SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)
13 ta’ Ġunju 2007 ( *1 )
“Trade mark Komunitarja — Sinjali figurattivi — Raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni — Nuqqas ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”
Fil-Kawża T-441/05,
IVG Immobilien AG, stabbilita f’Bonn (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Okonek u U. Karpenstein, avocats,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,
konvenut,
li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ta’ l-1 ta’ Settembru 2005 (Każ R 559/2004-4), dwar talba għar-reġistrazzjoni tas-sinjal figurattiv I, bħala trade mark Komunitarja,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn H. Legal, President, I. Wiszniewska-Białecka u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,
Reġistratur: K. Andová, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Diċembru 2005,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Marzu 2006,
wara s-seduta tal-11 ta’ Jannar 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
1 |
Fil-5 ta’ Novembru 2002, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendata. |
|
2 |
It-trade mark li għaliha r-reġistrazzjoni ġiet mitluba hija t-trade mark figurattiva ta’ kulur blu jgħajjat, riprodotta kif ġej: |
|
3 |
Is-servizzi li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 35, 36, 37, 39, 42 u 43 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u ta’ Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:
|
|
4 |
Permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Ġunju 2004, l-eżaminatur irrifjuta li jirreġistra s-sinjal ippreżentat, għar-raġuni li dan ma kienx ta’ karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, meta mqabbel mas-servizzi kollha msemmija fit-talba għal reġistrazzjoni. |
|
5 |
F’dan ir-rigward, l-eżaminatur irrileva li, sakemm ma jippreżentaw ebda grafika partikolari u li tiġbed l-għajn, sinjali ordinarji u sempliċi, bħalma huma l-ittri waħedhom, in-numri kardinali jew il-forom ġeometriċi bażiċi mhumiex distintivi. Sussegwentement, huwa kkunsidra li s-sinjal ippreżentat minnu nnifsu ma kellu ebda partikolarità ta’ natura li tagħtih funzjoni li tmur lil hinn minn rappreżentazzjoni ta’ ittra normali. |
|
6 |
Ir-rikorrenti kkontestat din id-deċiżjoni quddiem l-UASI, permezz ta’ appell ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2004 abbażi ta’ l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94. In sostenn ta’ l-azzjoni tagħha, ir-rikorrenti allegat li l-forma tas-sinjal ippreżentat kienet distintiva permezz ta’ l-ittra “i” bid-daqs tal-karattri ta’ “Times New Roman”, bħala ittra kapitali fid-dawl ukoll tal-kulur tagħha, kif ukoll l-irquqija u t-tul ta’ l-elementi orizzontali trażversali li jinsabu fil-parti ta’ fuq u ta’ isfel tagħha. |
|
7 |
Din l-azzjoni ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ta’ l-1 ta’ Settembru 2005 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), innotifikata lir-rikorrenti fid-19 ta’ Ottubru segwenti. |
|
8 |
Il-Bord ta’ l-Appell sostna, b’mod partikolari, kif ġej: “[. . .]
[…]” |
It-talbiet tal-partijiet
|
9 |
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza togħġobha:
|
|
10 |
L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza togħġobha:
|
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà ta’ l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti
|
11 |
L-UASI jitlob li l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti jiġi ddikjarat inammissibbli safejn ifittex li jikseb ordni mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiġi rreġistrata t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-servizzi kollha indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. |
|
12 |
Skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors imressaq quddiem il-qorti Komunitarja kontra d-deċiżjoni ta’ Bord ta’ Appell ta’ l-UASI, dan ta’ l-aħħar għandu l-obbligu, skond l-Artikolu 233 KE u l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, li jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma mas-sentenza ta’ annullament tal-qorti Komunitarja. |
|
13 |
Għaldaqstant, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tressaq inġunzjonijiet quddiem l-UASI. Bil-kontra, huwa dan ta’ l-aħħar li jista’ jiddeduċi, skond il-każ, il-konsegwenzi tal-parti operattiva tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza [sentenza tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33]. |
|
14 |
Għalhekk l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud, safejn dan huwa intiż sabiex jikseb deċiżjoni ta’ ordni mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiġi rreġistrata t-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni għas-servizzi kollha msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. |
Fuq l-uniku motiv tar-rikors, ibbażat fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94
L-argumenti tal-partijiet
|
15 |
Ir-rikorrenti ssostni li meta l-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra s-sinjal ippreżentat bħala wieħed ordinarju u mingħajr sinjifikat u kkunsidra li ma jagħtix lok lis-settur professjonali rilevanti li jidentifika l-oriġini kummerċjali tas-servizzi indikati, huwa indebitament saħħaħ is-severità tal-kriterji ta’ l-aspett distintiv ta’ l-ittri, bi ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. |
|
16 |
Il-funzjoni essenzjali ta’ trade mark hija dik li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utilizzatur finali l-identità ta’ l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 28). |
|
17 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat, fil-kuntest ta’ eżami a priori u barra minn kull użu effettiv tas-sinjal, jekk is-sinjal ippreżentat jippermettix lill-pubbliku mmirat li jiddistingwi bejn il-prodotti u s-servizzi msemmija minn dawk li huma ta’ provenjenza minn impriżi oħra, meta dan jiġi biex jagħmel l-għażla tiegħu fl-akkwist ta’ dawn il-prodotti jew servizzi [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2001, Bank für Arbeit und Wirtschaft vs UASI (EASYBANK), T-87/00, Ġabra p. II-1259, punt 40, u tas-7 ta’ Frar 2002, Mag Instrument vs UASI, (Forma ta’ torċa ta’ l-idejn), T-88/00, Ġabra p. II-467, punt 34]. |
|
18 |
L-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma jagħmel ebda distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ sinjali. Lanqas l-UASI ma jista’ mal-ewwel jiċħad l-ittri iżolati billi jirreferi għad-direttivi ta’ eżami tiegħu, mingħajr ma jevalwa ċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ preżenti. |
|
19 |
Jidher li l-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat li ittri sempliċi setgħu, fost il-pubbliku rilevanti, minħabba d-disinn grafiku speċifiku tagħhom, ikunu ta’ karattru distintiv li jiġbed l-attenzjoni, u konsegwentement, suffiċjenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet fakkret l-“element dominanti” ta’ l-ittra “a” magħmula minn ittra korsiva żgħira ta’ kulur abjad fuq sfond iswed. Dan is-sempliċi sinjal jifluwenza immedjatament il-ħsieb u jidħol fil-memorja [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 2004, AVEX vs UASI — Ahlers (a), T-115/02, Ġabra p. II-2907, punt 20]. |
|
20 |
Għaldaqstant, huwa radikalment żbaljat l-argument ta’ l-UASI li jgħid li l-arranġament ta’ ittra f’wieħed mill-kuluri ta’ bażi standard ikollu qabel xejn funzjoni dekorattiva li ma tindikax l-oriġini. |
|
21 |
Il-Bord ta’ l-Appell ma setax jiġġustifika legalment id-deċiżjoni tiegħu billi jikkunsidra li l-karattru ppreżentat kien ordinarju u mingħajr sinjifikat jew ukoll fantażjuż. In-nuqqas ta’ element distintiv ma setax jirriżulta partikolarment mill-unika osservazzjoni li s-sinjal ippreżentat kien nieqes minn element ta’ fantasija jew li m’għandux aspett mhux tas-soltu jew li jiġbed l-għajn (sentenza EASYBANK, iċċitata fit-punt 17 iktar ’il fuq, punti 39 et seq). |
|
22 |
L-UASI diġà rrikonoxxa karattru biżżejjed distintiv għat-trade marks a u j li huma intiżi sabiex it-tnejn li huma jirrappreżentaw artikoli ta’ lbies. Ma hemm ebda raġuni li s-sinjal ippreżentat fil-każ preżenti jiġi ttrattat b’mod differenti u li jirrigwarda lil “IVG Immobilien AG”. |
|
23 |
Is-sinjal figurattiv ippreżentat jikseb il-karattru distintiv tiegħu mill-fatt li hemm l-użu tal-kulur blu skur, b’mod partikolari intens u arranġament grafiku differenti mid-daqs tal-karattru standard “Times New Roman”. Dan l-arranġament grafiku jirrappreżenta wkoll binja skond forma stilizzata u b’hekk huwa marbut mat-trade mark figurattiva Ġermaniża preċedenti “IVG” tar-rikorrenti. |
|
24 |
Għandu jiġi evalwat il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fid-dawl tas-settur ta’ l-użu u l-ġestjoni kummerċjali ta’ beni mmobbli. Min-natura tiegħu, dan is-settur jagħmel użu ta’ trade marks u ta’ simboli li huma inqas viżivi u li inqas jiġbdu l-għajn minn dawk is-sinjali użati, per eżempju, fil-kummerċ bl-imnut. Għaldaqstant, għandu jiġi applikat kriterju ta’ attenzjoni differenti għall-pubbliku mmirat mill-attività tar-rikorrenti. Għal din ir-raġuni, il-kulur tas-sinjal ippreżentat ma jistax jitqies bħala mhux importanti, iktar u iktar minħabba li l-lowgow tar-rikorrenti kienet diġà kkaratterizzata mill-kulur blu skur. |
|
25 |
Għaldaqstant hemm lok li jiġi rrikonoxxut il-livell distintiv minimu neċessarju iżda wkoll suffiċjenti għas-sinjal li qed jiġi eżaminat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Forma ta’ torċi ta’ l-idejn, iċċitata fit-punt 17 iktar ’il fuq, punt 34), sabiex dan jingħata protezzjoni. |
|
26 |
L-UASI jafferma li l-karattru distintiv ta’ trade mark skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi evalwat fir-rigward, minn naħa, tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, u min-naħa l-oħra, mill-perċezzjoni li għandu l-pubbliku kkonċernat, jiġifieri l-konsumatur medju li huwa normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, Ġabra p. I-5089, punt 35). |
|
27 |
Il-kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ l-element distintiv ta’ l-ittri waħedhom mhumiex differenti minn dawk li huma applikabbli għal trade marks verbali jew figurattivi oħra, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 ma jagħmel l-ebda differenza bejn id-diversi forom ta’ trade mark. Il-fatt li l-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat mhijiex identika għall-kategoriji kollha tat-trade marks ma jiġġustifikax l-esklużjoni a priori ta’ ċerti trade marks milli jiġu rreġistrati. |
|
28 |
Għaldaqstant hemm lok li ssir previżjoni tal-perċezzjoni tas-sinjal mill-konsumatur. Hekk kif sar dan l-eżerċizzju, il-Bord ta’ l-Appell wasal għall-konklużjoni li l-pubbliku kkonċernat ma jipperċepixxix is-sinjal ippreżentat bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini tas-servizzi koperti. |
|
29 |
Huwa importanti li s-sinjal ippreżentat jinftiehem bħala tali u indipendentement minn karatteristiċi oħra. Meta l-konsumatur jiltaqa’ mas-sinjal ippreżentat, ikkunsidrat waħdu, huwa jipperċepixxi biss, permezz tas-sostenn utilizzat, element, ittra jew figura Rumana li għandhom l-għan li jagħtu struttura lil dokument jew li jservu ta’ dekorazzjoni. Kif sostna l-Bord ta’ l-Appell, din il-perċezzjoni hija riżultat tal-fatt li l-preżentazzjoni grafika tas-sinjal ippreżentat ma tiġbidx l-attenzjoni tal-pubbliku mmirat. L-elementi trażversali li jiddistingwu s-sinjal ippreżentat mid-daqs ta’ l-ittri normali mhumiex perċepibbli ħlief wara osservazzjoni bir-reqqa u l-użu tal-kulur blu mhuwiex eċċezjonali. |
|
30 |
Ir-referenza għas-sentenza (a), punt 19 iktar ’il fuq, mhijiex applikabbli. Din is-sentenza, mogħtija f’kawża inter partes, tirrigwarda kwistjoni dwar jekk element intrinsikament mhux distintiv ta’ trade mark jistax jiddomina l-impressjoni globali prodotta minn din it-trade mark, u konsegwentement, jiġi invokat in sostenn ta’ l-eżistenza ta’ riskju ta’ konfużjoni. Sa ċertu punt, dan huwa favur il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li l-Qorti tal-Prim’ Istanza manifestament stipulat li l-ittra “a”, min-natura tagħha, ma setgħetx tiġi rreġistrata u li s-sinjal figurattiv jieħu l-karattru distintiv tiegħu mill-preżentazzjoni grafika tiegħu biss (sentenza (a), punt 19 iktar ’il fuq, punt 21). |
|
31 |
Id-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell hija konformi mal-prassi segwita mill-UASI fil-qasam tar-reġistrazzjoni. Is-sentenzi invokati mir-rikorrenti huma differenti mill-każ preżenti minħabba arranġament grafiku li iżjed jiġbed l-attenzjoni mis-sinjali in kwistjoni. |
|
32 |
Il-Bord ta’ l-Appell irrileva li t-trade mark figurattiva j ma kinitx riprodotta fid-daqs ta’ karattri standard u li ż-żieda ta’ element kienet suffiċjenti sabiex tagħti karattru distintiv minimu lill-ittra ppreżentata (deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Lulju 2001, R 480/1999-2). Il-karattru distintiv minimu tat-trade mark figurattiva a jirriżulta wkoll mill-preżentazzjoni grafika tagħha (deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 1999, R 091/1998-2). |
|
33 |
Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza, id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark bħala trade mark Komunitarja, li l-Bordijiet ta’ l-Appell għandhom jieħdu skond ir-Regolament Nru 40/94, jaqgħu taħt kompetenza relatata u mhux taħt setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet m’għandhiex tiġi evalwata ħlief fuq il-bażi tar-regolament kif interpretat mill-qorti Komunitarja u fuq il-bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-Bordijiet ta’ l-Appell. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
|
34 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 intitolat “Sinjali li jistgħu jintużaw fi trade mark Komunitarja” jipprovdi: “Trade mark Komunitarja tista’ tikkonsisti f’sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra”. |
|
35 |
L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94, li jelenka r-raġunijiet assoluti għal rifjut, li jistgħu ma jitħallewx jiġu rreġistrati bħala sinjali inkwantu trade mark Komunitarja, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu: “1. Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati: […]
|
|
36 |
Fil-każ preżenti, ir-rikorrenti talbet reġistrazzjoni Komunitarja ta’ sinjal figurattiv li jikkonsisti fir-riproduzzjoni grafika tal-kulur blu skur ta’ l-ittra kapitali “i” jew tal-figura Rumana kif ukoll, żewġ elementi trażversali li jinsabu fil-parti ta’ fuq u ta’ isfel li huma irqaq u itwal minn dawk tad-daqs tal-karattri omologi “Times New Roman”. |
|
37 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 jelenka lista b’eżempji ta’ sinjali li jistgħu jirrappreżentaw b’mod grafiku li jistgħu jikkostitwixxu trade mark, sakemm dawn is-sinjali jkunu adattati sabiex jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra, jiġifieri li jservu sabiex jindikaw l-oriġini tat-trade mark. [ara, fir-rigward ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), li l-kontenut leġiżlattiv tiegħu huwa, essenzjalment, identiku għal dak ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 89/104, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 2004, Nichols C-404/02, Ġabra p. I-8499, punt 22]. |
|
38 |
Jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 jagħmel espressament referenza għall-ittri u l-figuri, il-kapaċità ġenerali ta’ kategorija ta’ sinjali li tikkostitwixxi trade mark skond din id-dispożizzjoni ma timplikax, madankollu, li dawn is-sinjali huma neċessarjament ta’ karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) meta mqabbla ma’ prodott jew servizz partikolari (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ottubru 2002, KWS Saat vs UASI (Sfumatura ta’ lewn oranġjo), T-173/00, Ġabra p. II-3843, punt 26). |
|
39 |
Fil-fatt huma nieqsa minn dan il-karattru dawk is-sinjali li mhumiex kapaċi jidentifikaw konkretament l-oriġini tal-prodott jew is-servizz kopert u li jippermettu lill-konsumatur li jakkwista dan il-prodott jew servizz li matul akkwist sussegwenti, jkun jista’ jagħmel l-isess għażla jekk l-esperjenza tirriżulta pożittiva jew li jagħmel għażla oħra jekk tirriżulta negattiva. (sentenza Sfumatura ta’ lewn oranġjo, punt 38 iktar ’il fuq, punt 27). |
|
40 |
Barra minn hekk, diffikultà ikbar li niltaqgħu magħha, skond il-każ, fl-evalwazzjoni konkreta tal-karattru distintiv ta’ ċerti trade marks ma tistax tiġġustifika s-suppożizzjoni li dawn mhuma a priori, mingħajr karattru distintiv jew li ma jistgħux jiksbu dan il-karattru ħlief permezz ta’ użu, skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 (ara, fir-rigward ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 89/104, li l-kontenut leġiżlattiv tagħha huwa, essenzjalment, identiku għal dak ta’ l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza Nichols, punt 37 iktar ’il fuq, punt 29). |
|
41 |
Il-karattru distintiv ta’ trade mark kif mitlub mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi evalwat meta mqabbel, minn naħa, mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, u min-naħa l-oħra, mal-perċezzjoni tas-settur interessat, li huwa magħmul mill-konsumaturi ta’ l-imsemmija prodotti jew servizzi (ara, fir-rigward ta’ l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 89/104, fejn il-kontenut leġiżlattiv tiegħu huwa, essenzjalment, identiku għal dak ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2004, Henkel, C-218/01, Ġabra p. I-1725, punt 50). |
|
42 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, fil-każ preżenti, fil-kuntest ta’ eżami konkret tal-kapaċitajiet potenzjali tas-sinjal li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni, jekk deherx eskluż il-fatt li dan is-sinjal jista’ jiddistingwi, f’għajnejn il-pubbliku mmirat, il-prodotti jew is-servizzi indikati minn dawk li għandhom oriġini differenti (sentenza EASYBANK, punt 17 iktar ’il fuq, punt 40), peress li minimu ta’ karattru distintiv huwa biżżejjed sabiex jostakola l-applikazzjoni ta’ raġuni assoluta ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni kif previst mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenza Għamla ta’ torċa ta’ l-idejn, punt 17 iktar ’il fuq, punt 34). |
|
43 |
Għall-finijiet ta’ eżami bħal dan, l-UASI jew, fuq rikors, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C-136/02 P, Ġabra p. I-9165, punt 48). |
|
44 |
Hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord ta’ l-Appell ma wettaqx eżami bħal dan fil-każ preżenti. |
|
45 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, l-ewwel nett, li l-Bord ta’ l-Appell illimata ruħu sabiex jikkunsidra, fil-punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjal ippreżentat ma kienx kapaċi jindika l-oriġini kummerċjali tas-servizzi koperti, minħabba li ż-żewġ elementi trażversali tas-simbolu ppreżentat għar-reġistrazzjoni u l-kulur blu skur tiegħu, li għalih ġie assenjat għan qabel xejn dekorattiv, ma kienx biżżejjed sabiex jiġbed l-attenzjoni ta’ l-osservatur normalment diliġenti. |
|
46 |
Sabiex wasal għal din il-konklużjoni, il-Bord ta’ l-Appell ibbaża ruħu fuq in-nuqqas ta’ partikolaritajiet grafiċi notevoli tas-sinjal ippreżentat meta mqabbel mad-daqs ta’ l-ittri standard “Times New Roman”. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-konstatazzjoni tal-karattru ordinarju tas-sinjal preżenti li l-Bord ta’ l-Appell għamel fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
47 |
Billi enfasizza mill-bidu nett l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv tas-sinjal ippreżentat fuq l-arranġament tal-kulur tiegħu u l-importanza tad-differenzi ta’ natura grafika li kellu jippreżenta meta mqabbla mas-simboli omologi tad-daqs tal-karattri standard “Times New Roman”, il-Bord ta’ l-Appell impliċitament iżda neċessarjament ikkunsidra, bi ksur ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, li simbolu stampat li jagħmel parti minn daqs ta’ karattri ta’ ittri standard ma jippreżentax, minnu nnifsu, il-livell ta’ element distintiv minimu meħtieġ mill-Artikolu 7(1)(b) sabiex jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja. |
|
48 |
Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, il-Bord ta’ l-Appell ċaħad minn kull portata prattika l-prinċipju, li madankollu huwa fakkar fil-punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistabbilixxi ebda differenza bejn it-tipi differenti ta’ sinjali fir-rigward ta’ l-eżiġenza ta’ l-element distintiv. |
|
49 |
Minbarra dan, hija ġurisprudenza stabbilita li n-nuqqas ta’ element distintiv ta’ sinjal, skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax jirriżulta mill-osservazzjoni li ma jippreżentax aspett mhux tas-soltu jew li jiġbed l-attenzjoni (sentenza EASYBANK, punt 17 iktar ’il fuq, punt 39). |
|
50 |
Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja mhijiex suġġetta għall-konstatazzjoni ta’ ċertu livell ta’ kreattività jew ta’ immaġinazzjoni min-naħa tal-proprjetarju tat-trade mark (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI, C-329/02 P, Ġabra p. I-8317, punt 41), imma l-kapaċità tas-sinjal li jindividwalizza l-prodotti jew is-servizzi ta’ l-applikant tat-trade mark minn dawk offruti mill-kompetituri tiegħu [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 2002, Rewe-Zentral vs UASI (LITE), T-79/00, Ġabra p. II-705, punt 30]. |
|
51 |
Sinjal li m’għandux elementi grafiki ta’ stil, ukoll jista’ aktar faċilment u mill-ewwel jidħol fil-memorja tal-pubbliku rilevanti, li jista’ jippermettilu li jirrepeti l-esperjenza ta’ tranżazzjoni pożittiva, sakemm dan ma jkunx komunement użat inkwantu tali sabiex jindika l-prodotti u s-servizzi in kwistjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ottubru 2002, Dart Industries vs UASI (UltraPlus), T-360/00, Ġabra p. II-3867, punt 48]. |
|
52 |
Għaldaqstant, meta ddeduċa n-nuqqas ta’ l-element distintiv tas-sinjal ippreżentat min-nuqqas ta’ partikolarità grafika li tiġbed l-attenzjoni meta mqabbla mad-daqs ta’ karattri standard, il-Bord ta’ l-Appell b’hekk għamel applikazzjoni mhux eżatta ta’ l-Artikolu 4 u l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. |
|
53 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza tinnota, fit-tieni lok, li l-Bord ta’ l-Appell illimita ruħu, fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex iżid ma’ dak li ntqal preċedentement, li s-sinjal ma kellux kontenut espressiv li seta’ jagħtih karattru distintiv. |
|
54 |
F’dan ir-rigward, il-Bord ta’ l-Appell ippreċiża li, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet oħra ta’ relazzjoni eżistenti bejn is-sinjal ippreżentat u impriża partikolari, il-pubbliku rilevanti ma jipperċepixxix fis-sinjal in kwistjoni l-identifikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali tas-servizzi indikati fit-talba għal trade mark Komunitarja. |
|
55 |
Madankollu, biex ikollu grad ta’ element distintiv minimu kif meħtieġ mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, peress li sinjal ippreżentat għandu biss jidher a priori kapaċi li jippermetti lill-pubbliku rilevanti li jidentifika l-oriġini tal-prodotti jew servizzi msemmija fit-talba għal trade mark Komunitarja u sabiex jiddistingwihom minn dawk ta’ impriżi oħra, mingħajr ma neċessarjament ikollu sens partikolari, sinjal li huwa kompletament arbitrarju jista’ jkun distintiv. |
|
56 |
Fil-każ preżenti, il-Bord ta’ l-Appell ma ppreċiżax kif in-nuqqas ta’ kontenut espressiv ta’ sinjal eskluda l-identifikazjoni tas-servizzi ta’ kostruzzjoni, ta’ amministrazzjoni u ta’ ġestjoni ta’ beni immobbli pprovduti mir-rikorrenti. |
|
57 |
Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, safejn huwa kkostitwit mill-ittra “i”, is-sinjal ippreżentat jiġi identifikat ma’ l-inizjali tal-kelma “immobbli”, li tfisser, f’numru ta’ lingwi uffiċjali tal-Komunità, il-qasam ta’ attivitajiet li taħthom jaqgħu s-servizzi in kwistjoni. |
|
58 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Bord ta’ l-Appell kellu mill-inqas jeżamina l-kwistjoni dwar jekk is-sinjal in eżami setax jevoka n-natura ta’ għoti ta’ servizzi msemmija, mingħajr madankollu ma jimxi fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)c) tar-Regolament Nru 40/94. |
|
59 |
Meta ddeduċa l-inkapaċità sabiex jidentifika l-oriġini kummerċjali tas-servizzi in kwistjoni man-nuqqas ta’ kontenut espressiv tas-sinjal ippreżentat, il-Bord ta’ l-Appell applika b’mod żbaljat l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. |
|
60 |
Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Appell aġixxa b’mod żbaljat meta bbaża r-rifjut tiegħu għal reġistrazzjoni tas-sinjal ippreżentat fuq in-nuqqas tiegħu ta’ partikolarità grafika li tiġbed l-attenzjoni u ta’ kontenut espressiv, mingħajr ma eżamina preliminarjament, u billi jieħu in kunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li huma marbuta maċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ preżenti, jekk dan is-sinjal kienx b’mod konkret kapaċi li jiddistingwi, fil-ħsieb tal-pubbliku ddestinatarju, is-servizzi pprovduti mill-persuna li għamlet l-applikazzjoni għal trade mark minn dawk ipprovduti mill-kompetituri tagħha. |
|
61 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, fit-tielet lok, li r-rikorrenti hija impriża speċjalizzata fil-kostruzzjoni, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni ta’ beni immobbli u li tipprovdi s-servizzi indikati fit-talba tagħha għal trade mark Komunitarja għal utilizzaturi professjonali jew privati. |
|
62 |
Fir-rigward tal-partikolarità u tal-prezz għoli tat-tranżazzjonijiet li dawn jimplikaw b’mod ġenerali, dawn is-servizzi huma indirizzati f’kull ipoteżi għall-pubbliku mwissi, fejn il-grad ta’ attenzjoni huwa ogħla minn dak li jikkaratterizza l-konsumatur medju, li huwa normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat, meta jixtri beni u servizzi ta’ kuljum, kif sostna l-Bord ta’ l-Appell. |
|
63 |
Fil-fatt, il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku kkonċernat jista’ jvarja skond il-funzjoni tal-kategoriji tal-prodotti jew tas-servizzi proposti u l-konsumaturi jistgħu jikkkostitwixxu pubbliku attent ħafna meta, bħal fil-każ preżenti, it-tranżazzjonijiet tagħhom jistgħu jkunu relattivament importanti u s-servizzi pprovduti jkunu relattivament tekniċi [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 2005, Citicorp vs UASI (LIVE RICHLY), T-320/03, Ġabra p. II-3411, punti 70 u 73]. |
|
64 |
Għaldaqstant il-Bord ta’ l-Appell aġixxa b’mod żbaljat meta qies bħala pubbliku l-konsumatur medju li huwa normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat, mingħajr ma ħa in kunsiderazzzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur, inkluż il-konsumatur medju, jista’ jvarja skond il-kategorija tal-prodotti u tas-servizzi in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 26). |
|
65 |
Jirriżulta mill-iżviluppi kollha preċedenti, li l-Bord ta’ l-Appell interpreta u applika b’mod mhux korrett l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. |
|
66 |
Għaldaqstant, il-motiv għandu jiġi milqugħ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. |
Fuq l-ispejjeż
|
67 |
Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. |
|
68 |
Peress li l-UASI tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif ukoll dawk tar-rikorrenti, skond it-talbiet tar-rikorrenti f’dan is-sens. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Legal Wiszniewska-Białecka Moavero Milanesi Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Ġunju 2007. E. Coulon Reġistratur H. Legal President |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.