European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/1572

5.3.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-isfidi ewlenin li jiffaċċjaw il-gżejjer, iż-żoni muntanjużi u ż-żoni skarsament popolati tal-UE”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2024/1572)

Relatur:

Ioannis VARDAKASTANIS

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.1.2023

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adozzjoni fis-sezzjoni

15.11.2023

Adozzjoni fil-plenarja

14.12.2023

Sessjoni plenarja Nru

583

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

185/0/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Abbażi tad-dispożizzjonijiet attwali tal-liġi primarja tal-UE (l-Artikoli 174 u 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)) u l-interpretazzjoni tagħhom, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa konvint li hemm bażi ġuridika soda li tobbliga lill-UE tieħu azzjoni sabiex tappoġġja lill-gżejjer, lir-reġjuni muntanjużi u liż-żoni skarsament popolati tagħha, fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE. L-ispeċifiċitajiet għandhom jiġu ddeterminati u implimentati f’kooperazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati, peress li l-attività ta’ koeżjoni tagħmel parti mill-kompetenzi kondiviżi tal-UE (Artikolu 4(2) TFUE).

1.2.

Din il-konvinzjoni wasslet lill-KESE biex jistieden lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-Istati Membri tal-UE jinkorporaw, fid-dokumenti rilevanti tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE (eż. dokumenti ta’ politika nazzjonali u reġjonali, dokumenti strateġiċi, programmi, proġetti, eċċ.), prijoritajiet u azzjonijiet komuni bbażati fuq skambji koordinati ta’ esperjenza u għarfien espert, li jkopru t-tipi kollha ta’ reġjuni msemmija fl-Artikolu 174 TFUE, u b’hekk isarrfu l-kliem f’azzjoni.

1.3.

Il-KESE jinsisti li jiġu applikati b’mod intenzjonat id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq fl-intier tagħhom, sabiex jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet strutturali u ġeografiċi u l-ħtiġijiet speċifiċi li jfixklu l-iżvilupp ta’ dawn ir-reġjuni. Huwa meħtieġ approċċ imfassal apposta, li jagħti spinta lis-solidarjetà territorjali, sabiex l-ebda reġjun ma jitħalla jibqa’ lura. F’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ politika eżistenti biex tiġi indirizzata b’mod komprensiv is-sitwazzjoni tat-territorji bi żvantaġġi ġeografiċi permanenti, u n-negliġenza sistematika tal-karatteristiċi partikolari ta’ dawn ir-reġjuni f’rapporti ta’ koeżjoni konsekuttivi huwa ta’ diżappunt.

1.4.

Il-KESE jemmen fl-iżvilupp ta’ opportunitajiet, soluzzjonijiet u miżuri ta’ politika mfassla apposta u bbażati fuq il-post, u fl-allokazzjoni tal-fondi korrispondenti għaż-żoni insulari, muntanjużi u skarsament popolati tal-UE. Inizjattivi bħal dawn se jippermettu lil dawn ir-reġjuni jreġġgħu lura l-“iżvantaġġi” tagħhom sabiex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom, billi jenfasizzaw il-pajsaġġi uniċi tagħhom, il-wirt kulturali u l-komunitajiet tagħhom li ilhom stabbiliti.

1.5.

Il-KESE jemmen li huwa ta’ importanza kbira li l-atturi kollha, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali, jimpenjaw ruħhom biex jagħmlu sforzi sabiex jgħinu lill-gżejjer, liż-żoni muntanjużi u liż-żoni skarsament popolati tal-UE jindirizzaw l-isfidi li jiffaċċjaw. Dan l-impenn jista’ jieħu l-forma ta’ patt (eż. Patt dwar il-Gżejjer, Patt dwar iż-Żoni Muntanjużi, Patt dwar iż-Żoni Skarsament Popolari, eċċ.), fuq l-istess linji tal-Patt Urban jew il-Patt Rurali, li permezz tiegħu tista’ tiġi żviluppata strateġija tal-UE għal kull wieħed minn dawn it-tipi ta’ reġjuni billi jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull tip.

1.6.

Fil-fehma tal-KESE, il-parti ewlenija tal-istrateġija tal-UE għal kull wieħed mit-tliet tipi ta’ żoni hija li tiġi rikonoxxuta l-“iskonnessjoni” tagħhom mill-kontinent u minn ċentri ta’ żviluppi ekonomiċi fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, u li jiġi rikonoxxut li din l-iskonnessjoni hija s-sors ta’ kundizzjonalitajiet permanenti li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati.

1.7.

Huwa meħtieġ approċċ immirat għal kull wieħed minn dawn it-tipi ta’ reġjuni. Il-KESE jipproponi li jiġi adottat metodu koordinat u interattiv għall-abbozzar u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji rilevanti, bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati minn diversi setturi ta’ politika u livelli differenti ta’ governanza. Dan l-approċċ jippermetti l-iskambju ta’ esperjenzi rilevanti, il-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin u ħidma ulterjuri abbażi ta’ tali prattiki, għarfien u evidenza disponibbli, inklużi r-riċerka u l-ħidma analitika. Dan il-proċess għandu jidentifika sfidi komuni, jiddefinixxi l-objettivi, u jipproponi azzjonijiet u t-termini tal-valutazzjoni tar-riżultati tal-istrateġiji.

1.8.

Il-metodu propost jeħtieġ data affidabbli sabiex jinkisbu r-riżultati mistennija bi preċiżjoni u b’mod effiċjenti u f’waqtu. Il-KESE jindika n-nuqqas ta’ data statistika u valutazzjonijiet tal-impatt tal-politiki settorjali tal-UE suffiċjenti fit-tliet tipi kollha tar-reġjuni inkwistjoni (il-gżejjer, ir-reġjuni muntanjużi u ż-żoni skarsament popolati). Dan iqajjem tħassib dwar il-possibbiltà li jkunu jistgħu jitwettqu analiżijiet immirati effettivi, u li jkunu jistgħu jiġu identifikati kif xieraq in-nuqqasijiet ewlenin f’dawn l-oqsma u jiġu ddeterminati d-dispożizzjonijiet u l-azzjonijiet meħtieġa biex jingħelbu.

1.9.

Sabiex jippromovi aktar il-proposta tiegħu, il-KESE jirrakkomanda li għal kull kategorija ta’ reġjuni, jiġu inklużi tliet settijiet preliminari ta’ kwistjonijiet fl-istrateġiji rilevanti — kwistjonijiet ekonomiċi, kwistjonijiet soċjali u kwistjonijiet ambjentali li għandhom impatti territorjali qawwija fuq kull wieħed mit-tipi ta’ reġjuni kkonċernati.

1.10.

L-isforzi biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ekonomiċi għandhom jiffukaw fuq li jiġu żgurati l-kompetittività u l-attraenza tat-territorji inkwistjoni, li titqies kwalunkwe spiża operatorji addizzjonali li tirriżulta mill-“iżvantaġġi” tar-reġjuni (l-insularità, art muntanjuża, popolazzjoni limitata, eċċ.) u l-ħtieġa ta’ flessibbiltà akbar fl-użu tal-għajnuna mill-Istat f’dawn iż-żoni. Għandu jkun hemm ukoll għan għal mezzi ta’ trasport addizzjonali u aktar sostenibbli sabiex tittejjeb il-konnettività tar-reġjuni. Id-diversifikazzjoni tal-ekonomiji ta’ dawn ir-reġjuni — mhux biss bejn it-tipi differenti ta’ reġjuni iżda wkoll bejn ir-reġjuni tal-istess kategorija — għandha tiġi ttrattata mhux bħala żvantaġġ iżda bħala opportunità biex jiġu pprovduti xpruni ekonomiċi għan-negozji, kif ukoll biex jiġu attirati investimenti fir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni.

1.11.

L-indirizzar tal-kwistjonijiet soċjali għandu jinvolvi t-tisħiħ tal-governanza tajba u l-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u l-benesseri fil-komunitajiet ta’ dawn ir-reġjuni, billi jiġu indirizzati restrizzjonijiet bħall-isfidi demografiċi, l-infrastruttura relatata, is-servizzi u l-ħtiġijiet tal-akkomodazzjoni, u n-nuqqas ta’ opportunitajiet f’termini ta’ impjiegi u żvilupp tal-ħiliet li jwassal għal diffikultajiet biex jiġi attirat u jinżamm it-talent. L-ispirtu intraprenditorjali lokali għandu jissaħħaħ ukoll, iżda mingħajr riskju għad-diversi tradizzjonijiet tar-reġjuni u l-wirt kulturali u lingwistiku uniku tagħhom.

1.12.

L-isforzi biex jingħelbu l-kwistjonijiet ambjentali għandhom jiffukaw fuq l-indirizzar tan-nuqqas ta’ sigurtà tal-enerġija, u b’hekk jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet ta’ dawn ir-reġjuni, filwaqt li fl-istess ħin jiġi pprovdut appoġġ sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u jiksbu l-għanijiet tad-dekarbonizzazzjoni. Għandha tingħata prijorità lill-preservazzjoni u/jew ir-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi fraġli ta’ dawn ir-reġjuni, u l-għoti ta’ appoġġ biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika. F’dan il-kuntest, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali (l-art, l-ilma, il-materja prima, eċċ.) f’dawn l-oqsma u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari huma meqjusa essenzjali.

1.13.

Il-KESE jemmen li l-bini tal-kapaċità sostenibbli huwa kwistjoni trasversali għat-tliet tipi ta’ reġjuni fis-settijiet ta’ kwistjonijiet kollha imsemmija hawn fuq. Il-bini ta’ kapaċitajiet sostenibbli jista’ jilħaq l-għan kollettiv li jiġu identifikati l-isfidi li jiffaċċjaw il-gżejjer tal-UE, ir-reġjuni muntanjużi u ż-żoni skarsament popolati, u jippermetti approċċi bbażati fuq il-post u soluzzjonijiet imfassla apposta biex jirrispondu għad-dimensjonijiet differenti, għalkemm interkonnessi, ta’ dawn l-isfidi.

1.14.

Il-KESE, bħala forum istituzzjonali ta’ espressjoni għall-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili, jemmen bis-sħiħ u jirrakkomanda li dan l-eżerċizzju sħiħ għandu jinvolvi djalogu dirett u onest, li jinkludi l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fejn xieraq (l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-imsieħba soċjali, u l-popolazzjonijiet), abbażi tal-kompetenzi u l-oqsma ta’ azzjoni rispettivi tagħhom, u b’hekk jinkisbu sjieda konġunta u parteċipazzjoni attiva aħjar.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-KESE jinnota li fil-liġi primarja tal-UE hemm bażi legali ċara għall-azzjoni tal-UE bl-għan li tinkiseb koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fost id-diversi reġjuni tal-Unjoni. L-Artikolu 174 tat-TFUE jiddefinixxi bħala għanijiet tal-Unjoni t-tnaqqis ta’: a) id-disparitajiet bejn il-livell ta’ żvilupp tar-reġjuni tal-UE u bejn ir-reġjuni, u b) ir-ritard tal-inqas reġjuni favoriti. L-Artikolu 174 jipprevedi wkoll għal reġjuni “li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti”, jiġifieri r-reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, il-gżejjer, ir-reġjuni transfruntiera u r-reġjuni muntanjużi.

2.2.

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (1) u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (2) interpretaw il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet bħala termini ġenerali li jagħtu lill-Unjoni diskrezzjoni estensiva fir-rigward tal-azzjonijiet li tista’ tieħu fl-oqsma ta’ politika rilevanti, minħabba l-lista indikattiva u mhux eżawrjenti tar-reġjuni msemmija fihom. Madankollu, it-termini “żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti” jitqiesu li għandhom tifsira speċifika relatata mal-insularità, in-natura transfruntiera, it-terren, l-iżolament, jew densità tal-popolazzjoni baxxa/baxxa ħafna ta’ dawn ir-reġjuni, u mhux ma’ aspetti oħra bħall-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi tar-reġjuni, peress li dawn l-elementi tal-aħħar jistgħu jikkawżaw ċerta żieda fl-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet jew diffikultajiet fl-impjieg iżda, fl-istess ħin, jikkostitwixxu vantaġġi komparattivi fil-forma ta’ multilingwiżmu jew ta’ attraenza bħala destinazzjonijiet turistiċi.

2.3.

Fil-fehma tal-KESE, dawn il-kunsiderazzjonijiet legali jipprovdu impetu istituzzjonali sod għat-tħejjija, it-tfassil, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki effiċjenti u effettivi, fil-livell tal-UE, għal kull wieħed mit-tliet tipi ta’ reġjuni msemmija f’din l-Opinjoni.

2.4.

B’mod aktar speċifiku, il-KESE jifhem li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 174 tat-TFUE mhumiex sempliċement ta’ natura dikjaratorja iżda li għandhom densità normattiva sostanzjali li tobbliga lill-Unjoni tieħu azzjoni adatta sabiex tappoġġja r-reġjuni inkwistjoni.

2.5.

Madankollu, il-KESE kkonkluda (3) li sa issa, sfortunatament, l-iskemi adottati u implimentati fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE għadhom ma joffrux soluzzjonijiet komprensivi għall-isfidi li jiffaċċjaw dawn ir-reġjuni.

2.6.

Meta jitqies il-fatt li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE hija “kompetenza kondiviża” (Artikolu 4(2) tat-TFUE) eżerċitata skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà (Artikolu 5(3) tat-TFUE), u li, s’issa, l-azzjoni li ttieħdet mill-Istati Membri ma kinitx ta’ suċċess, il-KESE jissuġġerixxi li jiġi żviluppat mekkaniżmu ddedikat ġdid fil-forma ta’ patt għal kull wieħed minn dawn ir-reġjuni, bħal qafas ġenerali għall-ħidma rilevanti tal-istituzzjonijiet tal-UE. Dawn għandhom jinkludu politiki, għodod, regolamenti u finanzjament biex jappoġġjaw dawn iż-żoni fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi speċifiċi u kumplessi tagħhom.

2.7.

Pass sinifikanti ’l quddiem f’din id-direzzjoni huwa li jiġu identifikati l-isfidi ewlenin li jridu jiffaċċjaw dawn ir-reġjuni. Għalkemm ilkoll jitqiesu li jikkondividu l-istess żvantaġġi strutturali fi ħdan Stat Membru jew fost l-Istati Membri, liema fatt għaldaqstant jitlob approċċ integrat għall-interventi rilevanti kollha, huwa kruċjali li jiġu identifikati sfidi b’impatt partikolari għal kull kategorija ta’ dawn ir-reġjuni, sabiex jiġu stabbiliti punti ta’ referenza sostantivi li fuqhom se jiġu bbażati u żviluppati l-politiki għal dawn ir-reġjuni. L-iżviluppi demografiċi diversifikati f’dawn iż-żoni huma eżempju ta’ din il-ħtieġa.

2.8.

Pereżempju, filwaqt li l-biċċa l-kbira tar-reġjuni muntanjużi tal-UE (li jirrappreżentaw 13 % tal-popolazzjoni tal-UE) ġew affettwati (jew dalwaqt se jiġu affettwati) mid-depopolazzjoni, f’xi żoni jidhru xejriet u densitajiet wiesgħa u diversi tal-popolazzjoni (eż. tnaqqis fix-Xlokk tal-Ewropa, żidiet fil-Lbiċ tal-Ewropa u fl-Ewropa Ċentrali).

2.9.

Fir-rigward tal-gżejjer tal-UE (li jirrappreżentaw biss 4,6 % tal-popolazzjoni totali tal-UE), instab li għall-perjodu 2016-2020 il-popolazzjoni tagħhom żdiedet xi ftit bi 2 % biss. Ta’ min jinnota, madankollu, li hemm nuqqas ta’ data statistika rilevanti (4).

2.10.

Iż-żoni skarsament popolati tal-UE huma, min-natura tagħhom, imxekkla minn ċifri tal-popolazzjoni baxxi, peress li huma definiti bħala dawk ir-reġjuni b’inqas minn 8 abitanti għal kull km2 (fil-livell NUTS 2) u b’inqas minn 12,5-il abitant għal kull km2 (fil-livell NUTS 3) (5). Fil-prinċipju, żoni bħal dawn jinsabu fir-reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda tal-Iżvezja u tal-Finlandja (magħrufa bħala ż-Żoni Skarsament Popolati tat-Tramuntana), iżda matul l-aħħar snin qed jiġu nnutati xi każijiet ta’ densità tal-popolazzjoni mnaqqsa fir-reġjun tal-Mediterran (6).

2.11.

Xejriet demografiċi differenti bħal dawn jeħtieġu approċċ aktar flessibbli għal kull tip ta’ reġjun, filwaqt li fl-istess ħin jinżamm l-approċċ integrat preskritt mill-Artikolu 174 tat-TFUE.

3.   Il-Gżejjer tal-UE

3.1.

Il-Eurostat jiddefinixxi l-gżejjer bħala territorji li għandhom superfiċje minima ta’ 1 km2, li jinsabu f’distanza minima ta’ 1 km bejn il-gżira u l-kontinent, b’popolazzjoni residenti ta’ aktar minn 50 abitant u bl-ebda rabta fiżika fissa mal-kontinent. Barra minn hekk, il-gżejjer huma kklassifikati bħala reġjuni tal-livell NUTS 3 (NUTS 3), li jistgħu jkunu magħmula minn diversi gżejjer, u mhux territorju insulari wieħed biss (7).

3.2.

Dawn ir-reġjuni għandhom il-karatteristiċi partikolari tagħhom f’termini ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali, popolazzjoni, daqs, organizzazzjoni amministrattiva, ambjent naturali eċċ., u din il-varjetà hija nnutata mhux biss bejn gruppi ta’ gżejjer iżda wkoll bejn gżejjer fi ħdan l-istess grupp, u b’hekk huma meħtieġa approċċi differenzjati filwaqt li, fl-istess ħin, għandu jitqies li l-insularità toħloq sfidi komuni għall-gżejjer kollha (8).

3.3.

Tradizzjonalment, f’termini ta’ ppjanar tal-politika, l-insularità hija meqjusa bħala karatteristika ġeografika permanenti u insostitwibbli li tinvolvi spejjeż addizzjonali (trasport, enerġija, ġestjoni tal-iskart, servizzi pubbliċi, oġġetti u servizzi meħtieġa) li jfixklu l-iżvilupp u l-kompetittività tal-gżejjer, u jesponuhom b’mod partikolari għat-telf tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima (9).

3.4.

Il-KESE identifika, f’okkażjoni preċedenti, tliet dimensjonijiet li jiddefinixxu l-insularità: iċ-ċokon, il-periferiċità u l-vulnerabbiltà. Analiżi SWOT rilevanti tat id-deskrizzjoni li ġejja tal-kuntest attwali tal-gżejjer tal-UE: Punti b’saħħithom: il-kwalità tal-ħajja, il-preżenza ta’ densità għolja ta’ kapital naturali u kulturali, u identità kulturali b’saħħitha, bħala sorsi potenzjali ta’ ġid u impjiegi ġodda fil-gżejjer; Dgħufijiet: aċċessibbiltà limitata, servizzi ta’ interess pubbliku limitati, servizzi u networks privati limitati, nuqqas ta’ ekonomiji ta’ skala u organizzazzjoni tas-suq; Opportunitajiet: id-domanda għall-kwalità tal-ħajja, prodotti tal-ikel ta’ kwalità tajba u sikuri, turiżmu ta’ interess speċifiku u servizzi residenzjali; Theddid: it-tibdil fil-klima, il-globalizzazzjoni, il-kriżijiet ekonomiċi, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, l-iskarsezza tal-ilma, id-degradazzjoni tal-ħamrija u l-estinzjoni tal-istokkijiet tas-sajd (10).

3.5.

F’dan il-kuntest, serje ta’ sfidi għall-gżejjer tal-UE ġew identifikati u kklassifikati f’diversi kategoriji (ara hawn taħt). Dawn il-kategoriji, għalkemm distinti, jista’ jkollhom aspetti interrelatati.

3.6.

L-isfidi ekonomiċi jinkludu l-ħtieġa li jiġi bbilanċjat l-użu ekonomiku tar-riżorsi tal-art mad-disponibbiltà limitata tagħhom, il-ħtieġa għal investiment aktar u spejjeż tal-produzzjoni ogħla fis-setturi industrijali mxekkla mill-fattur tal-insularità, l-inabbiltà li wieħed jibbenefika minn effetti finanzjarji urbani, id-diffikultà li jiġi ddiversifikat il-mudell ekonomiku tal-gżejjer u b’hekk titnaqqas il-kompetittività tal-intrapriżi tagħhom (u speċjalment tal-SMEs), l-użu tant limitat tal-ICT u l-għarfien espert dwaru, il-konċentrazzjoni fuq settur wieħed (normalment it-turiżmu, l-agrikoltura jew is-sajd) li twassal għal dipendenza, u impjiegi staġjonali li jirriżultaw f’riżorsi finanzjarji limitati fuq termini annwali medji u żvilupp limitat ta’ setturi aktar sostenibbli, b’potenzjal għoli li l-gżejjer isiru l-bankijiet tat-test għall-innovazzjoni (eż. enerġija rinnovabbli mill-oċeani, l-akkwakultura, eċċ.) (11).

3.7.

L-isfidi tal-konnettività u l-aċċessibbiltà jirreferu għall-ħtieġa ta’ konnessjoni adatta lejn il-gżejjer u lura bi trasport sostenibbli, bi prezz baxx u frekwenti; il-pożizzjoni remota tal-gżejjer minn swieq kbar (Ewropej u nazzjonali) u ċentri urbani (li jaffettwa d-disponibbiltà tal-oġġetti u s-servizzi u jnaqqas il-possibbiltà ta’ żvilupp u tkabbir tan-negozju); l-effett tal-insularità doppja jew tripla; u n-nuqqas ta’ żieda fil-produzzjoni lokali, li jwassal għal importazzjonijiet ta’ oġġetti bħall-ikel, l-enerġija, il-fjuwil u l-kura tas-saħħa, fost l-oħrajn, u b’hekk jaffettwa l-kundizzjonijiet tal-għajxien, l-indipendenza u s-sigurtà tal-gżejjer (12).

3.8.

L-isfidi tal-baħar, ekoloġiċi u ambjentali jirreferu għas-sensittività u l-fraġilità tal-ekosistemi tal-gżejjer (miżjuda aktar mir-riżultati tat-tibdil fil-klima bħan-nixfa, l-erożjoni mill-ilma, l-għargħar, is-salinità tal-ħamrija, eċċ.), l-impatt ta’ attivitajiet bħat-turiżmu fuq l-ambjent naturali u kulturali (eż. it-tniġġis, il-konsum tal-ilma, eċċ.), il-ħtieġa li jiġi indirizzat in-nuqqas tal-ilma billi jiġu żgurati provvisti tal-ilma adegwati f’termini ta’ kwantità u kwalità (speċjalment għall-ilma tax-xorb), il-kapaċità limitata tal-gżejjer (kemm f’termini ta’ spazju kif ukoll ta’ pproċessar) biex jimmaniġġjaw kwantitajiet akbar ta’ skart, u s-sorsi tal-enerġija iżolati u dgħajfa u n-networks tal-gżejjer li jwasslu għall-importazzjonijiet tal-enerġija u l-użu ta’ fjuwils fossili minflok għażliet aktar ekoloġiċi u aktar sostenibbli (13).

3.9.

L-isfidi soċjali jirreferu għall-kisba ta’ ekwità soċjali, jiġifieri l-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli, l-għoti ta’ servizzi pubbliċi essenzjali (bħall-edukazzjoni, is-saħħa, il-kura soċjali, u l-komunikazzjonijiet) lill-abitanti tal-gżejjer fuq termini ugwali bħall-abitanti kontinentali, li jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ impjieg għall-popolazzjoni tal-gżejjer (speċjalment għaż-żgħażagħ sabiex jiġi evitat li jitilqu), jingħataw possibbiltajiet ta’ titjib tal-ħiliet permezz tal-edukazzjoni għolja fil-gżejjer, il-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-iskola, iż-żieda fl-opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja (li twassal għal diversifikazzjoni professjonali), u l-arranġamenti — kemm f’termini ta’ akkomodazzjoni kif ukoll ta’ inklużjoni soċjali — għall-għadd kbir ta’ migranti li jaslu fil-gżejjer (14).

3.10.

L-isfidi tal-governanza jirreferu għall-ħtieġa ta’ interazzjoni effettiva bejn id-diversi livelli ta’ governanza fil-gżejjer, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu eżaminati mill-ġdid il-klassifikazzjoni tal-gżejjer u l-użu tal-PDG bħala l-uniku kriterju biex jiġi ddeterminat il-grad ta’ żvilupp (indikaturi addizzjonali jistgħu jkunu l-Istandard tal-Kapaċità tal-Akkwist, l-Indiċi ta’ Progress Soċjali, u l-prestazzjoni tal-SDGs), il-ħtieġa għal programmi operazzjonali ddedikati fil-gżejjer, u n-nuqqas ta’ data statistika rfinata għall-gżejjer, li b’hekk ifixklu t-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati tajjeb dwarhom.

4.   Iż-Żoni Muntanjużi tal-UE

4.1.

Ġie stabbilit kemm-il darba li ż-żoni muntanjużi fl-Ewropa huma diversi ħafna. Għalhekk huwa diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, li jiġi definit reġjun muntanjuż tipiku. Barra minn hekk, anki fi ħdan il-muntanji fuq skala kbira, hemm karatteristiċi differenti b’mod sinifikanti. Kif uriet id-delineazzjoni taż-żoni muntanjużi fil-livell NUTS 2, ftit reġjuni Ewropej huma kompletament muntanjużi. Kważi kollha huma magħmula kemm minn żoni ta’ art baxxa kif ukoll minn żoni muntanjużi, u dawn tal-aħħar normalment jinsabu tul fruntiera tar-reġjun u huma kondiviżi ma’ reġjun wieħed jew aktar li jmissu magħhom (15).

4.2.

Iż-żoni muntanjużi tal-UE huma għonja ħafna f’termini ta’ wirt naturali u kulturali, peress li ħafna huma kklassifikati fil-Lista tal-Patrimonju Dinji tal-Unesco u l-maġġoranza huma żoni protetti. Huma għandhom ukoll bijodiversità għanja u huma mimlija riżorsi naturali. Minħabba dawn il-fatturi, u l-attraenza tal-wirt tagħhom, il-muntanji ġew identifikati bħala li għandhom potenzjal kbir ta’ żvilupp, speċjalment fis-settur tat-turiżmu (16).

4.3.

Madankollu, ir-reġjuni muntanjużi tal-UE huma esposti għal theddid u sfidi naturali, prinċipalment marbuta ma’ bidliet klimatiċi u riskji konsegwenti għall-ambjent (l-irtirar glaċjali, in-nixfa, l-erożjoni mill-ilma, l-għargħar, is-salinità tal-ħamrija, l-erożjoni tal-ħamrija, it-terren b’inklinazzjoni wieqfa eċċ.) (17). Il-klima tagħhom inbidlet, kif turi ż-żieda medja fit-temperaturi u l-moviment ’il fuq tal-limiti tal-borra (anke matul ix-xitwa). Huwa meqjus li probabbilment f’ħafna żoni muntanjużi (eż. fl-Iskandinavja jew fl-Alpi) il-preċipitazzjoni fix-xitwa se tinbidel minn borra għal xita u matul is-sajf il-veloċità tar-riħ se tiżdied, u b’hekk tiżdied il-probabbiltà ta’ uqigħ tal-art u ta’ blat li jaqa’ (18).

4.4.

L-impatt ta’ dawn il-bidliet huwa konsiderevoli. L-affidabbiltà u s-sikurezza tat-trasport lejn, minn u f’dawn iż-żoni huma sfidi sinifikanti mhux biss għall-popolazzjoni lokali iżda wkoll għall-viżitaturi/turisti u l-attivitajiet ekonomiċi (it-turiżmu, it-rikreazzjoni, il-merkanzija kummerċjali eċċ.) li jseħħu hemmhekk. L-għoti ta’ protezzjoni adegwata tat-toroq, tal-ferroviji u tal-insedjamenti minn kwalunkwe tip ta’ periklu (għargħar, nirien eċċ.) se jgħin biex dan it-theddid jinbidel f’opportunitajiet għall-iżvilupp bil-provvista ta’ strutturi u utilitajiet (bini, ilma, enerġija, eċċ.) li se jappoġġjaw it-tkabbir sostenibbli (19).

4.5.

Qasam wieħed ta’ interess partikolari għaż-żoni muntanjużi tal-UE huwa l-forestrija, peress li l-foresti miżmuma tajjeb jipproteġu kontra perikli naturali jew theddid bħal pesti u mard, filwaqt li fl-istess ħin jipprovdu benefiċċji bħall-fjuwil tal-bijomassa u l-materjali għall-kostruzzjoni. Il-foresti muntanjużi joħolqu ħabitat speċjali għal pjanti u annimali rari, li huma sors ta’ attrazzjoni għall-viżitaturi kif ukoll ta’ prodotti li jappoġġjaw l-ekonomija reġjonali. Il-biċċa l-kbira taż-żoni rilevanti jgawdu minn status protett li jappoġġja l-ambjent u l-pajsaġġ tagħhom u jippermetti attivitajiet oħra b’valur miżjud bħar-rikreazzjoni, l-edukazzjoni tat-turiżmu, ir-riċerka dwar kwistjonijiet rilevanti, il-ħolqien tal-impjiegi eċċ. (20).

4.6.

Il-profili ekonomiċi tar-reġjuni muntanjużi tal-UE jirriflettu livelli pjuttost differenti ta’ żvilupp fosthom. Id-distribuzzjoni tal-impjieg fis-setturi primarji, sekondarji u terzjarji tal-ekonomija tindika preżenza qawwija ħafna ta’ impjieg agrikolu f’ċerti reġjuni, filwaqt li f’oħrajn l-impjieg jeżisti prinċipalment fl-industrija u s-servizzi. Differenzi bħal dawn jirriflettu jew preferenza għat-turiżmu u s-servizzi pubbliċi jew alternattivi limitati għall-attivitajiet agrikoli tradizzjonali (21).

4.7.

Fi kwalunkwe każ, l-attivitajiet ekonomiċi mwettqa fir-reġjuni muntanjużi tal-UE huma affettwati b’mod negattiv mit-tibdil fil-klima u d-disponibbiltà limitata tal-art. B’mod partikolari t-turiżmu, bħala attività primarjament staġjonali, ma jiżgurax fluss kontinwu ta’ introjtu, filwaqt li l-attivitajiet tat-turiżmu matul is-sena kollha (eż. it-turiżmu rurali, l-agroturiżmu, l-ekoturiżmu, it-turiżmu bbażat fil-komunità, it-turiżmu kulturali, it-turiżmu tal-isport, it-turiżmu tad-divertiment eċċ.) jistgħu wkoll jikkompromettu s-sostenibbiltà ambjentali ta’ dawn ir-reġjuni (22).

4.8.

It-topografija tar-reġjuni muntanjużi tal-UE hija assi speċifiku għall-post, imsaħħaħ aktar minn assi bbażati fuq in-natura u speċifiċitajiet klimatiċi, li fuqhom jista’ jiġi żviluppat it-turiżmu. Madankollu, il-konċentrazzjoni spazjali tat-turiżmu f’xi żoni muntanjużi twassal għall-użu intensiv tar-riżorsi naturali, u taffettwa l-prospetti tal-iżvilupp sostenibbli tagħhom, filwaqt li, fl-istess ħin, l-isforzi biex jiġi appoġġjat it-turiżmu fil-muntanji b’aspetti ekoloġiċi, soċjali, kulturali u ekonomiċi huma mxekkla minn promozzjoni, sensibilizzazzjoni u parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati limitati (23).

4.9.

L-isforz ġenerali għall-iżvilupp fir-reġjuni muntanjużi jinvolvi infrastruttura “materjali” għal investimenti fit-trasport u t-telekomunikazzjoni, bħala għażla ovvja biex jiġu indirizzati l-iżvantaġġi inerenti u jiġu indirizzati l-isfidi ta’ dawn iż-żoni.

4.10.

Infrastruttura tat-trasport imtejba tista’ ttejjeb il-konnettività u tiffaċilita l-esportazzjonijiet, iżda tista’ tiftaħ ukoll is-swieq lokali għal aktar kompetizzjoni. L-aċċess għall-broadband huwa kruċjali għat-titjib tal-effettività tal-attivitajiet f’ħafna oqsma bħat-turiżmu, l-edukazzjoni, il-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali, il-gvern elettroniku eċċ. Iż-żieda fl-inċentivi (jiġifieri l-profittabbiltà) għal investituri privati potenzjali fi skemi bħal dawn, kif ukoll it-tnaqqis tal-ispejjeż (jiġifieri l-kisba ta’ ekonomiji ta’ skala) għall-provvista pubblika ta’ skemi bħal dawn hija sfida komuni għar-reġjuni muntanjużi, il-gżejjer u ż-żoni skarsament popolati (24).

5.   Iż-Żoni Skarsament Popolati tal-UE

5.1.

Din il-kategorija ta’ reġjuni tal-UE hija, b’mod ġenerali, ikkaratterizzata minn densità baxxa tal-popolazzjoni u iżolament ġeografiku konsiderevoli jew diffikultajiet ta’ integrazzjoni territorjali ma’ reġjuni oħra, u l-ekonomiji tagħhom huma ġeneralment ibbażati b’mod predominanti fuq attivitajiet relatati mal-biedja u l-introjtu tagħhom huwa inqas mill-medja nazzjonali jew tal-UE. Żoni bħal dawn jeħtieġu appoġġ ekonomiku, “rivitalizzazzjoni” jew bidliet strutturali li jgħinuhom jegħlbu d-diffikultajiet tagħhom (25).

5.2.

Ix-xejriet demografiċi tagħhom juru tnaqqis kontinwu fil-popolazzjoni; madankollu, dawn ix-xejriet huma aktar ovvji fiż-żoni interni aktar milli fiż-żoni kostali, fejn l-attività tat-turiżmu kkontribwiet għall-istabbilizzazzjoni taċ-ċifri tal-popolazzjoni (26).

5.3.

Madankollu, spiss jinstab li l-popolazzjoni żagħżugħa ta’ dawn iż-żoni tippreferi temigra lejn reġjuni u bliet aktar vibranti ekonomikament biex tfittex prospetti ta’ impjieg aħjar. Il-popolazzjoni anzjana li fadal tirrikjedi ħtiġijiet addizzjonali fis-servizzi tas-saħħa u tal-provvista soċjali, u b’hekk jinħolqu aktar spejjeż (27).

5.4.

Il-kundizzjonijiet demografiċi fiż-żoni skarsament popolati tal-UE huma aggravati aktar minħabba l-pożizzjoni remota tagħhom, li taffettwa b’mod negattiv is-servizzi tat-trasport u l-aċċessibbiltà ta’ dawn iż-żoni. B’mod partikolari, iż-Żoni Skarsament Popolati tat-Tramuntana huma l-inqas aċċessibbli fl-Ewropa, b’infrastruttura tat-toroq limitata ħafna, u jiddependu l-aktar mit-trasport marittimu u bl-ajru, li ħafna drabi huma għażliet għaljin (28). In-nuqqas ta’ konnessjonijiet effettivi huwa nnutat mhux biss bejn iż-żoni skarsament popolati tal-UE u ċ-ċentri urbani tal-Ewropa, iżda wkoll fil-livell ta’ bejn il-periferiji, u b’hekk jiżdied l-effett sproporzjonat tan-nuqqas ta’ aċċessibbiltà tagħhom (29).

5.5.

Iż-żoni tat-Tramuntana skarsament popolati jinsabu ’l bogħod ħafna mis-suq komuni u l-impriżi ewlenin Ewropej, u dan jikkawża diffikultajiet fil-kompetittività minħabba aċċess aktar diffiċli u spejjeż akbar għat-trasport ta’ materja prima u ta’ prodotti lesti. Għalhekk, it-titjib tal-aċċessibbiltà fiżika u diġitali huwa ta’ importanza kbira għal dawn l-oqsma, biex jitnaqqas l-iżolament u tiżdied il-kompetittività tal-intrapriżi tagħhom fis-suq (30).

5.6.

Il-kooperazzjoni biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-sistemi differenti tat-trasport hija kruċjali, speċjalment fil-kuntest tal-azzjoni tal-UE bħala mezz għall-iżgurar tal-kontinwità territorjali tar-reġjuni tat-Tramuntana tal-Ewropa. Dan jista’ jinkiseb ukoll permezz tal-promozzjoni tal-ICT. It-teknoloġija diġitali tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-distanzi f’termini fiżiċi u ekonomiċi kif ukoll soċjali (31).

5.7.

Fiż-żoni skarsament popolati tal-UE, l-aktar attivitajiet kummerċjali komuni għandhom it-tendenza li jkunu fis-settur primarju (l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd u l-estrazzjoni), il-produzzjoni tal-enerġija, is-settur tal-manifattura u l-akkomodazzjoni turistika (lukandi u ristoranti) (32). Fil-partijiet tat-Tramuntana tal-Ewropa, ġie nnutat żvilupp ekonomiku reċenti, li huwa dovut għall-aċċellerazzjoni ta’ investimenti industrijali kbar, attirati mill-aċċess għall-idroelettriku, art disponibbli estensiva u tradizzjonijiet industrijali stabbiliti sew. Dawn il-fatturi jikkostitwixxu bidliet radikali għar-reġjuni li jospitaw l-impjanti l-ġodda tal-produzzjoni, peress li huma mistennija li jiġġeneraw impjiegi ġodda. Madankollu, l-isfida ewlenija se tkun li jimtlew dawn il-pożizzjonijiet, u huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri biex jiġi attirat it-talent minn reġjuni u pajjiżi oħra u biex jitħarrġu n-nies lokali (33).

5.8.

Filwaqt li ċerti attivitajiet ekonomiċi (bħall-estrazzjoni u l-ipproċessar industrijali) jiġġeneraw introjtu għoli, in-natura monotematika tagħhom tagħmilhom suxxettibbli għal fatturi esterni bħall-varjazzjoni fil-prezzijiet jew kriżijiet finanzjarji, u b’hekk tiżdied il-fraġilità u l-vulnerabbiltà tal-ekonomija ta’ dawn ir-reġjuni. Għalhekk, id-diversifikazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali u l-ħolqien ta’ mudelli kummerċjali ġodda jew l-immodernizzar ta’ dawk eżistenti hija wkoll għażla oħra (34).

5.9.

Fattur ewlieni fl-għoti ta’ spinta lid-diversifikazzjoni tal-attività ekonomika fiż-żoni skarsament popolati tal-UE huwa l-innovazzjoni u l-għarfien. Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni u r-rabtiet bejn l-intrapriżi u l-universitajiet fl-oqsma xjentifiċi li jistgħu jiddiversifikaw l-attività ekonomika hija essenzjali. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet klimatiċi ġeografiċi u estremi, speċjalment fiż-Żoni Skarsament Popolati tat-Tramuntana, huma adattati għal attivitajiet ta’ ttestjar, u jipprovdu bażi għall-introduzzjoni ta’ ħafna ideat kummerċjali li jirriżultaw mir-riżorsi naturali, il-klima kiesħa u l-kundizzjonijiet tal-Artiku. Bl-istess mod, ir-riżorsi naturali ta’ dawn it-territorji huma importanti wkoll biex jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli (35).

5.10.

Iż-żidiet fit-tkabbir ekonomiku se jtejbu l-impjieg fiż-żoni skarsament popolati tal-UE. Dawn ir-reġjuni, speċjalment fit-Tramuntana tal-Ewropa, urew kapaċità notevoli li jadattaw, peress li ċ-ċifri tal-qgħad tagħhom naqsu f’dawn l-aħħar snin wara ż-żidiet qawwija kkawżati mill-kriżi ekonomika fil-perjodu 2008–2009. Madankollu, hemm nuqqas sinifikanti ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati. L-indirizzar ta’ dan jitlob approċċ olistiku li jinvolvi atturi minn setturi u livelli ġeografiċi differenti (eż. awtoritajiet pubbliċi, kumpaniji privati u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili), li jippromovi l-investiment reġjonali, jimplimenta politiki tas-suq tax-xogħol u jintroduċi skemi ta’ edukazzjoni u taħriġ imfassla apposta (36).

Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2016 — Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-529/13, ECLI:EU:T:2016:282, paragrafi 86-87.

(2)  Sentenza tal-Qorti tas-7 ta’ Marzu 2019 Izsák & Dabis vs Il-Kummissjoni Ewropea, C-420/16 P, ECLI:EU:C:2019:177, paragrafi 65-71.

(3)  L-Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar “Il-futur tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu wara l-2020” (ĠU C 228, 5.7.2019, p. 50).

(4)  Haase, D. and Maier, A., 2021, Research for REGI Committee — Islands of the European Union: State of play and future challenges (Riċerka għall-Kumitat REGI — Il-gżejjer tal-Unjoni Ewropea: Is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri), il-Parlament Ewropew, id-Dipartiment Tematiku għall-Politiki Strutturali u ta’ Koeżjoni, Brussell.

(5)  Margaras, V., 2016, EPRS-Briefing: Sparsely populated and under–populated areas (Briefing tal-EPRS: Żoni skarsament popolati u b’popolazzjoni baxxa), PE 586.632.

(6)  Carbone, G., 2018, Expert Analysis on Geographical Specificities: Mountains, Islands and Sparsely Populated Areas — Cohesion policy 2014-2020 (Analiżi Esperta dwar l-Ispeċifikazzjonijiet Ġeografiċi: Muntanji, Gżejjer u Żoni Skarsament Popolati — Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020), Rapport Finali.

(7)  Haase, D. and Maier, A., 2021, Research for REGI Committee — Islands of the European Union: State of play and future challenges (Riċerka għall-Kumitat REGI — Il-gżejjer tal-Unjoni Ewropea: Is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri), il-Parlament Ewropew, id-Dipartiment Tematiku għall-Politiki Strutturali u ta’ Koeżjoni, Brussell.

(8)  Carbone, G., 2018, Expert Analysis on Geographical Specificities: Mountains, Islands and Sparsely Populated Areas — Cohesion policy 2014-2020 (Analiżi Esperta dwar l-Ispeċifikazzjonijiet Ġeografiċi: Muntanji, Gżejjer u Żoni Skarsament Popolati – Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020), Rapport Finali.

(9)  L-Opinjoni tal-KtR dwar insaħħu l-appoġġ tal-politika ta’ koeżjoni għar-reġjuni bi żvantaġġi ġeografiċi u demografiċi (Artikolu 174 tat-TFUE) (ĠU C 79, 2.3.2023, p. 36).

(10)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Gżejjer fl-UE: minn żvantaġġ strutturali għal territorju inklużiv” (ĠU C 209, 30.6.2017, p. 9).

(11)  Haase, D. and Maier, A., 2021, Research for REGI Committee — Islands of the European Union: State of play and future challenges (Riċerka għall-Kumitat REGI — Il-gżejjer tal-Unjoni Ewropea: Is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri), il-Parlament Ewropew, id-Dipartiment Tematiku għall-Politiki Strutturali u ta’ Koeżjoni, Brussell.

(12)  Haase, D. and Maier, A., 2021, Research for REGI Committee — Islands of the European Union: State of play and future challenges (Riċerka għall-Kumitat REGI — Il-gżejjer tal-Unjoni Ewropea: Is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri), il-Parlament Ewropew, id-Dipartiment Tematiku għall-Politiki Strutturali u ta’ Koeżjoni, Brussell.

(13)  Carbone, G., 2018, Expert Analysis on Geographical Specificities: Mountains, Islands and Sparsely Populated Areas — Cohesion policy 2014-2020 (Analiżi Esperta dwar l-Ispeċifikazzjonijiet Ġeografiċi: Muntanji, Gżejjer u Żoni Skarsament Popolati — Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020), Rapport Finali.

(14)  Haase, D. and Maier, A., 2021, Research for REGI Committee — Islands of the European Union: State of play and future challenges (Riċerka għall-Kumitat REGI — Il-gżejjer tal-Unjoni Ewropea: Is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri), il-Parlament Ewropew, id-Dipartiment Tematiku għall-Politiki Strutturali u ta’ Koeżjoni, Brussell.

(15)   “Cohesion in Mountainous Regions of the EU” (Il-koeżjoni fir-Reġjuni Muntanjużi tal-UE).

(16)  Carbone G., 2018, Expert Analysis on Geographical Specificities: Mountains, Islands and Sparsely Populated Areas — Cohesion policy 2014-2020, Final Report (Analiżi Esperta dwar l-Ispeċifikazzjonijiet Ġeografiċi: Muntanji, Gżejjer u Żoni Skarsament Popolati — Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020, Rapport Finali).

(17)  Carbone G., 2018, Expert Analysis on Geographical Specificities: Mountains, Islands and Sparsely Populated Areas — Cohesion policy 2014-2020, Final Report (Analiżi Esperta dwar l-Ispeċifikazzjonijiet Ġeografiċi: Muntanji, Gżejjer u Żoni Skarsament Popolati — Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020, Rapport Finali).

(18)   “Cohesion in Mountainous Regions of the EU” (Il-koeżjoni fir-Reġjuni Muntanjużi tal-UE).

(19)   “Cohesion in Mountainous Regions of the EU” (Il-koeżjoni fir-Reġjuni Muntanjużi tal-UE).

(20)   “Cohesion in Mountainous Regions of the EU” (Il-koeżjoni fir-Reġjuni Muntanjużi tal-UE).

(21)   “Cohesion in Mountainous Regions of the EU” (Il-koeżjoni fir-Reġjuni Muntanjużi tal-UE).

(22)  Carbone G., 2018, Expert Analysis on Geographical Specificities: Mountains, Islands and Sparsely Populated Areas — Cohesion policy 2014-2020, Final Report (Analiżi Esperta dwar l-Ispeċifikazzjonijiet Ġeografiċi: Muntanji, Gżejjer u Żoni Skarsament Popolati — Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020, Rapport Finali).

(23)   “Cohesion in Mountainous Regions of the EU” (Il-koeżjoni fir-Reġjuni Muntanjużi tal-UE).

(24)   “Cohesion in Mountainous Regions of the EU” (Il-koeżjoni fir-Reġjuni Muntanjużi tal-UE).

(25)  Margaras, V., 2016, EPRS-Briefing: Sparsely populated and under-populated areas (Briefing tal-EPRS: Żoni skarsament popolati u b’popolazzjoni baxxa), PE 586.632.

(26)  Gløersen, E., 2022, Riċerka għall-Kumitat REGI — Cohesion Policy in Northernmost Regions of the EU (Il-Politika ta’ Koeżjoni fir-Reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda tal-UE), il-Parlament Ewropew, id-Dipartiment Tematiku għall-Politiki Strutturali u ta’ Koeżjoni, Brussell.

(27)  Margaras, V., 2016, EPRS-Briefing: Sparsely populated and under-populated areas (Briefing tal-EPRS: Żoni skarsament popolati u b’popolazzjoni baxxa), PE 586.632.

(28)  Carbone G., 2018, Expert Analysis on Geographical Specificities: Mountains, Islands and Sparsely Populated Areas — Cohesion policy 2014-2020, Final Report (Analiżi Esperta dwar l-Ispeċifikazzjonijiet Ġeografiċi: Muntanji, Gżejjer u Żoni Skarsament Popolati — Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020, Rapport Finali).

(29)  Margaras, V., 2016, EPRS-Briefing: Sparsely populated and under-populated areas (Briefing tal-EPRS: Żoni skarsament popolati u b’popolazzjoni baxxa), PE 586.632.

(30)  Carbone G., 2018, Expert Analysis on Geographical Specificities: Mountains, Islands and Sparsely Populated Areas — Cohesion policy 2014-2020, Final Report (Analiżi Esperta dwar l-Ispeċifikazzjonijiet Ġeografiċi: Muntanji, Gżejjer u Żoni Skarsament Popolati — Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020, Rapport Finali).

(31)  Carbone G., 2018, Expert Analysis on Geographical Specificities: Mountains, Islands and Sparsely Populated Areas — Cohesion policy 2014-2020, Final Report (Analiżi Esperta dwar l-Ispeċifikazzjonijiet Ġeografiċi: Muntanji, Gżejjer u Żoni Skarsament Popolati — Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020, Rapport Finali).

(32)  Margaras, V., 2016, EPRS-Briefing: Sparsely populated and under-populated areas (Briefing tal-EPRS: Żoni skarsament popolati u b’popolazzjoni baxxa), PE 586.632.

(33)  Gløersen, E., 2022, Riċerka għall-Kumitat REGI — Cohesion Policy in Northernmost Regions of the EU (Il-Politika ta’ Koeżjoni fir-Reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda tal-UE), il-Parlament Ewropew, id-Dipartiment Tematiku għall-Politiki Strutturali u ta’ Koeżjoni, Brussell.

(34)  Margaras, V., 2016, EPRS-Briefing: Sparsely populated and under-populated areas (Briefing tal-EPRS: Żoni skarsament popolati u b’popolazzjoni baxxa), PE 586.632.

(35)  Carbone G., 2018, Expert Analysis on Geographical Specificities: Mountains, Islands and Sparsely Populated Areas — Cohesion policy 2014-2020, Final Report (Analiżi Esperta dwar l-Ispeċifikazzjonijiet Ġeografiċi: Muntanji, Gżejjer u Żoni Skarsament Popolati — Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020, Rapport Finali).

(36)  Gløersen, E., 2022, Riċerka għall-Kumitat REGI — Cohesion Policy in Northernmost Regions of the EU (Il-Politika ta’ Koeżjoni fir-Reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda tal-UE), il-Parlament Ewropew, id-Dipartiment Tematiku għall-Politiki Strutturali u ta’ Koeżjoni, Brussell.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1572/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)