European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1512

24.7.2025

DEĊIŻJONI (UE) 2025/1512 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta’ Lulju 2025

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 dwar ir-remunerazzjoni ta’ holdings ta’ eċċess ta’ riżervi u ta’ ċerti depożiti (BĊE/2019/31) u d-Deċiżjoni (UE) 2024/1209 dwar ir-remunerazzjoni ta’ ċerti depożiti ta’ politika mhux monetarja miżmuma ma’ banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/11) (BĊE/2025/23)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 17 u 18 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/2773 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) stabbilixxa l-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna (il-“Mekkaniżmu”) u għamel disponibbli għall-Ukrajna assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali fil-forma ta’ self (is-“Self tal-AMF”) bil-ħsieb li jappoġġa lill-Ukrajna biex tkopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħha. L-għan tal-Mekkaniżmu huwa li jipprovdi lill-Ukrajna b’appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli biex jassisti lill-Ukrajna tħallas lura s-Self tal-AMF, kif ukoll self bilaterali eliġibbli pprovdut minn mutwanti bilaterali li jaġixxu taħt l-awspiċji tal-inizjattiva tal-G7 “Self għall-Aċċellerazzjoni tad-Dħul Straordinarju għall-Ukrajna”, kif imsemmi fil-premessa 15 tar-Regolament (UE) 2024/2773. Sabiex jinkiseb dak l-għan, il-Mekkaniżmu għandu jirċievi riżorsi magħmula disponibbli kif speċifikat fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2024/2773, inklużi flussi tal-profitti straordinarji li jirriżultaw mill-assi immobilizzati tar-Russja, u jiżborżahom fuq bażi regolari lill-Ukrajna biex ikopri l-kapital, l-imgħax u kwalunkwe kost relatat ieħor tas-Self tal-AMF u tas-self bilaterali eliġibbli.

(2)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) qabel li jaġixxi bħala aġent fiskali biex jipprovdi servizzi ta’ kontijiet ta’ flus kontanti billi jiftaħ kont miżmum mal-BĊE għall-finijiet li jirċievi, iżomm u jagħmel trasferimenti ta’ ammonti allokati lill-Mekkaniżmu skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2024/2773, għall-fini tal-Artikolu 5(1), il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament, u soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) tiegħu.

(3)

Huwa xieraq li l-kont rilevanti miżmum mal-BĊE jiġi remunerat abbażi tar-regoli u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/31) (2) u d-Deċiżjoni (UE) 2024/1209 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/11) (3).

(4)

Il-Kummissjoni Ewropea, fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha skont ir-Regolament (UE) 2024/2773, talbet li l-kont miżmum mal-BĊE għandu jkun operattiv fl-1 ta’ Awwissu 2025. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ b’urġenza u tapplika minn dik id-data.

(5)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31) u d-Deċiżjoni (UE) 2024/1209 (BĊE/2024/11) għandhom jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda għad-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31)

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31), għandu jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Il-BĊE għandu japplika r-rata ta’ remunerazzjoni kif stabbilita fl-Artikolu 2(4), il-punt (d), tad-Deċiżjoni (UE) 2024/1209 (BĊE/2024/11) għall-kont iddedikat miżmum mal-BĊE għall-finijiet li jirċievi, iżomm u jagħmel trasferimenti ta’ ammonti li huma allokati lill-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna — stabbilit bir-Regolament (UE) 2024/2773 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) — skont l-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament, għall-fini tal-Artikolu 5(1), il-punt (a) tiegħu, u soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) tiegħu.

Artikolu 2

Emenda għad-Deċiżjoni (UE) 2024/1209 (BĊE/2024/11)

Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 4, tad-Deċiżjoni (UE) 2024/1209 (BĊE/2024/11), għandu jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

għall-kont iddedikat miżmum mal-BĊE għall-finijiet li jirċievi, iżomm u jagħmel trasferimenti ta’ ammonti li huma allokati lill-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna — stabbilit bir-Regolament (UE) 2024/2773 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) — skont l-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament, għall-fini tal-Artikolu 5(1), il-punt (a), tiegħu, u soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) tiegħu: €STR nieqes 20 punt bażi.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandha tapplika mill-1 ta’ Awwissu 2025.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/2773 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna u li jipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna (ĠU L, 2024/2773, 28.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2773/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta’ Ottubru 2019 dwar ir-remunerazzjoni ta’ holdings ta’ eċċess ta’ riżervi u ta’ ċerti depożiti (BĊE/2019/31) (ĠU L 267, 21.10.2019, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1743/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2024/1209 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2024 dwar ir-remunerazzjoni ta’ ċerti depożiti ta’ politika mhux monetarja miżmuma ma’ banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/11) (ĠU L, 2024/1209, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1209/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1512/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)