|
4.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 165/53 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-3 ta' Ġunju 2014
dwar ir-rikonoxximent tal-iskema msejħa “Gafta Trade Assurance Scheme” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà mogħtija fid-Direttivi 2009/28/KE u 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(2014/324/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 18(6) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (2), u b'mod partikulari l-Artikolu 7c(6) tagħha,
Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijofjuwils u l-Bijolikwidi,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE jistabbilixxu l-kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijofjuwils. L-Artikoli 7b u 7c u l-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE jixbhu lill-Artikoli 17 u 18 u lill-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE. |
|
(2) |
Meta l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jkunu jridu jitqiesu għall-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2009/28/KE, l-Istati Membri għandhom jeżiġu lill-operaturi ekonomiċi juru l-konformità tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi mal-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/28/KE. |
|
(3) |
Meta operatur ekonomiku jagħti provi jew dejta miksuba skont skema volontarja li tkun ġiet irrikonoxxuta mill-Kummissjoni, safejn ikun kopert b'dik id-deċiżjoni ta' rikonoxximent, Stat Membru m'għandux jeżiġi lill-fornitur jipprovdi aktar evidenza tal-konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà. |
|
(4) |
Fit-18 ta' Frar 2014, tressqet quddiem il-Kummissjoni talba biex jiġi rrikonoxxut il-fatt li l-iskema għall-assigurazzjoni tan-negozju tal-Għaqda tan-Negozju fl-Għalf u ċ-Ċereali msejħa “Gafta Trade Assurance Scheme”, li ġiet emendata permezz ta' addendum dwar id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli turi li l-kunsinni tal-bijofjuwil jikkonformaw mal-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttiva 98/70/KE u fid-Direttiva 2009/28/KE. Din l-iskema tista' tkopri l-materja prima kollha adattata għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u għandha ambitu dinji. Hija tkopri l-istadji tal-kummerċ, it-trasport u l-ħżin tal-materja prima agrikola mill-għatba tar-razzett s'għand l-ewwel proċessur u tiddependi fuq skemi volontarji oħrajn irrikonoxxuti mill-Kummissjoni għall-istadji l-oħra. B'hekk, hija fir-responsabbiltà ta' din l-iskema stess li tiżgura li r-rikonoxximent li l-Kummissjoni tkun ħarġet għal dawk l-iskemi li magħhom hija topera b'mod konġunt jibqa' validu matul il-perjodu kollu tal-kooperazzjoni tagħha magħhom. L-iskema rrikonoxxuta għandha tkun disponibbli fil-pjattaforma ta' trasparenza stabbilita skont id-Direttiva 2009/28/KE. |
|
(5) |
Mill-valutazzjoni tal-iskema msejħa “Gafta Trade Assurance Scheme”, inkluż l-addendum dwar id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, irriżulta li din tkopri l-kriterji kollha ta' sostenibbiltà mogħtija fid-Direttiva 98/70/KE u fid-Direttiva 2009/28/KE, ħlief għall-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE. Madankollu, hija tagħti dejta preċiża dwar elementi li l-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar 'l isfel fil-katina tal-kustodja jkollhom bżonn biex juru li huma konformi mal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE u mal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u tuża metodu ta' bilanċ tal-massa li huwa skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE. |
|
(6) |
Mill-evalwazzjoni tal-iskema msejħa “Gafta Trade Assurance Scheme”, inkluż l-addendum dwar id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, irriżulta li din tilħaq standards adegwati ta' affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti. |
|
(7) |
L-iskema msejħa “Gafta Trade Assurance Scheme”, inkluż l-addendum dwar id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (“addendum tar-RED”), ġiet ivvalutata billi tqabblet mal-leġiżlazzjoni li kienet fis-seħħ fiż-żmien meta ġiet adottata din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni. F'każ li jkun hemm bidliet rilevanti fil-bażi legali, il-Kummissjoni se tivvaluta l-iskema biex tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha qed tkopri b'mod xieraq il-kriterji ta' sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet irrikonoxxuta. |
|
(8) |
F'każ li jkun hemm bidliet fl-iskema, il-Kummissjoni se tivvaluta l-iskema biex tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha qed tkopri b'mod xieraq il-kriterji ta' sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet irrikonoxxuta. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijofjuwils u l-Bijolikwidi, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iskema msejħa “Gafta Trade Assurance Scheme”, inkluż l-addendum dwar id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-iskema”), li tressqet quddiem il-Kummissjoni għar-rikonoxximent fit-18 ta' Frar 2014, turi li l-kunsinni tal-bijofjuwils jikkonformaw mal-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(3), (4) u (5) tad-Direttiva 2009/28/KE u fl-Artikolu 7b(3), (4) u (5) tad-Direttiva 98/70/KE.
L-iskema ma tkoprix l-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE, iżda tuża dejta preċiża għall-għanijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE, minħabba li hija tiżgura li t-tagħrif rilevanti kollu mogħti mill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar 'il fuq fil-katina tal-kustodja jingħadda lill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar 'l isfel f'din il-katina.
L-iskema tista' tintuża biex tintwera l-konformità mal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u mal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE sal-ewwel proċessur tal-materja prima.
Artikolu 2
Jekk isir xi tibdil fil-kontenut tal-iskema wara li tiġi adottata din id-Deċiżjoni b'tali mod li dan jista' jaffettwa l-bażi ta' din id-Deċiżjoni, dan it-tibdil għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni minnufih. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-tibdil innotifikat bil-għan li tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha qed tkopri b'mod xieraq il-kriterji ta' sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet irrikonoxxuta jew le.
Il-Kummissjoni tista' tħassar din id-Deċiżjoni jekk ikun intwera biċ-ċar li l-iskema ma tkunx implimentat elementi meqjusa bħala deċiżivi għal din id-Deċiżjoni u jekk ikun twettaq ksur serju u strutturali ta' dawk l-elementi.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija valida għal perjodu ta' ħames snin.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Ġunju 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO