|
10.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 165/1 |
Avviż ta’ pożizzjoni vakanti CONS/AD/188/23
Kap tal-Unità — Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-GSC.DPO
(2023/C 165 A/01)
TAGĦRIF ĠENERALI
|
Dipartiment |
Protezzjoni tad-Data tal-GSC.DPO |
|
Post tax-xogħol |
Brussell, il-Bini Justus Lipsius |
|
Titlu tal-pożizzjoni |
Kap tal-Unità – Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data |
|
Grupp tal-funzjoni u grad |
AD 9 |
|
Approvazzjoni tas-sigurtà meħtieġa |
SECRET UE/EU SECRET |
|
SKADENZA GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET |
2 ta’ Ġunju 2023 — 12.00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell |
Min aħna
Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) jassisti lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tal-UE u l-korpi preparatorji tagħhom fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tagħhom. Taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali, jipprovdi pariri u sostenn lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Presidenzi tagħhom fl-oqsma kollha ta’ attività, inkluż pariri politiċi u legali, koordinazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra, elaborazzjoni ta’ kompromessi, superviżjoni kif ukoll trattament tal-aspetti prattiċi kollha li huma meħtieġa għat-tħejjija u t-tmexxija tajba tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill.
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) u t-tim fl-unità tal-protezzjoni tad-data, immexxija mill-UPD, huma direttament marbuta mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill. L-unità tal-protezzjoni tad-data tappoġġa lill-UPD fil-funzjonijiet tiegħu, kif previst mir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompiti u d-dmirijiet dettaljati tal-UPD fis-SĠK huma elenkati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1093 (2).
L-UPD huwa inkarigat li jiżgura u jimmonitorja, b’mod indipendenti, l-implimentazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1725 mis-SĠK u l-istituzzjonijiet li jappoġġa. Għandu rwol konsultattiv ċentrali u viżibbiltà fis-SĠK għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-protezzjoni tad-data, filwaqt li jsegwi mill-qrib id-diġitalizzazzjoni tal-ambjent tax-xogħol u l-isfidi u l-opportunitajiet sottostanti. L-UPD u l-membri tal-unità tal-protezzjoni tad-data jikkontribwixxu għar-responsabbiltà tal-Kunsill u tas-SĠK fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, u jagħtu pariri lill-maniġers u lill-persunal dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, skont ir-Regolament. Jipprovdu wkoll gwida, taħriġ u aktar informazzjoni mmirati biex iżidu l-għarfien u s-sensibilizzazzjoni dwar ir-regoli tal-protezzjoni tad-data fis-SĠK. L-unità hija l-punt ta’ kuntatt mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS). L-UPD u l-unità tal-protezzjoni tad-data jinvestigaw ukoll kwistjonijiet relatati direttament mal-protezzjoni tad-data.
Qed noffru
Qed noffru kariga motivanti ta’ Kap tal-Unità b’responsabbiltà għolja f’ambjent interessanti u dinamiku. Ser tinħatar bħala l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għas-SĠK. Ser tmexxi unità żgħira u amikevoli ta’ seba’ kollegi.
Il-kandidat magħżul ser jeżerċita l-kompiti kollha previsti fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni (UE) 2021/1093. B’mod partikolari, il-kandidat magħżul ser:
|
— |
jiżgura l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 u jimmonitorja l-konformità tiegħu fis-SĠK; |
|
— |
jagħti pariri lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, lill-kontrolluri delegati u lill-kontrolluri operazzjonali dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data; |
|
— |
jagħti pariri u jassisti lill-kontrolluri delegati u lill-kontrolluri operazzjonali meta jwettqu valutazzjoni tal-impatt tal-protezzjoni tad-data; |
|
— |
jiżgura li d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data ma jiġux affettwati ħażin mill-operazzjonijiet ta’ pproċessar; |
|
— |
jissensibilizza dwar il-qafas legali applikabbli tal-protezzjoni tad-data personali u jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ kultura ta’ protezzjoni tad-data personali fis-SĠK. |
Qed infittxu
Qed infittxu maniġer iddedikat li jżomm l-awtonomija tal-kariga, filwaqt li jeżerċita livell għoli ta’ influwenza organizzazzjonali.
Il-kandidat magħżul irid ikollu:
|
— |
għarfien espert tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data (b’mod partikolari tar-Regolament (UE) 2018/1725), kif ukoll fehim tal-impatt tat-teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni fuq il-protezzjoni tad-data personali; |
|
— |
esperjenza sostanzjali f’dan il-qasam; |
|
— |
għarfien tajjeb tas-SĠK, l-istruttura tiegħu u r-regoli u l-proċeduri amministrattivi tiegħu; |
|
— |
esperjenza preċedenti ta’ ġestjoni jew ta’ koordinazzjoni; |
|
— |
il-kapaċità li jieħu responsabbiltà għall-prestazzjoni tiegħu u dik tat-tim tiegħu, kif ukoll għal deċiżjonijiet meħuda, filwaqt li jaġixxi bħala mudell ta’ riferiment u jamministra l-iżvilupp proprju tiegħu. |
Li wieħed ikun ħadem fi/ma’ partijiet differenti tas-SĠK ikun ta’ vantaġġ.
Il-managers kollha tas-SĠK huma mistennija jagħtu pariri lill-ġerarkija tagħhom u lill-partijiet ikkonċernati, jimmaniġġaw il-persunal u r-riżorsi finanzjarji tagħhom, u jirrappreżentaw lis-SĠK. Dawn l-aspettattivi huma mfissra fil-profil orizzontali tal-managers tas-SĠK (3).
Barra minn hekk, il-persuna impjegata jeħtieġ ikollha:
|
— |
ħiliet ta’ tmexxija u l-kapaċità li tiggwida, timmotiva u tawtonomizza lill-persunal f’ambjent ta’ diversità u multikulturali, b’enfasi qawwija fuq l-iżvilupp tal-persunal u l-kapaċità li tippromwovi d-diversità u l-inklużjoni; |
|
— |
il-kapaċità li tisma’ u twieġeb b’mod attiv għall-fehmiet u l-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati, u tiggwida lejn eżiti fejn kulħadd ikun rebbieħ; |
|
— |
il-kapaċità li tħares lejn sitwazzjonijiet b’mod kreattiv, tikkonċettwalizza s-soluzzjonijiet u tadatta malajr u b’mod effettiv għal ambjent li qed jinbidel; |
|
— |
il-kapaċità tinvolvi ruħha fi djalogu miftuħ mal-persunal, toħloq atmosfera ta’ ħidma kostruttiva u pożittiva, li b’mod attiv trawwem l-innovazzjoni u tismal-ideat tagħhom dwar approċċi ġodda, metodi ta’ ħidma ġodda u l-applikazzjoni tal-aħħar teknoloġiji; |
|
— |
il-kapaċità li tiffaċilita l-ħidma kollaborattiva fuq proġetti u kwistjonijiet trasversali, inkluż ma’ persunal minn unitajiet oħra, u li tiżgura l-koerenza; |
|
— |
il-kapaċità li tippjana b’mod proattiv, inkluż dwar il-persunal, il-finanzi, il-baġit u l-loġistika; u li tipprijoritizza, tikkoordina u torganizza x-xogħol fuq għadd konsiderevoli ta’ attivitajiet paralleli; |
|
— |
il-kapaċità li tieħu responsabbiltà għall-prestazzjoni proprja u tat-tim kif ukoll għad-deċiżjonijiet meħuda, permezz ta’ imġiba li tkun ta’ eżempju u l-ġestjoni tal-iżvilupp proprju; |
|
— |
il-kapaċità li timmaniġġa t-tibdil u tappoġġa lill-persunal waqt it-tibdil; |
|
— |
il-kapaċità li tirrappreżenta lis-SĠK f’avvenimenti pubbliċi u li twettaq networking b’mod attiv. |
Peress li s-SĠK iħaddan politika ta’ mobbiltà għall-managers tiegħu, li huma mistennija jkollhom esperjenza estensiva, il-kandidati għandhom ikunu lesti u kapaċi jaħdmu f’oqsma ta’ attività differenti matul il-karriera tagħhom fis-SĠK.
POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ
L-applikanti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin fil-mument tal-applikazzjoni:
|
(a) |
Kondizzjonijiet ġenerali
|
|
(b) |
Kondizzjonijiet speċifiċi
|
NB:
|
(1) |
Din il-pożizzjoni tirrikjedi approvazzjoni tas-sigurtà li tippermetti l-aċċess għal dokumenti klassifikati (livell SECRET UE/EU SECRET). Il-kandidati li japplikaw għall-pożizzjoni jridu jkunu lesti jgħaddu minn investigazzjoni ta’ sigurtà skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (5). Il-ħatra għal din il-pożizzjoni ssir effettiva biss bil-kondizzjoni li l-kandidat magħżul jew magħżula tkun kisbet ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà. Kandidat mingħajr awtorizzazzjoni tas-sigurtà jiġi offrut jew tiġi offruta kuntratt temporanju sakemm jinkiseb ir-riżultat tal-proċedura tal-approvazzjoni tas-sigurtà. |
|
(2) |
Il-kandidat li jintgħażel għandu jew għandha tkun lesta ssegwi l-programm ta’ taħriġ fil-ġestjoni tas-SĠK. |
PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA
Fl-għażla tal-kandidati, l-Awtorità tal-Ħatra tkun megħjuna minn kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni. Il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jkollu l-appoġġ ta’ ċentru ta’ evalwazzjoni, immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Rapporti stabbiliti miċ-ċentru ta’ evalwazzjoni għall-istess tip ta’ pożizzjoni ma jibqgħux validi wara sentejn mid-data li fiha saru l-eżerċizzji rilevanti jew mat-tmiem tal-kuntratt qafas bejn is-SĠK u ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni inkwistjoni — skont liema data tiġi l-ewwel.
Il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni l-ewwel jevalwa u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza u l-motivazzjoni tal-applikanti kollha, abbażi tal-applikazzjonijiet tagħhom. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni komparattiva, il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jagħmel lista ristretta tal-kandidati li, fl-opinjoni tiegħu, huma l-aktar adatti sabiex jiġu mistiedna għall-ewwel intervista. Peress li din l-ewwel għażla hija bbażata fuq evalwazzjoni komparattiva tal-applikazzjonijiet, l-ilħuq tar-rekwiżiti għal dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma jiggarantix stedina għall-ewwel intervista. Minn fost il-kandidati intervistati, il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jagħżel il-kandidati li għandhom jattendu ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, kif ukoll għat-tieni intervista mal-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni.
L-ippjanar proviżorju għall-proċedura ta’ selezzjoni huwa kif ġej:
|
— |
huwa mistenni li l-kandidati magħżula għall-intervisti jiġu infurmati sal-bidu ta’ Ġunju 2023; |
|
— |
l-ewwel intervisti huma previsti li jsiru fit-tieni parti ta’ Ġunju 2023; |
|
— |
iċ-ċentru ta’ evalwazzjoni mistenni jsir bejn it-3 u s-6 ta’ Lulju 2023; |
|
— |
it-tieni ċiklu ta’ intervisti huwa previst li jsir fit-tieni nofs ta’ Lulju 2023. |
NB: L-iskeda mogħtija hawn fuq hija purament indikattiva u tista’ tinbidel.
BAŻI LEGALI
Din il-pożizzjoni hija ppubblikata fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea u barra mill-istituzzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 29, il-paragrafi 1 u 2, tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6).
KIF TAPPLIKA
Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija t-2 ta’ Ġunju 2023 f’12.00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell.
L-applikazzjonijiet jintlaqgħu biss bil-posta elettronika u jridu jintbagħtu lil applications.management@consilium.europa.eu (7) sa mhux aktar tard mid-data u l-ħin tal-għeluq. Applikazzjonijiet li jaslu tard mhumiex ser jitqiesu.
Għandu jintuża l-indirizz elettroniku indikat hawn fuq għal kwalunkwe korrispondenza dwar il-proċedura tal-għażla (fil-linja tas-suġġett għandha titniżżel ir-referenza li ġejja: CONS/AD/188/23 GSC.DPO Data Protection).
Qabel ma jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati għandhom jivverifikaw sew jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti mniżżla hawn fuq, taħt “Politika ta’ Reklutaġġ”, biex b’hekk jevitaw l-esklużjoni awtomatika mill-proċedura tal-għażla.
Biex ikun validu, il-fajl tal-applikazzjoni jrid jinkludi d-dokumenti li ġejjin f’format pdf (NB: dokumenti maqfula, protetti bil-password jew b’firma elettronika ma jiġux aċċettati):
|
(a) |
il-formola tal-applikazzjoni mimlija u datata kif suppost (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Application form.pdf”); biex tniżżel il-formola tal-applikazzjoni elettronika (EN jew FR) agħfas fuq il-ħolqa t-tajba hawn taħt jew ikkopjaha u ppejstjaha fil-browser tiegħek (8): https://www.consilium.europa.eu/media/62493/gsc-application_form_senior_management_en.docx https://www.consilium.europa.eu/media/62492/gsc-application_form_senior_management_fr.docx |
|
(b) |
curriculum vitae dettaljat bl-Ingliż jew bil-Franċiż (mingħajr ritratti inklużi), preferibbilment fil-format Europass (https://europa.eu/europass/en/create-europass-cv; https://europa.eu/europass/fr/create-your-europass-cv), li jkopri l-karriera kollha tal-applikant, li jelenka, fost oħrajn, il-kwalifiki, l-għarfien lingwistiku, l-esperjenza u d-dmirijiet attwali tiegħu (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — CV.pdf”); |
|
(c) |
ittra ta’ motivazzjoni, bl-Ingliż jew bil-Franċiż (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Motivation letter.pdf”). |
Jekk ma jiġux inklużi dawn id-dokumenti l-applikazzjoni tkun invalida.
NB: Ser jintalbu l-kopji ta’ diplomi li jiċċertifikaw l-edukazzjoni u l-kopji ta’ dokumenti u ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali mingħand il-kandidati preselezzjonati mistiedna għall-ewwel ċiklu ta’ intervisti. Id-dokumenti ta’ sostenn iridu jkunu nħarġu minn parti terza.
Id-dokumenti ta’ sostenn għandhom jiġu nnumerati (Anness 1, 2, eċċ.) u għandhom jinġabru flimkien f’dokument pdf wieħed (fajl li għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Supporting documents.pdf”). Dan jenħtieġ jinkludi indiċi.
In-nuqqas ta’ sottomissjoni tad-dokumenti ta’ sostenn kollha sa mhux aktar tard mill-jum ta’ qabel l-ewwel intervista, jista’ jitqies bħala bażi għal skwalifika.
Applikazzjonijiet li jaslu bil-posta jew permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin ta’ data bbażati fi cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni ta’ fajls ma jiġux ikkunsidrati.
Il-persuna magħżula minn fost il-kandidati tintalab tipprovdi d-dokumenti oriġinali msemmija hawn fuq.
Il-kandidati jirċievu email li tinfurmahom li l-applikazzjoni tagħhom tkun waslet. Madankollu, jistgħu jinqalgħu diffikultajiet tekniċi li minħabba fihom l-emails ma jaslux. Għalhekk, il-kandidati li ma jirċevux email li tikkonferma l-wasla tal-applikazzjoni huma mitluba jikkuntattjaw lil applications.management@consilium.europa.eu. Peress li l-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni ser jibda l-ħidma tiegħu ftit wara d-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet, kull korrispondenza dwar il-wasla tal-applikazzjoni għandha ssir fil-ġimgħa ta’ wara dik id-data.
DIVERSITÀ U INKLUŻJONI
Is-SĠK huwa impenjat favur id-diversità u l-inklużjoni. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara d-dikjarazzjoni rilevanti:
https://www.consilium.europa.eu/mt/general-secretariat/jobs/diversity-and-inclusion/
RIEŻAMI TAL-APPLIKAZZJONIJIET
Għal informazzjoni dwar il-proċeduri marbuta mat-talbiet għal ilmenti, appelli u riferimenti lill-Ombudsman Ewropew tista’ tikkonsulta lil:
https://www.consilium.europa.eu/media/56647/complaint-mt.pdf
PROTEZZJONI TAD-DATA
Ir-regoli li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali b’rabta ma’ din il-proċedura ta’ selezzjoni jinsabu fid-dikjarazzjoni ta’ privatezza:
https://www.consilium.europa.eu/media/56671/jobs-data-protection-083r00-mt.pdf
(1) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1093 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kunsill, l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u restrizzjonijiet tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompiti tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kunsill, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/644/KE (ĠU L 236, 5.7.2021, p. 55).
(3) https://www.consilium.europa.eu/media/53266/gsc-manager-profile-mt.pdf
(4) L-Artikolu 5(3)(c) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolamenti tal-Persunal) jesiġi li l-applikanti jkollhom mill-inqas:
|
(i) |
livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma, fejn il-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja hu ta’ erba’ snin jew iżjed, jew |
|
(ii) |
livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas sena, fejn it-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja hu ta’ mill-inqas tliet snin. |
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).
(6) Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1), test konsolidat disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20220101
(7) Dan l-indirizz elettroniku jappartjeni għal kaxxa postali funzjonali u jista’ jipproċessa biss messaġġi bil-kunfidenzjalità speċifikata bħala “Normal”; posta elettronika b’livell ta’ kunfidenzjalità differenti (eż. “Personal”, “Private”, “Confidential” jew posta kriptata) ma jistgħux jiġu pproċessati. Għaldaqstant, jekk jogħġbok agħżel il-livell ta’ kunfidenzjalità “Normal”. L-email ma tridx tkun aktar minn 25MB. Jekk id-daqs tal-email tiegħek bl-hemżiet magħha jkun ikbar minn dan, jekk jogħġbok qassam l-hemżiet fuq għadd ta’ emails.
(8) Jekk teħtieġ aktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat email lil: applications.management@consilium.europa.eu