Official Journal L 114 , 01/05/1999 P. 0046 - 0046
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 921/1999 tat-30 ta’April 1999 li jipprovdi għal miżuri speċjali sabiex frott u ħaxix irtirati mis-suq jitqassmu lil refuġjati mill-Kosovo IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott u l-ħaxix [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 857/1999 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 30(7) tiegħu, (1) Filwaqt li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 659/97 [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 729/1999 [4], jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament (KE) Nru 2200/96 f’dak li għandu x’jaqsam ma’l-arranġamenti ta’l-intervent fis-settur tal-frott u l-ħaxix u speċjalment fid-distribuzzjoni ħielsa ta’ prodotti rtirati mis-suq bħala għajnuna umanitarja barra mill-Komunità; (2) Filwaqt li l-Artikolu 14(3) u l-Artikolu 16(2) ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxu għadd ta’ kondizzjonijiet u jeħtieġu Deċiżjoni tal-Kummissjoni qabel kull operazzjoni ta’ distribuzzjoni ħielsa barra mill-Komunità; (3) Filwaqt li l-ħtieġa urġenti sabiex tinkiseb l-għajnuna f’ikel għar-refuġjati vittmi tal-kriżi tal-Kosovo u għall-familji li jospitawhom hi magħrufa sew; (4) Filwaqt li, sabiex tiġi ffaċilitata l-għajnuna għal dawn in-nies, għandhom isiru derogi minn ċerti klawsoli ta’ l-Artikolu 14(3) u l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/97, sakemm jingħata avviż ieħor; (5) Billi ż-żoni li għalihom tapplika din id-deroga għandhom jiġu ddemarkati; (6) Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni għall-Frott u l-Ħaxix Frisk, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 L-Artikolu 14(3) u l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/97 m’għandhomx japplikaw għal operazzjonijiet ta’ distribuzzjoni ħielsa li jinvolvu refuġjati tal-Kosovo u l-familji li jospitawhom fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Jugoslavia (is-Serbja u l-Montenegro), l-Albanija, ir-Repubblika ex-Jugoslava tal-Maċedonja, il-Bosnija u l-Herzegovina, il-Bulgarija u r-Rumanija. Għal dawn l-operazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni: - fl-ewwel ġurnata xogħol ta’ kull xahar, l-informazzjoni stipulata fl-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 659/97 dwar l-operazzjonijiet li tlestew, - kopja tan-notifika mibgħuta lis-Sottokumitat tal-FAO dwar id-Disponiment tas-Surplus. Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, 30 ta’April 1999 Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 297, tal-21.11.1996, p. 1. [2] ĠU L 108, tas-27.4.1999, p. 7. [3] ĠU L 100, tas-17.4.1997, p. 22. [4] ĠU L 93, tat-8.4.1999, p. 11. --------------------------------------------------