SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
20 ta’ Mejju 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal‑protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Raġunijiet ta’ inammissibbiltà – Artikolu 2(q) – Kunċett ta’ ‘applikazzjoni sussegwenti’ – Artikolu 33(2)(d) – Ċaħda minn Stat Membru ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni preċedenti ppreżentata mill-persuna kkonċernata fi Stat terz li kkonkluda mal-Unjoni Ewropea ftehim dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi li jippermettu li jiġi ddeterminat l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati partijiet f’dan il-ftehim – Deċiżjoni finali meħuda mir-Renju tan-Norveġja”
Fil-Kawża C‑8/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mix-Schleswig‑Holsteinisches Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva ta’ Schleswig‑Holstein, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Jannar 2020, fil-proċedura
L.R.
vs
Bundesrepublik Deutschland,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2020,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Bundesrepublik Deutschland, minn A. Schumacher, bħala aġenta, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn G. Wils, A. Azéma u M. Condou‑Durande, sussegwentement minn G. Wils, A. Azéma u L. Grønfeldt, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-18 ta’ Marzu 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn L.R. u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge – Außenstelle Boostedt (l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u għar-Refuġjati, fergħa ta’ Boostedt, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) li ċaħdet it-talba għal ażil tal-parti kkonċernata bħala inammissibbli. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2011/95/UE
|
3 |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), għandha l-iskop li tistabbilixxi standards għall-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi għandhom jissodisfaw sabiex jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-refuġjati jew għall-persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja kif ukoll għall-kontenut ta’ din il-protezzjoni. |
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
Id-Direttiva 2013/32
|
5 |
L-Artikolu 2(b), (e) u (q) tad-Direttiva 2013/32 huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]
[…]
|
|
6 |
Skont l-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva: “L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:
|
Ir-Regolament Dublin III
|
7 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 tiegħu, ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109), li ssostitwixxa, skont l-Artikolu 24 tiegħu, il-konvenzjoni li tiddetermina l-Istat responsabbli biex jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil iddepożitati għand wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata f’Dublin fil-15 ta’ Ġunju 1990 (ĠU 1997, C 254, p. 1; iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Dublin”). |
|
8 |
Fil-Kapitolu II tar-Regolament Dublin III, intitolat “Prinċipji Ġenerali u Salwagwardji”, l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.” |
|
9 |
Fil-Kapitolu V ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 18(1) tiegħu, intitolat “Obbligi tal-Istat Membru Responsabbli”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu: “1. L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat: […]
|
|
10 |
L-Artikolu 19(3) tar-Regolament Dublin III, intitolat “Tmiem tar-responsabbilitajiet”, jipprovdi: “L-obbligi speċifikati fl-Artikolu 18(1)(c) u (d), għandhom jieqfu fejn l-Istat Membru responsabbli jista’ jistabbilixxi, meta mitlub li jieħu lura applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d), li l-persuna kkonċernata ħalliet it-territorju tal-Istati Membri f’konformità ma’ deċiżjoni ta’ ritorn jew ordni ta’ tkeċċija li kien ħareġ wara l-irtirar jew ir-rifjut tal-applikazzjoni. Applikazzjoni ddepożitata wara li sseħħ tkeċċija effettiva għandha titqies bħala applikazzjoni ġdida u twassal għal proċedura ġdida għad-determinazzjoni tal-Istat Membur responsabbli.” |
Il-Ftehim bejn l-Unjoni, l-Islanda u n-Norveġja
|
11 |
Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment ta’ l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għal ażilju ppreżentata fi Stat Membru jew fl-Islanda jew fin-Norveġja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 78, iktar ’il quddiem il-“Ftehim bejn l-Unjoni, l-Islanda u n-Norveġja”), ġie approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/258/KE tal-15 ta’ Marzu 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 76). |
|
12 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim: “1. Id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Dublin, elenkati fil-Parti 1 ta’ l-Anness ta’ dan il-Ftehim u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat stabbiliti bl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Dublin elenkati fil-Parti 2 ta’ l-imsemmi l-Anness għandhom ikunu implimentati mill-Islanda u n-Norveġja u applikati fir-relazzjonijiet konġunti tagħhom u fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ l-Istati Membri, suġġett għall-paragrafu 4. 2. L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1, suġġett għall-paragrafu 4, b’relazzjoni ma[r-Repubblika ta]l-Islanda u [mar-Renju ta]n-Norveġja. […] 4. Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, referenzi fid-disposizzjonijiet koperti bl-Anness għal ‘l-Istati Membri’ għandhom ikunu jinftiehmu bħala li jinkludu [r-Repubblika ta]l-Islanda u [r-Renju ta]n-Norveġja. […]” |
Id-dritt Ġermaniż
L-AsylG
|
13 |
L-Artikolu 26a tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AsylG”), intitolat “Pajjiżi terzi siguri”, jipprovdi: “(1) Ċittadin barrani li daħal fit-territorju billi ġie minn pajjiż terz, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16a(2) tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja), (pajjiż terz sigur), ma jistax jinvoka l-Artikolu 16a(1) tal-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. […] (2) Bl-eċċezzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, l-Istati terzi siguri huma l-Istati elenkati fl-Anness I. […]” |
|
14 |
L-Artikolu 29 tal-AsylG, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, huwa fformulat kif ġej: “(1) Applikazzjoni għall-ażil tkun inammissibbli meta: […] 5. Fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti fis-sens tal-Artikolu 71 jew tat-tieni applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 71a, ma jkunx hemm bżonn li ssir proċedura ta’ ażil. […]” |
|
15 |
L-Artikolu 71a tal-AsylG, intitolat “It-tieni applikazzjoni”, jipprovdi: “(1) Jekk barrani, wara li l-proċedura ta’ ażil tkun ingħalqet b’ċaħda f’pajjiż terz sigur (Artikolu 26a) li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet legali tal-[Unjoni] Ewropea li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ipproċessar tal-proċeduri ta’ ażil jew li miegħu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun ikkonkludiet trattat internazzjonali fuq dan is-suġġett, jippreżenta fit-territorju federali applikazzjoni għall-ażil (it-tieni applikazzjoni), ma jkunx hemm bżonn li ssir proċedura oħra ta’ ażil meta biss ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun responsabbli mill-ipproċessar tal-proċedura ta’ ażil u l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 51(1) sa (3), tal-Verwaltungsverfahrensgesetz (VwVfG) (il-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva) ikunu ssodisfatti; l-eżami huwa obbligu tal-[Uffiċċju]. […]” |
|
16 |
L-Anness I tal-Artikolu 26a tal-AsylG jinkludi l-informazzjoni li ġejja: “In-Norveġja L-Isvizzera” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
17 |
Fit‑22 ta’ Diċembru 2014, L.R., ċittadin Iranjan, ressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-Uffiċċju. |
|
18 |
L-eżami ta’ din l-applikazzjoni wera li L.R. kien diġà ppreżenta applikazzjoni għall-ażil fin-Norveġja. |
|
19 |
Adit b’talba għal teħid ta’ responsabbiltà ta’ L.R., ir-Renju tan-Norveġja, permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Frar 2015, indika lill-Uffiċċju li, fl-1 ta’ Ottubru 2008, l-individwu kkonċernat kien ippreżenta applikazzjoni għall-ażil quddiem l-awtoritajiet Norveġiżi, li kienet ġiet miċħuda fil-15 ta’ Ġunju 2009, u li, fid-19 ta’ Ġunju 2013, dan kien intbagħat lill-awtoritajiet Iranjani. Ir-Renju tan-Norveġja rrifjuta li jassumi responsabbiltà għal L.R., minħabba li r-responsabbiltà tiegħu kienet waqfet, konformement mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament Dublin III. |
|
20 |
Għaldaqstant, l-Uffiċċju eżamina l-applikazzjoni għall-ażil ta’ L.R. u, permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2017, ċaħadha bħala inammissibbli, skont il-punt 5 tal-Artikolu 29(1) tal-AsylG. L-Uffiċċju kkunsidra li din kienet it-“tieni applikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 71a tal-AsylG, u li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 51(1) tal-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva sabiex jiġi ġġustifikat il-ftuħ ta’ proċedura ġdida tal-ażil ma kinux issodisfatti, peress li l-fatti mressqa minn L.R. insostenn tal-applikazzjoni tiegħu ma dehrux kredibbli fl-assjem tagħhom. |
|
21 |
L.R. ressaq azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din id-deċiżjoni tal-Uffiċċju, intiża għall-għoti, prinċipalment, tal-istatus ta’ refuġjat, sussidjarjament, tal-“protezzjoni sussidjarja” u, iktar sussidjarjament, għall-konstatazzjoni ta’ projbizzjoni ta’ tneħħija, skont id-dritt Ġermaniż. Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Ġunju 2017, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li laqgħet it-talba għal miżuri provviżorji mressqa minn L.R., irrikonoxxiet l-effett sospensiv ta’ din l-azzjoni. |
|
22 |
Il-qorti tar-rinviju tesponi li, sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima pendenti quddiemha, hija teħtieġ kjarifiki dwar il-kwistjoni ta’ jekk applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tistax tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, meta l-ewwel proċedura li wasslet għaċ-ċaħda ta’ tali applikazzjoni ma tkunx saret fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, iżda fi Stat terz, jiġifieri fin-Norveġja. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, minkejja li r-risposta għal din id-domanda tħalliet miftuħa f’sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), tal-14 ta’ Diċembru 2016, hija tqis li din tista’ tkun “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, sa fejn l-ewwel proċedura li wasslet għaċ-ċaħda tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata seħħet fi Stat Membru ieħor. |
|
24 |
Il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b), (e) u (q) tagħha, kif ukoll mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva, jirriżulta li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” biss jekk id-“deċiżjoni finali” li tkun ċaħdet “applikazzjoni preċedenti” tal-istess applikant tkun ġiet adottata minn Stat Membru. Fil-fatt, mill-Artikolu 2(b) u (e) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li tali “applikazzjoni preċedenti”, kif ukoll id-deċiżjoni finali adottata fir-rigward tagħha, għandha tikkonċerna l-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2011/95, li hija indirizzata biss lill-Istati Membri. |
|
25 |
Madankollu, hija inklinata taħseb li din id-direttiva għandha tiġi interpretata b’mod iktar wiesa’ fil-kuntest tas-sħubija tar-Renju tan-Norveġja mas-sistema Ewropea komuni tal-ażil, kif tirriżulta mill-Ftehim bejn l-Unjoni, ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja. Ċertament, ir-Renju tan-Norveġja ma huwiex marbut bid-Direttivi 2013/32 u 2011/95, iżda s-sistema tal-ażil Norveġiża hija, kemm mill-perspettiva sostantiva kif ukoll mill-perspettiva proċedurali, ekwivalenti għal dik prevista fid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, ikun kuntrarju għall-għan u għall-iskop tas-sistema tal-ażil Ewropea komuni, kif ukoll għall-assoċjazzjoni tar-Renju tan-Norveġja magħha, li l-Istati Membri jiġu obbligati jmexxu l-ewwel proċedura ta’ ażil kompleta f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ix-Schleswig‑Holsteinisches Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva ta’ Schleswig‑Holstein, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi miċħuda bħala applikazzjoni sussegwenti li hija inammissibbli, hija kompatibbli mal-Artikolu 33(2)(d) u mal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva [2013/32], jekk l-ewwel proċedura għal ażil li tkun ġiet miċħuda tkun saret mhux fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, iżda fin-Norveġja?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
27 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, ippreżentata lil dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li applikazzjoni preċedenti tagħha intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, ippreżentata lil Stat terz bl-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III konformement mal-Ftehim bejn l-Unjoni, l-Islanda u n-Norveġja, kienet ġiet miċħuda minn dan l-Istat terz. |
|
28 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju telqet mill-premessa li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, japplika għal applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lil Stat Membru wara ċ-ċaħda, f’“deċiżjoni finali”, fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, ta’ applikazzjoni preċedenti, ippreżentata mill-istess applikant lil Stat Membru ieħor. Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż jaqbel ma’ tali approċċ. |
|
29 |
Min-naħa l-oħra, fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni Ewropea ssostni li l-applikazzjoni l-ġdida għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) u tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, biss jekk tiġi ppreżentata lill-Istat Membru li l-korpi kompetenti tiegħu ċaħdu, permezz ta’ deċiżjoni finali, applikazzjoni preċedenti ppreżentata mill-istess applikant. |
|
30 |
Madankollu, peress li d-domanda magħmula tirrigwarda applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lil Stat Membru wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni preċedenti ppreżentata mill-istess applikant lil Stat terz li huwa parti fil-Ftehim bejn l-Unjoni, l-Islanda u n-Norveġja, huwa neċessarju biss, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li jiġi ddeterminat jekk tali applikazzjoni tikkostitwixxix “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) u tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32. |
|
31 |
B’dan premess, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Skont il-qorti tar-rinviju, huwa biss l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 li jista’ jiġġustifika ċ-ċaħda, bħala inammissibbli, ta’ applikazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
33 |
Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiċħdu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli meta din tkun tikkostitwixxi applikazzjoni sussegwenti li fiha ma jkun hemm jew ma jkun ġie ppreżentat mill-applikant ebda element jew fatt ġdid relatat mal-eżami sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95. |
|
34 |
Il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 bħala li jirreferi għal applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti. |
|
35 |
Din id-definizzjoni tirriproduċi għalhekk il-kunċetti ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” u ta’ “deċiżjoni finali”, iddefiniti wkoll fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, fil-punt (b) u fil-punt (e) tiegħu, rispettivament. |
|
36 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kunċett ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” jew ta’ “applikazzjoni”, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/32 bħala li jirreferi għal applikazzjoni għal protezzjoni “magħmula lil Stat Membru” minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, li tista’ tinftiehem bħala intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, fis-sens tad-Direttiva 2011/95. |
|
37 |
Għalhekk mill-kliem ċar ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li applikazzjoni indirizzata lil Stat terz ma tistax tinftiehem bħala “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” jew “applikazzjoni”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. |
|
38 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kunċett ta’ “deċiżjoni finali”, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2013/32 bħala li jkopri kull deċiżjoni li tistabbilixxi jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna apolida tingħatax l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja skont id-Direttiva 2011/95 u li ma tistax iktar tkun is-suġġett ta’ proċedura legali mressqa fil-kuntest tal-Kapitolu V tad-Direttiva 2013/32. |
|
39 |
Issa, deċiżjoni meħuda minn Stat terz ma tistax taqa’ taħt din id-definizzjoni. Fil-fatt, id-Direttiva 2011/95, li hija indirizzata lill-Istati Membri u li ma tikkonċernax l-Istati terzi, ma tipprevedix biss l-istatus ta’ refuġjat, kif stabbilit fid-dritt internazzjonali, jiġifieri fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, iżda tistabbilixxi wkoll l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, li, kif jirriżulta mill-premessa 6 ta’ din id-direttiva, tikkompleta r-regoli dwar l-istatus ta’ refuġjat. |
|
40 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u bla ħsara għall-kwistjoni distinta dwar jekk il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” japplikax għal applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lil Stat Membru wara ċ-ċaħda, permezz ta’ deċiżjoni finali, ta’ applikazzjoni preċedenti minn Stat Membru ieħor, mill-qari flimkien tal-punti (b), (e) u (q) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lil Stat Membru ma tistax tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” jekk din tkun ġiet ippreżentata wara li l-applikant ikun ġie rrifjutat milli jingħata l-istatus ta’ refuġjat minn Stat terz. |
|
41 |
Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ deċiżjoni preċedenti ta’ Stat terz, li ċaħdet applikazzjoni intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, kif dan tal-aħħar huwa previst mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, ma tippermettix li tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) u tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2011/95, ippreżentata mill-persuna kkonċernata lil Stat Membru wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni preċedenti. |
|
42 |
Ebda konklużjoni oħra ma tista’ tiġi dedotta mill-Ftehim bejn l-Unjoni, l-Islanda u n-Norveġja. |
|
43 |
Ċertament, skont l-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim, ir-Regolament Dublin III huwa implimentat mhux biss mill-Istati Membri, iżda wkoll mir-Repubblika tal-Islanda u mir-Renju tan-Norveġja. Għalhekk, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-persuna kkonċernata tkun ippreżentat applikazzjoni sabiex tingħata l-istatus ta’ refuġjat lil wieħed minn dawn iż-żewġ Stati terzi, Stat Membru li fih din il-persuna kkonċernata tkun ippreżentat applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali jista’, jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament ikunu ssodisfatti, jitlob lir-Repubblika tal-Islanda jew lir-Renju tan-Norveġja jieħu lura l-imsemmija persuna kkonċernata. |
|
44 |
Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li, meta tali teħid lura ma jkunx possibbli jew ma jseħħx, l-Istat Membru kkonċernat għandu d-dritt li jikkunsidra li l-applikazzjoni l-ġdida għal protezzjoni internazzjonali li l-istess persuna kkonċernata tkun ippreżentat quddiem il-korpi tiegħu stess tikkostitwixxi “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32. |
|
45 |
Fil-fatt, għalkemm il-Ftehim bejn l-Unjoni, l-Islanda u n-Norveġja jipprevedi, essenzjalment, l-implimentazzjoni, mir-Repubblika tal-Islanda u mir-Renju tan-Norveġja, ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III u jistabbilixxi, fl-Artikolu 1(4) tiegħu, li, għal dan il-għan, ir-riferimenti għall-“Istati Membri” li jinsabu fid-dispożizzjonijiet riprodotti fl-anness ta’ dan il-ftehim huma meqjusa li jinkludu wkoll lil dawn iż-żewġ Stati terzi, xorta jibqa’ l-fatt li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2011/95 jew tad-Direttiva 2013/32 ma hija riprodotta f’dan l-anness. |
|
46 |
Jekk jiġi preżuppost li, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, is-sistema tal-ażil Norveġiża tipprevedi livell ta’ protezzjoni tal-applikanti għall-ażil ekwivalenti għal dak previst fid-Direttiva 2011/95, dan il-fatt ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti. |
|
47 |
Minbarra l-fatt li mill-formulazzjoni univoka tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, Stat terz ma jistax jiġi assimilat ma’ Stat Membru għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tagħha, tali assimilazzjoni ma tistax tiddependi, bir-riskju li tiġi affettwata ċ-ċertezza legali, fuq evalwazzjoni tal-livell konkret tal-protezzjoni tal-applikanti għall-ażil fl-Istat terz ikkonċernat. |
|
48 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, ippreżentata lil dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida li talba preċedenti tagħha sabiex tingħata l-istatus ta’ refuġjat, ippreżentata lil Stat terz bl-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III konformement mal-Ftehim bejn l-Unjoni, l-Islanda u n-Norveġja, tkun ġiet miċħuda minn dan l-Istat terz. |
Fuq l-ispejjeż
|
49 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, ippreżentata lil dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida li talba preċedenti tagħha sabiex tingħata l-istatus ta’ refuġjat, ippreżentata lil Stat terz bl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, konformement mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment ta’ l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għal ażilju ppreżentata fi Stat Membru jew fl-Islanda jew fin-Norveġja, tkun ġiet miċħuda minn dan l-Istat terz. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.