European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1589

6.6.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1589

tal-4 ta’ Ġunju 2024

dwar l-istandards armonizzati għall-unitajiet ta’ kondensazzjoni għar-refriġerazzjoni abbozzati b’appoġġ għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1095

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri għandhom iqisu prodott li għalih ikunu ġew applikati standards armonizzati, u li jkollu n-numri ta’ referenza tiegħu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bħala li jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti kollha tal-miżura implimentattiva applikabbli li dawn l-istandards jirrigwardaw. L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1095 (3) u l-Anness VI tiegħu jistabbilixxu r-rekwiżiti rilevanti tal-kejl u tal-kalkolu għall-unitajiet ta’ kondensazzjoni.

(2)

Permezz tal-ittra emendatorja nru 1 għat-talba M/495 tat-2 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika u lill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni għall-abbozzar ta’ standards armonizzati b’appoġġ għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1095.

(3)

Abbażi tat-talba M/495 Emenda nru 1 tat-2 ta’ Ottubru 2013, is-CEN irreveda l-istandard EN 13215:2015 u dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandard EN 13215:2016+A1:2020 dwar il-kundizzjonijiet tal-ittestjar għall-unitajiet ta’ kondensazzjoni.

(4)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandard armonizzat EN 13215:2016+A1:2020 jikkonformax mat-talba M/495 Emenda nru 1 tat-2 ta’ Ottubru 2013.

(5)

L-istandard armonizzat EN 13215:2016+A1:2020 jissodisfa r-rekwiżiti li għandu l-għan li jkopri, u li huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2015/1095. Għalhekk, jixraq li r-referenza ta’ dan l-istandard tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Fil-Komunikazzjoni tagħha 2017/C 44/1 (4), il-Kummissjoni ppubblikat it-titoli u r-referenzi tal-istandards u l-metodi tranżizzjonali tal-kejl u tal-kalkolu biex tipprovdi lill-manifatturi u lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq l-informazzjoni ta’ sostenn għall-infurzar tar-Regolament (UE) 2015/1095 u tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1094 (5) sakemm ir-referenzi tal-istandards armonizzati jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Verżjonijiet sussegwenti ta’ dawk l-istandards, apparti l-istandard dwar il-kundizzjonijiet tal-ittestjar għall-unitajiet ta’ kondensazzjoni, ġew irrifjutati mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li dik il-Komunikazzjoni titħassar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

(7)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenzi tal-istandards armonizzati għall-unitajiet ta’ kondensazzjoni għar-refriġerazzjoni, abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2015/1095, elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma b’dan ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Il-Komunikazzjoni 2017/C 44/1 titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1025/oj.

(2)  Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/125/oj)

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1095 tal-5 ta’ Mejju 2015 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-kabinetti għall-ħżin refriġirat professjonali, kabinetti ta’ refriġerazzjoni rapida, unitajiet ta’ kondensazzjoni u chillers tal-proċess (ĠU L 177, 8.7.2015, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1095/oj).

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1095 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-kabinetti għall-ħżin refriġirat professjonali, kabinetti tar-refriġerazzjoni rapida, unitajiet tal-kondensazzjoni u chillers tal-proċess u tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1094 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tal-kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali (ĠU C 44, 10.2.2017, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52017XC0210%2803%29).

(5)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1094 tal-5 ta’ Mejju 2015 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tal-kabinetti tal-ħżin refriġeranti professjonali (ĠU L 177, 8.7.2015, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/1094/oj).


ANNESS

Nru

Referenza tal-istandard

1.

EN 13215:2016+A1:2020

Unitajiet ta’ kondensazzjoni għar-refriġerazzjoni – Kundizzjonijiet tal-klassifikazzjoni, tolleranzi u preżentazzjoni tad-data dwar il-prestazzjoni tal-manifattur


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1589/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)