KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
POIARES MADURO
ppreżentati fit-23 ta’ April 2009 ( 1 )
Kawża C-424/07
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/19/KE — Direttiva 2002/21/KE — Direttiva 2002/22/KE — Netwerks u servizzi — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Swieq ġodda”
|
1. |
Is-settur tat-telekomunikazzjoni huwa rregolat b’qafas regolamentari Komunitarju sabiex jintlaħqu diversi għanijiet, fosthom prinċipalment dak li tiġi mħarsa l-kompetizzjoni. Ġie stabbilit arranġament istituzzjonali speċifiku, li permezz tiegħu awtoritajiet nazzjonali regolatorji (iktar ’il quddiem l-“ANR”) ġew assenjati dawk l-għanijiet u mogħtija s-setgħa li jintervjenu, kull fejn huwa meħtieġ, billi jimponu obbligi fuq operaturi tat-telekomunikazzjoni li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq. |
|
2. |
Il-kawża preżenti tittratta essenzjalment il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fl-implementazzjoni ta’ dan il-qafas regolamentari Komunitarju: l-ewwel nett, il-libertà tagħhom li jillimitaw l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni fejn ikunu involuti swieq sensittivi, jiġifieri swieq ġodda, u t-tieni nett, il-libertà tagħhom li jiggwidaw l-interventi tal-ANR fir-rigward ta’ għanijiet regolatorji speċifiċi, bħal pereżempju l-promozzjoni ta’ investiment u ta’ innovazzjoni. |
I — Il-kuntest ġuridiku u fattwali
|
3. |
Fl-ambitu tal-qafas regolamentari Komunitarju li japplika għas-settur tat-telekomunikazzjoni, it-testi li ġejjin huma rilevanti għall-kawża preżenti: id-Direttiva Kwadru [Qafas] ( 2 ), id-Direttiva tal-Aċċess ( 3 ), u d-Direttiva Servizz Universali. ( 4 ) |
|
4. |
Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni hija l-Liġi dwar it-telekomunikazzjoni (it-“TKG”) ( 5 ). Filwaqt li t-TKG tagħmel fil-parti l-kbira tagħha t-traspożizzjoni tal-qafas regolamentari Komunitarju, din kienet ukoll suġġetta għal żewġ emendi, li jikkonċernaw swieq ġodda, li jinsabu fil-qalba ta’ din il-kawża ( 6 ). |
|
5. |
Dawn l-emendi għat-TKG jeżentaw swieq ġodda mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, sakemm din ma tkunx meħtieġa għal kompetizzjoni fit-tul. Dawn jistipulaw ukoll li l-ANR Ġermaniża ( 7 ), meta tanalizza jekk il-leġiżlazzjoni hijiex meħtieġa, din għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-għan tal-promozzjoni tal-investiment fl-infrastruttura u l-innovazzjoni. |
|
6. |
Sabiex nistabbilixxi l-isfond għall-każ preżenti, jien se naqsam ir-referenzi għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-qafas regolamentari Komunitarju bejn l-għanijiet regolatorji tiegħu (A) u l-kwistjonijiet proċedurali: is-sistema ta’ trasparenza, is-sistema ta’ kooperazzjoni bejn l-ANR u l-Kummissjoni, id-definizzjoni tas-suq u analiżi tas-suq (B). Wara, jien ser niddeskrivi t-TGK f’iktar dettall (C). Fl-aħħar nett, jien se niddeskrivi fil-qosor xi avvenimenti relatati mal-fażi prekontenzjuża tal-proċedura (D). |
A — L-għanijiet tal-qafas regolamentari Komunitarju
|
7. |
L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva Qafas jistipula li, fit-twettiq tax-xogħlijiet stabbiliti fil-qafas regolamentari Komunitarju, l-ANR għandhom jagħtu “l-akbar kont” tal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 8. |
|
8. |
L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva Qafas jistipula li l-Istati Membri “għandhom jassiguraw” li l-ANR jieħdu l-miżuri raġonevoli u proporzjonali kollha intiżi sabiex jintlaqħu dawn l-għanijiet. |
|
9. |
L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva Qafas imbagħad jelenka l-ewwel sett ta’ għanijiet, konnessi mat-tħaris tal-kompetizzjoni: “[l-ANR] għandhom jippromwovu l-komeptizzjoni fil-provvista ta’ netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet u servizzi assoċjati billi fost ħwejjeġ oħra:
|
|
10. |
L-Artikolu 8(3) u (4) tad-Direttiva Qafas jelenka żewġ settijiet oħra ta’ għanijiet, immirati rispettivament biex jippromwovu s-suq intern iktar fil-fond u biex iħarsu l-interessi taċ-ċittadini tal-Komunità. |
|
11. |
L-Artikolu 8(4) tad-Direttiva tal-Aċċess u l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva Servizzi Universali jirreferu għall-għanijiet tad-Direttiva Qafas. Dawn l-għanijiet jiġġustifikaw l-obbligi msemmija f’dawn l-artikoli, li jistgħu jiġu imposti fuq impriżi li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq ( 8 ). |
|
12. |
L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva Qafas jobbliga lill-Kummissjoni tadotta, “konformi mal-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni”, linji gwida għall-analiżi tas-suq u l-istima tas-saħħa sinjifikattiva fis-suq (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-Kummissjoni”) ( 9 ). |
|
13. |
Il-premessa 27 tad-Direttiva Qafas tistipula li l-Linji Gwida tal-Kummissjoni għandhom jittrattaw il-kwistjoni tal-applikazzjoni ta’ obbligi regolatorji għal swieq ġodda: “[il-Linji Gwida tal-Kummissjoni] għandhom ukoll jindirizzaw il-kwistjoni tas-swieq emerġenti, fejn fil-fatt il-mexxej tas-suq x’aktarx li jkollu sehem importanti fis-suq iżda m’għandux jiġi suġġett għall-obbligazzjonijiet mhux adattati”. |
|
14. |
Il-punt 32 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni jindirizzaw din il-kwistjoni billi jirrepetu l-premessa 27 tad-Direttiva Qafas u jżid ir-raġunament li ġej: “Dan għaliex l-impożizzjoni prematura ta’ leġiżlazzjoni ex ante tista’ tinfluwenza b’mod eċċessiv il-kundizzjonijiet kompetittivi li jkunu qed jiffurmaw fi ħdan suq ġdid u emerġenti. Fl-istess ħin, għandu jiġi evitat li tali swieq emerġenti jiġu maħnuqin minn impriżi fit-tmexxija. Bla preġudizzju għal interventi xierqa mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni f’każijiet individwali, l-ANR għandhom jiżguraw li huma jistgħu jiġġustifikaw għal kollox kwalunkwe forma ta’ intervent ex ante, bikri f’suq emerġenti, partikolarment għax huma jżommu l-kapaċità li jintervjenu fi stadju iktar tard, fil-kuntest ta’ eżamijiet mill-ġdid perjodiċi tas-swieq rilevanti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
15. |
L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva Qafas jobbliga wkoll lill-Kummissjoni tadotta rakkomandazzjoni li ser tidentifika, “konformi mal-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni”, is-swieq fejn jistgħu jiġu imposti obbligi taħt id-Direttiva tal-Aċċess u d-Direttiva Servizz Universali (iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni”) ( 10 ). |
|
16. |
Il-premessa 15 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tistipula fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ obbligi regolatorji għal swieq ġodda: “swieq ġodda u emerġenti, li fihom impriżi jistgħu jkunu b’saħħithom minħabba l-vantaġġi ta’ ‘min jieħu l-inizjattiva l-ewwel’, ma għandhomx bħala prinċipju jkunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ex ante”. |
B — Is-sistema ta’ trasparenza, is-sistema ta’ kooperazzjoni, definizzjoni tas-suq u analiżi tas-suq
|
17. |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva Qafas idaħħal fis-seħħ sistema ta’ trasparenza fir-rigward tal-partijiet interessati. L-ANR għandhom, bħala regola ġenerali, jippermettu lil dawn il-partijiet, li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar miżuri proposti, li jippubblikaw il-proċeduri dwar konsultazzjoni pubblika organizzati mill-ANR u jagħmlu pubbliċi r-riżultati ta’ dawn il-proċeduri. |
|
18. |
L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva Qafas jistabbilixxi sistema ta’ kooperazzjoni bejn l-ANR u bejnhom u l-Kummissjoni, sabiex jiżguraw “applikazzjoni konsistenti” tal-kwadru qafas. |
|
19. |
L-Artikolu 7(3) u (5) tad-Direttiva Qafas jispeċifika l-forma li l-kooperazzjoni għandha tieħu. Meta ANR jkollha l-intenzjoni li tieħu miżura koperta, inter alia, bl-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva Qafas u li tkun ser taffettwa wkoll il-kummerċ bejn l-Istati Membri, din għandha tinforma wkoll lill-ANR oħrajn u lill-Kummissjoni. Il-miżura proposta u r-raġunijiet tagħha għandhom ikunu aċċessibbli għall-ANR l-oħra u għall-Kummissjoni għall-osservazzjonijiet tagħhom. L-ANR għandha tikkunsidra dawn l-osservazzjonijiet u jekk hija tipproċedi bil-miżura proposta hija għandha tikkomunikaha lill-Kummissjoni. |
|
20. |
L-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva Qafas jittrattaw id-definizzjoni tas-suq u l-analiżi tas-suq, li għalihom tapplika l-kooperazzjoni. |
|
21. |
L-Artikolu 15(3) tad-Direttiva Qafas jirregola d-definizjoni tas-suq mill-ANR: “l-[ANR] għandhom, waqt li jagħtu l-akbar kont għar-[Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni] u l-[Linji Gwida tal-Kummissjoni], jiddefinixxu s-swieq rilevanti adatti għaċ-ċirkustanzi nazzjonali, b’mod partikolari is-swieq ġeografiċi rilevanti fit-territorju tagħhom, skont il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni. […]” |
|
22. |
L-Artikolu 16(1) u (2) tad-Direttiva Qafas jistipula li, wara li jiddefinixxu s-swieq rilevanti, l-ANR għandhom janalizzaw dawk is-swieq, waqt li jagħtu kont tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni (u, fejn xieraq, b’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni). Meta ANR tiġi msejħa biex tasal għal deċiżjoni dwar obbligu taħt id-Direttiva tal-Aċċess jew id-Direttiva Servizz Universali, din għandha tiddetermina jekk is-suq huwiex effettivament kompetittiv. |
|
23. |
L-Artikolu 16(3) u (4) tad-Direttiva Qafas ikopri s-sitwazzjoni meta l-ANR tasal għall-konklużjoni tagħha dwar jekk is-suq huwiex effettivament kompetittiv jew le. Jekk is-suq jiġi kkunsidrat li huwa effettivament kompetittiv, l-ANR ma għandhiex timponi jew iżżomm l-obbligi imsemmija fl-Artikolu 16(2), jew tirtira dawk eżistenti. Jekk ma tikkunsidrax li huwa hekk, l-ANR għandha tidentifika l-impriżi li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq u timponi, iżżomm jew temenda tali obbligi. |
|
24. |
L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva Qafas jagħti lill-Kummissjoni d-dritt tal-veto fuq ċerti miżuri tal-ANR. Dawk il-miżuri għandhom jew jiddefinixxu suq differenti minn dawk identifikati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni jew jiddeċiedu jekk impriża għandhiex saħħa fis-suq taħt, inter alia, l-Artikolu 16(3) u (4); barra dan, dawn il-miżuri għandhom jaffettwaw ukoll il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tindika li l-miżura proposta tkun se toħloq ostaklu għas-suq uniku jew li għandha dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura proposta mad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari mal-għanijiet tal-Artikolu 8. F’din l-eventwalità, il-miżura proposta l-ewwel tiġi posposta u fil-każ li l-Kummissjoni tagħżel li tagħmel hekk, l-ANR ikollha tirtira l-miżura jekk ma tkunx tista’ tiġi adottata flimkien mal-proposti speċifiċi dwar kif din għandha tiġi emendata. |
|
25. |
L-Artikolu 7(6) jistabbilixxi proċedura ta’ emerġenza, li għandha tiġi applikata, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għas-sistema ta’ kooperazzjoni deskritta iktar ’il fuq. |
C — It-TKG
|
26. |
L-Artikolu 2 tat-TKG jelenka l-għanijiet leġiżlattivi, li essenzjalment jinkludu l-għanijiet regolatorji speċfikati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas. |
|
27. |
L-Artikolu 9(1) u (2) tat-TKG jistipula li dak ir-regolament ser japplika għal dawk is-swieq li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10 u li fir-rigward tagħhom analiżi tas-suq, li tkun twettqet bis-saħħa tal-Artikolu 11, turi li effettivament m’hemmx kompetizzjoni. Impriżi li għandhom saħħa sinjifikattiva f’dawn is-swieq għandu jkollhom imposti fuqhom obbligi regolatorji mill-ANR Ġermaniża. |
|
28. |
L-Artikolu 10(2) tat-TKG jiddeskrivi l-kundizzjonijiet tas-suq li għandhom iwasslu sabiex tiġi applikata leġiżlazzjoni (ostakoli għolja għad-dħul fis-suq, ostakoli strutturali għal kompetizzjoni effettiva fit-tul u insuffiċjenza tar-rimedji tal-ligi tal-kompetizzjoni). L-ANR għandha tiddefinixxi dawn is-swieq, billi tieħu inkunsiderazzjoni r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. |
|
29. |
L-Artikolu 11(1) tat-TKG għandu x’jaqsam mal-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni effettiva (ma jkun hemm ebda kompetizzjoni effettiva jekk impriża waħda jew iktar għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq). L-ANR Ġermaniża għandha twettaq din l-analiżi tas-suq, billi tieħu inkunsiderazzjoni r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. |
|
30. |
L-Artikolu 12 tat-TKG jistabbilixxi proċedura li tirrifletti essenzjalment is-sistema ta’ trasparenza u s-sistema ta’ kooperazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva Qafas. L-Artikoli 10(3) u 11(3) tat-TKG jistipulaw li l-ANR Ġermaniża għandha tippreżenta, taħt din il-proċedura, ir-riżultati tad-definizzjoni tagħha tas-suq u l-analiżi tas-suq lill-Kummissjoni kull meta dawn jinvolvu kummerċ bejn l-Istati Membri. |
|
31. |
Kif issemma, it-TKG kienet suġġetta għal żewġ emendi fir-rigward ta’ swieq ġodda. Jidher li, qabel ma ġew adottati dawn l-emendi, l-operatur Ġermaniż attwali tat-telekomunikazzjoni (Deutsche Telekom) kien għamel pressjoni biex in-netwerk tal-broadband li kellu l-ħsieb li joħloq ikun eżentat mill-intervent regolatorju (jiġifieri aċċess obbligatorju bi prezzijiet irregolati). |
|
32. |
Jista’ jiġi dedott min-noti tal-partijiet, kemm bil-miktub u waqt is-seduta, li kien hemm xi ftit tad-dibattitu fis-soċjetà Ġermaniża dwar l-hekk imsejjaħ “waqfien regolatorju” għal swieq ġodda. Dan id-dibattitu kien jinkludi vuċijiet li ddubitaw mill-kompattibbiltà ta’ eżenzjoni kompleta mad-dritt Komunitarju. Ma huwiex possibbli li jiġi aċċertat, min-noti tal-partijiet, jekk ipprevalietx xi opinjoni partikolari u kellhiex influwenza deċiżiva fuq l-emendi li saru lit-TKG. |
|
33. |
Il-punt 12b tal-Artikolu 3 kien l-ewwel emenda li saret għat-TKG u stabbilixxa d-definizzjoni ta’ swieq ġodda: “‘Suq ġdid’ huwa suq għas-servizzi u prodotti li huma differenti b’mod sinjifikattiv minn servizzi u prodotti disponibbli fil-preżent, f’termini tal-effettività tagħhom, il-portata tagħhom, id-disponibbilità tagħhom għal numru kbir ta’ utenti (il-kapaċità għal suq tal-massa), il-prezz jew il-kwalità tagħhom mill-perspettiva ta’ xerrej informat u li mhux sempliċement issostitwixxa dawk il-prodotti.” |
|
34. |
L-Artikolu 9a kien it-tieni emenda li saret għat-TKG u introduċa regola ta’ eżenzjoni regolatorja ta’ swieq ġodda fl-ewwel paragrafu tiegħu u eċċezzjoni għal dik ir-regola fit-tieni paragrafu tiegħu:
|
|
35. |
Dawn l-emendi ġew fis-seħħ fit-18 ta’ Frar 2007. |
D — Il-proċedura prekontenzjuża
|
36. |
Fl-20 ta’ Diċembru 2006, fil-kuntest ta’ kuntatti mal-Ġermanja rigward l-emendi għat-TKG, imma qabel ma ġew fis-seħħ dawk iż-żidiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
|
37. |
Fis-26 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Ġermanja li tistaqsi dwar il-kompatibbiltà taż-żidiet għat-TKG mal-qafas regolamentari Komunitarju. Fl-istess ġurnata, hija ħarġet ukoll stqarrija stampa li semmiet “l-intenzjoni li tressaq il-każ kemm jista’ jkun malajr quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej”. |
|
38. |
Peress li ma kinitx sodisfatta bit-tweġibiet tal-Ġermanja għall-ittra ta’ intimazzjoni tagħha u għall-opinjoni motivata sussegwenti, il-Kummissjoni resqet ir-rikors preżenti konformi mal-Artikolu 226 KE. |
II — Ammissibbiltà
|
39. |
Il-Ġermanja toġġezzjona għall-ammissibbiltà tar-rikors preżenti. L-ewwel oġġezzjoni tagħha hija bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu qabel ma ġew fis-seħħ iż-żidiet għat-TKG. |
|
40. |
Madankollu, dak il-fatt għandu jiġi mwarrab. Il-Ġermanja rċeviet l-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni wara li ż-żidiet għat-TKG ġew fis-seħħ. Għalhekk, skont l-Artikolu 226 KE, il-Ġermanja ngħatat l-opportunità li tissottometti osservazzjonijiet dwar ksur li, allegatament, kien diġà jinsab għaddej ( 11 ). |
|
41. |
It-tieni nett, il-Ġermanja targumenta li d-drittijiet ta’ difiża tagħha ma ġewx irrispettati meta l-Kummissjoni esprimiet l-intenzjoni, fi stqarrija għall-istampa fl-istess ġurnata tal-ittra ta’ intimazzjoni, li tressaq ir-rikors preżenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kemm jista’ jkun malajr. |
|
42. |
L-impulsività tal-Kummissjoni kienet inopportuna, b’mod partikolari fid-dawl tad-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni leali mal-Istati Membri. ( 12 ) Madankollu, dan mhux biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li l-osservazzjonijiet sussegwenti tal-Ġermanja b’risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni u tal-opinjoni motivata ma ġewx ikkunsidrati kif kien xieraq mill-Kummissjoni. Bħala tali, ir-rikors preżenti huwa ammissibbli. |
III — Evalwazzjoni
|
43. |
Permezz tal-emendi tagħha għat-TKG, il-Ġermanja rrestrinġiet l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fejn kienu involuti swieq ġodda. Il-punt 12b tal-Artikolu 3 tat-TKG jiddefinixxi x’jikkostitwixxi suq ġdid. Imbagħad, taħt l-Artikolu 9a(1) tat-TKG, dawn is-swieq huma fil-prinċipju eżentati mil-leġiżlazzjoni. Taħt l-Artikolu 9a(2) tat-TKG, il-leġiżlazzjoni għandha tapplika biss jekk, mingħajrha, il-kompetizzjoni fit-tul tiġi ostakolata; fl-evalwazzjoni tal-ħtieġa għal-leġiżlazzjoni, l-ANR Ġermaniża għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-inċentivi għall-investiment u għall-innovazzjoni — b’mod partikolari meta timponi obbligi fuq impriżi b’saħħa sinjifikattiva fis-suq. |
|
44. |
Il-punt 12b tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 9a tat-TKG qiegħdu, skont il-Kummissjoni, lill-Ġermanja fi ksur tal-obbligi tagħha, taħt diversi dispożizzjonijiet tal-qafas regolamentari Komunitarju u jiġifieri, l-Artikoli 6, 7, 8(1) u (2), 15(3) u 16 tad-Direttiva Qafas, l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva tal-Aċċess u l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva Servizzi Universali. |
|
45. |
Dan l-allegat ksur jista’ jinġabar f’żewġ settijiet ta’ domandi, l-ewwel dawk li jittrattaw l-impatt sostantiv tar-restrizzjoni tal-leġiżlazzjoni, it-tieni l-implikazzjonijiet proċedurali. |
|
46. |
Id-domandi sostantivi jittrattaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Ġermanja fit-traspożizzjoni tal-qafas regolamentari Komunitarju:
|
|
47. |
Id-domandi proċedurali jittrattaw dwar kemm l-emendi għat-TKG jinterferixxu mal-attivitajiet proċedurali li jwasslu għad-deċiżjoni tal-ANR Ġermaniża dwar jekk għandux isir intervent jew le, kif stabbilit fil-qafas regolamentari Komunitarju — is-sistema ta’ trasparenza, is-sistema ta’ kooperazzjoni bejn l-ANR u l-Kummissjoni, id-definizzjoni tas-suq u analiżi tas-suq. |
|
48. |
Madankollu, ikun meħtieġ li jiġu ttrattati dawn id-domandi proċedurali f’każ biss li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi sostantivi taċċetta, fl-ewwel lok, li l-Ġermanja aġġixxiet legalment fl-ambitu tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Jekk le, illegalitajiet oħra relatati ma’ dawn id-domandi proċedurali ma jkunux iktar rilevanti. |
|
49. |
Jien għalhekk se nibda l-analiżi tiegħi bid-domandi sostantivi. |
A — L-allegat ksur li joriġina mill-istabbiliment ta’ regola ta’ eżenzjoni regolatorja għal swieq ġodda
|
50. |
L-Artikolu 9a(1) tat-TKG jistabbilixxi regola ta’ eżenzjoni regolatorja ħlief jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti bl-Artikolu 9a(2) tat-TKG. Din ir-regola, skont il-Kummissjoni, hija maħsuba biex tiffavorixxi l-investiment ta’ operatur attwali tat-telekomunikazzjoni f’netwerk broadband billi tneħħi t-theddida ta’ intervent regolatorju. |
|
51. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li intervent f’faċilitajiet li huma proprjetà privata fl-ewwel lok se jnaqqsu l-inċentivi li jiġu żviluppati dawn il-faċilitajiet. Huwa għalhekk li taħt l-Artikolu 82 KE, ordni sabiex jingħata aċċess obbligatorju għal faċilità (bħala rimedju għal rifjut abbużiv li ssir provvista) tkun xierqa biss jekk jintlaħqu l-iktar rekwiżiti rigorużi ( 13 ). Huwa għalhekk ukoll li skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja tas-settur tat-telekomunikazzjoni, l-impożizzjoni ta’ obbligu li tidħol f’negozjati biex tagħti aċċess għandha tkun proporzjonali u tassew meħtieġa mis-sitwazzjoni kompetittiva ( 14 ). |
|
52. |
Għaldaqstant, jista’ jiġi stabbilit li l-possibbiltajiet ta’ intervent li tinvolvi l-leġiżlazzjoni se jnaqqsu l-inċentivi biex wieħed jinvesti fl-infrastruttura u l-innovazzjoni ( 15 ). Bħala tali, huwa biss naturali li l-operatur attwali tat-telekomunikazzjoni ma jħarisx lejn il-leġiżlazzjoni b’mod pożittiv; u jekk il-Ġermanja tixtieq tippromwovi l-investiment fl-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni, ikun aħjar jekk tindirizza dan it-tħassib. Kollox iħoll u jorbot fuq għażla tal-politika: li tiġi llimitata l-leġiżlazzjoni u toqgħod għall-effetti assoċjati tas-saħħa fis-suq sostantiva, sabiex jiġi ffaċilitat l-investiment fl-infrastruttura. |
|
53. |
F’ċirkustanzi normali, il-Ġermanja titħalla tagħmel tali għażla tal-politika; imma mhux fejn ikun hemm leġiżlazzjoni Komunitarja tas-settur tat-telekomunikazzjoni. Hawnhekk, l-għażla diġà saret mil-leġiżlatur tal-Komunità li dan is-settur jiġi suġġett għal-leġiżlazzjoni, bil-possibbiltajiet kollha ta’ intervent li dan jinvolvi ( 16 ). |
|
54. |
Is-settur tat-telekomunikazzjoni bla dubju jinkludi s-swieq ġodda definiti bil-punt 12b tal-Artikolu 3 tat-TKG. Għalhekk, il-Ġermanja ma tistax taqleb id-deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Komunità u, bħala regola, teżenta dawn is-swieq ġodda mil-leġiżlazzjoni. |
|
55. |
Madankollu, il-Ġermanja targumenta li, effettivament, ir-regola li s-swieq il-ġodda ma għandhomx ikunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni hija diġà preżenti fil-qafas regolamentari Komunitarju. |
|
56. |
Dan mhux il-każ. Il-Premessa 27 tad-Direttiva Qafas twissi biss kontra li jiġu imposti “obbligazzjonijiet mhux xierqa” fuq swieq ġodda ( 17 ). Hija biss il-Kummissjoni, l-ewwel fil-Linji Gwida u mbagħad fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tidħol iktar f’dettall dwar dan. Huwa veru li din tal-aħħar tistipula li swieq ġodda ma għandhomx ikunu suġġetti għal leġiżlazzjoni; madankollu, jien insib li tal-ewwel tagħti rendikont aħjar u iktar komplut tal-kwistjonijiet li huma involuti. |
|
57. |
Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni jistipulaw li l-kundizzjonijiet li qed jevolvu fi swieq ġodda jistgħu jiġu affettwati bil-leġiżlazzjoni; imma fl-istess ħin, li dawn is-swieq ma għandhomx jiġu ostakolati mill-bidu nett minn impriżi li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq. Dan iqiegħed dmir ta’ diliġenza fuq l-ANR għal meta jintervjenu f’dawn is-swieq, b’mod partikolari fid-dawl tal-possibbiltà li jipposponu dak l-intervent għal żmien meta l-kundizzjonijiet kompetittivi jkunu ġew stabilizzati. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u r-riferiment li tagħmel għas-saħħa fis-suq miksuba minħabba vantaġġi ta’ “min jieħu l-inizjattiva l-ewwel”, għandhom jiġu interpretati f’dan id-dawl. |
|
58. |
Għaldaqstant huwa ċar, fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ swieq ġodda mil-leġiżlazzjoni, li l-pass minn rakkomandazzjonijiet li sempliċement jipprovdu twissija għal regola li torbot legalment ma kienx maħsub mil-leġiżlatur tal-Komunità. |
|
59. |
Konsegwentement, il-Ġermanja ma tistax tintroduċi regola ta’ eżenzjoni regolatorja għal swieq ġodda, kif tagħmel fl-Artikolu 9a(1) tat-TKG. |
B — L-allegat ksur li joriġina mil-limitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-ANR billi tingħata prijorità lil xi għan regolatorju partikolari
|
60. |
Il-Ġermanja ssostni, madankollu, li hija ma stabbilixxietx eżenzjoni regolatorja ġenerali. Hija targumenta li l-Artikolu 9a tat-TKG għandu jiġi interpretat fid-dawl tat-tieni paragrafu tiegħu, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tapplika l-leġiżlazzjoni — l-ewwel paragrafu jkun sempliċement il-konsegwenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn il-kundizzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Ġermanja ssostni li qiegħda sempliċement tiggwida — jew, kif tpoġġiha hija, “tistruttura minn qabel” — l-intervent tal-ANR Ġermaniża fi swieq ġodda. |
|
61. |
Essenzjali għal din “l-istrutturar minn qabel” huwa l-iffokar, bl-Artikolu 9a(2) tat-TKG, fuq l-għan li jiġu promossi l-investiment u l-innovazzjoni ( 18 ). Dan l-għan jikkorrispondi għall-Artikolu 8(2)(c) tad-Direttiva Qafas; madankollu l-għanijiet l-oħra tal-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas japplikaw xorta waħda permezz tal-Artikolu 2 tat-TKG. Għall-Ġermanja, l-għanijiet tal-qafas regolamentari Komunitarju jistgħu jiġu bbilanċjati b’diversi modi u dak li għamel il-leġiżlatur tagħha kien li “jagħti struzzjonijiet” lill-ANR Ġermaniża dwar kif tasal għal dan il-bilanċ u jagħti prijorità għal xi għan wieħed partikolari ( 19 ). |
|
62. |
Il-Ġermanja targumenta li dawn l-istruzzjonijiet jaqgħu fi ħdan il-marġni ta’ diskrezzjoni permess fit-traspożizzjoni tal-qafas regolamentari Komunitarju ( 20 ). Il-kwistjoni, għaldaqstant, hija lil min il-qafas regolamentari Komunitarju jassenja l-bilanċ bejn l-għanijiet differenti tagħha: lil-leġiżlatur nazzjonali, fit-traspożizzjoni ta’ dan il-qafas, jew lill-ANR, fl-evalwazzjonijiet speċifiċi tagħhom? |
|
63. |
Jien għandi nenfasizza li r-risposta hija indipendenti mill-għan partikolari mfittex. Jista’ jirriżulta li l-Ġermanja hija korretta u trid tingħata attenzjoni speċjali, fir-rigward ta’ swieq ġodda, għal inċentivi għall-infrastruttura u għall-innovazzjoni. Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali ta’ dan il-bilanċ lil-leġiżlatur nazzjonali għandu konsegwenzi differenti mill-assenjazzjoni tiegħu lill-ANR. L-ANR twaqqfu u ngħataw poteri partikolari mill-qafas regolamentari Komunitarju għal ċerta raġuni: huma mistennija li jkunu insulati minn ċerti interessi u li jilħqu d-deċiżjonijiet tagħhom regolati biss mill-kriterji stabbiliti f’dak il-qafas. |
|
64. |
Bħala tali, jien nemmen li l-bilanċ bejn l-għanijiet tal-qafas regolamentari għandu jintlaħaq mill-ANR. L-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas jitlob li l-ANR jilħqu dawn l-għanijiet — u għaldaqstant il-bilanċ bejniethom — u mhux lil-leġiżlatur nazzjonali. |
|
65. |
Dan joħloq arranġament istituzzjonali li permezz tiegħu l-funzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali hija limitata biex tiżgura li l-ANR jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, kif ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet ( 21 ). Anki l-awtonomija tal-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni u l-istrutturar tal-ANR ġiet suġġetta għal din it-tfittxija. ( 22 ) |
|
66. |
Dan jippreżupponi wkoll li huma l-ANR, quddiem evalwazzjonijiet speċifiċi, li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeċiedu kif għandu jintlaħaq il-bilanċ bejn dawn l-għanijiet differenti sabiex jiġu massimizzati. Fi kliem ieħor, deċiżjoni minn leġiżlatur nazzjonali li tagħti prijorità lil għan partikolari tkun, fil-fatt, taffettwa l-mod li bih il-leġiżlatur tal-Komunità kellu l-ħsieb li jagħmel l-evalwazzjonijiet tas-suq speċifiċi: mill-ANR, billi tieħu inkunsiderazzjoni lill-għanijiet differenti minn każ għal każ. In-nuqqas ta’ sistema li tattribwixxi prijorità bejn l-għanijiet stipulati fil-qafas regolamentari Komunitarju u d-diskrezzjoni konsegwenzjali mogħtija lill-ANR, kienet għal kollox intenzjonata min-naħa tal-leġiżlatur tal-Komunità. |
|
67. |
Għaldaqstant, il-Ġermanja ma tistax tillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-ANR Ġermaniża fir-rigward ta’ interventi fi swieq ġodda billi tissuġġettaha għal kundizzjonijiet, bħal dawk stipulati fl-Artikolu 9a(2) tat-TKG, li ta prijorità lil għan regolatorju wieħed partikolari ( 23 ). |
|
68. |
Għalhekk il-Ġermanja, kisret l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu jew jirreferu għall-għanijiet tal-qafas regolamentari Komunitarju: l-Artikoli 7(1) u 8 tad-Direttiva Qafas, l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva tal-Aċċess u l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva Servizz Universali ( 24 ). |
C — L-allegat ksur li jikkonċerna s-sistema ta’ trasparenza, is-sistema ta’ kooperazzjoni, definizzjoni tas-suq u analiżi tas-suq
|
69. |
Id-dispożizzjonijiet li baqgħu kollha li tirreferi għalihom il-Kummissjoni jirrigwardaw attivitajiet proċedurali li jwasslu għad-deċiżjoni tal-ANR dwar jekk isirx intervent jew le, kif stipulat fil-qafas regolamentari Komunitarju: is-sistema ta’ trasparenza, is-sistema ta’ kooperazzjoni bejn l-ANR u l-Kummissjoni, definizzjoni tas-suq u analiżi tas-suq. |
|
70. |
Peress li diġà ġie stabbilit, rigward interventi mill-ANR Ġermaniża, li l-emendi għat-TKG marru lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Ġermanja fit-traspożizzjoni tal-qafas regolamentari Komunitarju, huwa irrilevanti jekk dawn l-emendi kisrux jew le l-obbligi tal-Ġermanja li jikkonċernaw il-materji proċedurali msemmija. |
IV — Konklużjoni
|
71. |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, bl-adozzjoni tal-punt 12b tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 9a li jemendaw il-Liġi tagħha dwar it-telekomunikazzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 7(1) u 8 tad-Direttiva Qafas, l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva tal-Aċċess u l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva Servizz Universali. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju [qafas regolamentari] komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).
( 3 ) Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323).
( 4 ) Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367).
( 5 ) “Telekommunikationsgesetz” tat-22 ta’ Ġunju 2004, BGB1. I, p. 1190).
( 6 ) Liġi li temenda d-dispożizzjonijiet fil-qasam tat-telekomunikazzjoni (“Gesetz zur Änderung telekommunikationsrechtlicher Vorschriften”) tat-18 ta’ Frar 2007 (BGB1. I, p. 106).
( 7 ) Il-“Bundesnetzagentur”.
( 8 ) Ikun utli li jiġu elenkati wħud minn dawn l-obbligi biex wieħed jifhem l-impatt ekonomiku li dawn jista’ jkollhom fuq l-għan tagħhom: l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva tal-Aċċess tirreferi għal obbligi, fost ħwejjeġ oħra, ta’ għoti ta’ aċċess lil, u l-użu ta’, faċilitajiet ta’ netwerk speċifiċi, u ta’ kontroll ta’ prezzijiet u kontabbiltà tal-ispejjeż; l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva Servizzi Universali jinkludi obbligi li jistgħu jirriżultaw f’miżuri ta’ adattament tal-prezz bl-imnut, miżuri biex jikkontrollaw tariffi individwali, jew miżuri biex jorjentaw tariffi lejn l-ispejjeż jew prezzijiet fi swieq li miegħu jista’ jsir tqabbil.
( 9 ) Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-suq u l-istima ta’ saħħa sinjifikattiva fis-suq taħt il-Qafas Regolatorju Komunitarju għal netwerks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU 2002, C 165, p. 6) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 10 ) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar swieq ta’ prodotti u servizzi rilevanti fi ħdan is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jistgħu jkunu suġġetti għal leġiżlazzjoni ex ante konformi mad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru regolatorju komuni għal netwerks u servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni [innotifikata taħt in-numru C(2003) 497] (ĠU 2003, L 114, p. 45) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 11 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C-230/99, Ġabra p. I-1169, punt 32).
( 12 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo ppreżentati fit-28 ta’ Mejju 2002, fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-120/01, Ġabra p. I-6739, punt 50).
( 13 ) Jiġifieri l-eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni; ara s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner vs Mediaprint (C-7/97, Ġabra p. I-7791, punt 41) u, fir-rigward tal-effetti fuq l-inċentivi, il-konklużjonijiet tat-28 ta’ Mejju 1998 tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’din il-kawża (punt 57).
( 14 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-227/07, -Ġabra p. I-8403, punti 40 sa 44) u l-konklużjonijiet tal-10 ta’ Ġunju 2008 tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer (punti 38 u 39), li tgħid li topponi l-fatt li, “f’suq miftuħ u kompetittiv, jeżistu ostakoli li ma jħallux li l-impriżi jinnegozjaw”.
( 15 ) B’mod partikolari meta mqabbel mal-possibbiltajiet li jsir intervent taħt is-sistema ġenerali tad-dritt tal-kompetizzjoni.
( 16 ) Dan ma jfissirx li l-leġiżlazzjoni hija insensittiva għall-inċentivi għall-investiment u għall-innovazzjoni; tabilħaqq dawk il-kwistjonijiet jikkundizzjonaw il-qafas regolatorju Komunitarju permezz tal-Artikolu 8(2)(c) tad-Direttiva Qafas, kif diskuss iktar ’l isfel.
( 17 ) Dwar il-valur interpretattiv tal-premessi, ara l-konklużjonijiet tiegħi tas-17 ta’ Diċembru 2008, fil-Kawża C-250/07, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, punt 15).
( 18 ) Kundizzjoni oħra stipulata fil-Punt 9a(2) tat-TKG li ġibdet fuqha l-attenzjoni tal-Kummissjoni kienet l-ostakolu, fin-nuqqas ta’ leġizlazzjoni, għall-iżvilupp ta’ suq sostentibbli kompetittiv. Madankollu, din il-kundizzjoni hija meħtieġa wkoll għal kwalunkwe leġiżlazzjoni bil-Punt 10(2) tat-TKG (ostakoli strutturali għal kompetizzjoni effettiva fit-tul), li tirriproduċi fil-parti l-kbira l-premessa 9 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, u li tidher kompatibbli ma’ applikazzjoni proporzjonali u korretta tal-leġiżlazzjoni (ara r-referenzi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14).
( 19 ) Waqt is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ressqet argument iktar fin: il-Punt 9a(2) tat-TKG ikun meħtieġ sabiex ikun possibbli l-istħarriġ ġudizzjarju ta-s-setgħa diskrezzjonali tal-ANR. Madankollu, stħarriġ ġudizzjarju limitat għal għan wieħed huwa ekwivalenti għal struzzjonijiet sabiex tingħata prijorità fir-rigward ta’ oħrajn.
( 20 ) Dan jirreferi għall-istruzzjonijiet vinkolanti. Għandu jiġi nnotat li l-Punti 10(2) u 11(1) tat-TKG diġà jirreferu għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u l-Linji Gwida, billi jippermettu li r-rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti tagħhom japplikaw għal swieq ġodda.
( 21 ) Ara wkoll is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C-380/05, Ġabra p. I-349, punt 81), kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 63). Fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-387/06, Ġabra p. I-1, punt 23), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġi pprovat li kien hemm ostakoli li ma ppermettux li jintlaħqu l-għanijiet regolatorji tal-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, il-Kummissjoni kienet obbligata tispeċifika fid-dettall is-setgħati tal-ANR fit-totalità tagħhom. Bl-istess mod, fis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (iċċitata iktar ’il fuq, punt 66), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet issodisfata li l-ANR kienet ingħatat ‘poteri wiesgħa ta’ intervent’ sabiex tilħaq l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas.
( 22 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2008, Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones (C--82/07, Ġabra p. I-1265, punt 24).
( 23 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 42 sa 44) ukoll tikkonferma din il-konklużjoni. Hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala traspożizzjoni mhux adegwata tad-Direttiva tal-Aċċess, u b’mod partikolari l-obbligu li jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, deċiżjoni tal-Polonja li tiffavorixxi aċċess għal netwerks ta’ infrastruttura billi injorat kundizzjonijiet kompetittivi konkreti.
( 24 ) Hemm ukoll dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għall-Artikolu 8(1) tad-Direttiva Qafas fid-Direttiva tal-Aċċess u d-Direttiva Servizz Universali, rispettivament fl-Artikoli 8(1) u 17(1). Madankollu, il-Kummissjoni ma qajmitx din il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.