IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.5.2025
COM(2025) 192 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-Boxxla għall-Kompetittività tad-29 ta’ Jannar 2025 semmiet il-ħtieġa li l-UE “tfittex modi ġodda biex tapprofondixxi s-sħubijiet u toħloq benefiċċji għan-negozji tagħna”, inkluż permezz ta’ Ftehimiet ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli (minn hawn’ il quddiem, “SIFAs”).
Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Rieżami tal-Politika Kummerċjali tat-18 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li “żżid b’mod sinifikanti l-involviment tagħha mas-sħab Afrikani biex tisfrutta l-potenzjal ekonomiku tagħhom, trawwem id-diversifikazzjoni ekonomika u t-tkabbir inklużiv” u li “tipproponi inizjattiva ġdida ta’ investiment sostenibbli lis-sħab jew lir-reġjuni fl-Afrika u fil-Viċinat tan-Nofsinhar li huma interessati jagħmlu dan [...] fil-forma ta’ ftehimiet ta’ investiment awtonomi jew bħala parti mill-modernizzazzjoni ta’ ftehimiet kummerċjali eżistenti.”
Il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet in-negozjati ta’ SIFA mal-Angola fit-18 ta’ Novembru 2022. Is-SIFA daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2024, u huwa l-ewwel ftehim tal-UE tat-tip tiegħu. Il-Kummissjoni qed tesplora wkoll il-possibbiltà li tinnegozja SIFAs ma’ pajjiżi sħab interessati oħra, inkluż mar-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju (minn hawn ’il quddiem, “il-Kosta tal-Avorju”).
Fl-2023, l-istokk tal-investiment dirett barrani tal-UE fil-Kosta tal-Avorju ammonta għal EUR 4.3 biljun, żieda minn EUR 4.1 biljun fl-2022. L-UE kkonkludiet Ftehim interim ta’ Sħubija Ekonomika (minn hawn’ il quddiem, “FSE”) mal-Kosta tal-Avorju, li madankollu ma fihx dispożizzjonijiet dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment.
Fid-dawl tal-opportunità għall-UE biex tapprofondixxi r-relazzjoni ta’ investiment tagħha mal-Kosta tal-Avorju, il-possibbiltà li tinvolvi ruħha fin-negozjati ta’ SIFA ġiet diskussa fil-kuntest tas-sitt Kumitat tal-FSE bejn il-Kosta tal-Avorju u l-UE, li sar f’Abidjan fit-12 u t-13 ta’ Ottubru 2023.
Bħala segwitu, saru diskussjonijiet esploratorji tekniċi mal-Kosta tal-Avorju dwar il-kamp ta’ applikazzjoni, il-kontenut u l-parametri tas-SIFA. Wara dawn id-diskussjonijiet, fis-6 ta’ Marzu 2025, iż-żewġ naħat qablu li jibdew il-proċeduri interni rispettivi tagħhom biex jiftħu negozjati formali għal SIFA.
Dan il-Ftehim ifittex li jtejjeb l-attrazzjoni, l-espansjoni u ż-żamma tal-investiment dirett barrani bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-investiment, bħaż-żieda tat-trasparenza u l-prevedibbiltà ta’ miżuri relatati mal-investiment, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-investiment, u t-titjib tad-djalogu pubbliku-privat permezz ta’ punti fokali għall-investituri u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati. L-objettiv aħħari huwa li jrawwem klima ta’ investiment aktar trasparenti, effiċjenti u prevedibbli, u għalhekk jinkoraġġi livelli ogħla ta’ investiment dirett barrani għall-Kosta tal-Avorju. B’hekk, dan il-Ftehim se jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll isaħħaħ r-relazzjoni bilaterali fl-investimenti bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju. Il-Ftehim se jipprovdi wkoll pjattaforma solida minn fejn jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija tal-Kosta tal-Avorju u l-integrazzjoni tagħha fl-ekonomija globali.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
L-għanijiet ta’ dan il-Ftehim huma konsistenti mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jipprevedi li l-UE għandha “tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija, inkluż permezz tat-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali.”
L-objettivi tiegħu huma wkoll konformi mal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), min-naħa l-oħra, iffirmat f’Samoa fil-15 ta’ Novembru 2023, u b’mod partikolari l-Artikoli 41 u 42 tiegħu.
Dan il-Ftehim javvanza l-objettivi tal-Boxxla għall-Kompetittività tad-29 ta’ Jannar 2025, li semma l-ħtieġa li l-UE “tfittex modi ġodda biex tapprofondixxi s-sħubijiet u toħloq benefiċċji għan-negozji tagħna”, inkluż permezz tas-SIFAs. Huwa jsegwi wkoll il-Komunikazzjoni dwar ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali msemmija hawn fuq u l-Komunikazzjoni dwar ir-rieżami tal-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2022.
Il-Ftehim huwa parti mill-istrateġija komprensiva tal-UE mal-Afrika, li “pproponiet li l-UE tiżviluppa arranġamenti aktar ambizzjużi biex tiffaċilita, tiġbed u tappoġġa l-investiment fl-Afrika.” Barra minn hekk, huwa wkoll konformi mal-“Viżjoni Konġunta għall-2030”, bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana (UA), adottata fis-sitt Summit UE-UA, li ssottolinja l-impenn konġunt biex “tiġi promossa governanza responsabbli, trasparenti, inklużiva u reattiva, f’konformità mal-istrumenti internazzjonali rilevanti, biex tingħata spinta lill-isforzi lejn it-titjib tal-investiment u l-klima tan-negozju kif ukoll lejn l-iżblukkar u ż-żieda ta’ investimenti Afrikani u Ewropej responsabbli u sostenibbli.” L-objettivi tiegħu huma konsistenti wkoll mal-istrateġija Global Gateway tal-UE mnedija f’Novembru 2021 u l-ewwel riżultat tagħha, il-Pakkett ta’ Investiment Afrika-Ewropa, maqbul fis-sitt Summit UE-UA, li għandu l-għan li jingrana EUR 150 biljun f’investimenti fl-Afrika sal-2027 fi ħdax-il qasam ta’ prijorità, inkluż l-integrazzjoni ekonomika, l-investiment, u l-iżvilupp tas-settur privat. Il-pakkett ta’ Investiment tal-Global Gateway Afrika-Ewropa huwa l-qafas ta’ gwida tal-UE biex titrawwem l-attraenza tal-investiment fl-Afrika, jiġi żgurat li l-ambjent regolatorju jwassal għall-involviment tas-settur privat, u biex l-investimenti jġibu l-benefiċċji potenzjali kollha lejn it-tkabbir sostenibbli.
Is-SIFA previst huwa konsistenti bis-sħiħ għall-Ftehim futur dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp li ġie nnegozjat fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u huwa komplementari għalih.
Fl-aħħar nett, id-direttivi ta’ negozjar fl-Anness huma konsistenti mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/13 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-direttivi ta’ negozjar għan-negozjar tal-FSE mal-pajjiżi u r-reġjuni tal-AKP.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
L-objettivi huma konsistenti ma’ politiki oħra tal-UE, b’mod partikolari l-politika tal-iżvilupp tal-UE.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Il-bażi legali għal dan l-att huwa l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 207(3) u l-Artikolu 218(4), it-tieni u t-tielet subparagrafi, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Is-suġġett tan-negozjati previsti huwa relatat mal-politika kummerċjali komuni. Skont l-Artikolu 5(3) tat-TUE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax fl-oqsma tal-kompetenza esklużiva tal-UE. Il-politika kummerċjali komuni hija mniżżla fost l-oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni fl-Artikolu 3 TFUE. Din il-politika tinkludi n-negozjar ta’ ftehimiet kummerċjali skont, fost l-oħrajn, l-Artikolu 207 TFUE.
•Proporzjonalità
Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, peress li l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali hija l-istrument ewlieni biex isir impenn favur drittijiet u obbligi reċiproċi ma’ suġġett tad-dritt internazzjonali bħal pajjiż barrani.
•Għażla tal-istrument
Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Minn Ġunju sa Novembru 2020, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika fejn talbet il-kontribut tal-Parlament Ewropew, tal-Istati Membri, tal-partijiet ikkonċernati u tas-soċjetà ċivili għal rieżami tal-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea, inkluż dwar modi kif jistgħu jissaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment tal-UE mal-pajjiżi ġirien u mal-Afrika.
Il-Kummissjoni tikkonsulta regolarment mal-partijiet ikkonċernati, fost l-oħrajn fil-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ftehimiet Kummerċjali u fid-Djalogu tas-Soċjetà Ċivili.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Din il-proposta tiddependi fuq għarfien espert estern miġbur fil-kuntest ta’ proġett imwettaq mill-Bank Dinji u kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rapport identifika b’mod partikolari li l-investituri ppreżentaw, bħala fatturi kritiċi li jaffettwaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, in-nuqqas ta’ trasparenza u prevedibbiltà fit-trattament ma’ aġenziji pubbliċi, il-bidla f’daqqa fil-liġijiet u r-regolamenti, u d-dewmien biex jinkisbu permessi u approvazzjonijiet tal-gvern. Dawn huma l-oqsma li jkunu koperti mis-SIFA propost.
•Valutazzjoni tal-impatt
L-impenji għall-faċilitazzjoni tal-investiment fis-SIFA jiffukaw fuq l-applikazzjoni ta’ prinċipji ta’ governanza tajba u prattiki regolatorji tajbin, inkluż t-trasparenza, il-prevedibbiltà, u l-effiċjenza amministrattiva, fil-qafas ta’ investiment ta’ pajjiż sieħeb (liġijiet, regolamenti u proċeduri dwar l-investiment). L-impatt ta’ dawn il-miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-investiment huwa relatat l-aktar mal-implimentazzjoni tal-Ftehim minn pajjiż sieħeb u t-titjib fit-tul fl-ambjent tal-investiment tiegħu. L-impatt ġenerali huwa affettwat ukoll minn investimenti individwali li qafas ta’ investiment imtejjeb bħal dan jista’ jattira. Is-SIFA jikkodifika prattiki li diġà huma stabbiliti sew fl-UE.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Din il-proposta tfittex tirrakkomanda li l-Kunsill jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati ta’ SIFA mal-Kosta tal-Avorju. Il-proposta ma tinvolvix l-iskambju ta’ data, l-awtomatizzazzjoni tal-proċessi, l-użu ta’ sistemi diġitali jew il-forniment ta’ servizzi pubbliċi. Konsegwentement, il-prinċipju “diġitali b’mod awtomatiku” ma japplikax, peress li ma jintroduċix rekwiżiti diġitali speċifiċi.
•Drittijiet fundamentali
L-inizjattiva tirrispetta kompletament il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPATT FUQ IL-BAĠIT
L-inizjattiva ma għandhiex impatt fuq il-baġit.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
In-negozjati tas-SIFA huma mistennija li jiġu konklużi fl-2026.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jirrakkomandaw li l-Kunsill jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u li tinnomina n-negozjatur tal-Unjoni. Il-Kunsill jista’ jindirizza direttivi lin-negozjatur.
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mat-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 207(3) u l-Artikolu 218(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
Jenħtieġ li n-negozjati jinfetħu bil-ħsieb li jiġi konkluż Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli mar-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni, Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli mar-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju.
Artikolu 2
Id-direttivi tan-negozjati huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
In-negozjati għandhom isiru b’konsultazzjoni ma’ [l-isem tal-kumitat speċjali għandu jiddaħħal mill-Kunsill].
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni u l-Anness tagħha se jiġu ppubblikati immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President