52012DC0099

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 94/80/KE dwar id-dritt tal-vot u tal-kandidatura f'elezzjonijiet muniċipali minn ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini /* COM/2012/099 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 94/80/KE dwar id-dritt tal-vot u tal-kandidatura f'elezzjonijiet muniċipali minn ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini

1. Introduzzjoni

Iċ-ċittadini huma direttament affettwati mid-deċiżjonijiet meħuda ta’ kuljum mill-awtoritajiet lokali fis-setturi ekonomiċi, soċjali u kulturali. L-awtoritajiet lokali jirrappreżentaw il-forma ta’ gvern li hija l-eqreb taċ-ċittadin. Il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet muniċipali, kemm billi wieħed jivvota jew billi jkun kandidat, huwa dritt fundamentali stipulat fl-Artikolu 40 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[1]; tippermetti liċ-ċittadini jkunu involuti fil-ħajja demokratika u sabiex jinfluwenzaw il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Barra minn hekk, tali parteċipazzjoni tipprovdi opportunità għaċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru differenti minn tagħhom sabiex isiru aktar integrati fil-ħajja politika u soċjali tas-soċjetà li tospitahom.

Taħt l-istess termini bħal fl-Artikolu 40 tal-Karta[2], l-Artikolu 22(1) tat-TFUE[3] jagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huwa jew hija jgħix/tgħix, taħt l-istess kondizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini ta' dak l-Istat. L-arranġamenti ddettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali huma stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva”)[4].

Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva, ir-Rapport preċedenti li kien ukoll l-ewwel wieħed, dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva ġie adottat mill-Kummissjoni fl-2002. Għall-ewwel darba, ir-Rapport preżenti jittratta l-kwistjoni usa’ ta’ parteċipazzjoni fid-demokrazija lokali u jevalwa l-istat ta’ traspożizzjoni u implimentazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri li kienu għadhom mhumiex membri tal-Unjoni fl-2002, meta ġie adottat l-ewwel Rapport. Għalkemm l-Istati Membri kollha ttrasponew id-Direttiva, numru ta’ ostakoli li jfixklu l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet elettorali jeħtieġ li jiġu indirizzati billi tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta u t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha.

Ir-rapport jevalwa wkoll jekk l-għoti tad-deroga skont l-Artikolu 22(1) tat-TFUE għadux ġustifikat. L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva jistipula li, sal-31 ta’ Diċembru 1998 u kull sitt snin minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Rapport dwar dan. L-aħħar Rapport tad-deroga ġie adottat fl-2005[5].

L-Unjoni hija msejsa fuq il-valur tar-rispett għad-demokrazija[6] u kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni[7]. Għalhekk huwa importanti li jkunu ggarantiti l-prinċipji tad-demokrazija parteċipattiva billi, fost l-oħrajn, tiġi żgurata l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni u jsiru sforzi li jħeġġu l-parteċipazzjoni.

Li jiġu ggarantiti l-prinċipji tad-demokrazija parteċipattiva huwa ta’ importanza primarja speċjalment fil-livell lokali fejn id-deċiżjonijiet meħuda jaffettwaw direttament liċ-ċittadini. It-tnaqqis fil-parteċipazzjoni tal-ħajja demokratika f'termini ta' numru baxx ta’ votanti waqt l-elezzjonijiet jista’ jkollu l-effett mhux mixtieq li jdgħajjef l-istatus tad-demokrazija rappreżentattiva.

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, ġiet irreġistrata parteċipazzjoni ta’ inqas minn 50% fl-elezzjonijiet Ewropej reċenti[8]; ix-xejra hija simili f'bosta Stati Membri rigward l-elezzjonijiet lokali reċenti[9]. Skont tal-prinċipji li fuqhom twaqqfet l-Unjoni, il-Kummissjoni tqis li huwa essenzjali li ddawwar din ix-xejra sabiex tissaħħaħ ir-rabta bejn il-votanti u r-rappreżentanti eletti u sabiex tissaħħaħ il-leġittimità tad-deċiżjonijiet meħuda minn dawn tal-aħħar.

F’din il-linja, it-tisħiħ tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini ġie stabbilit bħala waħda mill-prijoritajiet politiċi fil-programm ta’ Stokkolma. Il-Pjan ta’ Azzjoni ta' Stokkolma tal-20 ta’ April 2010 jenfasizza kif "L-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, u l-inkoraġġiment tiegħu, huwa kruċjali biex iċ-ċittadini jinġiebu eqreb lejn il-proġett Ewropew. Hija ambizzjoni komuni li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-votanti fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Id-dritt taċ-ċittadini biex jivvutaw u jiġu eletti għall-elezzjonijiet lokali u Ewropej fejn jgħixu għandu jiġi promoss u msaħħaħ aktar"[10].

Ir-Rapport attwali jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni 18 tar-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010, għax l-għan tiegħu huwa li jimbotta lill-Istati Membri sabiex isaħħu d-drittijiet tal-vot taċ-ċittadini tal-UE li għandhom residenza fi Stat Membru, u li jinformaw kif xieraq liċ-ċittadini tal-UE bid-drittijiet elettorali tagħhom[11]. Għal dan il-għan, ir-Rapport jevalwa s-sensibilizzazzjoni u l-użu tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE fl-elezzjonijiet muniċipali u jiffoka fuq il-miżuri għall-informazzjoni meħuda mill-Istati Membri f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Jenfasizza wkoll l-aħjar prassi fl-Istati Membri sabiex iwettqu kampanji ta’ informazzjoni u inizjattivi biex jinkoraġġixxu liċ-ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post biex jieħdu sehem fil-ħajja istituzzjonali u politika fil-livell lokali.

2. Is-sensibilizzazzjoni u l-parteċipazzjoni 2.1. Is-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet elettorali fl-Unjoni Ewropea

Kif indikat mill-istatistiċi tal-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea[12], il-maġġoranza taċ-ċittadini fl-Istati Membri huma konxji mid-dritt li jivvotaw u li joħroġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta' residenza tagħhom. Is-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet elettorali fil-livell lokali żdied b'mod sinifikanti f'erba’ snin fl-Istati Membri kollha. Fil-livell tal-UE, il-persentaġġ medju taċ-ċittadini li huma konxji minn dawn id-drittijiet kważi rdoppja minn 37% (2007) għal 69% (2010). Il-medja l-aktar baxxa żdiedet minn 22% (2007) għal 53% (2010), l-ogħla waħda minn 62% (2007) għal 83% (2010).

Sors: Flash Eurobarometer Nru 292.

Fis-snin riċenti, il-Kummissjoni Ewropea kkontribwiet estensivament biex tinforma liċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet elettorali tagħhom u inkoraġġiethom biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Il-programm "Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza" 2007-2013 ta kontribut biex jiġu żviluppati azzjonijiet immirati biex jippromwovu informazzjoni u inizjattivi dwar l-edukazzjoni ċivika sabiex tiżdied ir-rata tal-votanti fl-elezzjonijiet. Matul il-perjodu 2007-2010, 12-il proġett dwar il-parteċipazzjoni attiva fil-ħajja demokratika tal-Unjoni ġew iffinanzjati u ngħataw għotjiet li qabżu l-ammont ta’ EUR 3,8 miljun[13]. Din il-prijorità tematika għadha qed tkun inkluża fil-Programm ta’ Ħidma tal-2011[14].

Reċentement, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li l-2013 tkun intitolata bħala "s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini"[15]. Is-Sena Ewropea ser tikkontribwixxi għas-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-UE dwar id-dritt tagħhom li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fi ħdan l-Unjoni Ewropea u, b’mod aktar ġenerali, dwar il-firxa wiesgħa tad-drittijiet disponibbli lilhom taħt il-liġi tal-Unjoni f’kuntest transfruntier, inklużi d-drittijiet elettorali.

Diversi Stati Membri adottaw miżuri mmirati biex jinfurmaw liċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet elettorali tagħhom fl-elezzjonijiet muniċipali, għalkemm b'mezzi differenti[16]. B’mod partikolari, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Litwanja, Spanja u l-Isvezja adottaw il-prattika li jibagħtu skeda elettorali bil-posta liċ-ċittadini kkonċernati jew ittri individwali li jkun fihom informazzjoni fuq il-proċedura elettorali. Fir-rigward ta’ azzjonijiet meħuda fuq livell nazzjonali, diversi Stati Membri, bħar-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u s-Slovakkja, pprovdew informazzjoni permezz tal-websajt uffiċjali. Il-Ġermanja u r-Renju Unit attivaw “linja telefonika għall-għajnuna” apposta. F'Ċipru, Franza, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Portugall u r-Rumanija, l-informazzjoni ġiet ipprovduta permezz ta' pubblikazzjonijiet stampati jew mill-istampa lokali.

2.2. L-għadd ta’ votanti fl-elezzjonijiet lokali

Il-parteċipazzjoni ta’ ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post fil-ħajja demokratika tal-Istat Membru tar-residenza tagħhom teħtieġ li tkun evalwata fil-kuntest usa’ tal-votanti globali.

Fir-rigward tal-aħħar elezzjonijiet muniċipali miżmuma reċenti fil-bliet il-kbar, l-aktar fl-ibliet kapitali tal-Istati Membri, f’seba’ Stati Membri ir-rata ta’ dawk li ħarġu jivvutaw kienet ta’ bejn il-50 u s-60 fil-mija[17]. F’għaxra minn dawn il-muniċipalitajiet ħarġu jivvutaw anqas minn 50%[18]. B’mod ġenerali, hemm għoxrin Stat Membru fejn aktar minn terz tal-votanti eliġibbli ma pparteċipawx fl-aħħar elezzjonijiet lokali li saru fl-ibliet kapitali[19]. Il-parteċipazzjoni fi bliet oħra għajr dawk kapitali, skont id-daqs, kienet saħansitra inqas[20]. Filwaqt li ġeneralment in-numru ta’ votanti fl-elezzjonijiet lokali huwa ogħla milli fl-elezzjonijiet Ewropej, hemm xi eċċezzjonijiet bħal fil-każ ta’ Ateni, Budapest, Kopenħagen u Riga[21].

Ġeneralment, id-dejta dwar il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet lokali turi tendenza lejn l-iskuntentizza politika taċ-ċittadini. Ir-rimedju kontra ‘d-defiċit demokratiku’ jibqa’ sfida għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll l-awtoritajiet lokali eletti madwar l-Unjoni.

Xi fatturi empiriċi dwar l-għadd baxx ta' votanti huma komuni għal diversi Stati Membri. Hemm korrelazzjoni negattiva bejn id-daqs tal-popolazzjoni u l-għadd ta’ votanti li joħorġu jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali. Fl-ibliet żgħar ħafna, l-interess fil-politika lokali huwa akbar minħabba li l-possibbiltà li t-teħid tad-deċiżjonijiet jista’ jiġi influwenzat hija meqjusa aktar b’saħħitha. Din it-tendenza tidher li bħala eċċezzjoni għandha l-każ tal-ibliet il-kbar, fejn huwa osservat l-involviment usa' tal-popolazzjoni meta mqabbel ma' bliet oħra. Jista’ jiġi preżunt li meta l-elezzjonijiet lokali jseħħu flimkien mal-elezzjonijiet nazzjonali, l-ammont ta’ votanti jista’ jiżdied. Il-preżenza lokali tal-partiti nazzjonali tinċentiva lill-individwi li jsegwu dawn il-partiti sabiex jivvotaw fl-elezzjonijiet lokali[22]. Fl-aħħarnett, f’ħafna każijiet in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni hija marbuta ma’ ċirkostanzi loġistiċi bħan-nuqqas ta' proċeduri ta’ votazzjoni alternattivi (votazzjoni li tista’ ssir qabel, il-vot postali, eċċ.) li jippermettu lill-votanti li jistgħu ma jkunux f’qagħda li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet biex xorta jitfgħu l-vot.

2.3. Il-parteċipazzjoni ta’ ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom

Fi tmiem l-2010, aktar minn 8 miljun ċittadin tal-UE li għandu l-età tal-vot kien jgħix fi Stat Membru ieħor appartir dak tiegħu. L-akbar numru kien irreġistrat fil-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Italja, segwiti minn Franza, Spanja u l-Belġju. Dan ifisser li 8 miljun ċittadin tal-UE setgħu jivvotaw fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

* Dejta parzjali. Dejta pprovduta mir-Renju Unit dwar iċ-ċittadini tal-UE kollha residenti li mhumiex ċittadini tal-post. Franza: id-dejta disponibbli tirreferi għar-Rapport preċedenti. Il-Greċja pprovdiet informazzjoni dwar ċittadini tal-UE residenti li mhumiex ċittadini tal-post li għandhom ’il fuq minn 20 sena. L-Awstrija pprovdiet dejta li tirreferi biss għall-kapitali. Dejta dwar il-Bulgarija, l-Estonja u l-Polonja mhijiex disponibbli.

Meta mqabbla mad-dejta tal-ewwel Rapport maħruġ fl-2002[23], f'bosta Stati Membri kien hemm żieda sinifikanti fin-numru ta' ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post bl-età tal-vot li jgħixu fi Stat Membru ieħor apparti dawk tagħhom. Iċ-ċifri kienu speċifikament kif ġej: fl-Italja, minn 56 000 għal 1 050 000; fil-Ġermanja, minn 1 521 000 għal 2 239 641; fil-Greċja, minn 16 000 għal 114 377; fl-Irlanda, minn 76 000 għal 247 980; fid-Danimarka, minn 32 000 għal 108 806; u fil-Portugall, minn 26 000 għal 94 157[24].

Minkejja din iż-żieda sinifikanti fin-numru ta’ ċittadini tal-UE li għandhom l-età tal-vot li jgħixu fi Stat Membru ieħor apparti dak tagħhom li mhumiex ċittadini tal-post, huwa biss numru relattivament baxx ta’ dawn iċ-ċittadini li fil-fatt eżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom fl-elezzjonijiet muniċipali li saru fis-snin reċenti fl-Istat ta’ residenza tagħhom.

Sabiex jipparteċipa fl-elezzjonijiet muniċipali, l-individwu għandu jkun irreġistrat fir-reġistru elettorali. Il-proċeduri ddettaljati għar-reġistrazzjoni jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor[25]. F'dawk l-Istati Membri fejn ir-reġistrazzjoni mhijiex awtomatika, id-dejta pprovduta turi li medja ta' 10% biss taċ-ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post talbu sabiex jiddaħħlu fir-reġistri elettorali[26].

Stati Membri b’sistema mhux awtomatika ta’ reġistrazzjoni

(mhijiex disponibbli dejta dwar il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Polonja u r-Renju Unit)

Ta' min jinnota li d-dominanza ċara ta’ komunità nazzjonali speċifika fir-rigward tal-ammont totali ta’ ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post fl-Istat Membru tikkorrispondi f'ċerti każijiet għal parteċipazzjoni għolja fl-elezzjonijiet lokali din il-Komunità. Dan huwa l-każ tal-Irlanda, Spanja u l-Iżvezja[27].

L-ebda dejta mhija disponibbli dwar il-persentaġġ ta’ ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post li fil-fatt ivvutaw wara li ddaħħlu fir-reġistru elettorali; ladarba wieħed jiddaħħal fir-reġistru elettorali, hemm l-ebda distinzjoni bejn votanti nazzjonali u mhux nazzjonali. L-Istati Membri ġeneralment ma jiġbrux dejta bħal din sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni. Ftit li xejn hemm dejta disponibbli dwar in-numru ta’ ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post li joħorġu bħala kandidati u li jiġu eletti. B’mod partikolari, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja u l-Isvezja enfasizzaw d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom waqt il-ġbir ta’ din id-dejta mill-awtoritajiet lokali minħabba n-nuqqas ta’ punt uniku ta’ servizz, kif diġà enfasizzat fl-aħħar Rapport dwar l-elezzjonijiet Ewropej[28].

L-ogħla persentaġġ ta’ ċittadini tal-UE eletti li mhumiex ċittadini tal-post meta mqabbel ma’ dawk li joħorġu bħala kandidati kien irreġistrat minn Franza (32,8%) u l-Isvezja (17,1%). L-Awstrija, il-Lussemburgu u Spanja indikaw numru sinifikanti ta’ ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post li ġew eletti.

3. Trasposizzjoni u implimentazzjoni 3.1. Is-sitwazzjoni attwali tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 94/80/KE

Ir-Rapport attwali jevalwa għall-ewwel darba l-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata mill-Istati Membri li ssieħbu fl-UE mill-2004 ’l hawn, kif ukoll dawk il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fi Stati Membri oħra li daħlu fis-seħħ sa mir-Rapport tal-2002.

Ta’ min isemmi li r-rapport ikopri wkoll il-leġiżlazzjoni l-ġdida li s’issa ġiet ikkomunikata biss permezz ta’ kwestjonarju, iżda li għadha ma ġietx formalment innotifikata lill-Kummissjoni[29].

Fuq il-bażi tal-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali kkomunikati mill-Istati Membri, il-livell ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri kollha jista' jitqies sodisfaċenti. Madankollu, xi kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni mhux korretta jew mhux kompluta jridu jiġu indirizzati sabiex tkun evitata l-implimentazzjoni mhux korretta, għax li kieku jkunu ostaklu għall-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet elettorali.

F’xi Stati Membri[30] id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 u 4 tad-Direttiva[31] jidhru li ġew trasposti ħażin: f'dawn l-Istati Membri, ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post jingħataw biss id-dritt tal-vot jew tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali wara perjodu minimu ta’ residenza, mingħajr ma dawn ir-rekwiżiti jiġu imposti fuq iċ-ċittadini tal-post. Barra minn hekk, din il-leġiżlazzjoni ma tipprovdix għall-possibbiltà li, jekk id-dritt tal-vot huwa kkundizzjonat minn perjodu minimu ta’ residenza, ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post għandhom ikunu meqjusa li ssodisfaw dan ir-rekwiżit, jekk ikun inkluż li kienu residenti matul dan il-perjodu fi kwalunkwe Stat Membru ieħor, barra mill-Istat Membru tar-residenza tagħhom.

Stat Membru wieħed jistipula li votant għandu jissottometti l-applikazzjoni tiegħu/tagħha sabiex tiġi rreġistrata fir-reġistru elettorali fi żmien 30 jum mill-akkwist tal-eliġibbiltà għall-vot. Dan jidher li jikkostitwixxi diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini u dawk iċ-ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post. Id-dies a quo tal-limitu ta’ ħin msemmi huwa differenti: għaċ-ċittadini jibda minn meta dawn ikollhom l-età tal-vot; għal dawk li mhumiex ċittadini jibda mid-data tar-reġistrazzjoni bħala residenti. Il-konsegwenzi għal din id-dispożizzjoni jidhru differenti għaċ-ċittadini, u ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post[32].

L-Artikolu 7 jipprovdi li kull ċittadin tal-UE għandu jeżerċita d-dritt tiegħu/tagħha li jivvota/tivvota fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza jekk hu/hi tkun talbet dan id-dritt. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (l-Awstrija, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Isvezja) adottaw sistema aktar favorevoli ta’ reġistrazzjoni awtomatika fir-reġistru elettorali. Din tippermetti liċ-ċittadini biex jivvutaw mingħajr ma jkollhom jitfgħu applikazzjoni sabiex jiġu rreġistrati sa data ta' skadenza li torbot.

L-Istati Membri għandhom jissodisfaw ċerti dmirijiet stabbiliti fid-Direttiva li huma mmirati sabiex jiffaċilitaw ir-reġistrazzjoni taċ-ċittadini tal-UE fir-reġistru elettorali[33]. Wara lmenti minn ċittadini individwali, il-Kummissjoni fl-2010 kienet f’kuntatt ma’ żewġ Stati Membri fejn iċ-ċittadini tal-UE li kienu impjegati hemm ma’ korpi internazzjonali, kienu kkonfrontati b’ostakli biex jeżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom. Il-liġi nazzjonali ma kinitx tippermetti lil dawk liċ-ċittadini li jgħixu hemm sabiex jiġu rreġistrati biex jivvutaw fl-elezzjonijiet. Wara kuntatti mal-Kummissjoni, dawn l-Istati Membri reċentement emendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom u neħħew l-ostakli identifikati[34].

Meta ċittadin tal-UE intitolat li joħroġ bħala kandidat jissottometti l-applikazzjoni tiegħu/tagħha, hu/hija għandu/għandha jippreżenta/tippreżenta l-istess dokumenti meħtieġa bħal ta’ kandidat li huwa ċittadin nazzjonali. Numru limitat ta’ dokumenti opzjonali jistgħu jkunu meħtieġa mill-Istati Membri minbarra dikjarazzjoni formali li turi ċ-ċittadinanza tiegħu/tagħha u l-indiriżż tiegħu/tagħha fl-Istat Membru ta' residenza[35]. Il-Kummissjoni tqis li mhix konformi mad-Direttiva kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha dejjem ikun meħtieġ li jiġi ppreżentat ċertifikat mill-Istat Membru tad-domiċilju li jiddikjara li ċ-ċittadin ma ġiex imċaħħad mid-dritt li joħroġ bħala kandidat. Skont id-Direttiva, tali ċertifikat jista’ jiġi mitlub biss jekk ikun hemm dubju dwar l-awtentiċità tad-dikjarazzjoni. Dan jikkostitwixxi piż addizzjonali fuq ċittadini li mhumiex ċittadini tal-post sabiex ikun eżerċitat id-dritt għall-vot. Barra minn hekk, il-ħtieġa tan-numru ta’ referenza taċ-ċertifikat ta' residenza ma jidhirx li hija f’konformità mad-Direttiva[36].

Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istat Membru tar-residenza għandu jgħarraf liċ-ċittadin tal-UE li mhuwiex ċittadin tal-post dwar il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti ddettaljati biex huwa/hija jeżerċita/teżerċita d-drittijiet elettorali tiegħu/tagħha fl-elezzjonijiet muniċipali “f’ħin opportun u b'mod xieraq". B’mod partikolari, ċittadin tal-UE li mhuwiex ċittadin tal-post għandu d-dritt li jkun infurmat dwar l-azzjonijiet meħuda fuq l-applikazzjoni tiegħu/tagħha biex jitniżżel/titniżżel fir-reġistru elettorali jew biex joħroġ/toħroġ bħala kandidat/a. F’xi Stati Membri[37] l-ebda dispożizzjoni speċifika ma ġiet stabbilita permezz tat-traspożizzjoni tal-liġi nazzjonali fir-rigward tal-obbligu li ċ-ċittadini jkunu infurmati dwar l-azzjonijiet meħuda. Fl-eventwalità li t-talba għad-dħul fir-reġistru elettorali tiġi rrifjutata jew it-talba biex persuna toħroġ bħala kandidat hija miċħuda mill-Istat Membru ta’ residenza, id-Direttiva tistabbilixxi wkoll id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jkunu infurmati dwar id-dritt tagħhom għal rimedji legali kif ipprovdut għaċ-ċittadini nazzjonali. F’xi każijiet il-liġi nazzjonali ma tinkludix b’mod espliċitu din id-dispożizzjoni[38]. F'diversi Stati Membri[39] l-liġi nazzjonali ta' traspożizzjoni ma tinkludix b’mod espliċitu id-dispożizzjoni tad-Direttiva dwar l-obbligu għall-Istati Membri biex jinformaw lill-votanti u lill-persuni intitolati li joħorġu bħala kandidati f’ħin opportun u b'mod xieraq, bil-kondizzjonijiet u l-arranġamenti ddettaljati sabiex jeżerċitaw id-drittijiet elettorali. Madankollu, dawn l-Istati Membri kollha kkomunikaw azzjonijiet u inizjattivi istituzzjonali bil-għan li jinfurmaw liċ-ċittadini dwar kif jeżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom fl-aħħar elezzjonijiet muniċipali, biex b'hekk ikun żgurat li dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jkunu implimentati.

3.2. Analiżi tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 5(3)(4) tad-Direttiva immirati li jillimitaw xi funzjonijiet għaċ-ċittadini nazzjonali

Ir-riżultat tad-dritt għall-vot u d-dritt li persuna toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali tal-Istat Membru ta' residenza, skont id-Direttiva, hija li ċittadin tal-UE jista’ jsir membru elett ta’ kunsill muniċipali u jista’ jsir Sindku fi Stat Membru li tiegħu huwa/hija ma jkunx/tkunx ċittadin nazzjonali.

Id-Direttiva tipprovdi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jżommu numru ta’ karigi fl-amministrazzjoni lokali għaċ-ċittadini tagħhom stess, speċjalment dawk li fil-muniċipalità huma eżekuttivi (kap, deputat kap jew membru tal-kulleġġ li jiggverna tal-eżekuttiv ta' unità bażika ta' gvern lokali), jekk jiġu eletti biex iżżommu l-kariga għat-tul tal-mandat tiegħu/tagħha jew għat-twettiq temporanju jew interim tal-funzjonijiet.

*L-Awstrija u l-Ġermanja huma Repubblika Federali; id-dispożizzjonijiet ivarjaw skont il-pajjiż ta’ referenza.

Id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, is-Slovakkja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit bħalissa ma japplikaw l-ebda restrizzjoni, għalhekk ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post jistgħu jiġu nnominati bħala kap, deputat kap jew membru tal-kumitat eżekuttiv ta' unità bażika ta’ gvern lokali. Tliet Stati Membri[40] llimitaw għaċ-ċittadini tagħhom biss il-kariga ta’ kap tal-amministrazzjoni lokali. F’sitt Stati Membri oħra[41] ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post ma jistgħux saħansitra jkollhom il-kariga ta' deputat kap, iżda jista’ jkollhom il-kariga ta’ membru tal-kumitat eżekuttiv. Fl-aħħarnett, Stati Membri oħra[42] applikaw ir-restrizzjonijiet kollha taħt id-Direttiva u għalhekk ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post saħansitra ma jistax ikollhom il-kariga ta' membru tal-Kumitat Eżekuttiv.

Il-Kummissjoni qed tanalizza dawn l-aspetti tad-Direttiva għall-ewwel darba fir-rapport attwali. Il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjonijiet anqas ristrettivi jistgħu jikkontribwixxu b’mod aktar effiċjenti għall-integrazzjoni taċ-ċittadini u fl-involviment tagħhom fil-ħajja demokratika tal-Istat Membru ta’ residenza.

3.3. Aġġornament dwar l-anness tad-Direttiva: "Unitajiet bażiċi ta’ gvernijiet lokali" fl-Istati Membri

Id-Direttiva tinkludi Anness b'lista ta' denominazzjonijiet ta’ "unitajiet bażiċi ta' gvernijiet lokali" f'kull Stat Membru, skont it-tifsira tal-Artikolu 2 (1) (a) tagħha[43]. Il-lista ta’ "unitajiet bażiċi ta' gvernijiet lokali" tidentifika l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, jiġifieri l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha. F’dan ir-rigward, huwa essenzjali li din il-lista tinżamm aġġornata.

Dan l-Anness ġie emendat fl-2003[44] (fid-dawl tal-adeżjoni ta’ 10 Stati Membri fl-2004) u fl-2006[45] (fid-dawl tal-adeżjoni ta’ żewġ Stati Membri fl-2007) sabiex tiżdied id-denominazzjoni "unitajiet bażiċi ta' gvernijiet lokali" ta’ dawn l-Istati Membri.

Barra minn hekk, ftit Stati Membri reċentement għarrfu lill-Kummissjoni dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida tagħhom li tbiddel id-denominazzjoni ta’ unitajiet bażiċi ta' gvernijiet lokali fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva[46]. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kollha sabiex formalment jinnotifikaw kull leġiżlazzjoni ġdida kkomunikata f'dan ir-rigward.

4. Deroga skont l-Artikolu 22(1) tat-TFUE

L-Artikolu 22(1) tat-TFUE jistipula li d-Direttiva tista’ tipprovdi għal derogi mir-regoli ġenerali meta ġġustifikata minn sitwazzjoni speċifika għal Stat Membru.

L-Artikolu 12 tad-Direttiva jippermetti l-introduzzjoni ta’ eċċezzjonijiet għall-prinċipju tat-trattament ugwali fejn dan huwa ġġustifikat minn problemi speċifiċi għal Stat Membru. Stat Membru fejn il-proporzjon ta’ ċittadini tal-UE f'età tal-vot li għandhom ir-residenza, imma mhumiex ċittadini, ta’ dak l-Istat jaqbeż l-20% tan-numru totali taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu hemm u li jkollhom l-età biex jivvutaw, jista’ jitlob perjodu ta' residenza minima, kemm mill-votanti kif ukoll mill-kandidati, jew jieħu miżuri rigward it-tfassil tal-listi tal-kandidati, sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni ta’ ċittadini li mhumiex ċittadini tal-post u biex tiġi evitata l-polarizzazzjoni bejn listi ta’ kandidati "nazzjonali" u "mhux nazzjonali”.

Il-Lussemburgu huwa l-uniku Stat Membru li għandu din il-kundizzjoni speċifika u inqeda b’din id-deroga billi llimita d-dritt għall-vot taċ-ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post li kellhom id-domiċilju legali fit-territorju tal-Lussemburgu, u li għexu fit-territorju għal mill-inqas ħames snin qabel ir-reġistrazzjoni[47]. Rigward id-dritt li joħorġu bħala kandidati, il-Lussemburgu jitlob li ċ-ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post iridu jkunu għexu hemm għal mill-inqas ħames snin qabel ma jissottomettu l-applikazzjoni[48].

Il-Kummissjoni talbet[49] lill-awtoritajiet tal-Lussumburgu sabiex iressqu t-tagħrif l-aktar riċenti li dwar l-għadd ta’ ċittadini tal-UE fl-età tal-vot li għandhom ir-residenza fil-Lussumburgu iżda li mhumiex ċittadini ta' dan l-Istat, u l-għadd totali ta’ ċittadini tal-UE fl-età tal-vot li għandhom ir-residenza fil-Lussumburgu.

Skont id-dejta pprovduta mill-awtoritajiet tal-Lussumburgu, l-għadd ta' ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post fl-età tal-vot, li jgħixu fil-Lussumburgu kien ta' 174 250. L-għadd totali ta’ ċittadini tal-UE fl-età tal-vot li jgħixu hemmhekk kien ta’ 406 300. Jirriżulta li l-proporzjon bejn tal-ewwel u tal-aħħar kien ta’ 42,9%, lil hinn mil-limitu ta’ 20% stipulat mid-Direttiva.

Għalhekk, l-għotja ta’ deroga lil-Lussemburgu għadha ġustifikata.

Bil-liġi tat-13 ta’ Frar 2011, il-Lussemburgu lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu hemmhekk estendielhom id-dritt li joħorġu kandidati. Wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi ċ-ċittadini li m’humiex ċittadini tal-post jista' jkollhom il-kariga ta’ kap jew ta’ membru ta’ kumitat eżekuttiv f’unità bażika ta' gvern lokali.

L-Artikolu 12(2) jistipula li l-Belġju jista’ japplika restrizzjonijiet pprovduti mid-Direttiva fuq numru limitat ta’ unitajiet tal-gvern lokali, liema lista għandha tiġi kkomunikata mill-inqas sena qabel l-elezzjonijiet tal-unità tal-gvern lokali li dwarhom beħsiebha tinvoka d-deroga. Il-Beljġu qatt ma invoka d-deroga prevista mill-Artikolu 12 (2) tad-Direttiva.

Skont l-Artikolu 12(3) fejn il-liġijiet ta' Stat Membru jippreskrivu illi ċittadini ta' Stat Membru ieħor li għandhom residenza hemmhekk għandhom id-dritt li jivvutaw għall-parlament nazzjonali ta' dak l-Istat u, għal dan l-iskop, jistgħu jiddaħħlu fir-reġistru elettorali ta' dan l-Istat eżattament taħt l-istess kondizzjonijiet tal-votanti ċittadini ta' dak l-Istat, l-ewwel Stat Membru jista', permezz ta' deroga minn din id-Direttiva, joqgħod lura milli japplika l-Artikoli 6 sa 11 fir-rigward ta' tali persuni. L-ebda Stat Membru ma invoka d-deroga prevista mill-Artikolu 12(3)[50].

5. Aktar sforzi sabiex ikunu infurzati d-drittijiet elettorali u l-involviment taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika 5.1. Id-dritt biex persuna ssir membru jew biex twaqqaf partiti politiċi fl-Istat tar-residenza

Skont il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, iċ-ċittadini tal-UE għandhom igawdu minn drittijiet elettorali bl-istess kondizzjonijiet taċ-ċittadini tal-Istat Membru fejn għandhom ir-residenza. Dan ifisser li ċ-ċittadini tal-UE għandhom ikunu kapaċi jieħdu sehem bis-sħiħ fil-ħajja politika tal-Istat Membru ta' residenza, b'referenza partikolari għal sħubija f’partiti politiċi eżistenti jew anke it-twaqqif ta' oħrajn ġodda.

B’konformità mal-azzjonijiet imħabbra fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010 mmirati biex jiżguraw li l-kundizzjonijiet għaċ-ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post huma l-istess bħal taċ-ċittadini nazzjonali, il-Kummissjoni riċentament kienet f'kuntatt mal-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tillimita l-possibbiltà għaċ-ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post li jsiru membri ta’ partit politiku jew li jwaqqfu wieħed[51]. Kif diġà ġie enfasizzat fir-Rapport l-aktar reċenti dwar l-elezzjonijiet Ewropej[52], il-Kummissjoni tqis li tali restrizzjonijiet fil-liġijiet nazzjonali jikkostitwixxu ostaklu biex jiġu eżerċitati d-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE. F'każijiet fejn dawn il-limitazzjonijiet ma jitneħħewx, il-Kummissjoni se tagħmel użu mis-setgħat konferiti lilha mit-Trattati, sabiex tiġi żgurata konformità mad-Direttiva.

5.2. Prattiċi tajbin għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post

Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza ta’ azzjonijiet u inizjattivi mmirati li jippromwovu u jħeġġu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-UE fil-ħajja demokratika tal-Istat tar-residenza.

Xi prattiċi tajbin diġà daħlu fis-seħħ f'xi Stati Membri li jistgħu jittieħdu bħala eżempju. Dan huwa l-każ tad-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Litwanja, Spanja u l-Iżvezja li adottaw miżuri mmirati sabiex jinfurmaw liċ-ċittadini tal-UE dwar id-dritt li jivvutaw u li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali, billi bagħtu ittri individwali bil-posta jew skedi elettorali li fihom informazzjoni dwar il-proċeduri elettorali.

F'dan il-kuntest, it-twettiq ta’ kampanja ta’ sensibilizzazzjoni speċifikament immirata lejn iż-żgħażagħ fl-iskejjel, kif seħħ fil-Lussemburgu, għandha titqies bħala strument effettiv biex tinkoraġixxi l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet muniċipali. L-iskola hija punt ċentrali ta’ referenza fil-ħajja tal-komunità lokali, b’mod partikolari għal dawk li qed jivvutaw għall-ewwel darba, kif ukoll l-attur prinċipali għall-integrazzjoni u l-edukazzjoni ċivika.

Id-Direttiva tistipula li l-Istati Membri fejn il-votazzjoni mhix obbligatorja jistgħu jadottaw sistema ta’ reġistrazzjoni awtomatika tal-votanti. Dan diġà qed iseħħ fl-Awstrija (ħlief Burgenland), id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Isvezja. Il-Kummissjoni tqis b’mod favorevoli l-prattika tar-reġistrazzjoni awtomatika taċ-ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post fir-reġistru elettorali, fl-istess ħin li jiġu rreġistrati bħala residenti. Din il-prattika tevita li jitpoġġa piż addizzjonali fuq iċ-ċittadini li jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-vot, peress illi dawn mhumiex meħtieġa li jissottomettu applikazzjoni oħra sabiex jiġu reġistrati f'terminu perentorju.

Għall-Istati Membri li jadottaw sistema mhux awtomatika għar-reġistrazzjoni fir-reġistru elettorali, il-Kummissjoni tikkunsidra prattika tajba li ma jkunx iffissat terminu perentorju meta ssir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Dan huwa l-każ tal-Italja. Huwa lejn l-aħħar nett tal-fażi tal-kampanja elettorali li ċ-ċittadini ikunu l-aktar involuti f’diskussjonijiet politiċi u għalhekk jiddeċiedu li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-vot. Bħala konsegwenza, li jiġi stabbilit terminu perentorju għar-reġistrazzjoni fir-reġistru elettorali li jiskadi sew qabel tmiem il-kampanja elettorali, jista’ jeskludi dawk iċ-ċittadini li jiddeċiedu li jivvutaw fl-aħħar mument.

6. Konklużjonijiet

It-tqabbil tad-dejta pprovduta fl-ewwel rapport mad-dejta miġbura permezz tal-kwestjonarju fl-2011, l-għadd ta’ ċittadini tal-UE fl-età tal-vot u li għandhom ir-residenza fi Stat Membru ieħor minn dak tagħhom stess, żdied minn 4,7 miljun (2000) sa 8 miljun (2010), l-aktar minħabba t-tkabbir[53]. In-numru ta’ ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post li jieħdu sehem b’mod attiv fil-ħajja demokratika fil-livell lokali ma jidhirx li kiber fil-proporzjon bħala riżultat, għallinqas f’termini li jitolbu sabiex ikunu rreġistrati fir-reġistru elettorali.

L-għadd ta’ votanti fit-tipi differenti ta’ elezzjonijiet sar sfida għad-demokraziji Ewropej. Il-leġittimità miksuba permezz ta’ elezzjonijiet ħielsa u universali hija l-pedament tal-governanza demokratika. Il-livell ta’ parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet huwa indikatur kritiku tal-kwalità tad-demokrazija. Għal dawn ir-raġunijiet, r-rimedju għall-iskuntentizza politika għandu jinżamm bħala prijorità għolja fuq l-aġenda tal-Unjoni u l-Istati Membri. Iridu jsiru sforzi ġodda biex iċ-ċittadini jiġu pprovduti b'informazzjoni mmirata fuq id-drittijiet elettorali tagħhom, u l-proċeduri amministrattivi għandhom jiġu sodisfatti sabiex huma jkunu jistgħu jeżerċitawhom. L-inizjattivi kollha mmirati biex isaħħu s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet elettorali u li jħeġġu l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet lokali għandhom jiġu kkunsidrati bħala appoġġ utli u effettiv, inkluża l-parteċipazzjoni fil-programmi ġestiti mill-Kummissjoni, kif muri hawn fuq fil-kapitlu 2.1.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri sabiex tissorvelja t-traspożizzjoni korretta u l-implimentazzjoni tad-Direttiva u sabiex tgħin lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex ikun żgurat li jiġu eżerċitati bis-sħiħ id-drittijiet elettorali, filwaqt li jitneħħew l-ostakli għad-dritt tal-informazjoni dwar id-drittijiet elettorali tagħhom fil-ħin opportun u b'mod xieraq. Il-proposta għal Sena Ewropea taċ-Ċittadini fl-2013 tirrappreżenta opportunità reali sabiex jissaħħu l-isforzi li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet, bl-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali u lokali, kif ukoll tal-partijiet interessati li qed jiffurmaw il-ħajja politika tal-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħhom.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel użu minn pjattaforma informali ta' koperazzjoni mmirata li tiffaċilita djalogu dirett bejn il-Kummissjoni, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Din il-pjattaforma se tippermetti lill-Kummissjoni tidentifika kwalunkwe diffikultajiet kontinwi li jiltaqgħu magħhom l-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE u se tieħu direttament mill-ideat u l-għarfien espert ta’ dawn l-awtoritajiet kif ukoll l-aħjar prattiċi li huma żviluppaw, bil-ħsieb li jittejjeb l-eżerċitar effettiv ta' dawn id-drittijiet fil-post ikkonċernat.

[1]               Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 83/389, 30.03.2010).

[2]               Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

[3]               It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

[4]               Id-Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE tad-19 ta' Diċembru 1994 li tistipula arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura f'elezzjonijiet muniċipali minn ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini (ĠU L 368, 31.12.1994, p. 38).

[5]               COM(2005)382.

[6]               L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

[7]               L-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

[8]               Rapport fuq l-elezzjonijiet Ewropej COM(2010)605.

[9]               Sors: kwestjonarju mibgħut lill-Istati Membri fl-10 ta’ Jannar 2011 (minn hawn ’il quddiem: "il-kwestjonarju”).

[10]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Il-kisba ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa - Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma - COM/2010/0171 finali.

[11]             Fir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE "It-tneħħija tal-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE" - COM(2010)603 finali -, il-Kummissjoni fasslet 25 azzjoni konkreta li għandhom jittieħdu bl-għan li jitneħħew l-ostakli persistenti li jwaqqfu liċ-ċittadini milli jeżerċitaw effettivament id-drittijiet tagħhom taħt il-liġi tal-UE f’diversi rwoli fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, anki bħala atturi politiċi. Skont l-Azzjoni 18, il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri “biex jiżguraw li d-drittijiet tal-vot taċ-ċittadini tal-UE fl-Istat Membru fejn joqogħdu jiġu infurzati bis-sħiħ, li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jsiru membri ta’ jew jwaqqfu partiti politiċi fl-Istat Membru fejn joqogħdu, u li l-Istati Membri jinfurmaw kif xieraq liċ-ċittadini tal-UE bid-drittijiet elettorali tagħhom”.

[12]             Flash Eurobarometer Nru 292.

[13]             Informazzjoni disponibbli fuq il-link: http://ec.europa.eu/justice/fundamental-rights/programme/

[14]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 2010 dwar l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-2011 għall-programm speċifiku Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza - C(2010)8378.

[15]             COM(2011) 489 final

[16]             Sors: il-kwestjonarju.

[17]             Amsterdam: 51.38%; Lisbona: 53.44%; Kopenħagen: 54.42%; Pariġi: 56.93%; Dublin: 57.77%; Ħelsinki 58,87; Riga: 58.92; Berlin 60.2% (Berlin hija Stat-Belt, għalhekk l-elezzjonijiet muniċipali huma elezzjonijiet statali fl-istess ħin. Dan jispjega l-ammont ta’ votanti għoli. Elezzjonijiet muniċipali iżolati fil-Ġermanja għandhom l-ammont ta’ votanti li jitbaxxa sa 25%, anki fi bliet kbar).

[18]             Bukarest: 31,06%; Bratislava: 33.55%; Sofija: 37.85%; Vilnius: 42.28%; Ateni: 43.04%; Budapest: 43.59%; Praga: 44.43%; Ljubljana: 44.79%; Londra: 45.30%; Varsavja: 48,27%.

[19]             Sors: il-kwestjonarju.

[20]             Ostrava (ir-Repubblika Ċeka): 35.39%; Lille (Franza): 48.83%; Stuttgart (il-Ġermanja): 48.7%; Pecs (l-Ungerija): 33.24%; Galway (l-Irlanda): 49.89%; Rotterdam (Il-Pajjiżi l-Baxxi): 47.9%; Krakovja (il-Polonja) 35.37%; Maribor (is-Slovenja): 43.38%; Trnava (is-Slovakkja): 29.35%; Salford (ir-Renju Unit): 33,50%.

[21]             Minn hawn ’il quddiem, l-ammont ta’ votanti fl-aħħar elezzjonijiet lokali/Ewropej fil-bliet kapitali msemmija. Ateni: 43,04%/45.6%; Budapest: 43.59%/44.91%; Kopenħagen: 54.42%/61.1%; Riga: 58,92%/59,13%.

[22]             Fir-Renju Unit, l-għadd ta’ votanti fl-elezzjonijiet lokali fl-2009 kien ta’ 39,1% u fl-2008 kien ta’ 39,9%; l-għadd ta’ votanti fl-elezzjonijiet lokali tal-2010, miżmuma flimkien mal-elezzjonijiet ġenerali, kien ta’ 62.2%. Fil-Ġermanja, fl-elezzjonijiet għal Sindku ħarġu jivvutaw 51,3% f'Koblenz fl-2002; fl-2009, meta l-elezzjonijiet għal sindku saru flimkien mal-elezzjonijiet federali, l-ammont ta’ votanti kien ta’66,7%. Fl-Italja, l-għadd ta’ votanti fl-elezzjonijiet lokali f'Ruma fl-2006 kien ta’ 65,98%; fl-2008, meta l-elezzjonijiet għal sindku saru flimkien mal-elezzjonijiet ġenerali, l-għadd ta’ votanti kien ta’ 73.66%.

[23]             COM(2002)260.

[24]             Sors: il-kwestjonarju.

[25]             Fl-Awstrija (ħlief Burgenland), id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Isvezja, ir-residenti kollha inklużi ċ-ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post, jiddaħħlu awtomatikament fir-reġistri elettorali.

[26]             Fil-kwestjonarju, l-Istati Membri ntalbu jipprovdu: dejta dwar l-aħħar elezzjonijiet muniċipali fejn ikunu organizzati f'Ġurnata waħda tal-Elezzjoni fil-livell nazzjonali; dejta disponibbli għal elezzjonijiet muniċipali reċenti li jmorru lura sal-aħħar tliet snin, f'każijiet oħra.

[27]             Fl-Irlanda, il-persentaġġ ta’ ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post, irreġistrati, laħaq madwar 25%. Iċ-ċittadini Brittaniċi jirrappreżentaw 25% tal-ammont totali taċ-ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post u 74% minnhom huma rreġistrati sabiex jivvutaw. Huma b’mod partikolari involuti fil-ħajja politika Irlandiża, ġaladarba fuq il-bażi tar-reċiproċità, huma jistgħu jivvotaw fl-elezzjonijiet tad-Dáil Éireann (il-Kamra Minuri tal-Parlament) bl-istess mod kif iċ-ċittadini Irlandiżi jistgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet parlamentari tar-Renju Unit. Fi Spanja l-persentaġġ ta’ ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post, irreġistrati, hija ogħla minn 50%. Il-maġġoranza l-kbira ta’ ċittadini Brittaniċi u Ġermaniżi rreġistrati biex jivvutaw, li jirrappreżentaw flimkien 18,5% tan-numru totali ta’ ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post. Raġuni oħra possibbli għal dan il-proporżjon relattivament ogħli hija li Spanja hija l-uniku Stat Membru, fost dawk li adottaw sistema mhux awtomatika ta’ reġistrazzjoni, li tibgħat ittra individwali li jkun fiha informazzjoni fuq il-proċeduri elettorali liċ-ċittadini tal-UE kollha li mhumiex ċittadini tal-post. Barra minn hekk, fl-Irlanda u Spanja iċ-ċittadini tal-UE li ma kinux ċittadini tal-post diġà setgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali, taħt ċerti kondizzjonijiet, qabel mad-Direttiva daħlet fis-seħħ. Fl-aħħarnett, fl-Isvezja, iċ-ċittadini Finlandiżi jirrappreżentaw 27,5% tan-numru totali taċ-ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post, li fl-aħħar elezzjonijiet lokali madwar 30% ġie stmat li ħarġu jivvutaw.

[28]             COM(2010)605.

[29]             L-Awstrija, Ċipru, il-Litwanja, il-Lussemburgu u s-Slovenja.

[30]             Il-Kummissjoni bħalissa tanalizza l-każijiet tal-Litwanja u s-Slovenja. L-awtoritajiet Sloveni reċentement infurmaw lill-Kummissjoni li huma jaqblu li jemendaw l-leġislazzjoni domestika tagħhom sabiex jiżguraw konformità sħiħa mad-Direttiva.

[31]             L-Artikolu 3 tad-Direttiva jiggarantixxi d-dritt għall-vot u li persuna toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza lil ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-post li jissodisfaw l-istess kondizzjonijiet fir-rigward tal-istess drittijiet li dak l-Istat jimponi bil-liġi fuq iċ-ċittadini tiegħu stess. L-Artikolu 4 jistipula li meta ċittadini ta’ Stat Membru jkunu ġew mitluba li jqattgħu ċertu perjodu minimu bħala residenti fit-territorju ta' dak l-Istat, votanti u persuni li jistgħu joqogħdu bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali għandhom ikunu meqjusa li ssodisfaw dik il-kundizzjoni fejn huma għexu għal perjodu ekwivalenti fi Stati Membri oħrajn.

[32]             Il-Kummissjoni bħalissa qed tanalizza l-każ ta’ Ċipru.

[33]             Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva, a) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jippermettu lill-votant li jiġi irreġistrat biżżejjed bil-quddiem fir-rigward tad-data tal-votazzjoni; b) ċittadini li mhumiex ċittadini tal-post li jitolbu sabiex jiddaħħalu fir-reġistru elettorali iridu jipproduċi l-istess dokumenti bħal dawk mitluba għal ċittadin; c) l-Istat Membru jistgħu jitlob lil ċittadin li m’għandux iċ-ċittadinanza tal-post sabiex jipproduċi dokument ta’ identità validu, flimkien ma' dikjarazzjoni formali li tiddikjara ċ-ċittadinanza tiegħu/tagħha, u l-indirizz tiegħu/tagħha fl-Istat Membru ta' residenza.

[34]             Il-Liġi nru 1545 tal-21/12/2010 tad-Danimarka u l-Liġi nru 1843/2010 tal-Isvezja.

[35]             Dikjarazzjoni li huwa/hija ma ġiex/ġietx imċaħħad/da mid-dritt li joħroġ/toħroġ bħala kandidat fl-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu/tagħha; f’każ ta’ dubju, ċertifikat mill-Istat Membru tad-domiċilju li jgħid li huwa/hija ma ġiex/ġietx imċaħħad/da mid-dritt li joħroġ/toħroġ bħala kandidat/a; dokument ta' identità validu; dikjarazzjoni formali li huwa/hija m’għandu/ha l-ebda kariga li hija inkompatibbli; dikjarazzjoni li tindika l-aħħar indirizz fl-Istat Membru tad-domiċilju.

[36]             Il-Kummissjoni bħalissa qed tanalizza l-każ tal-Bulgarija.

[37]             Il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja.

[38]             Franza, is-Slovakkja, Spanja.

[39]             Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, l-Italja, il-Latvija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja.

[40]             L-Ungerija, il-Polonja u s-Slovenja.

[41]             Il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, Franza, l-Italja u l-Litwanja.

[42]             Il-Bulgarija, il-Greċja u r-Rumanija.

[43]             L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva jiddefinixxi "unità bażika ta' gvern lokali" bħala l-entitajiet amministrattivi mniżżla fl-Anness li, skont il-liġijiet ta' kull Stat Membru, jkun fihom korpi eletti b'vot dirett universali u għandhom il-poter li jamministraw, fil-livell bażiku ta' organiżazzjoni politika u amministrativa, ċerti affarijiet lokali bir-responsabbiltà proprja taghħom.

[44]             L-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-aġġustamenti fit-Trattati fuq liema l-Unjoni Ewropea hija stabbilita (ĠU L 236, 23.9.2003, p. 334).

[45]             Direttiva tal-Kunsill 2006/106/KE (ĠU L 363, 20/12/2006, p. 0409–0410).

[46]             Id-Danimarka, il-Greċja u l-Latvja.

[47]             L-Artikolu 2 tal-liġi tat-18/02/2003.

[48]             L-Artikolu 192 tal-liġi tat-18/02/2003.

[49]             Ittra tal-11 ta’ Frar 2011.

[50]             Skont l-Artikolu 12(3) fejn il-liġijiet ta' Stat Membru jipprovdu illi ċittadini ta' Stat Membru ieħor li għandhom residenza hemmhekk għandhom id-dritt li jivvutaw għall-parlament nazzjonali ta' dak l-Istat u, għal dan l-iskop, jistgħu jiddaħħlu fir-reġistru elettorali ta' dan l-Istat eżattament taħt l-istess kondizzjonijiet tal-votanti ċittadini ta' dak l-Istat, l-ewwel Stat Membru jista', permezz ta' deroga minn din id-Direttiva, joqgħod lura milli japplika l-Artikoli 6 sa 11 fir-rigward ta' tali persuni.

[51]             Il-Kummissjoni bħalissa qed tanalizza l-każijiet tar-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Litwanja, il-Latvja, il-Polonja, s-Slovakkja u Spanja. Il-Finlandja diġà ħabbret li limitazzjonijiet eżistenti f'dan ir-rigward se jitneħħew mill-leġiżlazzjoni tagħha.

[52]             COM(2010)605.

[53]             Madwar 40% huma ċittadini mill-Istati Membri li ssieħbu fl-UE mill-2004.