|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1412 |
27.5.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1412
tad-19 ta’ Frar 2024
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju dwar l-infurzar tal-liġi u t-tmexxija fis-settur forestali u l-kummerċ tal-injam u ta’ prodotti derivati lejn l-Unjoni Ewropea (FLEGT)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fil-21 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew intitolata “Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT): proposta għal Pjan ta’ Azzjoni tal-UE”. Il-Pjan ta’ Azzjoni stabbilit f’dik il-komunikazzjoni (il-“Pjan ta’ Azzjoni FLEGT”) għamel appell biex jittieħdu miżuri sabiex jiġi indirizzat il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam billi jiġu żviluppati ftehimiet ta’ sħubija volontarji ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Azzjoni kienu adottati f’Ottubru tal-2003 (1), u l-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar is-suġġett fil-11 ta’ Lulju 2005 (2), |
|
(2) |
Fil-5 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ sħubija biex jiġi implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT. |
|
(3) |
Fl-20 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2173/2005 (3) li stabbilixxa skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fl-Unjoni minn pajjiżi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehimiet ta’ sħubija volontarja. |
|
(4) |
In-negozjati mar-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju bil-ħsieb tal-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju dwar l-infurzar tal-liġi u t-tmexxija fis-settur forestali u l-kummerċ tal-injam u ta’ prodotti derivati lejn l-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim”) intemmu b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fis-17 ta’ Ottubru 2022. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju dwar l-infurzar tal-liġi u t-tmexxija fis-settur forestali u l-kummerċ tal-injam u ta’ prodotti derivati lejn l-Unjoni Ewropea huwa awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (4).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa sabiex jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Frar 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
Y. DÍAZ PÉREZ
(1) ĠU C 268, 7.11.2003, p. 1.
(2) ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 482.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea (ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1).
(4) It-test tal-Ftehim ser jiġi ppublikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1412/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)