Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1998/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar il-ħarsien tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi /* KUMM/2006/0325 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 21.6.2006 KUMM(2006) 325 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1998/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar il-ħarsien tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi DAĦLA L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni hija li teżamina kif l-Istati Membri implimentaw id-Direttiva 1998/6/KE dwar il-ħarsien tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offerti lill-konsumaturi. Hija limitata għal din il-mistoqsija li dwarha hemm imfittxa l-konsultazzjoni pubblika. Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna li jippreżentaw it-tweġibiet lill-Kummissjoni Ewropea sa l-1 ta’ Settembru 2006. Jekk jogħġbok ibgħat il-kummenti tiegħek (immarkati “L-ewwel konsultazzjoni dwar id-direttiva ta’ indikazzjonijiet tal-prezzijiet") jew lil: Il-Kummissjoni Ewropea Id-Diretttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur Rue de la Loi 200 B-1049 Brussell Il-Belġju inkella permezz ta’ email lil SANCO-B2@ec.europa.eu Reazzjonijiet u kummenti se jsiru pubbliċi fuq is-sit ta’ l-Internet tal-Kummissjoni Ewropea, sakemm min jibagħthom ma jirrikjedix espliċitament mod ieħor. Wara li jintemm il-perjodu ta’ konsultazzjoni, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa għall-organizzazzjoni ta’ seduta pubblika sabiex il-kwistjonijiet imqajma f’dan ir-rapport jiġu diskussi b’mod ulterjuri. KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1998/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar il-ħarsien tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) WERREJ 1. Daħla 4 2. Id-Dispożizzjonijiet Ewlenin tad-Direttiva 4 3. L-Għażliet Regolatorji 5 3.1. L-obbligu ġenerali u l-limiti tiegħu 5 3.2. Il-prezz unitarju: każi ta’ esklużjoni 6 3.3. Il-prezz unitarju: listi pożittivi 7 4. Ir-Rekwiżiti għall-Wiri 7 5. Ir-Reklamar 8 6. In-Negozji Żgħar tal-bejgħ bl-imnut 9 7. Konklużjonijiet 11 Anness - MISTOQSIJIET GħALL-KONSULTAZZJONIJIET 12 1. DAħLA L-Istati Membri kollha adottaw miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 98/6/KE dwar il-ħarsien tal-konsumatur fl-indikazzjonijiet tal-prezzjiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi. Bid-dokument preżenti, il-Kummissjoni biħsiebha tirrapporta dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, kif previst mill-Artikolu 12 tagħha. F’dan l-istadju, madankollu, il-Kummissjoni ma tqisx li huwa xieraq li tressaq proposta skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma għandhiex evidenza li d-diverġenzi attwali bejn il-liġijiet nazzjonali dwar l-indikazzjonijiet tal-prezz joħolqu xkiel sinifikanti fis-suq intern li jkun jiġġustifika intervent regolatorju. Din il-kwistjoni se tkun deċiża skond ir-riżultati tal-konsultazzjoni. Skond id-Direttiva, proposta fil-qasam ta’ l-indikazzjonijiet tal-prezz għandha tqis, partikolarment, l-esperjenza li nkisbet fl-applikazzjoni tad-Direttiva minn ħwienet żgħar tal-bejgħ bl-imnut, fir-rigward ta’, inter alia , żviluppi teknoloġiċi u l-introduzzjoni tal-munita waħdanija (il-premessa 14). Sabiex tagħti bażi solida ta’ għarfien lill-azzjoni tagħha, f’konformità mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni wettqet studju, li seħħ qabel it-tkabbir u li kien limitat għall-15-il Stat Membru l-qodma, bil-għan li jiġi evalwat l-impatt reali fuq negozji żgħar tal-bejgħ bl-imnut tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6 u l-implimentazzjoni tagħhom, it-tħaddim tas-suq intern u l-livell globali ta’ ħarsien tal-konsumatur[1]. Dan l-istudju preċedenti jitfa’ d-dawl fuq aspetti varji għall-konsultazzjoni dwar id-Direttiva. Il-Kummissjoni biħsiebha tikkonsulta l-partijiet interessati fir-rigward ta’ l-impatt tad-Direttiva fuq is-suq intern u l-livell globali ta' ħarsien tal-konsumatur. L-Anness jelenka xi wħud mill-mistoqsijiet li jinħtieġu jiġu indirizzati fil-proċess ta’ reviżjoni. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-proċess ta’ konsultazzjoni, fid-dawl tar-riżultat tal-proċess ta’ reviżjoni ta’ l- acquis tal-konsumatur li għaddej bħalissa, il-Kummissjoni se tqis il-ħtieġa għal iktar inizjattivi leġiżlattivi fil-qasam ta’ l-indikazzjonijiet tal-prezz. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-indikazzjonijiet tal-prezz hija konsistenti ma’ l-għanijiet ta’ regolazzjoni aħjar segwiti mill-Kummissjoni f’termini ta’ simplifikazzjoni ta’ l-ambjent regolatorju. 2. Id-Dispożizzjonijiet Ewlenin tad-Direttiva L-iskop ewlieni tad-Direttiva huwa li tiżgura li l-prezz tal-bejgħ u l-prezz għal kull unità ta’ kejl (il-prezz unitarju) ikunu indikati għall-prodotti kollha offruti min-negozjanti lill-konsumaturi, sabiex jitjieb it-tagħrif mogħti lill-konsumatur u jkun iffaċilitat it-tqabbil tal-prezzijiet. Il-prezz tal-bejgħ ma għandux ikun ambigwu u għandu jkun identifikabbli malajr u jkun jista' jinqara faċilment (l-artikolu 4). L-ambitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva huwa limitat għal prodotti. Minkejja li d-Direttiva ma fihiex definizzjoni ta’ ‘prodotti’, it-terminu jista' jiġi interpretat, b'referenza għal dispożizzjonijiet oħra ta' l- acquis [2], li jinkludi l-prodotti kollha li jistgħu jiġu mċaqalqa. Għaldaqstant, id-Direttiva ma tapplikax għas-servizzi[3]. L-obbligu li jkun indikat il-prezz tal-bejgħ u l-prezz unitarju għall-prodotti kollha offruti min-negozjanti lill-konsumaturi għandu applikazzjoni ġenerali. Madankollu, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri li jidderogaw minn dan l-obbligu ġenerali għal prodotti li jiġu pprovduti waqt l-għoti ta' servizz, għal bejgħ minn irkant u għal bejgħ ta' opri ta' l-arti u antikitajiet. Meta jagħmlu użu minn din id-deroga, l-Istati Membri għalhekk jistgħu jiddeċiedu li la l-prezz tal-bejgħ u lanqas il-prezz unitarju ma għandu jiġi indikat. L-Artikolu 3(3) jipprevedi li l-prezz tal-bejgħ ma għandux għalfejn ikun indikat għal prodotti mibjugħa bl-ingrossa, jiġifieri, prodotti li mhumiex ippakkjati minn qabel u li jitkejlu fil-preżenza tal-konsumatur. Minħabba li l-prezz tal-bejgħ ta’ dawn il-prodotti ma jistax jiġi ddeterminat sakemm il-konsumatur ma jindikax l-ammont li jeħtieġ mill-prodott, il-prezz unitarju biss jeħtieġ li jiġi indikat Skond l-Artikolu 3(1), il-prezz unitarju ma għandux għalfejn ikun indikat jekk ikun l-istess bħall-prezz tal-bejgħ (pereżempju, meta l-kwantità tal-prodott ippakkjat tkun l-istess daqs ta' unità waħda ta' kejl). Barra minn hekk, skond l-Artikolu, 5 l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-obbligu li l-prezz unitarju tal-prodotti jkun indikat fejn din l-indikazzjoni ma tkunx utli minħabba n-natura jew l-iskop tal-prodott jew inkella f'każ li din x’aktarx tfixkel. L-Istati Membri jistgħu wkoll jeżentaw mill-obbligu li jkun indikat il-prezz unitarju għal perjodu tranżitorju, jekk l-obbligu jkun ifisser piż eċċessiv fuq ċerti negozji żgħar tal-bejgħ, minħabba n-numru ta’ prodotti għall-bejgħ, id-daqs taż-żona fejn isir il-bejgħ, in-natura tal-post tal-bejgħ, kundizzjonijiet speċifiċi ta' bejgħ fejn il-prodott ma jkunx aċċessibbli direttament mill-konsumaturi jew ċerti forom ta’ negozji, bħal ċerti tipi ta’ negozji ambulanti (l-Artikolu 6). Din id-deroga ma tistax tapplika għall-prezz unitarju ta’ prodotti mibjugħa bl-ingrossa minn dawn in-negozji. Fl-aħħarnett, id-Direttiva tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jillimitaw in-numru massimu ta’ prezzijiet li għandhom jiġu indikati (l-Artikolu 4), sabiex jiżguraw it-trasparenza tas-sistema waqt l-introduzzjoni ta' l-euro (il-premessa 13). Fl-Artikolu 10 tad-Direttiva hemm klawżola ta’ armonizzazzjoni minima li biha l-Istati Membri jitħallew jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli fir-rigward tat-tagħrif lill-konsumatur u t-tqabbil tal-prezzijiet, jekk dawn ikunu kompatibbli mat-Trattat. 3. L-Għażliet Regolatorji 3.1. L-obbligu ġenerali u l-limiti tiegħu L-obbligu ġenerali li jkunu indikati l-prezz tal-bejgħ u l-prezz unitarju jista' jtejjeb b'mod sinifikanti l-ħila tal-konsumaturi li jevalwaw u jqabblu l-prezzijiet u li jagħmlu għażliet infurmati fuq il-bażi ta’ tqabbil sempliċi, sabiex b’hekk tissaħħaħ il-kompetizzjoni fost l-intrapriżi u l-prodotti. Madankollu, għal xi kategoriji ta’ prodotti, l-indikazzjoni tal-prezz tal-bejgħ u dak unitarju tista’ tkun impossibli jew ma tkunx utli, minħabba li prezzhom jista’ jiġi ddeterminat biss permezz ta’ proċess ta’ negozjati, jew minħabba li ma jistgħux jitqabblu faċilment ma' prodotti oħrajn ta' l-istess tip. Għal din ir-raġuni, id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri ma japplikawx l-obbligu ġenerali fl-Artikolu 3(1) lil prodotti pprovduti matul l-għoti ta’ servizz (pereżempju, il-prezz tax-xampù li jintuża waqt servizz ta' hairdressing), bejgħ bl-irkant u bejgħ ta' opri ta' l-arti u antikitajiet. Franza u l-Finlandja biss iddeċidew li ma jużawx il-possibbiltà li jeżentaw dawn il-prodotti mill-obbligu ġenerali biex ikunu indikati l-prezzijiet tal-bejgħ u ta’ l-unità. Fl-Iżvezja, l-eżenzjoni statutorja tikkonċerna biss prodotti mibjugħa bl-irkant u proċeduri simili. Fl-Ungerija, prodotti mibjugħa bl-irkant huma eżentati biss mill-obbligu li jindikaw il-prezzijiet tal-bejgħ u ta’ l-unità meta l-prezz ta’ l-irkant tal-bidu jkun speċifikat fl-avviż ta’ l-irkant. Il-Belġju jeskludi prodotti mogħtija waqt l-għoti ta’ servizz u dawk mibjugħa permezz ta’ proċeduri pubbliċi. Il-leġiżlazzjoni Pollakka tipprevedi li l-prezz tal-prodotti jiġi inkluż fil-prezz ta’ servizz: dan ifisser li ma jeżisti l-ebda obbligu biex jiġu indikati separatament il-prezzijiet tal-bejgħ u ta’ l-unità ta’ prodotti mogħtija waqt servizz. Fil-Lussemburgu, l-eżenzjoni għal opri ta’ l-arti u antikitajiet hija disponibbli biss jekk dawn il-prodotti jkollhom fuqhom indikazzjoni ċara li tippermetti li jiġu identifikati fuq lista ta’ prezzijiet li għandha tkun esposta fil-ħanut u tkun aċċessibbli mill-konsumaturi. Il-bqija ta’ l-Istati Membri użaw id-deroga bis-sħiħ. 3.2. Il-prezz unitarju: każi ta’ esklużjoni Id-Direttiva tagħraf li għal ċerti prodotti l-obbligu li jiġi indikat il-prezz unitarju ma jkunx utli jew x’aktarx li jfixkel, pereżempju fejn l-indikazzjoni tal-kwantità mhijiex rilevanti għal skopijiet ta' tqabbil tal-prezzijiet, jew fejn prodotti differenti jinbiegħu fl-istess imballaġġ (il-premessa 10). Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 5(1) jippermetti li l-Istati Membri jeżentaw mill-obbligu biex ikun indikat il-prezz għal dawn il-prodotti. L-Istati Membri kollha eżentaw ċerti prodotti mill-obbligu li jkun indikat il-prezz. Il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri identifikaw xi kategoriji ta’ prodotti li għalihom m’hemmx bżonn ikun indikat il-prezz unitarju. Il-liġi Żvediża ma fihix lista ta’ prodotti eżentati iżda tipprevedi li mhux meħtieġ li jkun indikat il-prezz unitarju jekk, minħabba n-natura tal-prodott jew l-iskop tal-prodott, wieħed jista' jassumi li din l-indikazzjoni ma tkunx rilevanti jew x'aktarx tfixkel. Il-leġiżlazzjoni Maltija u dik Pollakka ma fihomx listi ta' kategoriji ta' prodotti eżentati iżda jagħtu s-setgħa lil awtoritajiet kompetenti biex jeżentaw mill-obbligu ġenerali li jkun indikat il-prezz unitarju. Fl-aħħarnett, il-miżuri ta’ traspożizzjoni mdaħħla minn Ċipru, il-Latvija u l-Litwanja jfasslu listi qosra miftuħa li jagħtu eżempji ta' prodotti li għalihom ma japplikax l-obbligu. L-Istati Membri għażlu kategoriji ta’ prodotti eżentati mill-obbligu ġenerali li jkun indikat il-prezz unitarju skond kriterji diverġenti ħafna. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri nazzjonali ta’ trasponiment jeżentaw mill-obbligu dawk il-prodotti li jikkonsistu minn taħlita ta’ affarijiet differenti mibjugħa f’pakkett wieħed, b’repetizzjoni ta’ l-eżempju mogħti fil-preambolu tad-Direttiva. L-indikazzjoni tal-prezz unitarju ġeneralment titqies li mhix meħtieġa għal prodotti li jitpoġġew fis-suq fi kwantitajiet inqas minn ċerti limiti (li jvarjaw minn 5g jew 5ml f'Ċipru u l-Litwanja sa 100g jew 100ml fil-Lussemburgu). Bosta Stati Membri eżentaw xi wħud mill-prodotti jew il-prodotti kollha mibjugħa permezz ta’ distributuri awtomatiċi u magni awtomatiċi tal-bejgħ. Fir-Renju Unit u l-Estonja, prodotti ppakkjati minn qabel fi kwantità kostanti u offruti għall-bejgħ minn magna awtomatika tal-bejgħ huma eżentati mill-obbligu li jkun indikat il-prezz unitarju skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 6 tad-Direttiva. F’għadd ta' każi, il-lista ta’ prodotti eżentati tinkludi wkoll prodotti li jinbiegħu individwalment għall-konsum immedjat (jiġifieri, il-ġelati), ikliet lesti sħaħ magħmula minn prodotti differenti, oġġetti ta’ l-ikel ikkonċentrati jew idratati li għandu jiżdidilhom l-ilma u/jew ingredjenti oħra qabel jiġu kkunsmati, prodotti mibjugħa bl-unità u bejgħat speċjali bi prezz imnaqqas ta’ oġġetti ta’ l-ikel li d-data ta’ skadenza tagħhom tkun fil-qrib. Id-Danimarka, il-Finlandja, l-Estonja u s-Slovakkja eskludew espliċitament li l-prezz unitarju jkun indikat għal prodotti li jinbiegħu individwalment li ma jistgħux jinqasmu mingħajr ma tinbidel il-kwalità jew in-natura tagħhom u li għalihom m’hemmx rekwiżit biex ikun indikat il-kontenut nett. Eżenzjonijiet oħra huma iktar speċifiċi. Pereżempju, il-liġi Daniża teskludi l-bziezen u l-kejkiet li ma kinux ippakkjati minn qabel; L-Estonja teżenta l-figurini taċ-ċikkulata u l-bajd tas-sorpriżi, kif ukoll ħxejjex friski bikrija, ħwawar għall-ikel mibjugħa fil-qsari, il- breath fresheners u ċ- chewing gum Il-Finlandja teżenta l-bajd taċ-ċikkulata, il-ħelu dekorattiv u l-prodotti tal-ħelu. Fl-Olanda, l-Estonja u s-Slovenja, mhux meħtieġ li l-prezz unitarju jkun indikat għal prodotti użati biex tiġi armata l-vetrina. Il-Polonja teskludi l-fjuri u l-pjanti, l-annimali ħajjin, oġġetti ta’ l-ikel mhux ippakkjati minn qabel li jinbiegħu individwalment u prodotti li normalment jinbiegħu fi kwantitajiet kbar, kif ukoll prodotti offruti għall-bejgħ mhux fil-post tan-negozju jew f’fiera speċjali u prodotti li l-prezz tal-bejgħ tagħhom ikun inqas minn 4 zloty. Il-Greċja teskludi l-kożmetiċi, il-fwieħa u l-prodotti iġjeniċi; ix-xorb u t-tabakk li jingħomod huma eżentati fil-Ġermanja; fl-aħħarnett, Spanja teskludi l-inbejjed u l-ispirti b’denominazzjoni ta’ l-oriġini kkontrollata jew indikazzjoni ġeografika tipika. 3.3. Il-prezz unitarju: listi pożittivi Sabiex tkun iffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli min-negozjanti u l-awtoritajiet kompetenti, l-Istati Membri jistgħu jfasslu lista ta' prodotti li mhumiex ta' l-ikel jew kategoriji ta' prodotti li mhumiex ta' l-ikel li għalihom jibqa' applikabbli l-obbligu li jkun indikat il-prezz unitarju, kif previst fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva. Ftit Stati Membri biss użaw il-possibbiltà li tkun stabbilta lista ta’ prodotti li mhumiex ta’ l-ikel jew kategoriji ta’ prodotti li mhumiex ta’ l-ikel li għalihom l-obbligu li jkun indikat il-prezz unitarju jibqa' applikabbli f’kull każ, skond l-Artikolu 5(2). Franza, il-Belġju u l-Lussemburgu daħħlu fis-seħħ listi pożittivi estensivi għal prodotti li mhumiex ta’ l-ikel. Id-Danimarka u l-Finlanda għandhom listi li jinkludu kemm oġġetti ta’ l-ikel kif ukoll oġġetti mhux ta’ l-ikel. Il-leġiżlazzjoni Estona tipprevedi li l-prezz unitarju għandu jkun indikat bħall-prezz unitarju għal srievet tal-karti, mkatar tal-karti u ħrieqi, assorbenti iġjeniċi, panty liners u tampuni. Fl-aħħarnett, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka ma fihiex lista ta’ prodotti li mhumiex ta’ l-ikel li għad għandhom jindikaw il-prezz unitarju iżda tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti li jiddeżinjaw dawn il-prodotti. 4. Ir-Rekwiżiti għall-Wiri Id-Direttiva tistipula li l-prezz tal-bejgħ u l-prezz unitarju ma għandhomx ikunu ambigwi, u għandhom ikunu identifikabbli malajr u jkunu jistgħu jinqraw faċilment (l-artikolu 4). Partikolarment, il-prezz tal-bejgħ u l-prezz unitarju għandhom jirrappreżentaw il-prezz aħħari (ta’ unità u ta’ kwantità speċifika rispettivament) tal-prodott, bil-VAT u t-taxxi l-oħra kollha inklużi (l-artikolu 2). L-Istati Membri implimentaw l-Artikolu 4 tad-Direttiva b’mod korrett u għadd minnhom introduċew speċifikazzjonijiet addizzjonali dwar metodi ta’ pprezzar u indikazzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżvezja u Franza stipulaw li kwalunkwe indikazzjoni ma għandhiex toħloq inċertezza dwar il-prodotti li għalihom japplika l-prezz. Il-liġi Spanjola tipprevedi biex il-prezzijiet tal-bejgħ u l-prezzijiet unitarji jitpoġġew fl-istess żona viżiva, filwaqt li l-Greċja tirrikjedi li dawn ikunu ta’ l-istess daqs. Fil-Lussemburgu, ir-restoranti, il-barijiet u l-istabbilimenti kollha li jservu l-ikel u x-xorb għandhom jindikaw il-prezz tal-bejgħ li jkun jinkludi l-prezz tas-servizz. L-Artikolu 4 huwa maħsub biex jipprovdi lill-konsumaturi b’tagħrif omoġenju u trasparenti. Madankollu, id-Direttiva tirrikonoxxi li t-trasparenza tas-sistema maħsuba ta’ l-indikazzjonijiet tal-prezz tista' tkun ipperikolata bit-tranżizzjoni għall-ewro, minħabba li l-konsumaturi jistgħu jiġu ffaċċati b’bosta tikketti tal-prezz għall-istess prodott. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 4(1) jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu li l-għadd massimu tal-prezzijiet indikati jkun limitat. Ftit Stati Membri biss introduċew limitazzjonijiet skond l-Artikolu 4(1), jiġifieri Franza, l-Italja u l-Lussemburgu. Dawn il-limitazzjonijiet kienu applikabbli biss matul il-perjodu ta' tranżizzjoni meta ddaħħlet l-ewro. Partikolarment, l-Italja għamlet eċċezzjoni għall-bejjiegħa ż-żgħar; il-Lussemburgu stipola data speċifika meta l-indikazzjonijiet tal-prezzijiet kollha kellhom jinbidlu mill-valuta lokali f’euro; Franza pprevediet sabiex il-prezz tal-bejgħ ikun indikat kemm fil-valuta nazzjonali kif ukoll f’ewro, filwaqt li l-prezz unitarju kellu jkun indikat sa data speċifika u minn dakinhar ‘il quddiem f’euro. Bħalissa, ma jidher li hemm fis-seħħ l-ebda regola li tillimita l-għadd massimu ta’ prezzijiet li għandhom jiġu indikati f’ebda Stati Membru, minkejja li ma jistax ikun eskluż li kif il-pajjiżi l-ġodda jadottaw l-ewro dawn jistgħu jiddeċiedu li jdaħħlu fis-seħħ regolamenti speċifiċi biex jindirizzaw din il-kwistjoni. Ta’ min wieħed jinnota li Franza, Malta u l-Polonja introduċew regoli fejn prodotti identiċi mibjugħa bl-istess prezz u esposti flimkien jista’ jkollhom indikazzjoni waħda tal-prezz tal-bejgħ u l-prezz unitarju. Dawn ir-regoli, madankollu, jippermettu - iktar milli jinponu - limitazzjoni ta' l-għadd massimu ta' prezzijiet li għandhom ikunu indikati. 5. Ir-Reklamar L-obbligu li jkunu indikat il-prezz unitarju japplika wkoll għal kwalunkwe reklam li jsemmi l-prezz tal-bejgħ tal-prodotti koperti mid-Direttiva, kif speċifikat mill-Artikolu 3(4). Din id-dispożizzjoni ma ħolqotx problemi partikolari ta’ trasponiment. Ta' min jinnota, madankollu, li r-Renju Unit għażel li jeżenta mill-obbligu li jkun indikat il-prezz unitarju għal reklami li jixxandru fuq it-televiżjoni, li jintwerew fiċ-ċinema jew ġewwa ħanut żgħir. L-Artikolu 3(4) jimponi kontenut speċifiku għar-reklamar ta’ prodotti tal-konsumaturi li se jkun jeħtieġ li jiġi kkoordinat bir-regoli ġenerali fid-Direttiva 2005/29/KE dwar prassi kummerċjali inġusti. L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jistipula li prassi kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, meta wieħed iqis il-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi tagħha u l-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzzjoni, din tħalli barra tagħrif materjali li l-konsumatur medju jkun jeħtieġ, skond il-kuntest, biex jieħu deċiżjoni infurmata tranżazzjonali u, b’hekk, tikkawża jew, x’aktarx tikkawża, lill-konsumatru medju li jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li f’ċirkostanzi oħrajn ma kienx jieħu. L-Artikolu 7(5) jżid jgħid li r-rekwiżiti ta' tagħrif stabbiliti mil-liġi tal-KE fir-rigward ta' komunikazzjoni kummerċjali inkluż ir-reklamar jew il-kummerċjalizzazzjoni għandhom jitqiesu bħala materjali. L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar l-indikazzjonijiet tal-prezz huwa kkwotat b’mod espliċitu fl-Anness II tad-Direttiva dwar prassi kummerċjali inġusti: għaldaqstant, in-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-prezz unitarju fir-reklamar ta’ prodotti tal-konsumatur koperti mid-Direttiva dwar l-indikazzjonijiet tal-prezz tfisser, fiha nnifisha, ksur tad-Direttiva dwar il-prassi kummerċjali inġusti. Il-Kummissjoni hija konxja li n-nuqqas ta’ konverġenza fl-ambitu ta’ l-applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ trasponiment jista’ jfisser li xi reklami għal ċerti kategoriji ta’ prodotti jkunu suġġetti għall-obbligu li jkun indikat il-prezz unitarju f'xi Stati Membri iżda mhux f'oħrajn. Il-Kummissjoni biħsiebha tivverifika jekk din iċ-ċirkostanza x'aktarx tfixkel l-għanijiet ta' l-integrazzjoni tas-suq u tal-ħarsien tal-konsumatur segwiti, permezz ta' l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar prassi kummerċjali inġusti fil-livell ta' l-UE. 6. In-Negozji Żgħar tal-bejgħ bl-imnut Id-Direttiva tagħraf li għal xi negozji żgħar tal-bejgħ l-obbligu li jkun indikat il-prezz unitarju xi kultant jista' jkun ta' piż żejjed minħabba l-għadd ta' prodotti għall-bejgħ, id-daqs taż-żona tal-bejgħ, in-natura tal-post fejn isir il-bejgħ jew l-għamla tan-negozju innifsu (eż. ċerti tipi ta' bejgħ ambulanti). Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 6 jippermetti lill-Istati Membri li jeżentaw mill-obbligu li jkun indikat il-prezz unitarju għal oġġetti mibjugħa minn dawn in-negozji, minbarra prodotti mibjugħ bl-ingrossa. Din l-eżenzjoni hija permessa biss għal perjodu tranżitorju, li għandu jiġi ffissat mill-Istati Membri. Bosta Stati Membri għażlu li jimplimentaw id-deroga għal negozji żgħar tal-bejgħ previsti mill-Artikolu 6 tad-Direttiva. Madankollu, il-kriterji magħżula mil-leġiżlaturi nazzjonali biex jiddefinixxu l-ambitu ta' l-applikazzjoni ta' din id-deroga mhumiex konverġenti. Il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri jqisu d-daqs taż-żona totali tal-bejgħ u jidentifikaw limitu li taħtu ma jibqa’ japplika l-ebda obbligu li jkun indikat il-prezz unitarju. Il-limiti rilevanti jvarjaw minn 50m2 fil-Greċja għal 500 m2 fis-Slovenja. Xi Stati Membri għażlu li jeskludu l-obbligu li jkun indikat il-prezz unitarju għal ħwienet fejn il-klijenti jinqdew minn fuq il-bank (l-oppost ta’ stabbilimenti self-service ). dan hu l-każ, pereżempju, għall-Olanda, is-Slovakkja u l-Greċja (fil-każ ta’ l-aħħar, għal ikel u xorb diġà ppakkjat). Fi Franza, id-deroga tapplika biss għal ħwienet li mhumiex self-service b’żona tal-bejgħ li mhix ikbar minn 120m2. L-Awstrija teżenta n-negozjanti għal rashom li għandhom massimu ta’ disgħa impjegati u negozjanti li joperaw f’għamla ta’ negozju b’massimu ta’ 50 impjegat. Negozjanti b’massimu ta’ ħames impjegati huwa wkoll eżentati fl-Olanda. Il-miżuri ta’ traspożizzjoni Irlandiżi jeżentaw mill-obbligu lil stabbilimenti fejn in-negozjant ma jużax tagħmir għall-istampar tat-tikketti ta’ l-ixkaffa jew għall-iskennjar mill-kaxxiera. Jeżistu derogi speċifiċi fl-Olanda għal prodotti mibjugħa fid-djar ta’ klijenti regolari, f’vetturi jew f'suq fit-triq jew fuq l-ilma. Bejjiegħa ambulanti huma eżentati mill-obbligu li jkun indikat il-prezz unitarju fl-Awstrija, l-Irlanda u l-Lussemburgu. Ir-Renju Unit teżenta biss lil bejjiegħa ambulanti meta joffru ħobż li jkun fi kwantità preskritta jew kwalunkwe prodott li jkun diġà ppakkjat fi kwantità kostanti. Fl-Estonja, din l-eżenzjoni hija applikabbli għal prodotti diġà ppakkjati b’volum jew piż identiku, offruti jew mibjugħa f’ħanut mobbli, kjosk jew bank fit-triq. Fl-aħħarnett, il-leġiżlazzjoni Maltija ma tagħtix deroga direttament, iżda tagħti s-setgħa lill-awtorità amministrattiva kompetenti (id-Direttur ta’ l-Affarijiet tal-Konsumatur) sabiex jiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom in-negozji żgħar tal-bejgħ jew kategoriji oħra ta’ bejjiegħa jistgħu jkunu eżentati mill-obbligu li jindikaw il-prezz unitarju meta dan ikun eċċessivament oneruż. Id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżvezja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja għażlu li ma jdaħħlux fis-seħħ regoli speċifiċi mmirati lejn negozji żgħar tal-bejgħ. Il-Belġju, l-Italja, il-Portugall u Spanja inizjalment implimentaw reġim ad hoc għal negozji żgħar tal-bejgħ, iżda mbagħad iddeċidew li jġedduh la darba l-perjodu tranżitorju previst għad-dħul ta' l-ewro jkun skada. Ċipru dan l-aħħar emenda l-leġiżlazzjoni nazzjonali biex jelimina d-deroga. Skond id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-obbligu biex ikun indikat il-prezz unitarju għal prodotti mibjugħa minn negozji żgħar tal-bejgħ għal perjodu tranżitorju. Madankollu, ir-Repubblika Ċeka hija l-uniku Stat Membru li l-leġiżlazzjoni implimentattiva tagħha tikkwota data ta' skadenza preċiża għal din id-deroga, jiġifieri l-1 ta' Mejju 2014. Fil-liġi Griega, it-tul ta’ l-eżenzjoni hija definita b’referenza għad-diċitura tad-Direttiva: għalhekk, l-obbligu li jkun indikat il-prezz unitarju huwa eżentat sakemm issir rieżaminazzjoni Komunitarja tal-kwistjoni skond l-Artikolu 12. Il-miżuri ta’ trasponiment Ġermaniżi jsemmu n-natura tranżitorja ta’ l-eżenzjoni, mingħajr ma jispeċifikaw kemm se ddum disponibbli. Il-bqija ta’ l-Istati Membri ma jidhirx li jsemmu li d-deroga tingħata biss għal perjodu tranżitorju, għalkemm xi wħud minnhom iċċaraw b’mod espliċitu li mhijiex maħsuba bħala deroga permanenti. Skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva u l-preambolu tagħha, il-Kummissjoni wettqet studju biex tevalwa l-impatt tad-Direttiva, b’referenza partikolari għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta' l-indikazzjoni tal-prezz minn negozji żgħar tal-bejgħ. L-istudju jidentifika x-xkiel potenzjali għall-ħwienet żgħar biex jindikaw il-prezz unitarju, li jista’ joħroġ minn strumenti u metodoloġiji ta’ pprezzar. Partikolarment, sistemi manwali ta’ pprezzar adottati minn ħwienet żgħar bi preferenza fuq sistemi kompjuterizzati jista’ jfissru piż addizzjonali biex jiġi kkalkulat, immodifikat u indikat il-prezz unitarju. Filwaqt li teknoloġiji ġodda jsiru disponibbli rapidament, l-ispejjeż għolja, il-fatturat insuffiċjenti u l-kumplessità tas-sistemi jfissru li l-ħwienet iż-żgħar x’aktar ma jgawdux mill-benefiċċji potenzjali ta’ dawn l-iżviluppi. Jidher li hemm evidenza, madankollu, li dan il-piż jista’ ma jkunx eċċessiv fir-rigward tal-miri ta’ ħarsien tal-konsumatur segwiti mid-Direttiva. L-istudju mwettaq mill-Kummissjoni juri li minoranza sostanzjali (39%) tan-negozji żgħar tal-bejgħ fil-ħmistax-il Stat Membru l-antik jaraw l-ipprezzar unitarju bħala piż fuq in-negozji żgħar tal-bejgħ. Il-maġġoranza tan-negozji żgħar tal-bejgħ fil-ħmistax-il Stat Membru antik qablu li ma’ indikazzjoni tal-prezz unitarju għall-ħwienet kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom. Il-bejjiegħa li diġà jindikaw il-prezz unitarju huma iktar ħerqana li l-ipprezzar unitarju jsir obbligatorju għall-bejjiegħa kollha milli l-impriżi li jgawdu mid-deroga. Il-Kummissjoni ma tqisx l-evidenza miġbura bħala konklussiva, fid-dawl ta' reviżjoni possibbli tad-Direttiva. L-ewwelnett, l-istudju kellu jitwettaq fuq il-bażi ta’ definizzjoni standard ta' negozji żgħar tal-bejgħ (0-20 impjegat), filwaqt li – fin-nuqqas ta’ kunċett armonizzat fil-livell Komunitarju – id-definizzjonijiet ta’ ħwienet żgħar fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali ta’ l-Istati Membri huma pjuttost diverġenti. It-tieninett, l-istudju ma jkoprix l-Istati Membri l-ġodda, fejn il-ħwienet iż-żgħar jistgħu jiffaċċjaw problemi speċifiċi (minkejja, kif kien imsemmi hawn fuq, erbgħa minnhom għażlu li ma jagħmlux użu mill-possibbiltà ta’ deroga fl-Artikolu 6). 7. Konklużjonijiet Id-Direttiva ma ħolqotx problemi kbar ta’ trasponiment fl-ebda wieħed mill-Istati Membri. Ġiet implimentata mill-Istati Membri kollha, minkejja li f'ċerti każi wara d-data stabbilita mill-Artikolu 11(1) – jiġifieri t-18 ta’ Marzu 2000. L-istudju mwettaq mill-Kummissjoni juri qbil wiesa' li d-Direttiva tat kontribut biex jiżdied il-ħarsien ta’ l-interessi ekonomiċi tal-konsumatur, minkejja li l-firxa proprja ta’ l-impatt tagħha għadu mhux magħruf. Id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri livell eċċezzjonali ta' diskrezzjoni fit-tfassil tal-miżuri ta' trasponiment tagħhom. Bosta artikoli jintroduċu għażliet regolatorji miftuħa għal-leġiżlaturi nazzjonali: b’riżultat ta’ dan, il-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva huma diverġenti ħafna għal xi aspetti. Dan mhuwiex dejjem il-każ, madankollu: għal xi dispożizzjonijiet, il-maġġoranza vasta ta’ l-Istati Membri adottaw l-istess soluzzjonijiet normattivi fil-livell nazzjonali. B'riżultat ta’ din id-diskrezzjoni, l-Istati Membri ma serrħux estensivament fuq il-klawżola ta' armonizzazzjoni minima fl-Artikolu 10, li biha jistgħu jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli fir-rigward tat-tagħrif lill-konsumatur u t-tqabbil tal-prezzijiet, milli dawk li jinsabu fid-Direttiva. Fid-dawl ta’ reviżjoni possibbli tad-Direttiva, il-Kummissjoni biħsiebha għalhekk tqis jekk hemmx il-ħtieġa li tinżamm il-klawżola ta’ armonizzazzjoni minima fl-Artikolu 10. Fir-rigward tal-possibbiltà li jkun eżentat l-obbligu ta’ l-indikazzjoni tal-prezz unitarju ta’ prodotti li għalihom din l-indikazzjoni ma tkunx utli minħabba n-natura jew l-iskop tagħhom, il-kontrolli fuq it-trasponiment jikxfu xenarju frammentat ħafna: filwaqt li xi kategoriji ta’ prodotti huma eżentati f'ħafna Stati Membri, hemm għadd ta' eċċezzjonijiet pjuttost speċifiċi, li mhux dejjem ikunu ġustifikabbli skond id-diċitura ta' l-Artikolu 5(1). Dan joħloq inugwaljanza mhux mixtieqa fil-livell tal-ħarsien tal-konsumatur madwar l-Ewropa li jista’ jirrikjedi iktar gwida dwar liema prodotti jew kategoriji ta’ prodotti jistgħu jiġu suġġetti u/jew eżentati mill-obbligu li jkun indikat il-prezz unitarju. Finalment, kif issemma hawn fuq, il-Kummissjoni għandha l-għan li tisma’ l-opinjoni tal-partijiet interessati dwar l-applikazzjoni ta’ l-Arikolu 6, b’referenza partikolari għall-impatt tiegħu fuq l-attività kummerċjali ta’ negozji żgħar ta’ bejgħ bl-imnut. Il-Kummissjoni tilqa’ bil-ferħ b’mod partikolari kwalunkwe preżentazzjoni dwar il-ħtieġa kontinwa għad-deroga temporanja prevista fid-Direttiva u/jew l-opportunità li tintroduċi definizzjoni Ewropea ta’ entitajiet żgħar ta’ bejgħ bl-imnut fil-leġiżlazzjoni. Anness MISTOQSIJIET GħALL-KONSULTAZZJONIJIET Il-mistoqsija A : Id-deroga fl-Artikolu 3(2) għandha tinżamm? Għażla 1: Wieħed jista' jargumenta li l-indikazzjoni tal-prezz ta' l-unità għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 3(2) mhijiex rilevanti sabiex tagħti s-setgħa lill-konsumaturi sabiex jagħmlu għażliet infurmati fuq bażi ta’ sempliċi tqabbil tal-prezz. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri eskludew dawn il-prodotti mill-ambitu ta’ l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali ta’ trażpożizzjoni. Franza u l-Finlandja, li ma użawx din il-possibilità, applikaw listi pożittivi ta’ kategoriji ta’ prodotti li għalihom jibqa’ applikabbli l-obbligu sabiex jintwera l-prezz ta’ l-unità: bħala riżultat, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-prezz ta’ l-unità indikat fl-Artikolu 3(2) mhuwiex se jkun meħtieġ li jintwera anki f’dawn il-pajjiżi. Għalhekk, jista’ jkun xieraq li wieħed jeskludi dawn il-prodotti mill-ambitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u jelimina d-deroga. Għażla 2: Huwa possibbli wkoll li ssostni li – minħabba li l-Istati Membri jibqgħu ħielsa taħt l-Artikolu 5(1) li jeżentaw mill-obbligu li juru l-prezz ta’ l-unità ta’ prodotti li għalihom din l-indikazzjoni ma tkunx utli – m’hemm l-ebda ħtieġa li wieħed jeskludi dawn l-oġġetti mill-ambitu ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva. L-Artikolu 3(2) b’hekk ikun irrevokat kompletament u l-Istati Membri jkunu jistgħu jkunu ħielsa sabiex jiddeċiedu jekk il-prezz ta’ l-unità ta’ dawn il-prodotti għandux ikun indikat taħt l-Artikolu 5(1). Għażla 3: It-tielet alternattiva tista’ tkun li d-deroga tinżamm fl-għamla attwali tagħha. Il-Mistoqsija B: Għal liema prodotti għandu jkun hemm obbligu sabiex jiġi indikat il-prezz? Għażla 1 : L-Istati Membri ħadu perspettivi differenti fir-rigward ta’ liema prodotti ma jeħtiġilhomx ikollhom l-indikazzjoni tal-prezz ta’ l-unità, minħabba li indikazzjoni bħal din ma tkunx ta’ użu minħabba n-natura u l-għan tal-prodotti jew minħabba li jkollha tendenza li toħloq konfużjoni. Minkejja li dan jista’ jkun iġġustifikat sa ċertu punt meta wieħed iqis l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, wieħed irid jikkontesta li hemm ħtieġa ċara li tingħata xi tip ta' gwida. Pereżempju, jista’ jkun possibbli sabiex tiġi applikata fil-livell Ewropew lista indikattiva jew komprensiva ta' kategoriji ta' prodotti li għalihom mhijiex meħtieġa l-indikazzjoni tal-prezz ta' l-unità. Jekk tiġi stabbilita lista komprensiva, l-Arikolu 5(1) ikun jista’ jiġi rrevokat. Għażla 2 : Għażla alternattiva tista’ tkun li tiġi stabbilita fil-livell Ewropew lista ta’ prodotti jew ta’ kategoriji ta’ prodotti li għalihom huwa applikabbli l-obbligu li jiġi indikat il-prezz ta’ l-unità. Lista pożittiva ta’ dan it-tip fil-fatt għandha tiddefinixxi l-ambitu eżatt ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u telimina kwalunkwe inċertezza legali għal konsumaturi kif ukoll għal intrapriżi. Kieku kellha tiġi applikata lista bħal din, l-Artikolu 5 jista’ jiġi rrevokat. Għażla 3 : it-tielet possibilità tista’ tkun li wieħed jislet il-kriterji li jridu jittieħdu f’kunsiderazzjoni mill-Istati Membri meta jimplimentaw l-Artikolu 5(1). Dan għandu jillimita d-diskrezzjoni wiesgħa li jgawdu minnha l-Istati Membri, mingħajr ma jwassal għall-eliminazzjoni ta’ l-Artikolu 5. Il-Mistoqsija C: Għandhom jinżammu regoli speċifiċi fuq ir-riklamar f’dan il-kuntest? Għażla 1 : Wieħed jista’ jsostni li d-Direttiva 2005/29/KE dwar in-negozju inġust għal prattiki kummerċjali tal-konsumaturi tiżgura li l-konsumaturi huma protetti b’mod addattat kontra kwalunkwe riklamar li jista’ jqarraqhom fir-rigward tal-prezz ta’ prodotti. Jekk dan hu l-każ, l-Artikolu 3(4) jista’ jiġi rrevokat. F’dan il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jridu jivvalutaw jekk ir-riklami li jsemmu l-prezz tal-bejgħ – iżda mhux il-prezz ta’ l-unità – ta’ prodotti koperti mid-Direttiva dwar indikazzjonijiet tal-prezz humiex probabbli li jaffetwaw l-imġiba ekonomika tal-konsumaturi medji, billi jwassluhom sabiex jieħdu deċiżjoni ta’ tranżazzjoni li ma kinux jieħdu kieku l-qagħda kienet mod ieħor. Għażla 2 : Jekk l-indikazzjoni tal-prezz ta’ l-unità fir-riklamar titqies xorta waħda bħal essenzjali sabiex tiżgura livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, l-Artikolu 3(4) jista’ jiġi rrevokat u dispożizzjoni korrispondenti tista’ tiżdied mal-lista sewda ta’ prattiki li jitqiesu dejjem bħala inġusti taħt id-Direttiva 2005/29/KE. Minkejja dan, sabiex tiżgura applikazzjoni ugwali tal-lista s-sewda, għandha tiġi identifikata lista tal-qofol, ta’ prodotti, li għaliha l-ommissjoni tal-prezz ta’ l-unità fir-riklamar dejjem titqies bħala inġusta. Il-Mistoqsija D: Id-deroga għan-negozji żgħar tal-bejgħ bl-imnut għandha ssir permanenti? Jekk isir hekk, għandu jiġi introdott kunċett Ewropew ta' negozju żgħir tal-bejgħ bl-imnut ? Kif għandu jkun formulat? Għażla 1 : Id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri sabiex jeżentaw mill-obbligu li jindikaw il-prezz ta’ l-unità għan-negozji żgħar tal-bejgħ bl-imnut għal perjodu limitat ta’ żmien, li għandu jiġi speċifikat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Waħda mill-ewwel għażliet tista’ tkun li n-negozji żgħar tal-bejgħ bl-imnut jiġu kompletament esklużi mill-ambitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Minkejja dan, għażla bħal din tistrieħ fuq l-assunzjoni li l-obbligu li tindika l-prezz ta’ l-unità ta’ oġġetti tal-konsumatur isarraf f’piż eċċessiv għal intrapriżi ta’ dan it-tip. Bħalissa, il-Kumissjoni ma għandha l-ebda evidenza li dan huwa l-każ: kemm ir-riżultat ta’ l-istudju kif ukoll l-għażla operata minn bosta Stati Membri li ma għamlux użu mid-deroga pjuttost jissuġġerixxu li l-obbligu msemmi jirrappreżenta piż supplimentari, għalkemm mhuwiex eċċessiv jew sproporzjonat. Jekk negozji żgħar tal-bejgħ bl-imnut iridu jiġu esklużi mill-ambitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, definizzjoni Ewropea preċiża ta’ intrapriżi bħal dawn tista’ tiġi żviluppata sabiex tiżgura ċertezza legali. Għażla 2 : Wieħed jista’ jsostni li l-obbligu li tindika il-prezz ta’ l-unità ma jikkostitwix piż eċċessiv fuq in-negozji żgħar tal-bejgħ bl-imnut. Jekk dan huwa l-każ, id-deroga fl-Artikolu 6 titsa’ titneħħa kompletament. Għażla 3 : Fl-aħħar nett, il-possibilità ta’ deroga li tinsab fl-Artikolu 6 tista' tiġi estiża b'mod ulterjuri għal perjodu definittiv. bil-ħsieb li jiġu vvalutati mill-ġdid fil-ġejjieni jekk żviluppi tekniċi jtaffux il-piż li jġorru negozji żgħar tal-bejgħ bl-imnut sabiex jindikaw il-prezz ta' l-unità. Ukoll, f’dan il-każ, jista’ jkun meħtieġ li jiġi identifikat perjodu meta d-deroga tkun tista’ tibqa’ disponibbli kif ukoll jiġu identifikati l-intrapriżi li jistgħu jibbenefikaw minnha. Il-Mistoqsija E : Il-klawżola ta’ armonizzazzjoni minima għandha tinżamm? Għażla 1 : Wieħed jista’ jsostni li, minħabba li l-Istati Membri bilkemm użaw il-possibilità li jintroduċu jew iżommu regoli ta' ħarsien tal-konsumatur aktar stretti fl-ambitu armonizzat mid-Direttiva, hemm raġuni sabiex nersqu lejn skema kompletament armonizzata għall-indikazzjonijiet tal-prezz, u għalhekk jiġi kkombinat livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur ma’ integrazzjoni sħiħa tas-suq. Għażla 2 : It-tneħħija tal-klawżola fl-Artikolu 10 għandha tnaqqas id-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri meta jimplimentaw id-Direttiva. Barra minn hekk, f’dan l-istadju l-Kummissjoni ma għandha l-ebda evidenza konklussiva li diverġenzi attwali fil-liġijiet nazzjonali dwar indikazzjonijiet tal-prezz għal oġġetti tal-konsumatur joħolqu barrieri sinifikanti tas-suq intern jew inaffru l-kummerċ interkonfinali. [1] ‘Appraisal of Directive 98/6/EC on consumer protection in the indication of unit prices of products offered to consumers’, studju mħejji mill-EIM Business & Policy Research. [2] Eż. l-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/374/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar resposnabilità għall-prodotti difettużi [3] Madankollu, il-miżuri ta’ traspożizzjoni mdaħħla fis-seħħ minn bosta Stati Membri japplikaw ukoll għas-servizzi: dan hu l-każ għall-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja.