|
27.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 277/208 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2070
tas-26 ta’ Ottubru 2022
biex ma jiġux sospiżi d-dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1688
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 14(4) tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(2) tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Fit-8 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1688 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), imponiet dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju (urea and ammonium nitrate, “UAN” jew “il-prodott ikkonċernat”) li joriġinaw mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerka (“il-pajjiżi kkonċernati”). |
|
(2) |
F’Mejju 2021, Copa-Cogeca (“l-applikant”), assoċjazzjoni ta’ utenti tal-prodott ikkonċernat, ippreżentat informazzjoni relatata ma’ bidla temporanja allegata fil-kundizzjonijiet tas-suq li seħħet wara l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi. Il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali (“il-PI oriġinali”) kien mill-1 ta’ Lulju 2017 sat-30 ta’ Ġunju 2018. L-applikant allega li tali bidla temporanja tiġġustifika s-sospensjoni tad-dazji anti-dumping li bħalissa jinsabu fis-seħħ, f’konformità mal-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036. Assoċjazzjonijiet oħra, jiġifieri AGBP (Association Générale des Producteurs de Blé) u Interore (International Ore & ampFertilizer Belgium SA) ukoll ipprovdew evidenza b’appoġġ għas-sospensjoni tad-dazji anti-dumping. Dawn is-sottomissjonijiet ma kienx fihom l-elementi u l-evidenza kollha meħtieġa rilevanti għall-Kummissjoni biex tkompli bl-analiżi. Il-Kummissjoni involviet ruħha mal-applikant biex tiġbor evidenza addizzjonali li tappoġġja l-pretensjoni tagħha ta’ bidla temporanja fil-kundizzjonijiet tas-suq. |
|
(3) |
Fis-16 ta’ Novembru 2021, u quddiem l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni ddeċidiet li titlob lil AGBP, lil Copa-Cogeca u lil Fertilizers Europe jipprovdu informazzjoni addizzjonali li tappartjeni għal perjodu wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali u, b’mod aktar speċifiku, informazzjoni dwar prezzijiet, id-domanda fl-Unjoni u l-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul it-tielet trimestru tal-2021 sabiex teżamina u tivvaluta l-impatt, jekk hemm, tal-allegati ċirkostanzi mibdula fis-suq tal-Unjoni u jkunx improbabbli li d-dannu jerġa’ jokkorri b’riżultat tas-sospensjoni. |
|
(4) |
Wara dawn is-sottomissjonijiet, Copa-Cogeca (li tinkorpora xi wħud mill-argumenti mqajma minn AGPB) u l-industrija tal-Unjoni ngħataw il-possibbiltà li jipprovdu kummenti. |
|
(5) |
Abbażi tal-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni eżaminat jekk tali sospensjoni kinitx ġustifikata. L-elementi kkunsidrati huma miġbura fil-qosor hawn taħt. |
|
(6) |
Fl-20 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni żvelat is-sejbiet tagħha lil AGBP, Interore, Copa-Cogeca u Fertilizers Europe. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jagħmlu kummenti sussegwenti għal dan l-iżvelar. Waslu kummenti mingħand Interore, Copa-Cogeca u Fertilizers Europe. |
2. EŻAMI TA’ ĊIRKOSTANZI MIBDULA TAS-SUQ
|
(7) |
L-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku jipprevedi li, fl-interess tal-Unjoni, il-miżuri anti-dumping jistgħu jiġu sospiżi meta l-kundizzjonijiet tas-suq jinbidlu temporanjament sal-punt li d-dannu x’aktarx ma jerġax jissokta b’riżultat ta’ tali sospensjoni. Il-Kummissjoni se teżamina dawk l-elementi hawn taħt. |
2.1. Analiżi ta’ bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq
|
(8) |
Il-bidliet temporanji allegati fil-kundizzjonijiet tas-suq kienu magħmula minn skarsezza tal-provvista fis-suq tal-Unjoni peress li naqas il-volum ta’ importazzjonijiet u l-industrija tal-Unjoni naqqset il-produzzjoni tagħha. L-iżbilanċ temporanju bejn il-provvista u d-domanda wassal għal żieda drastika fil-prezzijiet. L-analiżi kopriet żewġ partijiet, jiġifieri, l-ewwel, paragun bejn il-kundizzjonijiet fis-suq fil-PI oriġinali u fl-2021, u, it-tieni, aġġornament dwar l-aktar żviluppi reċenti fl-2022 li għalihom kienet disponibbli d-data. |
|
(9) |
Mill-impożizzjoni tal-miżuri, l-istatistika tal-Eurostat li tkopri sal-aħħar tal-2021 indikat li l-importazzjonijiet tal-UAN naqsu drastikament. L-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati naqsu b’69 % meta mqabbla mal-PI oriġinali u ġew sostitwiti biss parzjalment b’importazzjonijiet minn pajjiżi oħra. Dan wassal għal tnaqqis fl-importazzjonijiet mill-oriġini kollha bi kważi 60 % meta mqabbel mal-volum importat fil-PI oriġinali. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet naqas ukoll minn 43 % għal 19 %, abbażi tas-suppożizzjoni li d-domanda fl-Unjoni baqgħet stabbli, kif ipprovdut minn Copa-Cogeca. Dan ħoloq lakuna fil-provvista ta’ 1,14 miljun tunnellata, meta jitqabblu l-PI oriġinali u l-2021. |
|
(10) |
Fil-kummenti tagħhom dwar l-iżvelar, Copa-Cogeca indikat li l-importazzjonijiet żdiedu fl-ewwel nofs tal-2022 b’aktar minn 250 % meta mqabbel mal-ewwel nofs tal-2021. Il-parti nnotat li din iż-żieda tikkoinċidi ma’ tnaqqis drammatiku fil-produzzjoni tal-Unjoni minħabba l-fatturi diskussi hawn taħt. Sa fejn huma kkonċernati l-importazzjonijiet, id-data disponibbli għall-Kummissjoni tikkonferma din iż-żieda. Tabella 1 Volumi ta’ importazzjonijiet
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(11) |
Fir-rigward tal-iżviluppi futuri possibbli fl-importazzjonijiet, il-Kummissjoni osservat li l-Istati Uniti tal-Amerka (“l-Istati Uniti”) jidher li kkonċentraw il-bejgħ tal-UAN tagħhom fuq is-suq domestiku mill-2020. L-importazzjonijiet minn Trinidad u Tobago ma jidhrux li huma affettwati mill-impożizzjoni, f’Ottubru 2019, tal-miżuri anti-dumping definittivi. Komplew jidħlu fl-Unjoni fi kwantitajiet sinifikanti. Fl-2021, dawn l-importazzjonijiet irrappreżentaw 50 % (389 000 tunnellata) tal-importazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni. Fl-ewwel erba’ xhur tal-2022, Trinidad u Tobago esportaw lejn l-Unjoni aktar minn 234 000 tunnellata, li huwa 54 % aktar mill-istess perjodu tas-sena l-oħra (madwar 152 000 tunnellata). B’hekk, jidher li l-UAN minn Trinidad u Tobago tabilħaqq għadu jidħol fl-Unjoni fi kwantitajiet sinifikanti. |
|
(12) |
Fir-rigward tal-importazzjonijiet mir-Russja, it-tħabbiriet u s-sanzjonijiet tawna raġunijiet biex nemmnu li kwalunkwe żieda fl-importazzjonijiet tal-UAN mir-Russja kienet ferm improbabbli. Tabilħaqq, fl-4 ta’ Marzu 2022, il-Ministeru għall-Kummerċ u l-Industrija tar-Russja ħabbar li “irrakkomanda [lill-]produtturi Russi biex temporanjament jissospendu l-vjeġġi tal-esportazzjoni ta’ fertilizzanti Russi sakemm it-trasportaturi jerġgħu jibdew jaħdmu (b’mod regolari) u jipprovdu garanziji li l-esportazzjonijiet tal-fertilizzanti Russi se jitlestew bis-sħiħ.” (3) |
|
(13) |
Barra minn hekk, l-azzjonisti ewlenin tal-produtturi Russi ewlenin tal-UAN bħas-Sur Melnichenko ta’ EuroChem, u s-CEO tagħha, Vladimir Rashevsky; Is-Sur Mazepin ta’ Uralchem; u s-Sur Moshe Kantor ta’ ACRON, jinsabu fuq il-lista ta’ sanzjonijiet tal-UE. Filwaqt li s-sanzjonijiet individwali ma affettwawx b’mod dirett lil dawn il-kumpaniji Russi, jista’ jkollhom impatt potenzjali fuq l-importazzjonijiet li ġejjin mir-Russja. Ta’ min jinnota, madankollu, li l-importazzjonijiet mir-Russja baqgħu għaddejjin f’livelli sinifikanti ħafna (prattikament mingħajr tnaqqis) fl-2022. Tabilħaqq, l-ewwel nofs tal-2022 ra l-importazzjonijiet jiżdiedu sal-livelli ta’ importazzjoni tal-2019. F’Ġunju 2022 biss, il-volum ta’ importazzjonijiet mir-Russja kien akbar minn dak matul l-ewwel nofs tal-2021. |
|
(14) |
Il-Belarussja kienet sors ieħor ta’ importazzjonijiet tal-Unjoni, iżda dan twaqqaf ukoll minħabba l-fatt li, mit-2 ta’ Diċembru 2021, il-produttur Belarussu ewlieni, Grodno Azot, jidher fuq il-lista ta’ sanzjonijiet tal-UE. |
|
(15) |
Fit-12 ta’ Marzu 2022, il-Ministru għall-Politika Agrarja tal-Ukrajna Roman Leschenko ħabbar ukoll projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet ta’ fertilizzanti – inkluż il-UAN. |
|
(16) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li jista’ jkun raġonevolment mistenni li Trinidad u Tobago se jibqgħu s-sors ewlieni tal-importazzjonijiet ta’ UAN fl-Unjoni. |
|
(17) |
Meta titqies id-data għall-2021, minħabba t-tnaqqis tal-importazzjonijiet u d-domanda stabbli stmata fil-premessa (9), l-industrija tal-Unjoni kellu jkollha żieda fil-bejgħ tagħha ta’ madwar 31 % meta mqabbel mal-bejgħ tagħha fil-PI oriġinali, li jikkorrispondi għal 821 000 tunnellata addizzjonali. Madankollu, skont l-informazzjoni miġbura fuq il-provvista tal-industrija tal-Ewropa, filwaqt li l-produzzjoni żdiedet b’mod sostanzjali wara l-impożizzjoni tal-miżuri, tali żieda ma kinitx biżżejjed biex tikkumpensa bis-sħiħ għat-tnaqqis fl-importazzjonijiet. Il-bejgħ fis-suq tal-Unjoni tal-industrija tal-Unjoni żdied b’medja ta’ madwar 17 %, li jikkorrispondi għal madwar 450 000 tunnellata. Peress li, kif imsemmi fil-premessa (9), id-domanda tal-UAN fl-Unjoni baqgħet relattivament stabbli mill-PI oriġinali, il-lakuna fil-provvista maħluqa mill-volum aktar baxx ta’ importazzjonijiet mhux qed jimtela kompletament miż-żieda fil-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, li jwassal għal żbilanċ stmat bejn il-provvista u d-domanda ta’ madwar 371 000 tunnellata fl-2021. |
|
(18) |
Fir-rigward tad-data għall-2022, kif ipprovdut minn Copa-Cogeca fil-kummenti tagħha dwar l-iżvelar, l-industrija tal-Unjoni jidher li naqqset drammatikament il-produzzjoni tagħha. Il-lakuna fil-provvista li dan ħoloq kienet kbira wisq biex iż-żieda fl-importazzjonijiet fl-ewwel nofs tal-2022, diskussa fil-premessa (10) hawn fuq, tikkumpensa għaliha. |
|
(19) |
Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li, wara l-investigazzjoni oriġinali, kien hemm żbilanċ temporanju bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tal-Unjoni. |
|
(20) |
Il-prezz tas-suq tal-UAN tal-Unjoni (“il-prezz tal-UAN”) ġie stabbilit bl-użu tal-prezz medju tal-UAN 30 ex-tank Rouen, li huwa l-prezz tas-suq rappreżentattiv l-aktar rikonoxxut fl-Ewropa, u Franza hija l-akbar pajjiż li jikkonsma l-UAN fl-Unjoni Ewropea. Il-prezz tal-UAN fl-Unjoni żdied drastikament fit-tieni nofs tal-2021. Il-prezzijiet żdiedu b’aktar mid-doppju f’dawn is-sitt xhur u f’Diċembru 2021 kienu kważi erba’ darbiet ogħla milli kienu matul il-PI oriġinali. Il-prezz medju tal-UAN li kien EUR 154 għal kull tunnellata matul il-PI oriġinali, laħaq EUR 598 għal kull tunnellata f’Diċembru 2021. |
|
(21) |
Ir-raġuni ewlenija għal din iż-żieda fil-prezz tidher li hija ż-żieda fil-prezzijiet tal-gass naturali li rrappreżentat, skont l-informazzjoni miġbura bejn il-produtturi tal-Unjoni, proporzjon sostanzjali tal-kostijiet tal-produzzjoni tal-UAN. Mill-PI oriġinali, il-prezzijiet medji tal-gass naturali fl-Unjoni żdiedu bi kważi 400 % minn USD 6,53/MMBtu (4) għal USD 32,23/MMBtu fl-aħħar trimestru tal-2021. |
|
(22) |
Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-UAN urew żieda wkoll, iżda fuq skala iżgħar mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Matul l-2021, il-prezzijiet minn Trinidad u Tobago u mir-Russja kienu konsistentement aktar baxxi mill-prezzijiet tas-suq ippubblikati tal-UAN. Fl-ewwel żewġ trimestri tal-2022, dan għadu l-każ ħlief għal Trinidad u Tobago li kien kemxejn ogħla mill-prezzijiet tas-suq ippubblikati tal-UAN fit-tieni trimestru tal-2022. Tablella 2 Prezzijiet ippubblikati ta’ Importazzjoni u ta’ Rouen UAN 30 ex-tank
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(23) |
Kif innotat fil-premessi (17) u (18), il-provvista fis-suq tal-UE ma setgħetx tlaħħaq mad-domanda li hija stmata li tkun relattivament stabbli. Dan, flimkien ma’ żieda kbira fil-kostijiet tal-materja prima, x’aktarx ikkawża żieda fil-prezzijiet. |
|
(24) |
Din iż-żieda fil-prezz tal-UAN qed tpoġġi piż finanzjarju fuq l-utenti peress li l-UAN ma jistax jiġi sostitwit faċilment b’fertilizzanti tan-nitroġenu oħra. Il-UAN huwa likwidu u l-bdiewa li jixtru l-UAN huma soġġetti għal effett ta’ intrappolament tal-klijentela minħabba t-tagħmir meħtieġ użat għad-distribuzzjoni ta’ dan il-likwidu. Il-bdiewa li jużaw fertilizzanti tan-nitroġenu jeħtieġu tagħmir differenti. Barra minn hekk, il-kwantità tal-UAN meħtieġa mill-bdiewa hija wkoll inelastika. Matul iċ-ċiklu ta’ tħawwil, il-bdiewa għandhom ċertu flessibbiltà fir-rigward taż-żmien li jużaw il-UAN, iżda ma jistgħux inaqqsu l-kwantità ġenerali tal-UAN wisq mingħajr ma jirriskjaw il-ħsad u t-tnaqqis fil-kwalità. |
|
(25) |
Abbażi tar-raġunijiet li jinsabu hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm bidla temporanja fil-kundizzjonijiet tas-suq mill-PI oriġinali fis-sens ta’ provvista li ma tissodisfax id-domanda u prezzijiet ogħla. |
|
(26) |
Wara l-iżvelar, Interore u Copa-Cogeca tennew il-pretensjoni tagħhom li minħabba l-prezzijiet għolja tal-gass fl-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni ma żiditx il-produzzjoni tagħha biex tissostitwixxi l-importazzjonijiet u għalhekk l-utenti tal-UAN kienu jeħtieġu l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u minn Trinidad u Tobago. Barra minn hekk, Copa-Cogeca sostniet li hemm nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni. |
|
(27) |
Kif stabbilit fil-premessa (25), il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-provvista ma setgħetx tissodisfa d-domanda u l-prezzijiet tal-UAN kienu żdiedu. Peress li Copa-Cogeca ma ressqet l-ebda evidenza li tappoġġja n-nuqqas ta’ kompetizzjoni, din il-pretensjoni ġiet miċħuda. |
3. PROBABBILTÀ LI D-DANNU JERĠA’ JOKKORRI
|
(28) |
L-analiżi tal-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni lil Fertilizers Europe, li kienet l-ilmentatur fl-investigazzjoni oriġinali, biex teżamina jekk ikunx improbabbli li d-dannu jerġa’ jokkorri b’riżultat tas-sospensjoni, skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, uriet li l-industrija tal-Unjoni bħalissa għadha f’sitwazzjoni dannuża. |
|
(29) |
Minkejja ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-UAN, iż-żieda parallela fil-prezzijiet tal-gass naturali kellha impatt negattiv kbir fuq il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. Fertilizers Europe pprovdiet data għall-ewwel tliet trimestri tal-2021 dwar il-kostijiet tal-UAN mibjugħ, il-prezzijiet mill-fabbrika kif ukoll iċ-ċifri ta’ profittabbiltà għall-produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw 65 % tal-industrija tal-Unjoni. Din id-data wriet xejra ċara ’l isfel fil-profittabbiltà, li rriżultat f’sitwazzjoni ta’ telf ta’ medja ta’ - 9 % fit-tielet trimestru tal-2021. |
|
(30) |
Sabiex taġġorna s-sejbiet tagħha, il-Kummissjoni għamlet ukoll simulazzjonijiet dwar l-iżvilupp tal-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, li kieku kellhom jiġu sospiżi l-miżuri attwali. Dan l-aġġornament sar bl-użu ta’ xejriet fil-prezzijiet tal-gass naturali (bil-bosta l-fattur ewlieni tal-kostijiet) u l-prezz tal-UAN bejn l-ewwel trimestru tal-2021 u t-tieni trimestru tal-2022. Dawn ix-xejriet intużaw biex jiġu aġġornati l-kostijiet reali tal-produzzjoni u l-fatturat korrispondenti tal-industrija tal-Unjoni biex jirriflettu s-sitwazzjoni tagħhom sat-tieni trimestru tal-2022. Dan l-aġġornament wera li s-sitwazzjoni ta’ telf tal-industrija tal-Unjoni fit-tielet trimestru tal-2021 kompliet fl-ewwel nofs tal-2022. |
|
(31) |
Barra minn hekk, abbażi tal-kummenti dwar l-iżvelar, huwa ċar li s-sitwazzjoni reali tal-industrija tal-Unjoni hija agħar milli kien previst abbażi tas-simulazzjoni. Filwaqt li s-simulazzjoni tippresupponi produzzjoni u bejgħ stabbli tal-industrija tal-Unjoni, il-kollass tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fl-2022, kif ippreżentat minn Copa-Cogeca, jaggrava biss is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Ir-raġuni għal dan hija l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-gass naturali u l-prezzijiet tal-UAN. Il-prezz tal-UAN żviluppa b’mod pożittiv għal xi żmien u laħaq il-quċċata tiegħu f’Marzu 2022 (EUR 875 għal kull tunnellata). Il-prezz tal-UAN imbagħad beda jonqos biex laħaq EUR 595 għal kull tunnellata f’Ġunju 2022. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda indikazzjoni li l-prezzijiet tal-UAN se jiżdiedu fix-xhur li ġejjin. B’kuntrast ma’ dan, il-prezzijiet tal-gass naturali baqgħu f’livell għoli fl-aħħar trimestru tal-2021 u fl-ewwel żewġ trimestri tal-2022 (medja ta’ 32,34 USD/MMBtu). Filwaqt li kien hemm tnaqqis fil-prezzijiet tal-gass naturali f’Mejju (USD 29,8/MMBtu), dawn kienu qed jiżdiedu minn dak iż-żmien ’l hawn. F’Ġunju, reġgħu kienu USD 34,4/MMBtu u l-prospettiva hija żieda ulterjuri saħansitra aktar sostanzjali bi prezzijiet ogħla minn USD 50/MMBtu (5). |
|
(32) |
Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, il-produtturi tal-Unjoni mhux biss ma setgħux jgħollu l-produzzjoni biex jikkumpensaw bis-sħiħ għall-importazzjonijiet mitlufa fl-2021, iżda kellhom ikomplu jillimitaw il-produzzjoni, kif muri b’għadd ta’ għeluq parzjali ta’ linji tal-produzzjoni. Fil-kummenti tagħha dwar l-iżvelar, Copa-Cogeca stess innotat li l-prezzijiet tal-UAN f’Settembru 2022 ma setgħux ikopru l-kost tal-gass li huwa meħtieġ biex jiġi prodott il-UAN. B’parti biss tal-kostijiet varjabbli diġà ogħla mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-UAN fis-suq tal-Unjoni u l-kostijiet fissi għal kull unità ta’ produzzjoni li żdiedet b’mod sinifikanti minħabba t-tnaqqis fil-produzzjoni, mhuwiex ikkontestat li l-industrija tal-Unjoni kienet għadha ssofri dannu materjali. |
|
(33) |
Wara l-iżvelar, Fertilizers Europe tenniet li l-prezz tal-gass fl-Unjoni kien mistenni li jibqa’ għoli fir-raba’ trimestru tal-2022 u li l-industrija tal-Unjoni kienet mistennija li ssofri dannu mill-importazzjonijiet. |
|
(34) |
Wara l-iżvelar, matul seduta, Copa-Cogeca kkummentat li, għall-valutazzjoni tagħha dwar il-probabbiltà li d-dannu jerġa’ jokkorri, jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza l-bejgħ u l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni wara s-sottomissjoni inizjali ta’ Copa-Cogenca, jiġifieri minn Lulju 2021 ’il quddiem. |
|
(35) |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li deċiżjoni biex jiġu sospiżi l-miżuri anti-dumping ma tistax tkun eżerċizzju statiku. Is-suq tal-Unjoni tal-UAN wera li huwa volatili ħafna fil-perjodu wara s-sottomissjoni inizjali ta’ Copa-Cogeca, li jaffettwa l-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq mibdula u l-probabbiltà li d-dannu jerġa’ jokkorri. L-informazzjoni pprovduta inizjalment minn Copa-Cogeca għalhekk tqieset li kienet skaduta u tqieset meħtieġa informazzjoni addizzjonali. L-informazzjoni addizzjonali miksuba mill-industrija tal-Unjoni wriet li l-produtturi tal-Unjoni kienu qed isofru telf finanzjarju. Tabilħaqq, Copa-Cogeca rrikonoxxiet li l-industrija tal-Unjoni qed issofri dannu fl-2022. Fil-kummenti tagħha dwar l-iżvelar, Copa-Cogeca stess innotat li “[s]a fejn hija kkonċernata l-industrija tal-Unjoni […] il-bejgħ tagħha kellu jonqos drammatikament fl-2022” u li “[t]aħt il-kundizzjonijiet attwali tas-suq, huwa għalhekk mhux profittabbli l-ipproċessar tal-gass naturali f’UAN. Huwa b’hekk loġiku li l-faċilitajiet kważi kollha tal-UAN tal-UE ġew diżattivati.’’ |
|
(36) |
Barra minn hekk, matul seduta, Copa-Cogeca sostniet nuqqas ta’ trasparenza u rappreżentanza tad-data dwar il-profittabbiltà pprovduta mill-industrija tal-Unjoni. Kif indikat fil-premessa (29), il-Kummissjoni kisbet data li turi sitwazzjoni ta’ telf tal-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw, li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-produzzjoni tal-Unjoni. Din iċ-ċifra ta’ profittabbiltà kienet ibbażata fuq il-fatturat u l-kostijiet tal-UAN tal-produtturi tal-Unjoni. Peress li din l-informazzjoni kienet kunfidenzjali, tista’ tiġi żvelata biss ċifra aggregata għall-produtturi kollha tal-Unjoni li kkooperaw. Barra minn hekk, kif innotat fil-premessi (32) u (35) hawn fuq, Copa-Cegeca stess ma jidhirx li tikkontesta l-fatt li l-industrija tal-Unjoni qed issofri dannu materjali. |
|
(37) |
Wara l-iżvelar, Copa-Cogeca sostniet li l-kontinwazzjoni ta’ miżuri tmur kontra l-interess tal-Unjoni u jkollha effett negattiv fuq il-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni. Il-Kummissjoni fakkret li skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, il-miżuri jistgħu jiġu sospiżi fl-interess tal-Unjoni biss jekk id-dannu ma jkunx probabbli li jerġa’ jokkorri b’riżultat tas-sospensjoni. Minħabba s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni f’Settembru tal-2022, kif irrikonoxxut minn Copa-Cogeca fil-kummenti tagħha dwar l-iżvelar miġbur fil-qosor fil-premessi (32) and (35) above, l-indutrija tal-Unjoni kompliet iġġarrab telf finanzjarju u b’hekk id-dannu x’aktarx jaggrava f’każ li jiġu sospiżi l-miżuri, ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet għas-sospensjoni, u l-Kummissjoni ma tkunx qieset li huwa meħtieġ li jiġi evalwat l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. |
|
(38) |
Copa-Cogeca allegat li l-miżuri protettivi mhumiex meħtieġa minħabba li l-industrija tal-Unjoni mhijiex f’pożizzjoni li tipproduċi xi UAN bħalissa peress li l-prezz tal-gass huwa ħafna ogħla mill-prezz tal-UAN u konsegwentement l-output tal-UAN fl-Unjoni naqas b’mod konsiderevoli. |
|
(39) |
Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li Copa-Cogeca pprovdiet data li turi li għad hemm produzzjoni tal-UAN fl-Unjoni u li l-industrija tal-Unjoni qed issofri dannu materjali. Għaldaqstant, din il-pretensjoni ġiet rifjutata. |
4. KONKLUŻJONI
|
(40) |
Il-kundizzjonijiet tas-suq inbidlu b’mod temporanju fis-sens li bħalissa hemm provvista insuffiċjenti ta’ UAN fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet affordabbli biex tiġi ssodisfata d-domanda kostanti. Dan huwa prinċipalment minħabba li l-importazzjonijiet tal-UAN naqsu b’mod sinifikanti u l-produtturi tal-Unjoni ma jistgħux jikkumpensaw bis-sħiħ għall-volumi ta’ importazzjoni mitlufa, minħabba żieda kbira fil-kost tal-produzzjoni. |
|
(41) |
Tabilħaqq, il-mutur wara l-prezzijiet rekord attwali għoljin tal-UAN huma r-rekord attwali tal-prezzijiet għoljin tal-gass naturali. Il-gass huwa l-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tal-UAN. Dawn il-prezzijiet estremi tal-gass waqqgħu l-industrija tal-Unjoni f’telf fit-tielet trimestru tal-2021. Din iż-żieda fil-kostijiet ma setgħetx tiġi mgħoddija lill-klijenti għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, minħabba l-flessibbiltà nnotata fil-premessa (24), il-bdiewa ddeċidew li jipposponu l-xiri tagħhom ta’ UAN għall-istaġun tal-fertilizzazzjoni (ir-rebbiegħa). It-tieni, minħabba l-pressjoni fuq il-prezzijiet kontinwi mill-importazzjonijiet, kif muri fit-Tabella 2 hawn fuq. Barra minn hekk, kif irrikonoxxut mill-partijiet, skont il-kundizzjonijiet attwali tas-suq, l-industrija tal-Unjoni ma tistax tipproduċi u tbigħ il-UAN bi profitt u b’hekk parti sinifikanti tal-kapaċità tal-produzzjoni tagħha hija inattiva. Hemm ukoll indikazzjonijiet li s-sospensjoni tkompli taggrava s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezzijiet baxxi mill-pajjiżi kkonċernati, b’mod partikolari minn Trinidad u Tobago, iwasslu għal aktar pressjoni fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u r-riskju li jirriżulta ta’ erożjoni tal-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni. |
|
(42) |
Minħabba li l-eżami tal-iżvulupp ta’ wara l-PI wera li l-industrija tal-Unjoni kienet għadha qed issofri minn sitwazzjoni dannuża, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li l-kundizzjonijiet tas-suq kienu nbidlu temporanjament sal-punt li d-dannu x’aktarx ma jerġax jissokta b’riżultat ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. Din id-deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, jekk is-sitwazzjoni tinbidel fil-futur. |
|
(43) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tissospendix id-dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1688. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-kundizzjonijiet biex jiġi sospiż id-dazju anti-dumping definittiv impost mill-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1688 fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerka f’konformità mal-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 mhumiex issodisfati.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1688 tat-8 ta’ Ottubru 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerka, ĠU L 258, 9.10.2019, p. 21.
(3) https://www.reuters.com/article/ukraine-crisis-russia-fertilizers-idINL2N2V71JG
(4) MMBtu: Metric Million British Thermal Unit (Miljun metriku ta’ Unitajiet Termali Brittaniċi).
(5) Abbażi tal-prezz tal-Dutch TTF Gas futures, li huwa l-prezz tal-konsenja fit-Title Transfer Facility fin-Netherlands. Dutch TTF huwa wkoll l-indiċi tas-suq użat mill-Bank Dinji biex jikkalkula l-prezzijiet storiċi tal-gass.