European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/299

13.2.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/299

tal-31 ta’ Ottubru 2024

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fil-kriptoassi fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar il-kontinwità u r-regolarità fit-twettiq ta’ servizzi tal-kriptoassi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 68(10), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedu rekwiżiti relatati mar-rispons u l-irkupru, il-politiki u l-proċeduri ta’ backup, il-proċeduri u l-metodi ta’ restawr u rkupru li jikkonċernaw is-sistemi tal-ICT tal-entitajiet finanzjarji, inklużi l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1774 (3) jispeċifika aktar il-komponenti tal-politika tal-kontinwità tal-operat tal-ICT, l-ittestjar tal-pjanijiet tal-kontinwità tal-operat tal-ICT, il-komponenti tal-pjanijiet ta’ rispons u rkupru tal-ICT tal-entitajiet finanzjarji, inklużi l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi. Dan ir-Regolament jikkomplementa dawk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/2554 u tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1774 fir-rigward tal-kontinwità u r-regolarità fit-twettiq tas-servizzi tal-kriptoassi.

(2)

Meta jipprovdu s-servizzi tagħhom, il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jistgħu jużaw reġistru distribwit li ma jkollhom l-ebda kontroll fuqu, inkluż reġistru distribwit mingħajr permess. F’dak il-każ, jistgħu ma jkunux kapaċi jiżguraw ir-regolarità u l-kontinwità tas-servizzi tagħhom meta t-tfixkil ikun ikkawżat minn problemi li jkunu inerenti għall-operat ta’ tali reġistri distribwiti. Sabiex tittaffa l-volatilità tas-suq li jista’ jkollha impatt negattiv fuq il-klijenti affettwati minn tali tfixkil, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jinkludu miżuri fil-politika tal-kontinwità tal-operat tagħhom għal komunikazzjoni f’waqtha mal-klijenti u ma’ partijiet ikkonċernati esterni oħra. Tali komunikazzjoni jenħtieġ li tinkludi informazzjoni essenzjali u f’waqtha għall-klijenti dwar tali tfixkil, inklużi aġġornamenti kontinwi tal-istatus, sakemm jiġi solvut it-tfixkil u s-servizzi jerġgħu jibdew. Meta l-informazzjoni dwar l-istatus tar-reġistru distribwit mingħajr permess responsabbli għal tfixkil fis-servizz ma tkunx disponibbli faċilment għall-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, jenħtieġ li dak il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jikkomunika aġġornamenti lill-klijenti u lil partijiet ikkonċernati oħra, inkluż lill-awtoritajiet kompetenti, abbażi tal-aħjar sforz, biex jiġi żgurat li l-klijenti u l-partijiet ikkonċernati jkollhom informazzjoni kemm jista’ jkun komprensiva dwar tali tfixkil.

(3)

Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv sproporzjonat għall-intrapriżi żgħar u medji u għan-negozji ġodda, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jikkunsidraw fil-politika tal-kontinwità tal-operat tagħhom l-iskala, in-natura u l-firxa tas-servizzi li jipprovdu. Dan ifisser li jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jiddeterminaw ir-rekwiżiti speċifiċi tal-kontinwità tal-operat tagħhom abbażi ta’ awtovalutazzjoni robusta, imsejsa fuq għadd ta’ kriterji li jippermettulhom jimplimentaw politika ta’ kontinwità tal-operat li tkun proporzjonata mal-impatt tas-suq tas-servizzi tagħhom. Jenħtieġ li l-awtovalutazzjoni tqis ukoll ċirkostanzi oħra lil hinn minn dawk elenkati fl-Anness, li jista’ jkollhom impatt fuq il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi.

(4)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

(5)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“funzjoni kritika jew importanti” tfisser funzjoni kritika jew importanti kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (22), tar-Regolament (UE) 2022/2554;

(b)

“reġistru distribwit mingħajr permess” tfisser tip speċifiku ta’ reġistru distribwit li fih l-ebda entità ma tikkontrolla r-reġistru distribwit u n-nodi tan-network tad-DLT jistgħu jiġu stabbiliti minn kwalunkwe persuna li tikkonforma mar-rekwiżiti tekniċi u l-protokolli ta’ dak ir-reġistru distribwit.

Artikolu 2

Arranġamenti organizzazzjonali tal-kontinwità tal-operat

1.   Il-politika tal-kontinwità tal-operat imsemmija fl-Artikolu 68(7) tar-Regolament (UE) 2023/1114 għandha tkun magħmula minn pjanijiet, proċeduri u miżuri.

2.   Il-korp maniġerjali tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu msemmija fl-Artikolu 68(6) tar-Regolament (UE) 2023/1114, għandu jistabbilixxi u japprova l-pjanijiet, il-proċeduri u l-miżuri li jinkludu l-politika tal-kontinwità tal-operat. Il-korp maniġerjali tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politika tal-kontinwità tal-operat, u għar-rieżami tal-effettività tagħha mill-inqas fuq bażi annwali.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jiżguraw li kwalunkwe modifika fil-politika tal-kontinwità tal-operat tiġi trażmessa lill-persunal intern rilevanti kollu permezz ta’ kanali ta’ komunikazzjoni effettivi.

Artikolu 3

Politika għall-kontinwità tal-operat

1.   Il-politika tal-kontinwità tal-operat imsemmija fl-Artikolu 68(7) tar-Regolament (UE) 2023/1114 għandha tiżgura li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jindirizzaw kif xieraq inċidenti ta’ tfixkil jew kwistjonijiet ta’ prestazzjoni relatati mas-sistemi kritiċi għall-operat tal-funzjonijiet tan-negozju tagħhom u għandha tiġi stabbilita f’mezz durabbli.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jinkludu fil-politika ta’ kontinwità tal-operat dawn kollha li ġejjin:

(a)

speċifikazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika tal-kontinwità tan-negozju, inklużi l-limitazzjonijiet u l-esklużjonijiet tagħha, li għandhom jiġu koperti mill-pjanijiet, il-proċeduri u l-miżuri tal-kontinwità tan-negozju;

(b)

deskrizzjoni tal-kriterji biex jiġu attivati l-pjanijiet tal-kontinwità tal-operat, inkluż il-proċeduri ta’ eskalazzjoni sal-livell tal-korp maniġerjali;

(c)

dispożizzjonijiet dwar il-governanza u l-organizzazzjoni tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, inkluż ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-persunal, li jiżguraw li jkun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli għall-implimentazzjoni effettiva tal-politika;

(d)

dispożizzjonijiet li jiżguraw konsistenza bejn il-pjanijiet ta’ kontinwità tal-operat u l-pjanijiet ta’ kontinwità tal-operat tal-ICT, u l-pjanijiet ta’ rispons u rkupru tal-ICT imsemmija fl-Artikoli 24 u 26 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1774.

Artikolu 4

Pjanijiet ta’ kontinwità tal-operat

1.   Meta jimplimentaw il-politika ta’ kontinwità tal-operat imsemmija fl-Artikolu 68(7) tar-Regolament (UE) 2023/1114, il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jistabbilixxu pjanijiet ta’ kontinwità tal-operat. Il-pjanijiet tal-kontinwità tal-operat għandhom jistabbilixxu l-proċeduri meħtieġa biex jiġu protetti u, fejn meħtieġ, jiġu stabbiliti mill-ġdid:

(a)

il-kunfidenzjalità, l-integrità u d-disponibbiltà tad-data tal-klijenti;

(b)

id-disponibbiltà tal-funzjonijiet tan-negozju, il-proċessi ta’ appoġġ u l-assi ta’ informazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi.

2.   Il-pjanijiet tal-kontinwità tal-operat għandu jkun fihom dan li ġej:

(a)

firxa ta’ xenarji avversi possibbli relatati mal-operat tas-sistemi ta’ negozjar algoritmiku, inkluż in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ sistemi, persunal, spazju ta’ ħidma, fornituri esterni jew ċentri tad-data jew it-telf jew l-alterazzjoni ta’ data u dokumenti kritiċi;

(b)

il-proċeduri u l-politiki li għandhom jiġu segwiti f’każ ta’ inċident ta’ tfixkil, inklużi:

(i)

il-miżuri li huma meħtieġa għall-irkupru ta’ funzjonijiet kritiċi jew importanti;

(ii)

l-iskadenzi sa meta dawk il-funzjonijiet kritiċi jew importanti għandhom jiġu rkuprati;

(iii)

objettivi tal-punt ta’ rkupru;

(iv)

il-ħin massimu biex jerġgħu jibdew is-servizzi;

(c)

il-proċeduri u l-politiki għar-rilokazzjoni tal-funzjonijiet tan-negozju użati biex jipprovdu servizzi tal-kriptoassi għal sit ta’ riżerva;

(d)

back-up ta’ data kummerċjali kritika, inkluża informazzjoni aġġornata tal-kuntatti meħtieġa biex tiġi żgurata l-komunikazzjoni fil-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, bejn il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi u l-klijenti tiegħu;

(e)

proċeduri għal komunikazzjonijiet f’waqthom ma’ klijenti u partijiet ikkonċernati esterni oħra, inklużi l-awtoritajiet kompetenti.

3.   Fil-każ ta’ tfixkil li jinvolvi reġistru distribwit mingħajr permess użat mill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi fil-forniment tas-servizzi tiegħu, il-komunikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (e) għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

meta s-servizzi huma mistennija li jerġgħu jibdew;

(b)

ir-raġunijiet u l-impatt tal-inċident ta’ tfixkil;

(c)

kwalunkwe riskju li jikkonċerna l-fondi tal-klijenti u l-kriptoassi miżmuma f’isimhom;

(d)

miżuri li s-servizz tal-kriptoassi jkun biħsiebu jieħu b’rispons għat-tfixkil ta’ reġistru distribwit mingħajr permess.

Meta dik l-informazzjoni ma tkunx faċilment disponibbli għall-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi għandu jikkomunika aġġornamenti fir-rigward tal-informazzjoni fl-ewwel subparagrafu lill-klijenti u lill-partijiet ikkonċernati, inkluż l-awtoritajiet kompetenti, abbażi tal-aħjar sforz.

4.   Il-pjanijiet ta’ kontinwità tal-kummerċ għandhom jinkludu l-proċeduri li jindirizzaw kwalunkwe tfixkil tal-funzjonijiet kritiċi jew importanti esternalizzati, inkluż meta dawk il-funzjonijiet operazzjonali kritiċi ma jibqgħux disponibbli.

Artikolu 5

Ittestjar perjodiku tal-pjanijiet ta’ kontinwità tal-operat

1.   Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jittestjaw it-tħaddim tal-pjanijiet ta’ kontinwità tal-operat imsemmija fl-Artikolu 4 fuq il-bażi ta’ xenarji realistiċi. Tali ttestjar għandu jivverifika l-kapaċità tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi li jirkupra minn inċidenti ta’ tfixkil u li jerġa’ jibda s-servizzi f’konformità mal-Artikolu 4(2), il-punt (b).

2.   Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jittestjaw il-pjanijiet għall-kontinwità tal-operat kull sena filwaqt li jqisu:

(a)

ir-riżultati tat-testijiet imsemmija fil-paragrafu 1;

(b)

l-aktar intelligence reċenti dwar it-theddid;

(c)

lezzjonijiet derivati minn avvenimenti preċedenti;

(d)

fejn rilevanti, kwalunkwe bidla fl-objettivi ta’ rkupru, inklużi l-objettivi taż-żmien tal-irkupru u l-objettivi tal-punt ta’ rkupru kif imsemmi fl-Artikolu 4(2), il-punt (b);

(e)

bidliet fil-funzjonijiet tan-negozju.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jiddokumentaw ir-riżultati tal-attività tal-ittestjar bil-miktub, u jippreżentawhom lill-korp maniġerjali tagħhom u lill-unitajiet operatorji involuti fil-pjanijiet tal-kontinwità tal-operat.

4.   Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jiżguraw li l-ittestjar tal-pjanijiet ta’ kontinwità tal-operat ma jfixkilx il-kondotta normali tas-servizzi tagħhom.

Artikolu 6

Kumplessità u kunsiderazzjonijiet tar-riskju

1.   Meta jistabbilixxu l-politika ta’ kontinwità tal-operat, inkluż il-pjanijiet, il-proċeduri u l-miżuri, il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom iqisu l-elementi ta’ kumplessità jew riskju akbar, inkluż:

(a)

it-tip u l-firxa ta’ servizzi tal-kriptoassi offruti;

(b)

il-punt sa fejn is-servizzi tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jiddependu fuq reġistru distribwit mingħajr permess;

(c)

l-impatt potenzjali ta’ kwalunkwe tfixkil fuq il-kontinwità tal-attivitajiet tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi u d-disponibbiltà tas-servizzi tiegħu.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom iwettqu awtovalutazzjoni tal-iskala, in-natura u l-firxa tas-servizzi tagħhom kull sena. Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jibbażaw dik l-awtovalutazzjoni fuq il-kriterji stabbiliti fl-Anness u kwalunkwe kriterju ieħor li l-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jqis rilevanti.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2554/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1774 tat-13 ta’ Marzu 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-għodod, il-metodi, il-proċessi u l-politiki tal-ġestjoni tar-riskju tal-ICT u l-qafas issimplifikat tal-ġestjoni tar-riskju tal-ICT (ĠU L, 2024/1774, 25.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1774/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).


ANNESS

KRITERJI GĦALL-AWTOVALUTAZZJONI TAL-FORNITURI TA’ SERVIZZI TAL-KRIPTOASSI

(a)

in-natura tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, abbażi tal-elementi li ġejjin:

(i)

id-deżinjazzjoni tal-klassi msemmija fl-Anness IV tar-Regolament (UE) 2023/1114;

(ii)

il-livelli medji ta’ likwidità, jew il-profondità tas-suq, tal-kriptoassi disponibbli għan-negozjar fuq pjattaforma ta’ negozjar għall-kriptoassi, fejn applikabbli;

(iii)

ir-rwol tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi fis-sistema finanzjarja, inkluż jekk il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi joperax pjattaforma ta’ negozjar għall-kriptoassi u jekk il-kriptoassi nnegozjati fuq il-pjattaforma tiegħu jiġux innegozjati fuq pjattaformi oħra ta’ negozjar għall-kriptoassi.

(b)

l-iskala, billi jiġi vvalutat l-impatt tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi fuq il-funzjonament ordnat tas-swieq abbażi tal-elementi li ġejjin, fejn applikabbli:

(i)

jekk il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jikkwalifikax bħala sinifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) 2023/1114;

(ii)

l-għadd ta’ pajjiżi li fihom il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jkun qed iwettaq attività ta’ negozju;

(iii)

l-għadd ta’ klijenti;

(iv)

l-għadd ta’ utenti attivi;

(v)

il-valur tal-kriptoassi miżmuma f’kustodja;

(vi)

il-volum ta’ tranżazzjonijiet fuq pjattaforma ta’ negozjar għall-kriptoassi;

(vii)

l-għadd ta’ trasferimenti ta’ kriptoassi mwettqa f’isem il-klijenti;

(viii)

l-għadd ta’ ordnijiet eżegwiti f’isem il-klijenti.

(c)

il-kumplessità, billi jiġu vvalutati l-elementi li ġejjin:

(i)

l-istruttura tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi f’termini ta’ sjieda u governanza, u l-preżenza organizzazzjonali, operazzjonali, teknika, fiżika u ġeografika tiegħu;

(ii)

il-livell ta’ esternalizzazzjoni tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, u b’mod partikolari jekk kwalunkwe funzjoni operazzjonali kritika jew importanti tkunx ġiet esternalizzata;

(iii)

l-għadd u t-tip ta’ reġistri distribwiti użati fl-eżekuzzjoni tas-servizzi;

(iv)

l-għadd ta’ nodi tan-network tad-DLT li l-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jopera f’reġistru distribwit wieħed jew aktar;

(v)

l-għadd u t-tip ta’ kuntratti intelliġenti implimentati u miżmuma mill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi;

(vi)

kif iċ-ċwievet kriptografiċi privati tal-klijenti jew mezzi oħra ta’ aċċess għall-kriptoassi jinżammu taħt salvagwardja;

(vii)

l-użu ta’ kartieri jew kartieri ta’ kustodja bbażati fuq software u hardware li jiżguraw ċwievet kriptografiċi bl-użu ta’ fiduċjarji multipli.

Għall-finijiet tal-punti (b) (iii) sa (viii), il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi għandu juża għall-awtovalutazzjoni l-medja ta’ kuljum fuq perjodu ta’ referenza ta’ sena.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/299/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)