32002R1442



Official Journal L 212 , 08/08/2002 P. 0005 - 0006


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1442/2002

tas-7 ta’ Awwissu 2002

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1554/2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 rigward il-marketing ta’ zokkor prodott f’dipartimenti barranin Franċiżi u li jġib indaqs il-kondizzjonijiet ta’ prezzijiet ta’ zokkor mhux raffinat preferenzjali

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 tad-19 ta’ Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor [1], kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 680/2002 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 jipprovdi għal għajnuna tal-Komunità b’rata fissa għal zokkor prodott fid-dipartimenti barranin Franċiżi, sabiex jiġi mpoġġi fis-suq fir-reġjuni Ewropej tal-Komunità. L-għajnuna hija għal zokkor mhux raffinat maħdum fid-dipartimenti barranin Franċiżi li jkun sejjer jiġi raffinat f’raffinerija li qegħda fir-reġjuni Ewropej tal-Komunità u li għandu jiġi ttrasportat lejn ir-reġjuni Ewropej tal-Komunità u, fejn ikun neċessarju sabiex jiġi maħżun f’dawk id-dipartimenti.

(2) Dik l-għajnuna għas-sena tas-suq 2001/02 hija stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1554/2001 [3]. L-għajnuna għat-trasport mill-fażi tal-fabbrika ta’ qabel, sal-fażi tal-port frank abbord (fob) u għall-ħażna fid-dipartimenti barranin Franċiżi għas-sena tas-suq 2001/2, hija stabbilita fl-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) ta’ dak ir-Regolament. Issa li l-Kummissjoni kisbet informazzjoni fuq il-livell xieraq ta’ din l-għajnuna, l-ammonti ta’ għajnuna għandhom jiġu stabbiliti għas-snin tas-suq 2002/03 sa 2005/06, i.e. il-perjodu li għalih ir-Regolament (KE) Nru 1260/2001 jipprovdi għall-iffissar ta’ ‘prezzjijiet ta’ intervent’ u kwoti ta’ produzzjoni u raffinar. L-għoti ta’ għajnuna għall-ispejjeż tat-trasport bil-baħar, u l-għajnuna għar-raffinar, għandhom jitkomplew ukoll fl-istess perjodu.

(3) Il-miżuri li għalihom hemm provdut f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għaz-Zokkor.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1554/2001 huwa mibdul b’dan li ġej:

"1. Fuq applikazzjoni lill-awtoritajiet Franċiżi kompetenti, għas-snin marketing 2002/03 sa 2005/6, il-produtturi taz-zokkor li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 u li jwassluh fil-portijiet Ewropej fil-Komunità, għandhom jingħataw għajnuna magħmula minn dawn il-komponenti:

(a) ammont b’rata bażi għal kull tunnellata metrika ta’ zokkor mfisser bħala zokkor abjad biex ikopri l-ispejjeż tat-trasport mill-punt tat-tluq mill-fabbrika ta’ qabel sal-fażi tal-port frank abbord (fob), iffissat għal:

- EUR 17 għal kull tunnellata metrika għar-Réunion u Martinique,

- EUR 24 għal kull tunnellata metrika għall-Guadeloupe;

(b) ammont uniformi ta’ rata bażi biex ikopri l-ispejjeż tat-trasport bil-baħar mill-port frank abbord (fob) fil-fażi tad-dipartiment barrani sal-punt tal-wasla fil-portijiet (cif) Ewropej fil-Komunità u l-ispejjeż ta’ l-assigurazzjoni li għandhom x’jaqsmu;

(ċ) ammont ta’ rata fissa għal kull 100 kilogramma ta’ zokkor mhux raffinat mfisser bħala zokkor abjad maħżun mill-produtturi fl-aħħar ta’ kull xahar, stabbilit bħala EUR 0,45 għall-Guadeloupe u EUR 0,35 għar-Réunion."

L-Artikolu 2

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1554/2001 huwa mibdul b’dan li ġej:

"1. Fil-każ taz-zokkor li hemm referenza għalih fl-Artikolu 1 li jkun ġie raffinat f’raffinerija fir-reġjuni Ewropej tal-Komunità fis-snin tas-suq 2002/03 sa 2005/06, tiġi mogħtija għajnuna lir-raffineriji kkonċernati għal kull wieħed minn għaxra ta’ perċentwal tal-produzzjoni li taqbeż it-92 %, ta’ ammont ugwali għal 0,0387 % tal-prezz ta’ intervent għal zokkor mhux raffinat għal dak il-perjodu."

L-Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta’ wara li jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2002.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 7 ta’ Awwissu 2002.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 178, tat-30.6.2001, p. 1.

[2] ĠU L 104, ta’ l-20.4.2002, p. 26.

[3] ĠU L 205, tal-31.7.2001, p. 18.

--------------------------------------------------