European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1696

15.7.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1696

tal-14 ta’ Lulju 2026

li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva aċidu pelargoniku f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (2) inkludiet l-aċidu pelargoniku bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3).

(2)

Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

(3)

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva aċidu pelargoniku, kif stabbilita fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiskadi fl-1 ta’ Diċembru 2026.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (5) u fil-perjodu ta’ żmien previst f’dak l-Artikolu, tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva aċidu pelargoniku lill-Greċja, l-Istat Membru relatur, u lill-Awstrija, l-Istat Membru korelatur.

(5)

L-applikanti ressqu l-fajls supplimentari lill-Istat Membru relatur, lill-Istat Membru korelatur, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”). L-Istat Membru relatur qies l-applikazzjoni ammissibbli.

(6)

L-Istat Membru relatur ħejja abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid f’konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur u ressqu lill-Awtorità u lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Mejju 2020. Fl-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid tiegħu, l-Istat Membru relatur ippropona li l-approvazzjoni tal-aċidu pelargoniku tiġġedded.

(7)

L-Awtorità għamlet il-fajl tas-sommarju supplimentari disponibbli għall-pubbliku. Barra minn hekk, l-Awtorità kkomunikat l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikanti u lill-Istati Membri biex jagħtu l-kummenti tagħhom u nediet konsultazzjoni pubblika dwaru. L-Awtorità għaddiet il-kummenti li rċeviet lill-Kummissjoni.

(8)

L-Awtorità bagħtet il-konklużjoni tagħha (6) lill-Kummissjoni fid-29 ta’ Lulju 2021 u l-konklużjoni aġġornata tagħha (7) fis-16 ta’ April 2025, li fihom indikat li, filwaqt li jitqiesu l-kriterji għall-approvazzjoni stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-aċidu pelargoniku jistgħu jkunu mistennija jissodisfaw il-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. L-Awtorità identifikat riskji fir-rigward tal-ilma ta’ taħt l-art, tal-organiżmi akkwatiċi, tal-artropodi mhux fil-mira, inkluż in-naħal, u tal-organiżmi tal-ħamrija għal xi wħud mill-użi rappreżentattivi evalwati iżda mhux kollha, iżda ma identifikat l-ebda qasam ta’ tħassib kritiku.

(9)

Il-Kummissjoni ppreżentat rapport tat-tiġdid u abbozz ta’ dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fit-13 ta’ Ottubru 2022 u fil-25 ta’ Jannar 2023, rispettivament.

(10)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikanti jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-konklużjoni tal-Awtorità u, f’konformità mal-Artikolu 14(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012, dwar ir-rapport tat-tiġdid. L-applikanti ressqu l-kummenti tagħhom, li ġew eżaminati bir-reqqa u tqiesu.

(11)

Fir-rigward ta’ użu rappreżentattiv wieħed jew iktar ta’ mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva aċidu pelargoniku, ġie stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati.

(12)

Għalkemm il-valutazzjoni tar-riskju għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva aċidu pelargoniku hija bbażata fuq għadd limitat ta’ użi rappreżentattivi, dan ma jirrestrinġix l-użi li għalihom jistgħu jiġu awtorizzati l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-aċidu pelargoniku.

(13)

Għalhekk, jixraq li tiġġedded l-approvazzjoni tal-aċidu pelargoniku.

(14)

F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali u tal-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju, huwa neċessarju li l-Istati Membri, meta jkunu qed jawtorizzaw prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-aċidu pelargoniku, ikunu meħtieġa jagħtu attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, tal-organiżmi akkwatiċi, tal-artropodi mhux fil-mira, inkluż in-naħal, u tal-organiżmi tal-ħamrija, inkluż billi jimponu miżuri ta’ mitigazzjoni jekk ikun xieraq, filwaqt li jqisu l-kundizzjonijiet agroekoloġiċi lokali u l-modalitajiet tal-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

(15)

L-aċidu pelargoniku ġie elenkat fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fl-istess entrata bħal diversi aċidi xaħmin oħra. Wara t-tiġdid tal-approvazzjoni tal-aċidu pelargoniku, jenħtieġ li din l-entrata tiġi mmodifikata biex jitneħħa l-aċidu pelargoniku, li jenħtieġ li jiġi elenkat taħt entrata speċifika.

(16)

Jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat kif xieraq.

(17)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2221 (8) estenda d-data ta’ skadenza tal-aċidu pelargoniku sal-1 ta’ Diċembru 2026 sabiex il-proċess tat-tiġdid ikun jista’ jitlesta qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ approvazzjoni ta’ dik is-sustanza attiva. Madankollu, minħabba li ttieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid qabel dik id-data ta’ skadenza estiża, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika qabel dik id-data.

(18)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva aċidu pelargoniku, kif speċifikat fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, tiġġedded soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1107/oj.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE tat-18 ta’ Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta’ bosta sustanzi attivi (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/127/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1991/414/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/540/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/844/oj).

(6)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), 2021. Peer review of the pesticide risk assessment of the active substance pelargonic acid (nonanoic acid); EFSA Journal 2021;19(8):6813, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2021.6813.

(7)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), 2025. Updated peer review of the pesticide risk assessment of the active substance pelargonic acid (nonanoic acid); EFSA Journal 2025;23(6):9408, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2025.9408.

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2221 tas-6 ta’ Settembru 2024 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi aċekinoċil, silikat tal-aluminju, emamektin, l-aċidi xaħmin C7 sa C20, pendimetalina, iż-żjut tal-pjanti/żejt tal-kolza u triklopir (ĠU L, 2024/2221, 9.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2221/oj).


ANNESS I

Isem Komuni,

Numri ta’ identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Aċidu Pelargoniku

Nru CAS 112-05-0

Nru CIPAC 888

Aċidu nonanojku

≥ 889 g/kg

Kwalità tal-grad tal-ikel skont l-ispeċifikazzjoni “E570 Aċidi Xaħmin” fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (2):

Residwu mat-tqabbid: Mhux aktar minn 0,1 %

Sustanza mhux saponifikabbli: Mhux aktar minn 1,5 %

Kontenut tal-ilma: Mhux aktar minn 0,2 % (il-metodu Karl Fischer)

Arseniku: Mhux aktar minn 3 mg/kg

Ċomb: Mhux aktar minn 1 mg/kg

Merkurju: Mhux aktar minn 1 mg/kg

L-impuritajiet li ġejjin huma ta’ tħassib tossikoloġiku u ma jridux jaqbżu l-livelli li ġejjin fil-materjal tekniku:

—

Aċidu eżanojku

—

Aċidu ettanojku

—

Aċidu ottanojku

Limitu: Total tat-tliet impuritajiet < 50 g/kg

l-1 ta’ Ottubru 2026.

it-30 ta’ Settembru 2041.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tat-tiġdid dwar l-aċidu pelargoniku, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

F’din il-valutazzjoni kumplessiva, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dawn li ġejjin:

—

il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, meta s-sustanza tiġi applikata f’reġjuni fejn jinsabu akwiferi vulnerabbli taħt ħamrija fil-biċċa l-kbira alkalina;

—

il-protezzjoni ta’ organiżmi akkwatiċi, ta’ artropodi mhux fil-mira, inkluż in-naħal, u ta’ organiżmi tal-ħamrija.

Fejn ikun xieraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji.

(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva huma pprovduti fir-rapport tat-tiġdid.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/231/oj).


ANNESS II

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti A, l-entrata 230 dwar l-aċidi xaħmin C7 sa C20, hija sostitwita b’dan li ġej:

Nru

Isem Komuni,

Numri ta’ identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“230

Aċidi xaħmin C7 sa C20

Nru CAS 67701-09-1 (Aċidi xaħmin C7-C18 u mlieħ mhux saturati tal-potassju C18)

124-07-2 (Aċidu Kapriliku)

334-48-5 (Aċidu Kapriku)

Nru CIPAC mhux assenjat

Aċidu Kapriliku, Aċidu Capriku (ISO f’kull każ)

Aċidu ottanojku, Aċidu Dekanojku (IUPAC f’kull każ)

≥ 838 g/kg aċidi xaħmin

fl-1 ta’ Settembru 2009.

fl-1 ta’ Diċembru 2026.

PARTI A

Jistgħu jiġu awtorizzati biss l-użi bħala insettiċida, akariċida, erbiċida u bħala regolatur għat-tkabbir tal-pjanti.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar l-aċidi xaħmin (SANCO/2610/2008), u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzat fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

Il-kundizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu miżuri għat-tnaqqis tar-riskju, fejn xieraq.”

(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva huma pprovduti fir-rapport tat-tiġdid.

(2)

fil-Parti B, tiżdied l-entrata li ġejja:

Nru

Isem Komuni,

Numri ta’ identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (2)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“181

Aċidu Pelargoniku

Nru CAS 112-05-0

Nru CIPAC 888

Aċidu nonanojku

≥ 889 g/kg

Kwalità tal-grad tal-ikel skont l-ispeċifikazzjoni “E570 Aċidi Xaħmin” fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (3)

Residwu mat-tqabbid: Mhux aktar minn 0,1 %

Sustanza mhux saponifikabbli: Mhux aktar minn 1,5 %

Kontenut tal-ilma: Mhux aktar minn 0,2 % (il-metodu Karl Fischer)

Arseniku: Mhux aktar minn 3 mg/kg

Ċomb: Mhux aktar minn 1 mg/kg

Merkurju: Mhux aktar minn 1 mg/kg

L-impuritajiet li ġejjin huma ta’ tħassib tossikoloġiku u ma jridux jaqbżu l-livelli li ġejjin fil-materjal tekniku:

—

Aċidu eżanojku

—

Aċidu ettanojku

—

Aċidu ottanojku

Limitu: Total tat-tliet impuritajiet < 50 g/kg

fl-1 ta’ Ottubru 2026.

fit-30 ta’ Settembru 2041.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tat-tiġdid dwar l-aċidu pelargoniku, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

F’din il-valutazzjoni kumplessiva, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dawn li ġejjin:

—

il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, meta s-sustanza tiġi applikata f’reġjuni fejn jinsabu akwiferi vulnerabbli taħt ħamrija fil-biċċa l-kbira alkalina;

—

il-protezzjoni ta’ organiżmi akkwatiċi, ta’ artropodi mhux fil-mira, inkluż in-naħal, u ta’ organiżmi tal-ħamrija.

Fejn ikun xieraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji.”

(2)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva huma pprovduti fir-rapport tat-tiġdid.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/231/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1696/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)