15. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura proċess pubblikament trasparenti b'parametri referenzjarji ċari u konkreti għall-pajjiżi li jimpenjaw ruħhom li jwettqu riformi sabiex jevitaw li jiġu inklużi fil-lista; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tippubblika l-valutazzjonijiet tagħha tal-pajjiżi evalwati u elenkati sabiex tiżgura skrutinju pubbliku b'tali mod li l-valutazzjoni ma tistax tiġi abbużata; |
|
16. |
Jistieden lill-Kummissjoni tieħu kontromiżuri kontra pajjiżi terzi li jonqsu milli jikkooperaw mal-investigazzjonijiet AML/CTF Ewropej, inklużi dawk marbuta mal-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia; |
Superviżjoni kurrenti tal-UE
|
17. |
Jenfasizza li l-qafas kurrenti AML/CTF tal-UE jbati minn nuqqasijiet fl-infurzar tar-regoli tal-UE flimkien ma' nuqqas ta' superviżjoni effiċjenti; jappoġġja l-estensjoni diġà adottata tas-setgħat tal-EBA, iżda jtenni t-tħassib serju tiegħu dwar il-kapaċità tal-EBA li twettaq valutazzjoni indipendenti minħabba l-istruttura ta' governanza tagħha; |
|
18. |
Jitlob l-esklużjoni tal-entitajiet b'sede f'rifuġji fiskali mill-aċċess għall-mezzi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, inkluż l-appoġġ maħluq fl-ambitu tar-risposta għall-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19; |
|
19. |
Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif ukoll lill-BĊE, biex iqisu r-riskji tal-kriminalità finanzjarja meta jwettqu l-Proċess ta' Reviżjoni u Evalwazzjoni Superviżorji (SREP), kif dawn diġà għandhom is-setgħa li jagħmlu skont il-qafas leġiżlattiv eżistenti; jitlob li l-BĊE jkollu s-setgħa li jirtira l-liċenzji ta' kwalunkwe bank li jopera fiż-żona tal-euro u li jikser l-obbligi AML/CTF, indipendentement mill-valutazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali AML; |
|
20. |
Jistieden lill-EBA twettaq inkjesta dwar ir-rivelazzjonijiet tal-Luanda Leaks, b'mod partikolari biex tivvaluta jekk kienx hemm ksur tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-UE, u biex tivvaluta l-azzjonijiet meħuda minn superviżuri finanzjarji; jistieden lill-EBA toħroġ rakkomandazzjonijiet xierqa għal riforma u għal azzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati; jistieden lil awtoritajiet kompetenti oħra fil-livell nazzjonali biex jibdew jinvestigaw jew ikomplu bl-investigazzjonijiet fir-rivelazzjonijiet tal-Luanda Leaks u biex iressqu quddiem il-qorti lill-partijiet ikkonċernati li jinstab li qed jiksru r-regoli AML/CTF; |
|
21. |
Jenfasizza r-rwol tal-ġurnaliżmu investigattiv internazzjonali u tal-informaturi fl-esponiment ta' reati possibbli ta' korruzzjoni, ta' ħasil tal-flus u ta' mġiba ġenerali ħażina minn persuni esposti politikament, kif ukoll ir-rwol tal-intermedjarji finanzjarji u mhux finanzjarji li possibbilment jinfiltraw fondi akkwistati illegalment fis-sistema finanzjarja tal-UE mingħajr kontrolli xierqa; |
|
22. |
Jinnota bi tħassib li l-Luanda Leaks, kif ukoll skandli oħra preċedenti, bħal Cum Ex, il-Panama Papers, Lux Leaks u l-Paradise Papers, ripetutament heżżew il-fiduċja taċ-ċittadini fis-sistemi finanzjarji u tat-taxxa tagħna; jenfasizza kemm huwa kruċjali li tinkiseb lura l-fiduċja tal-pubbliku u li jiġu żgurati sistemi tat-taxxa ġusti u trasparenti u ġustizzja fit-taxxi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-UE jeħtiġilha tindirizza b'mod serju l-problemi interni tagħha stess, jiġifieri fir-rigward tal-ġurisdizzjonijiet ta' tassazzjoni baxxa u ta' segretezza tagħha; |
|
23. |
Jinnota l-fatt li l-EBA u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) wettqu inkjesti separati fi skemi ta' arbitraġġ tad-dividendi; jieħu nota tar-riżultati tal-inkjesta tal-persunal tal-EBA u l-pjan ta' azzjoni tagħha ta' 10 punti għall-2020-2021 biex issaħħaħ il-qafas futur ta' rekwiżiti prudenzjali u kontra l-ħasil tal-flus li jkopru skemi bħal dawn; jiddispjaċih, madankollu, dwar il-fatt li inkjesta tal-EBA ħadet aktar minn 18-il xahar biex ikkonkludiet li kien hemm bżonn li tiftaħ investigazzjoni formali; jistieden lill-ESMA twettaq inkjesta bir-reqqa u tippreżenta rakkomandazzjonijiet ambizzjużi malajr kemm jista' jkun; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' azzjoni viżibbli mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u biex jinvestigaw u jressqu quddiem il-qorti entitajiet u persuni responsabbli għal dawn il-prattiki illegali ta' arbitraġġ tad-dividendi, kif ukoll in-nuqqas ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet; |
Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri
|
24. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet amministrattivi, ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi fi ħdan l-UE; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni laqgħet l-appell ripetut tal-Parlament għal valutazzjoni tal-impatt dwar l-stabbiliment ta' mekkaniżmu ta' koordinazzjoni u appoġġ għall-FIUs tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħolqien ta' FIU tal-UE bħala opportunità biex tappoġġja l-identifikazzjoni ta' tranżazzjonijiet suspettużi b'natura transfruntiera u twettaq analiżi konġunta għal kollaborazzjoni transfruntiera; jissuġġerixxi li dan il-mekkaniżmu jkollu s-setgħa li jipproponi miżuri ta' implimentazzjoni komuni jew standards għal kooperazzjoni bejn l-FIUs u biex jippromwovi t-taħriġ, il-bini tal-kapaċitajiet u l-kondiviżjoni tal-lezzjonijiet għall-FIUs; jenfasizza l-importanza li dan il-mekkaniżmu jingħata aċċess għall-informazzjoni rilevanti fl-Istati Membri differenti u jingħata s-setgħa li jaħdem fuq każijiet transfruntiera; |
|
25. |
Jitlob li jiġu adottati inizjattivi ulterjuri li jistgħu jinfurzaw azzjonijiet fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali fl-AML/CTF, pereżempju li jitwessgħu l-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u li jissaħħu l-aġenziji eżistenti bħall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-Eurojust; jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħroġ bi proposta biex jissaħħaħ il-mandat tal-Europol kif indikat fil-programm ta' ħidma aġġustat tagħha u jfakkar li mandat imsaħħaħ għandu jimxi id f'id ma' skrutinju parlamentari adegwat; jemmen li t-tisħiħ tal-kapaċità tal-Europol li jitlob il-ftuħ ta' investigazzjonijiet transfruntiera, b'mod partikolari f'każijiet ta' attakki serji kontra l-informaturi u l-ġurnalisti investigattivi li għandhom rwol essenzjali fl-esponiment tal-korruzzjoni, il-frodi, il-ġestjoni ħażina u għemil ħażin ieħor fis-setturi pubbliċi u privati, għandu jkun prijorità; |
|
26. |
Jilqa' l-istabbiliment taċ-Ċentru Ewropew tal-Kriminalità Ekonomika tal-Europol, li se jsaħħaħ l-appoġġ operattiv ipprovdut lill-Istati Membri u lill-korpi tal-UE fl-oqsma tal-kriminalità finanzjarja u ekonomika u jippromwovi l-użu sistematiku ta' investigazzjonijiet finanzjarji; |
|
27. |
Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra proposta dwar qafas Ewropew għall-investigazzjonijiet tat-taxxa transfruntiera u reati finanzjarji transfruntiera oħra; |
|
28. |
Jistieden, għal dak il-għan, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jiffaċilitaw l-istabbiliment rapidu tal-UPPE, u jqis li l-Istati Membri kollha li għadhom ma ħabbrux l-intenzjoni tagħhom li jingħaqdu mal-UPPE biex jagħmlu dan; jitlob l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji u umani realistiċi, kif ukoll il-ħatra ta' prosekuturi delegati full-time mill-Istati Membri, biex ilaħħqu mal-ammont kbir ta' xogħol mistenni tal-UPPE; |
|
29. |
Josserva li r-riżorsi baġitarji u umani proposti mhumiex biżżejjed biex jipprovdu appoġġ sħiħ għall-investigazzjonijiet relatati mal-AML u l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni eżistenti, bħan-Netwerk Operazzjonali Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMON) u l-pjattaforma ta' skambju FIU.net; |
Aspetti oħra relatati
|
30. |
Jissottolinja l-potenzjal ta' kooperazzjoni xierqa bejn is-settur pubbliku u dak privat, inklużi sħubijiet pubbliċi-privati possibbli (PPPs), fil-kuntest tal-ġbir ta' intelligence finanzjarja għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li jridu jintużaw aħjar fil-futur, pereżempju pjattaformi għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-FIUs u s-settur privat; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex jikkontribwixxu, b'mod partikolari billi jaqsmu l-prattiki attwali li jaħdmu tajjeb matul il-konsultazzjoni pubblika; huwa tal-fehma li tali kooperazzjoni għandha tirrispetta b'mod strett il-limiti tar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas legali ċar għall-istabbiliment ta' pjattaformi tripartitiċi, li jirregolaw id-dmirijiet u l-profili tal-parteċipanti u jiżguraw il-konformità mal-istess sett ta' regoli għall-iskambju ta' informazzjoni, il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali, is-sigurtà tad-data, id-drittijiet ta' dawk suspettati u drittijiet fundamentali oħra; huwa tal-fehma li rispons f'waqtu u komplut dwar l-effikaċja tar-rapporti ta' suspett ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu u segwitu għalihom huwa kruċjali biex il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ssir aktar effettiva; |
|
31. |
Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex kemm jista' jkun malajr jeliminaw gradwalment l-iskemi kollha eżistenti ta' ċittadinanza permezz ta' investiment (CBI) jew ta' residenza permezz ta' investiment (RBI), speċjalment meta ma jkunx hemm biżżejjed verifika u jkun jeżisti nuqqas ta' trasparenza, sabiex tiġi minimizzata t-theddida spiss marbuta mal-ħasil tal-flus, l-imminar tal-fiduċja reċiproka u l-integrità taż-żona Schengen, flimkien ma' riskji oħra politiċi, ekonomiċi u ta' sigurtà għall-UE u l-Istati Membri tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta kemm jista' jkun malajr dwar il-miżuri li biħsiebha tieħu fir-rigward tal-iskemi ta' ċittadinanza u ta' residenza ta' investituri kif ukoll kwalunkwe konklużjoni tal-Grupp ta' Esperti tagħha li nħoloq għal dan il-għan; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta jekk humiex issodisfati l-prekundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri għall-ksur tal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE); |
|
32. |
Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-infurzar mill-Istati Membri tar-Regolament (UE) 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska (29) biex jiġi ffaċilitat l-irkupru transfruntier ta' assi kriminali u t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva 2014/42/UE dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna d-data eżistenti dwar assi sekwestrati u kkonfiskati; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-proposti leġiżlattivi li jmiss tinkludi dispożizzjonijiet biex tiffaċilita l-iffriżar amministrattiv għall-FIUs u qafas legali li jobbliga lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex isegwu u jwettqu talbiet ta' revoki mingħajr xkiel, kif ukoll dispożizzjonijiet li jippermettu kooperazzjoni transfrutiera rapida bejn l-awtoritajiet f'dan ir-rigward; huwa mħasseb li r-riżultati ġenerali f'termini ta' assi kkonfiskati mhumiex sodisfaċenti u li r-rati ta' konfiska fl-UE għadhom baxxi ħafna; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lir-regoli dwar l-użu ta' assi kkonfiskati fl-interess pubbliku jew għal skopijiet soċjali u biex taħdem biex tiżgura r-ritorn ta' assi kkonfiskati lil vittmi f'pajjiżi barra mill-UE; |
|
33. |
Jilqa' l-possibbiltà deskritta mill-Kummissjoni li s-superviżur AML/CTF tal-UE jiġi fdat b'kompetenzi biex jimmonitorja u jappoġġja l-implimentazzjoni ta' ffriżar tal-assi taħt miżuri restrittivi (sanzjonijiet) tal-UE madwar l-Istati Membri kollha; |
|
34. |
Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/1673, li tintroduċi dispożizzjonijiet ġodda tal-liġi kriminali u li tiffaċilita kooperazzjoni transfruntiera aktar effiċjenti u aktar rapida bejn l-awtoritajiet kompetenti sabiex tipprevjeni b'mod aktar effettiv il-ħasil tal-flus u l-finanzjament relatat mat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; jitlob li ssir analiżi ulterjuri tal-ħtieġa li jiġu armonizzati r-regoli eżistenti, inkluża d-definizzjoni ta' xi reati predikati tal-ħasil tal-flus, bħal reati fiskali; |
|
35. |
Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1153, u jistenna l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-ħtieġa tal-estensjoni tad-definizzjoni ta' informazzjoni finanzjarja għal kwalunkwe tip ta' informazzjoni jew data miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew l-entitajiet marbutin b'obbligu, u l-proporzjonalità tagħha, u li tkun disponibbli għall-FIUs, kif ukoll dwar l-opportunitajiet u l-isfidi fir-rigward ta' estensjoni tal-iskambju ta' informazzjoni finanzjarja jew analiżi finanzjarja bejn l-FIUs fi ħdan l-Unjoni biex jiġu koperti skambji relatati ma' reati kriminali serji għajr it-terroriżmu jew il-kriminalità organizzata assoċjati mat-terroriżmu; |
|
36. |
Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 tista' taffettwa l-kapaċità tal-gvernijiet u l-atturi tas-settur privat li jimplimentaw l-istandards AML/CTF; jistieden lill-Kummissjoni, b'koordinazzjoni mal-EBA, biex twettaq konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-AML/CTF sabiex jiġu vvalutati r-riskji speċifiċi u d-diffikultajiet tal-AML/CTF derivati mit-tifqigħa tal-COVID-19, u biex jitfasslu, fuq dik il-bażi, linji gwida konkreti għal reżiljenza u infurzar aħjar; |
|
37. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-UE titkellem b'vuċi waħda fil-livell globali tal-qafas AML/CTF, b'mod partikolari billi jippermettu lill-Kummissjoni tirrappreżenta lill-UE fl-FATF, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u kif inhu l-każ għal oqsma oħra ta' politika; |
|
38. |
Jappella għal linji gwida aktar ċari mill-korpi fil-livell tal-UE bħall-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza u l-konformità mal-qafas AML/CTF, jiġifieri rigward l-obbligi ta' diliġenza dovuta u ż-żamma tad-data, peress li l-korpi nazzjonali tal-protezzjoni tad-data ħarġu approċċi diverġenti fil-passat fi Stati Membri differenti; |
|
39. |
Jitlob li jkun hemm aktar riżorsi umani u finanzjarji li għandhom jiġu allokati lill-unità rilevanti fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, u jilqa' l-fatt li ġew allokati riżorsi addizzjonali lill-EBA; |
|
40. |
Jistieden lill-Istati Membri jinvestigaw bis-sħiħ u b'mod trasparenti l-każijiet kollha ta' ħasil ta' flus u ta' reati relatati rrappurtati, bħall-każijiet ta' qtil u vjolenza kontra l-informaturi u l-ġurnalisti; itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar il-ħolqien ta' premju Daphne Caruana Galizia li għandu jingħata mill-Parlament; jistieden lill-awtoritajiet Maltin biex jużaw ir-riżorsi kollha disponibbli biex jidentifikaw l-instigaturi tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, u biex ikomplu jinvestigaw lil dawk li kontrihom allegazzjonijiet serji ta' ħasil tal-flus għadhom pendenti mindu r-rapporti tagħha ġew ikkonfermati mir-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers; jistieden lill-awtoritajiet Maltin, barra minn hekk, biex iwettqu investigazzjonijiet dwar intermedjarji finanzjarji marbuta ma' Mossack Fonseca li għadhom joperaw f'Malta, u jinsab imħasseb dwar l-awtoregolamentazzjoni ineffettiva tal-professjoni tal-kontabilità; jitlob l-estradizzjoni ta' ex proprjetarju u president ta' Pilatus Bank lejn Malta issa li twaqqgħu l-akkużi kontrih mid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti b'riżultat ta' kwistjonijiet proċedurali, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Maltin biex iressqu quddiem il-qorti lill-bankier dwar allegazzjonijiet ta' ħasil tal-flus u ta' reati finanzjarji oħra; |
|
41. |
Jinsab imħasseb serjament dwar in-nuqqas ta' superviżjoni effettiva, kif żvelat matul l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tas-superviżuri Daniżi u Estonjani fil-kuntest tal-iskandlu tad-Danske Bank; jinsab imħasseb, barra minn hekk, dwar l-iskandlu reċenti tal-Wirecard, kif ukoll dwar ir-rwol tal-awtorità superviżorja finanzjarja tal-Ġermanja BaFin u n-nuqqasijiet potenzjali tagħha; jinnota n-nuqqas tal-awtoregolamentazzjoni tal-professjoni ta' kontabilità f'dan il-każ; jinnota li l-klassifikazzjoni ta' din il-kumpanija FinTech bħala kumpanija ta' “teknoloġija” minflok bħala fornitur ta' servizzi ta' pagament kellha rwol ċentrali fin-nuqqasijiet regolatorji; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza din il-problema b'mod urġenti billi tiżgura li l-kumpaniji ta' pagament jiġu kklassifikati b'mod korrett; jistieden lill-UE u lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jibdew inkjesta dwar il-EUR 1,9 biljun nieqsa u jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga modi kif ittejjeb il-funzjonament tas-settur tal-kontabilità, inkluż permezz ta' awditi konġunti; |
o
o o
|
42. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.
(2) ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43.
(3) ĠU L 334, 27.12.2019, p. 1.
(4) ĠU L 186, 11.7.2019, p. 122.
(5) ĠU L 284, 12.11.2018, p. 22.
(6) ĠU L 284, 12.11.2018, p. 6.
(7) ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39.
(9) ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17.
(10) ĠU C 390, 18.11.2019, p. 111.
(11) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 29.
(12) Testi adottati, P8_TA(2019)0328.
(13) Testi adottati, P9_TA(2019)0103.
(14) ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1.
(15) ĠU L 19, 24.1.2018, p. 1.
(16) ĠU L 41, 14.2.2018, p. 4.
(17) ĠU L 246, 2.10.2018, p. 1.
(18) Testi adottati, P8_TA(2019)0216.
(19) Testi adottati, P8_TA(2019)0240.
(20) Testi adottati, P9_TA(2019)0022.
(21) Politico, “Dirty money failures signal policy headaches for new Commission” (Nuqqasijiet fil-kwistjoni tal-ħasil tal-flus iwasslu għal uġigħ ta' ras politiku għall-Kummissjoni l-ġdida), 24 ta' Lulju 2019.
(22) Europol, “Does crime still pay? – Criminal Asset Recovery in the EU – Survey of Statistical Information 2010-2014” (Għad hemm benefiċċji fil-kriminalità? – Rkupru tal-Assi Kriminali fl-UE – Stħarriġ tal-Informazzjoni Statistika 2010-2014", 1 ta' Frar 2016.
(23) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Istabbilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, “Anti-money laundering directive V (AMLD V) – transposition status” (Il-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD V) – stat ta' traspożizzjoni), 2 ta' Ġunju 2020.
(24) Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Mejju 2020 dwar Pjan ta' Azzjoni għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (C(2020)2800).
(25) Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja, “COVID-19-related Money Laundering and Terrorist Financing – Risks and Policy Responses” (Ħasil tal-Flus u Finanzjament tat-Terroriżmu relatati mal-COVID-19 – Riskju u Reazzjonijiet Politiċi), Mejju 2020.
(26) Europol, “Pandemic profiteering: how criminals exploit the COVID-19 crisis” (Profitt mill-Pandemija: kif il-kriminali jisfruttaw il-kriżi tal-COVID-19), 27 ta' Marzu 2020.
(27) Awtorità Bankarja Ewropea, “EBA statement on actions to mitigate financial crime risks in the COVID-19 pandemic”, (Dikjarazzjoni tal-EBA dwar azzjonijiet biex jiġu mmitigati r-riskji tal-kriminalità finanzjarja waqt il-pandemija tal-COVID-19), 31 ta' Marzu 2020.
(28) Global Financial Integrity, “Trade-Related Illicit Financial Flows in 135 Developing Countries: 2008-2017”, 3 ta' Marzu 2020.