Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla, komposta minn ħames Imħallfin)
3 ta’ Ġunju 2026 (*)
“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Talba għal informazzjoni – Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 – Għażla tal-bażi legali – Użu ħażin ta’ poter – Obbligu ta’ motivazzjoni – Assenza ta’ arbitrarjetà – Impossibilium nulla obligatio est – Proporzjonalità – Natura neċessarja tal-informazzjoni mitluba – Artikolu 10 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali – Libertà tal-espressjoni – Protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja”
Fil-Kawża T‑1097/23,
Vivendi SE, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn P. Gassenbach, P. Wilhelm, E. Dumur, O. Thomas, S. Schrameck, F. de Bure, Y. Boubacir u M. Oiknine, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Caro de Sousa, B. Cullen u D. Viros, bħala aġenti,
konvenuta:
sostnuta minn
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A.‑L. Meyer u N. Coghlan, bħala aġenti,
intervenjent,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla, komposta minn ħames Imħallfin),
komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn L. Truchot, President, M. Jaeger, J. Schwarcz, M. Sampol Pucurull u T. Perišin (Relatriċi), Imħallfin,
Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tal‑14 ta’ Mejju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Vivendi SE, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 6428 final, tad‑19 ta’ Settembru 2023, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (Każ M.11184 – Vivendi/Lagardère) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023”), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 7463 final, tas‑27 ta’ Ottubru 2023 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2023”) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
Il-fatti li wasslu għall-kawża
2 Ir-rikorrenti hija l-kumpannija omm tal-grupp Vivendi, grupp Franċiż ta’ dimensjoni internazzjonali speċjalizzat fil-medja u fid-divertiment, preżenti fi swieq differenti permezz tas-sussidjarji tagħha.
3 Fl‑24 ta’ Ottubru 2022, ir-rikorrenti nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea b’operazzjoni ta’ konċentrazzjoni li kienet tikkonsisti fl-akkwist tal-kontroll esklużiv ta’ Lagardère SA, grupp Franċiż attiv b’mod partikolari fis-settur tal-midja.
4 Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni awtorizzat il-proġett ta’ konċentrazzjoni, bil-kundizzjoni li jiġu implimentati impenji ta’ trasferiment tal-attivitajiet kollha tar-rikorrenti fis-settur tal-pubblikazzjoni ta’ kotba u ta’ rivista (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2023 li tawtorizza l-konċentrazzjoni”).
5 Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Lulju 2023, ir-rikorrenti ġiet informata mill-Kummissjoni bil-ftuħ ta’ investigazzjoni formali dwar l-implimentazzjoni antiċipata potenzjali tal-konċentrazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ittra tal‑25 ta’ Lulju 2023 dwar il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali”).
Id-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023
6 Fil-kuntest tal-investigazzjoni formali dwar implimentazzjoni antiċipata potenzjali tal-konċentrazzjoni, permezz tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti talba għal informazzjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), flimkien ma’ terminu li jiskadi fis‑27 ta’ Ottubru 2023. Essenzjalment, din id-deċiżjoni timponi fuq ir-rikorrenti l-obbligu li tiġbor u li tibgħat lill-Kummissjoni, minn naħa, id-dokumenti skambjati matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2020 u d‑19 ta’ Settembru 2023 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkonċernat”), permezz ta’ diversi mezzi ta’ komunikazzjoni, irċevuti, mibgħuta jew miżmuma minn ħmistax-il persuna fiżika identifikati b’isimhom kif ukoll is-suċċessuri u l-predeċessuri tagħhom (iktar ’il quddiem il-“persuni kkonċernati”) u li jinkludu ċerti termini ta’ tfittxija u, min-naħa l-oħra, id-dokumenti skambjati, matul il-perijodu kkonċernat, bejn erba’ persuni identifikati b’isimhom, li tnejn minnhom jinsabu wkoll fost il-persuni kkonċernati.
7 B’mod partikolari, il-punt I(1) tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li, “[g]ħall-finijiet tat-talba għal informazzjoni, ‘Lagardère’ tirreferi għal Lagardère S.A. [u] ‘Vivendi’ tirreferi għal Vivendi SE u għall-Grupp Bolloré”.
8 Il-punt I(2) tal-Anness tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “dokument” skont it-termini li ġejjin:
“Il-kunċett ta’ ‘Dokument(i)’ jfisser: il-fajls informatiċi kollha fil-pussess ta’, miżmuma minn jew taħt il-kontroll ta’ Vivendi u li jinkludu, mingħajr limitazzjoni, l-elementi li ġejjin:
(a) kull informazzjoni maħżuna f’forma elettronika, inklużi l-emails u l-messaġġi istantanji (Whatsapp, SMS, Telegram, Signal, oħrajn), l-ipproċessar tat-test u d-dokumenti pdf, il-folji ta’ kalkolu u l-preżentazzjonijiet, u s-software kollu u s-sistemi l-oħra kollha ta’ ġestjoni tal-informazzjoni u tal-ħżin ta’ Dokumenti elenkati bi tweġiba għall-mistoqsija 6 tat-talba għal informazzjoni Nru 1 tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Awwissu 2023;
(b) l-abbozzi ta’ Dokumenti, metadata u kopji ta’ Dokumenti li l-oriġinali tagħhom ma humiex fil-pussess jew taħt il-kontroll ta’ Lagardère, skont il-każ;
(c) sabiex jiġi evitat kull dubju, il-kunċett ta’ Dokument jinkludi wkoll:
(i) id-Dokumenti li jinsabu fil-kaxxi tal-posta elettronika privati u/jew personali kollha (sakemm dawn ikunu ntużaw għal komunikazzjonijiet professjonali tal-inqas darba) kif ukoll apparat mobbli, fosthom it-telefons ċellulari jew tablets (inklużi telefons ċellulari jew tablets privati u/jew personali, sakemm dawn ikunu ntużaw għal komunikazzjonijiet professjonali tal-inqas darba), inklużi l-messaġġi istantanji u l-SMS; u
(ii) id-Dokumenti li, minkejja li tħassru mill-utent finali, jibqgħu disponibbli jew aċċessibbli fis-sistemi informatiċi ta’ Vivendi (pereżempju, f’back-ups). ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
9 Il-punt I(4) tal-Anness tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “perijodu kkonċernat” bħala l-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2020 sal-jum ta’ din it-talba għal informazzjoni, jiġifieri d‑19 ta’ Settembru 2023.
10 Il-punt II(5) tal-Anness tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “persuni kkonċernati” bħala li jinkludi ħmistax-il persuna identifikati b’isimhom, “kif ukoll il-persuni kollha li ppreċedewhom jew li ssuċċedewhom fil-pożizzjonijiet differenti li huma kienu jokkupaw matul il-perjodu kkonċernat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont il-punt II(6) tal-Anness ta’ din id-deċiżjoni, dawn il-persuni “jistgħu jkunu rċevew jew bagħtu jew ikollhom Dokumenti li l-Kummissjoni tqis li jkunu essenzjali biex tkun tista’ tanalizza jekk l-intervent u/jew il-konsultazzjoni u/jew l-assoċjazzjoni ta’ Vivendi ma’ ċerti deċiżjonijiet meħuda minn Lagardère jistgħux jiġu kklassifikati bħala eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn Vivendi”.
11 Il-punt III(7) tal-Anness tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023 jeżiġi li r-rikorrenti tipprovdi, minn naħa, id-dokumenti mibgħuta jew irċevuti, matul il-perijodu kkonċernat, mill-persuni kkonċernati (kif ukoll mis-suċċessuri u mill-predeċessuri tagħhom), identifikati b’isimhom fil-punt II(5) tal-imsemmi anness, u li jinkludu mill-inqas wieħed mit-termini ta’ tfittxija elenkati fil-punt VII ta’ dan l-anness u, min-naħa l-oħra, id-dokumenti skambjati, matul il-perijodu kkonċernat, bejn erba’ persuni identifikati b’isimhom fil-punt III(7)(a) sa (c) ta’ dan l-anness.
12 Il-punti IV, V u VI tal-Anness tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023 jindikaw il-mod li bih ir-rikorrenti għandha tipprovdi d-dokumenti mitluba, il-kontenut tar-rapport ta’ akkumpanjament u r-rekwiżiti dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ kompletezza tar-risposta. Il-punt VII tal-istess anness jelenka t-termini ta’ tfittxija.
Żviluppi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023
13 Permezz ta’ posta elettronika tal‑11 ta’ Ottubru 2023, ir-rikorrenti talbet l-għoti ta’ estensjoni ta’ tliet xhur sabiex twieġeb għat-talba għal informazzjoni. F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat li t-talba għal informazzjoni kienet tqajjem diversi diffikultajiet u kienet teżiġi xogħol ta’ ġbir, ta’ pproċessar u ta’ rikompożizzjoni mhux tas-soltu kif ukoll mobilizzazzjoni ta’ riżorsi umani u ta’ mezzi tekniċi kunsiderevoli.
14 Permezz ta’ posta elettronika tat‑12 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti tippreċiża n-natura u l-importanza tad-diffikultajiet li hija ltaqgħet magħhom.
15 Permezz ta’ posta elettronika tal‑14 ta’ Ottubru 2023, ir-rikorrenti ppreċiżat li wħud minn dawn id-diffikultajiet kienu b’mod partikolari marbuta mal-assenza ta’ garanziji proċedurali suffiċjenti ta’ natura li jiżguraw ir-rispett tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, ta’ oħrajn mill-impjegati jew mill-mandatarji tagħha jew ta’ persuni oħra eventwalment affettwati mit-talba għal informazzjoni u l-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi.
16 Waqt konferenza telefonika tat‑18 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni kkonfermat lir-rikorrenti li d-dokumenti li jistgħu jiżvelaw sorsi ġurnalistiċi jibbenefikaw minn protezzjoni partikolari ispirata mill-proċedura implimentata biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn il-klijent u l-avukat.
17 Fid‑19 ta’ Ottubru 2023, ir-rikorrenti indikat li ma kinitx f’pożizzjoni li teżiġi aċċess għall-kaxxi tal-posta elettronika u għat-telefons ċellulari tal-persuna msemmija fid-dispożizzjoni li tinsab fil-punt (i) tal-punt II(5) tal-anness tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023, minħabba s-sitwazzjoni attwali ta’ “hold separate” bejnha u waħda mis-sussidjarji tagħha, li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet u mill-obbligi stabbiliti fid-deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2023 li tawtorizza l-konċentrazzjoni.
18 Permezz ta’ posta elettronika tas‑26 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti tibgħatilha l-lista tal-persuni kkonċernati li għandhom karta tal-istampa u tiddiskuti modalitajiet prattiċi li jippermettu li tiġi rrikonċiljata l-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi u l-għoti tad-dokumenti msemmija fid-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023.
19 Fis‑27 ta’ Ottubru 2023, id-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit mid-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023, ir-rikorrenti ma kienet ippreżentat ebda dokument. Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2023. Permezz tal-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni neħħiet mil-lista tal-persuni kkonċernati lill-persuna msemmija fil-punt II(5)(i) tal-Anness tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023. Permezz tal-Artikolu 2 tal-istess deċiżjoni, it-terminu tas‑27 ta’ Ottubru 2023 inizjalment stabbilit mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023 ġie estiż sal‑1 ta’ Diċembru 2023.
20 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Novembru 2023, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri d-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023, kif emendata bid-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2023.
Il-fatti li seħħew wara l-preżentata tar-rikors
21 Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2023, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni indika li kull dokument li jinvolvi l-protezzjoni ta’ data personali sensittiva jew ta’ sorsi ġurnalistiċi jibbenefika minn garanziji proċedurali skont il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza rilevanti u ddettalja l-imsemmija garanziji proċedurali (iktar ’il quddiem l-“ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2023”).
22 Fl‑24 ta’ Jannar 2024, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2024) 571 final, dwar proċedura skont l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 139/2004 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024”). L-ewwel nett, permezz tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, it-terminu tal‑1 ta’ Diċembru 2023, stabbilit mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2023, ġie estiż għas‑7 ta’ Frar 2024. It-tieni nett, permezz tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 139/2004, ġie impost fuq ir-rikorrenti pagament ta’ penalità li ma jaqbiżx il‑5 % tad-dħul mill-bejgħ medju ta’ kuljum tagħha, għal kull jum ta’ dewmien, b’effett mill-ewwel jum ta’ xogħol wara d-data stabbilita fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni. It-tielet nett, il-premessa 13(a) tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024 tistabbilixxi garanziji proċedurali addizzjonali meta mqabbla mad-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ data personali sensittiva, billi tintroduċi proċedura tal-kamra virtwali tad-data, kif proposta mill-ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2023. Il-premessa 13(b) tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024 tistabbilixxi garanziji proċedurali intiżi għall-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi, billi tikkonferma l-proċedura proposta mill-ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2023.
23 Wara skambji mal-konsulenti tar-rikorrenti, waqt konferenza telefonika li nżammet fit‑30 ta’ Jannar 2024, il-Kummissjoni aċċettat li l-iskambji bejn il-persuni kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata u l-kuntatti li jaqgħu fl-isfera strettament personali jiġu ttrasferiti fis-sala virtwali tad-data.
24 Fi Frar 2024, ir-rikorrenti pprovdiet lill-Kummissjoni parti mid-dokumenti li jissodisfaw il-kriterji ddefiniti mid-deċiżjoni kkontestata.
25 Bejn ix-xhur ta’ Settembru u ta’ Diċembru 2024, ir-rikorrenti bagħtet dokumenti lill-Kummissjoni, b’tali mod li, f’Diċembru 2024, il-Kummissjoni kienet irċeviet mingħand ir-rikorrenti d-dokumenti li kienu jissodisfaw il-kriterji ddefiniti mid-deċiżjoni kkontestata, bl-eċċezzjoni ta’ dokumenti li jaqgħu taħt is-sigriet tal-komunikazzjonijiet bejn il-klijent u l-avukat, is-sigriet tas-sorsi ġurnalistiċi u l-ħajja privata tal-persuni kkonċernati.
Proċeduri għal miżuri provviżorji
26 Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Novembru 2023, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal miżuri provviżorji intiża b’mod partikolari għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
27 Permezz ta’ digriet tat‑28 ta’ Novembru 2023, Vivendi vs Il-Kummissjoni (T‑1097/23 R, mhux ippubblikat), il-President tal-Qorti Ġenerali ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sal-adozzjoni tad-digriet li jtemm il-proċedura fil-Kawża T‑1097/23 R, mingħajr preġudizzju għall-obbligu tar-rikorrenti li tkompli bil-ġbir tal-informazzjoni u li żżomm fil-pussess tagħha, fuq mezz elettroniku, id-dokumenti kollha kkonċernati minn din id-deċiżjoni.
28 Bid-digriet tad‑19 ta’ Jannar 2024, Vivendi vs Il‑Kummissjoni (T‑1097/23 R, mhux ippubblikata, EU:T:2024:15), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji.
29 Permezz tad-digriet tas‑6 ta’ Frar 2024, Vivendi vs Il-Kummissjoni (C‑90/24 P(R)-R, EU:C:2024:121), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna s-sospensjoni tal-obbligu impost fuq ir-rikorrenti permezz tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr preġudizzju għall-obbligu tagħha li tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tiżgura l-konservazzjoni tad-dokumenti kollha msemmija f’din id-deċiżjoni.
30 Permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ April 2024, Vivendi vs Il-Kummissjoni (C‑90/24 P(R), EU:C:2024:318), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja annulla d-digriet tad‑19 ta’ Jannar 2024, Vivendi vs Il-Kummissjoni (T‑1097/23 R, mhux ippubblikat, EU:T:2024:15). Barra minn hekk, dan ikkonstata li l-kundizzjoni dwar l-urġenza kienet issodisfatta u bagħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris u sabiex jitwettaq, jekk ikun il-każ, l-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni.
31 Permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Vivendi vs Il-Kummissjoni (T‑1097/23 R-RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2024:381), il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali laqa’ parzjalment it-talba tar-rikorrenti intiża, minn naħa, biex tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, b’mod kawtelatorju, biex hija tiġi ordnata żżomm id-dokumenti kollha kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata fuq mezz elettroniku ddedikat, mogħti taħt siġill elettroniku lil terz ta’ fiduċja indipendenti.
32 Fit‑3 ta’ Lulju 2024, ir-rikorrenti ppreżentat appell intiż għall-annullament tad-digriet tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Vivendi vs Il-Kummissjoni (T‑1097/23 R-RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2024:381). Fl-istess ħin, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissospendi l-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet u tad-deċiżjoni kkontestata.
33 Permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ Lulju 2024, Vivendi vs Il-Kummissjoni (C‑470/24 P(R)-R, mhux ippubblikat, EU:C:2024:592), l-obbligu impost fuq ir-rikorrenti li tiġbor u li tikkomunika lill-Kummissjoni d-dokumenti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ġie sospiż, sal-adozzjoni tad-digriet li sseħħ l-iktar kmieni bejn dak li jtemm din il-proċedura għal miżuri provviżorji u dak li jiddeċiedi dwar l-appell fil-Kawża C‑470/24 P(R), mingħajr preġudizzju għall-obbligu tar-rikorrenti li tieħu l-miżuri kollha utli biex tiżgura l-konservazzjoni ta’ dawn id-dokumenti kollha.
34 Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Lulju 2024, Vivendi vs Il-Kummissjoni (T‑1097/23 R-RENV-INTP, mhux ippubblikat, EU:T:2024:516), il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal interpretazzjoni tal-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Vivendi vs Il-Kummissjoni (T‑1097/23 R-RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2024:381), bħala inammissibbli.
35 Permezz ta’ digriet tas‑16 ta’ Awwissu 2024, Vivendi vs Il-Kummissjoni (C‑470/24 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2024:674), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad l-appell tar-rikorrenti fil-Kawża C‑470/24 P(R).
It-talbiet tal-partijiet
36 Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
37 Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
38 Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem seba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-għażla ta’ bażi legali żbaljata u fuq użu ħażin ta’ poter, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni kontra l-interventi arbitrarji jew sproporzjonati tas-setgħa pubblika, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju “impossibilium nulla obligatio est” fir-rigward tat-talba għal provvista ta’ dokumenti li joriġinaw mill-grupp Bolloré, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, is-sitt wieħed, fuq ksur tal-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi u, is-seba’ wieħed, fuq nuqqas ta’ garanziji adegwati biex jiġi protett id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.
39 Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li qabel kollox teżamina t-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
40 Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni ġenerali impost fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 296 TFUE u l-obbligu ta’ motivazzjoni speċjali impost fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, billi ma ddefinixxietx f’termini suffiċjentement ċari u koerenti s-suġġett u l-portata tal-investigazzjoni tagħha.
41 It-tieni motiv jinkludi, essenzjalment, erba’ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax b’mod ċar is-suġġett tat-talba għal informazzjoni, peress li hija ma ssemmix il-kunsiderazzjonijiet preċiżi u oġġettivi li ġġustifikaw l-adozzjoni tagħha. Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-kamp materjali, temporali u personali tal-informazzjoni mitluba. Permezz tat-tielet parti, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma spjegatx, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-grupp Bolloré fil-kamp ta’ din id-deċiżjoni. Permezz tar-raba’ parti, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement immotivata f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-użu ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li tittieħed azzjoni malajr.
Osservazzjonijiet preliminari
42 Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati mill-att skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-fatti u l-punti ta’ liġi rilevanti kollha, minħabba li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kliem tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 jiddefinixxi l-elementi essenzjali tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 17).
44 Din id-dispożizzjoni tipprovdi fil-fatt li l-Kummissjoni għandha “tiddikjara l-bażi legali u r-raġuni għat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija rikjesta u tiffissa t-terminu li fih trid tiġi pprovduta”. Barra minn hekk, din l-istess dispożizzjoni tippreċiża li l-Kummissjoni “għandha wkoll tindika l-penali stabbiliti fl-Artikolu 14 [tar-Regolament Nru 139/2004] u tindika jrew timponi l-penali stabbiliti fl-Artikolu 15 [tal-istess regolament]” u “għandha tindika wkoll d-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tirrevedi d-deċiżjoni”.
45 Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ att tal-Unjoni għandhom, bħala prinċipju, jiġu rrikonoxxuti l-istess valur. Sabiex tiġi ppreżervata l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, huwa għalhekk importanti, fil-każ ta’ diverġenzi bejn dawn il-verżjonijiet, li d-dispożizzjoni kkonċernata tiġi interpretata abbażi tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li din tagħmel parti minnha. B’hekk, il-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ att ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ dak l-att jew jingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Tali approċċ ikun fil-fatt inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punti 49 u 50, u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 F’dan il-każ, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-verżjoni tiegħu bil-lingwa Franċiża, l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdi li, f’talba għal informazzjoni permezz ta’ deċiżjoni, il-Kummissjoni tindika l-bażi legali u l-“iskop” ta’ din it-talba. Issa, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni jużaw termini li jikkorrispondu għall-kunċett ta’ “għan”, bħal pereżempju l-verżjonijiet bl-Ingliż, bil-Ġermaniż, bl-Olandiż, bit-Taljan, bil-Grieg u bil-Kroat, li jużaw rispettivament it-termini “purpose”, “Zweck”, “doel”, “scopo”, “σκοπό” u “svrhu”, bl-eċċezzjoni tal-verżjoni bil-lingwa Spanjola li tuża t-terminu “objeto”. Għalhekk, mill-kliem użat fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra u billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan imfittex mir-regolament inkwistjoni jirriżulta li, fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, il-leġiżlatur ried jirreferi għall-kunċett ta’ “għan” li jinsab fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 139/2004 u fl-Artikolu 18(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-[Artikoli 101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), kif interpretata mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 iktar ’il quddiem.
47 L-obbligu ta’ motivazzjoni speċifika jikkostitwixxi rekwiżit fundamentali bil-għan mhux biss li tintwera n-natura ġġustifikata tat-talba għal informazzjoni, iżda wkoll biex l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu l-portata tad-dmir ta’ kollaborazzjoni tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jitħarsu d-drittijiet tad-difiża tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
48 Fir-rigward tal-obbligu li jiġi indikat l-“għan tat-talba”, dan ifisser li l-Kummissjoni għandha tindika l-għan tal-investigazzjoni tagħha fit-talba tagħha u, għalhekk, tidentifika l-ksur allegat tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
49 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tikkomunika lid-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-allegat ksur u lanqas li tagħmel analiżi legali preċiża ta’ dan il-ksur, bil-kundizzjoni li hija tindika b’mod ċar is-suspetti li hija jkollha l-intenzjoni li tivverifika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
50 Tali obbligu jista’ jiġi spjegat, b’mod partikolari, miċ-ċirkustanza li, kif jirriżulta mill-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 139/2004, għall-kisba tad-doveri li huma assenjati lilha minn dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ sempliċi talba jew permezz ta’ deċiżjoni, titlob lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet tal-impriżi biex jipprovdu “l-informazzjoni kollha neċessarja” (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 22).
51 Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-jedd teżiġi l-iżvelar biss ta’ informazzjoni li biha tkun tista’ tivverifika l-preżunzjonijiet ta’ ksur li jiġġustifikaw it-twettiq tal-investigazzjoni u li jkunu ġew indikati fit-talba għal informazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 23).
52 Issa, peress li n-neċessità tal-informazzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-għan imsemmi fit-talba għal informazzjoni, dan l-għan għandu jiġi indikat bi preċiżjoni suffiċjenti, inkella jkun impossibbli li jiġi ddeterminat jekk l-informazzjoni hijiex neċessarja u l-qorti tal-Unjoni ma tkunx tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
53 Għalhekk, in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk il-preżunzjonijiet ta’ ksur li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tivverifika humiex ippreċiżati b’ċarezza suffiċjenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 25).
54 Fl-evalwazzjoni tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-istadju tal-investigazzjoni li fih tiġi adottata tali deċiżjoni u l-fatt jekk il-Kummissjoni kellhiex diġà jew le ċerta informazzjoni dwar l-allegat ksur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ April 2019, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il-Kummissjoni, T‑371/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:232, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti dwar is-suġġett tat-talba għal informazzjoni
56 Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax b’mod ċar is-suġġett tat-talba għal informazzjoni, peress li hija ma ssemmix il-kunsiderazzjonijiet preċiżi u oġġettivi li ġġustifikaw l-adozzjoni tagħha u, b’mod partikolari, il-ksur issusspettat. B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda preċiżazzjoni dwar l-“ilmenti” u l-“elementi” li l-Kummissjoni kienet taf bihom, li jissemmew fl-ittra tal‑25 ta’ Lulju 2023 dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, iżda mhux fid-deċiżjoni kkontestata.
57 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
58 F’dan ir-rigward, mill-premessi 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, minn naħa, il-Kummissjoni kienet awtorizzat l-akkwist ta’ Lagardère mir-rikorrenti mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni ta’ impenji ta’ trasferiment tal-attivitajiet kollha tagħha fis-settur tal-pubblikazzjoni tal-kotba (miġbura f’Editis, sussidjarja tar-rikorrenti) u tar-rivista Gala u, min-naħa l-oħra, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti baqgħet suġġetta għall-obbligu ta’ sospensjoni ta’ dan l-akkwist sa fejn il-Kummissjoni kienet għadha ma awtorizzatx lix-xerrej u t-termini tat-trasferiment għal Editis u għal Gala.
59 Fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 139/2004, hija tista’ titlob l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-kompiti assenjati lilha mill-imsemmi regolament.
60 Fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi wkoll ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni ta’ talba għal informazzjoni adottata abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li, “[m]eta [hija] teżiġi, skont l-Artikolu 11(3) [tal-imsemmi regolament], li impriża tipprovdi informazzjoni permezz ta’ deċiżjoni, hija tindika l-bażi legali u l-għan tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija mitluba u tiffissa t-terminu li fih għandha tiġi pprovduta [; h]ija tindika wkoll is-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 14 [tal-istess] regolament [...] u tindika jew timponi s-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 15 [ta’ dan] ir-Regolament [; b]arra minn hekk, hija tinforma dwar id-dritt li d-deċiżjoni tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja”.
61 L-għan tat-talba għal informazzjoni huwa indikat fil-premessi 6 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprevedu dan li ġej:
“(6) sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa jekk Vivendi eżerċitatx influwenza determinanti fuq Lagardère li tista’ tikkaratterizza ksur tal-obbligu ta’ notifika u/jew ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni u/jew nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-obbligi marbuta mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-operazzjoni Vivendi/Lagardère, il-Kummissjoni ddeċidiet li teżiġi mingħand Lagardère li tipprovdi ċertu numru ta’ dokumenti, skambji interni u komunikazzjonijiet esterni. Dawn id-dokumenti u komunikazzjonijiet jirrigwardaw deċiżjonijiet meħuda minn Lagardère li fuqhom Vivendi seta’ kellha rwol deċiżiv li jixbah lil dak eżerċitat minn azzjonist ta’ kontroll. It-talba għall-informazzjoni hija annessa ma’ din id-deċiżjoni.
(7) Id-dokumenti u l-komunikazzjonijiet mitluba abbażi ta’ din id-deċiżjoni u li huma annessi magħha huma essenzjali biex jippermettu lill-Kummissjoni tanalizza jekk l-intervent u/jew il-konsultazzjoni u/jew l-assoċjazzjoni ta’ Vivendi ma’ ċerti deċiżjonijiet meħuda minn Lagardère jistgħux jiġu kklassifikati bħala eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn Vivendi fit-termini deskritti fil-premessa 6. Id-dokumenti u l-komunikazzjonijiet imsemmija jirrigwardaw l-implimentazzjoni ta’ sinerġiji operattivi, bħal programmi komuni bejn entitajiet awdjoviżivi ta’ Vivendi u Lagardère, id-determinazzjoni tal-lista ta’ programmi tal-istazzjon tar-radju Europe 1, li jappartjeni lill-grupp Lagardère, ħatriet u tluq ta’ ġurnalisti fi ħdan pubblikazzjonijiet tal-grupp Lagardère, għażliet editorjali ta’ rivisti tal-grupp Lagardère li setgħu ġew influwenzati mill-maniġers ta’ Vivendi jew mill-azzjonist prinċipali tagħha l-grupp Bolloré kif ukoll iċ-ċaqliq ta’ entitajiet tal-grupp Vivendi f’bini li jappartjeni lil Lagardère. Dawn jikkonċernaw ukoll deċiżjonijiet strateġiċi meħuda mill-grupp ta’ pubblikazzjoni ta’ kotba Hachette (li jappartjeni lil Lagardère) u li għalihom Vivendi seta’ kellha rwol li jista’ jiġi kklassifikat bħala eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, bħall-abbandun ta’ kawżi kontra sussidjarja ta’ Vivendi jew l-assenza ta’ offerta għax-xiri mill-ġdid tal-pubblikatur Amerikan [...], kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ ħatra ta’ ċerti membri magħrufa li huma marbuta mal-grupp Bolloré fil-bord tad-diretturi ta’ Lagardère. ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
62 Għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 6 u 7 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika s-suspetti ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 139/2004 li hija għandha l-intenzjoni li tivverifika, u tiddelimita s-suġġett tal-investigazzjoni tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 48 u 49 iktar ’il fuq.
63 Għalhekk, il-kontenut tal-premessi 6 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi deskrizzjoni ċara u mhux ekwivoka tas-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Tali informazzjoni tippermetti wkoll li jiġu ddeterminati bi grad suffiċjenti ta’ preċiżjoni s-suspetti ta’ ksur li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 48 sa 53 iktar ’il fuq.
64 Konsegwentement, tali motivazzjoni kienet tissodisfa l-obbligu li jiġi indikat l-għan tat-talba għal informazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004.
65 Din il-konklużjoni ma tistax titpoġġa indiskussjoni mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda preċiżazzjoni dwar l-“ilmenti” u l-“elementi” li l-Kummissjoni kienet taf bihom, li jissemmew fl-ittra tal‑25 ta’ Lulju 2023 dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, iżda mhux fid-deċiżjoni kkontestata.
66 Minn naħa, kif tammetti r-rikorrenti, is-suġġett tat-talba ġie indikat ukoll fl-ittra tal‑25 ta’ Lulju 2023 dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li r-rikorrenti kienet taf biha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
67 Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tikkomunika lid-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-allegat ksur u lanqas li tagħmel analiżi legali preċiża ta’ dan il-ksur, sakemm hija tindika b’mod ċar is-suspetti li hija jkollha l-intenzjoni li tivverifika
68 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fil-kuntest tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-proċedura amministrattiva taħt ir-Regolament Nru 139/2004, li hija intiża biex tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi rilevanti kollha li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligi li jirriżultaw mir-regolament imsemmi u li tadotta pożizzjoni inizjali fuq id-direzzjoni kif ukoll fuq is-segwitu li għandu jingħata lill-proċedura (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).
69 Issa, skont il-ġurisprudenza, ma jistax jiġi impost fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tindika, fl-istadju tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minbarra l-preżunzjonijiet ta’ ksur li hija jkollha l-intenzjoni tivverifika, l-indizji, jiġifieri l-elementi li jwassluha biex tieħu inkunsiderazzjoni l-ipoteżi ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, tali obbligu jpoġġi indiskussjoni l-ekwilibriju li l-ġurisprudenza tistabbilixxi bejn il-ħarsien tal-effikaċja tal-investigazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża konċernata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il-Kummissjoni, T‑296/11, EU:T:2014:121, punt 37).
70 Fid-dawl ta’ dawn l-elementi għandu jitqies li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tippermetti, minn naħa, lir-rikorrenti tivverifika jekk l-informazzjoni mitluba hijiex neċessarja għall-finijiet tal-investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni twettaq l-istħarriġ tagħha. B’hekk, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif previst mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, f’dak li jirrigwarda s-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni u d-deskrizzjoni tal-prattiki li hija għandha l-intenzjoni li tivverifika l-eżistenza tagħhom fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha.
71 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.
Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-kamp materjali, temporali u personali tal-informazzjoni mitluba
72 Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn kull motivazzjoni li tippermetti li jiġi ġġustifikat il-kamp ratione materiae, ratione temporis u ratione personae tal-informazzjoni mitluba, b’mod partikolari l-għażla tat-termini ta’ tfittxija, il-kriterji ta’ identifikazzjoni tal-persuni kkonċernati kif ukoll il-perijodu kkonċernat kopert mid-deċiżjoni kkontestata.
73 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
74 F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punti 6 sa 12 u 19 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari l-anness tagħha, tiddefinixxi b’mod ċar il-kamp ratione materiae, ratione temporis, u ratione personae tal-informazzjoni mitluba. Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, is-sempliċi fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix motivazzjoni speċifika għal kull informazzjoni mitluba jew għal kull terminu ta’ riċerka ma jistax, bħala tali, jitqies bħala motivazzjoni insuffiċjenti.
75 Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, ma jistax jiġi rikjest mill-Kummissjoni, qabel kull talba għal informazzjoni, li tkun taf il-kontenut tad-dokumenti mitluba kif ukoll l-importanza relattiva tagħhom għall-finijiet tal-investigazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑458/09 u T‑171/10, EU:T:2012:145, punt 55).
76 Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet u tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 42 sa 54 iktar ’il fuq, l-obbligu ta’ motivazzjoni f’każ ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni ma jestendix sal-impożizzjoni fuq il-Kummissjoni tal-obbligu li tipprovdi fir-rigward ta’ kull informazzjoni mitluba jew, bħal f’dan il-każ, ta’ kull terminu ta’ tfittxija li l-applikazzjoni tiegħu hija mitluba, motivazzjoni speċifika tar-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li din l-informazzjoni jew dan it-terminu ta’ tfittxija, minn naħa, huma neċessarji għall-investigazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, jinkludu jew jidentifikaw biss informazzjoni rilevanti għal din l-investigazzjoni.
77 Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 42 iktar ’il fuq, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tal-att inkwistjoni, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu, jiġifieri, f’dan il-każ, l-atti li diġà seħħew fil-kuntest tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-proċedura amministrattiva skont ir-Regolament Nru 139/2004 (ara l-punt 68 iktar ’il fuq).
78 B’mod partikolari, talba għal informazzjoni bħad-deċiżjoni kkontestata hija intiża biss biex tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni neċessarja biex tivverifika r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjoni speċifika ta’ fatt u ta’ dritt (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 37).
79 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod utli nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-kamp ratione materiae, ratione temporis, u ratione personae tal-informazzjoni mitluba.
80 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi biex jikkontestaw in-natura neċessarja tal-informazzjoni mitluba jaqgħu taħt il-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kkontestata u ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ April 2019, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il-Kummissjoni, T‑371/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:232, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, dawn l-argumenti ser jiġu eżaminati fil-kuntest tal-eżami tal-ħames motiv.
81 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.
Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni dwar l-inklużjoni tal-grupp Bolloré
82 Permezz tat-tielet parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn kull motivazzjoni fir-rigward tal-inklużjoni tal-grupp Bolloré fil-kamp tat-talba għal informazzjoni. Is-suspetti tal-Kummissjoni, kif żviluppati fl-ittra tal‑25 ta’ Lulju 2023 dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u riprodotti fil-qosor fid-deċiżjoni kkontestata, ma jirrigwardawx l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tal-grupp Bolloré fuq Lagardère, iżda tar-rikorrenti fuq Lagardère. B’hekk, ir-rikorrenti tqis li t-talba għal informazzjoni miżmuma minn terz li fuqu hija ma teżerċita ebda kontroll, jiġifieri l-grupp Bolloré, bl-ebda mod ma hija motivata.
83 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
84 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm ippreċiżat li d-dokumenti msemmija jirrigwardaw b’mod partikolari ċerti deċiżjonijiet ta’ Lagardère “li setgħu ġew influwenzati mill-maniġers ta’ Vivendi jew mill-azzjonist prinċipali tagħha l-grupp Bolloré”. Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, id-deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2023 li tawtorizza l-konċentrazzjoni kif ukoll il-formola ta’ notifika tal-konċentrazzjoni li r-rikorrenti ppreżentatilha jistabbilixxu li l-grupp Bolloré u Vivendi jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni.
85 Konsegwentement, ir-rikorrenti tiżbalja meta tinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-inklużjoni tal-grupp Bolloré fil-lista tal-persuni kkonċernati mit-talba għal informazzjoni.
86 Għalhekk, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.
Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-użu ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li tittieħed azzjoni malajr
87 Permezz tar-raba’ parti, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax, b’mod suffiċjenti fid-dritt, ir-raġunijiet għalfejn tqies neċessarju li ssir talba għal informazzjoni permezz ta’ deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, pjuttost milli sempliċi talba għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 139/2004 jew spezzjoni abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 139/2004. Barra minn hekk, hija tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda n-neċessità li tittieħed azzjoni malajr.
88 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
89 F’dan il-każ, fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa indikat li, “[f]il-kuntest ta’ din il-proċedura intiża biex tistabbilixxi ksur, il-Kummissjoni tqis li hija biss deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet li tippermetti li jiġi ggarantit li Vivendi tipprovdi d-dokumenti kollha li jissodisfaw il-kriterji li hija identifikat [fl-imsemmija] deċiżjoni[; f]il-fatt, l-użu tal-proċedura tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet huwa l-unika proċedura prevista fir-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet li tippermetti lill-Kummissjoni timponi fuq l-impriżi destinatarji li jipprovdu risposta kompleta, taħt piena ta’ sanzjonijiet[; b]arra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ li taġixxi malajr sabiex tevita li d-dokumenti rilevanti jiġu eliminati mill-fajls ta’ Vivendi, b’mod partikolari jekk il-messaġġi jitneħħew wara ċertu perijodu ta’ żmien jew jekk ċerti dokumenti li joriġinaw minn kollaboratur ma jinżammux għal żmien twil ħafna wara t-tluq ta’ dan il-kollaboratur[; l]-għażla ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 11(3) tissodisfa dan l-għan ta’ ħeffa”.
90 B’hekk, il-Kummissjoni tispjega, fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija biss deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 li tippermetti li jiġi ggarantit li r-rikorrenti tipprovdi d-dokumenti kollha li jissodisfaw il-kriterji li hija kienet identifikat, taħt piena ta’ sanzjonijiet, u li taġixxi malajr sabiex tevita li dokumenti rilevanti jiġu eliminati mill-fajls tar-rikorrenti.
91 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement immotivata, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-użu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 bħala bażi legali tagħha.
92 Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti.
93 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-użu ta’ talba għal informazzjoni permezz ta’ deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, pjuttost milli sempliċi talba għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 139/2004, mill-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha d-dritt li titlob informazzjoni “permezz ta’ talba sempliċi jew permezz ta’ deċiżjoni”, mingħajr ma din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-adozzjoni ta’ deċiżjoni għal sempliċi talba minn qabel.
94 L-għażla li għandha ssir bejn sempliċi talba għal informazzjoni u deċiżjoni għandha tiddependi min-neċessitajiet ta’ investigazzjoni adegwata, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-każ (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2014, Holcim (Deutschland) u Holcim vs Il-Kummissjoni, T‑293/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:127, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).
95 Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tapplika l-Artikoli 11, 14 u 15 tar-Regolament Nru 139/2004 (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, thyssenkrupp vs Il-Kummissjoni, C‑581/22 P, EU:C:2024:821, punt 380).
96 Kif tirrileva l-Kummissjoni, fir-rigward tas-sempliċi talbiet għal informazzjoni indirizzati abbażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 139/2004, l-Artikolu 14(1)(b) tal-imsemmi regolament jipprevedi sanzjoni biss fil-każ ta’ informazzjoni ineżatta jew żnaturata, filwaqt li, fir-rigward tat-talbiet permezz ta’ deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 11(3) tal-istess regolament, in-natura inkompleta jew in-natura tardiva tar-risposti jikkostitwixxu raġunijiet distinti ta’ sanzjonijiet, konformement mal-Artikolu 14(1)(ċ) tal-istess regolament.
97 Talba għal informazzjoni permezz ta’ deċiżjoni hija differenti minn sempliċi talba għal informazzjoni minħabba l-fatt li huwa possibbli, meta l-Kummissjoni tirrikorri għall-ewwel waħda, li tiġi imposta multa jew pagamenti ta’ penalità biex l-impriża tiġi mġiegħla tipprovdi informazzjoni b’mod komplet u eżatt, skont, rispettivament, l-Artikolu 14(1)(ċ) u l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 139/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, thyssenkrupp vs Il-Kummissjoni, C‑581/22 P, EU:C:2024:821, punt 379).
98 F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tispjega b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-użu tal-proċedura tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 jippermettilha timponi fuq l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni tagħha l-obbligu li jipprovdu risposta kompleta, taħt piena ta’ sanzjonijiet.
99 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-użu ta’ talba għal informazzjoni permezz ta’ deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, pjuttost milli spezzjoni abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 139/2004, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 141 iktar ’il quddiem, l-ispezzjonijiet għandhom natura iktar vinkolanti u impatt partikolarment intensiv fuq is-sitwazzjoni legali tal-impriża kkonċernata meta mqabbla ma’ talba għal informazzjoni.
100 Konsegwentement, ma jistax jiġi rikjest mill-Kummissjoni li tiġġustifika l-għażla tagħha li ma tużax miżura bħall-ispezzjoni, li tikkostitwixxi proċedura iktar restrittiva mit-talba għal informazzjoni prevista fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004.
101 Fit-tielet lok, fir-rigward tan-neċessità li tittieħed azzjoni malajr, kif jirriżulta mill-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset li kien neċessarju li taġixxi malajr sabiex tevita li dokumenti rilevanti jiġu eliminati mill-fajls tar-rikorrenti, b’mod partikolari jekk jitneħħew messaġġi wara ċertu terminu jew jekk ċerti dokumenti li joriġinaw minn kollaboratur ma jkunux inżammu għal żmien twil biżżejjed wara t-tluq ta’ dan il-kollaboratur. L-għażla ta’ talba għal informazzjoni permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 kienet tissodisfa, skont il-Kummissjoni, dan l-għan ta’ ħeffa.
102 Fid-dawl tal-elementi msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata f’dak li jirrigwarda kemm l-użu ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll in-neċessità li tittieħed azzjoni malajr.
103 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din tikkonċerna l-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità fuq il-mertu tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li tesprimi raġunijiet żbaljati (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata).
104 Għaldaqstant, l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti intiżi biex juru n-natura żbaljata tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huma ineffettivi fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.
105 Sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta, fir-realtà, il-fondatezza tal-użu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, dan l-argument ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-ewwel u tat-tielet parti tal-ewwel motiv (ara l-punti 109 sa 125 u 130 sa 144 iktar ’il quddiem). Bl-istess mod, sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta, fir-realtà, in-neċessità li tittieħed azzjoni malajr, dan l-argument ser jiġi analizzat fil-kuntest tat-tieni parti tal-ħames motiv (ara l-punti 279 sa 299 iktar ’il quddiem).
106 Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni msaħħa applikabbli meta hija tikser il-“prattika abitwali” tagħha lanqas ma huwa spjegat u suffiċjentement issostanzjat u konsegwentement għandu jiġi miċħud.
107 B’hekk, għandha tiġi miċħuda r-raba’ parti tat-tieni motiv, u, għaldaqstant, it-tieni motiv fl-intier tiegħu.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-għażla ta’ bażi legali żbaljata u fuq użu ħażin ta’ poter
108 Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tirrikorri għall-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel motiv jinkludi, essenzjalment, tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ konċentrazzjoni. Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tosservax ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ preċiżjoni inerenti għaliha. Permezz tat-tielet parti, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet użu ħażin ta’ poter.
Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ konċentrazzjoni
109 Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 jista’ jservi bħala bażi legali biss għal talbiet għal informazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ konċentrazzjoni nnotifikata lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-użu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 ma jibqax neċessarju meta l-eżami tal-effetti ta’ konċentrazzjoni fuq is-suq ikun tlesta, li huwa b’mod partikolari l-każ meta konċentrazzjoni tkun ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni.
110 Issa, f’dan il-każ, skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 ma jistax iservi bħala bażi legali għad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din ma hijiex intiża biex tikseb informazzjoni dwar il-kompatibbiltà tal-akkwist tal-kontroll ta’ Lagardère mir-rikorrenti u sseħħ, fi kwalunkwe każ, wara l-awtorizzazzjoni tagħha mill-Kummissjoni.
111 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
112 Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 139/2004, “[s]abiex taqdi d-dmirijiet mogħtija lilha [mill-imsemmi ]Regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew permezz ta’ deċiżjoni, titlob lill-persuni msemmija fl-Artikolu 3(1)(b), kif ukoll impriżi u assoċċjazzjonijiet ta’ impriżi, sabiex jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa.”
113 B’hekk, mill-kliem tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ titlob l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-kompiti assenjati lilha mill-imsemmi regolament.
114 Ċertament, kif issostni r-rikorrenti, ġie deċiż li l-Kummissjoni setgħet teżerċita s-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004 biss sa fejn hija tqis li ma għandhiex l-informazzjoni kollha neċessarja biex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni kkonċernata mas-suq komuni (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2009, Omya vs Il-Kummissjoni, T‑145/06, EU:T:2009:27, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
115 Madankollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, dan ir-raġunament jirrifletti l-prinċipju li jgħid li n-natura neċessarja ta’ informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tas-suġġett imsemmi fit-talba għal informazzjoni. Dan ma jpoġġix indiskussjoni l-fatt li, konformement mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 139/2004 il-Kummissjoni tista’ titlob l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-kompiti assenjati lilha mill-imsemmi regolament.
116 F’dan il-każ, is-suġġett tat-talba għal informazzjoni huwa indikat fil-premessi 6 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitati fil-punt 61 iktar ’il fuq. Minn dawn il-premessi jirriżulta li l-Kummissjoni talbet l-informazzjoni inkwistjoni sabiex tevalwa jekk ir-rikorrenti kinitx eżerċitat influwenza determinanti fuq Lagardère li setgħet tikkaratterizza ksur tal-obbligu ta’ notifika u/jew ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni u/jew nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-obbligi marbuta mad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2023 li tawtorizza l-konċentrazzjoni. Din l-informazzjoni hija essenzjali biex tippermetti lill-Kummissjoni tanalizza jekk l-intervent u/jew il-konsultazzjoni u/jew l-assoċjazzjoni tar-rikorrenti ma’ ċerti deċiżjonijiet meħuda minn Lagardère jistgħux jiġu kklassifikati bħala eżerċizzju ta’ influwenza determinanti mir-rikorrenti.
117 Għandu jiġi kkonstatat li s-suġġett tat-talba għal informazzjoni, kif deskritt fil-premessi 6 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitati fil-punt 61 iktar ’il fuq, jaqa’ fil-kamp tal-kompiti assenjati lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 139/2004.
118 Fil-fatt, kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni tista’ tehmeż mad-deċiżjoni tagħha li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern kundizzjonijiet u obbligi intiżi biex jiżguraw li l-impriżi kkonċernati jikkonformaw ruħhom mal-impenji li huma ħadu fir-rigward tagħha sabiex il-konċentrazzjoni ssir kompatibbli mas-suq intern.
119 Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004, intitolat “Sospensjoni ta’ konċentrazzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]onċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja kif definit f‘Artikolu 1, jew konċentrazzjoni li għandha tkun eżaminata mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4(5), ma għandhiex tkun implimentata qabel tkun notifikata jew qabel ma tkun dikjarata kompatibbli mas-suq komuni permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikoli 6(1)(b), 8 (1) jew 8 (2), jew a bażi ta’ preżunzjoni skond l-Artikolu 10(6)”.
120 F’dan il-każ, mill-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li “[f]id-[d]eċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2023 [li tawtorizza l-konċentrazzjoni], il-Kummissjoni awtorizzat l-akkwist ta’ Lagardère […] minn Vivendi […] bil-kundizzjoni li jiġu implimentati impenji ta’ trasferiment tal-attivitajiet kollha ta’ Vivendi fis-settur tal-pubblikazzjoni ta’ kotba (miġbura f’Editis, sussidjarja ta’ Vivendi) u tar-rivista Gala.”.
121 Skont il-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata, “[l]-impenji ta’ trasferiment ippreżentati minn Vivendi jipprevedu barra minn hekk li l-akkwist ta’ Lagardère minn Vivendi ma jistax jiġi ffinalizzat qabel ma l-Kummissjoni tkun approvat lix-xerrej u t-termini tat-trasferiment […; fid-] data [tal-imsemmija] deċiżjoni, Vivendi tibqa’ suġġetta għall-obbligu ta’ sospensjoni sa fejn il-Kummissjoni tkun għadha ma wettqitx dawn l-approvazzjonijiet”.
122 Għalhekk, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni kienet inkarigata li tiżgura li l-kundizzjonijiet imposti mid-deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2023 li tawtorizza l-konċentrazzjoni jiġu osservati mir-rikorrenti u li tiżgura ruħha li din tal-aħħar tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt l-imsemmi regolament.
123 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi rrilevat li t-tfittxija ta’ elementi li jistgħu jippermettu l-verifika ta’ preżunzjoni ta’ ksur tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 139/2004 tikkostitwixxi wieħed mill-kompiti assenjati lill-Kummissjoni mill-imsemmi regolament, li għat-twettiq tagħhom hija tista’, skont l-Artikolu 11(1) tal-imsemmi regolament, titlob l-informazzjoni kollha neċessarja. Konsegwentement, it-tfittxija ta’ dawn l-elementi tifforma parti mill-għanijiet imfittxija minn talba għal informazzjoni adottata abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004.
124 Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet validament tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata.
125 Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.
Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ preċiżjoni
126 Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li s-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li titlob informazzjoni tippermettilha biss li titlob il-provvista ta’ elementi “neċessarji” fis-sens tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Għalhekk, talba għal informazzjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 hija suġġetta għar-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ preċiżjoni, li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonformax magħhom, li għandha “għan esploratorju” u li tirrigwarda numru ta’ dokumenti li ma humiex identifikati minn qabel mill-Kummissjoni.
127 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
128 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ppreżentati fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv huma intiżi biex jikkontestaw, fir-realtà, il-konformità tad-deċiżjoni kkontestata mar-rekwiżiti ta’ preċiżjoni u ta’ neċessità.
129 Għaldaqstant, dawn l-argumenti jaqgħu pjuttost taħt it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u taħt il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u huma għalhekk analizzati fil-kuntest ta’ dawn il-motivi.
Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq abbuż ta’ poter
130 Permezz tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter minħabba li hija ma ssegwix l-għan li tinġabar informazzjoni biex tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern, peress li l-operazzjoni ġiet awtorizzata fid‑9 ta’ Ġunju 2023, jiġifieri tliet xhur qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija intiża fir-realtà biex twettaq “spezzjoni esploratorja”. Issa, minkejja l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura daqstant intrużiva bħal spezzjoni, hija ma toffri ebda garanzija proċedurali assoċjata ma’ tali spezzjoni, b’mod partikolari l-metodu ta’ verifika li jippermetti lir-rappreżentanti tal-impriża spezzjonata jikkummentaw u jiksbu l-irtirar ta’ dokumenti barra mill-kamp, protetti jew li jinkludu data personali sensittiva. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet tissuġġetta ruħha għall-qafas legali iktar vinkolanti applikabbli għall-ispezzjonijiet.
131 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
132 Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ abbuż ta’ poter jirreferi għall-fatt li awtorità amministrattiva tkun użat is-setgħat tagħha għal għan differenti minn dak li għalih hija tkun ingħatat dawn is-setgħat. Deċiżjoni tkun ivvizzjata minn abbuż ta’ poter biss jekk jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li din ittieħdet għal tali għan. Fil-każ li jkun hemm diversi għanijiet, anki jekk motiv mhux iġġustifikat ikun inkluż fost motivi validi, id-deċiżjoni xorta ma tkunx ivvizjata minn abbuż ta’ poter sakemm din ma tissagrifikax l-għan essenzjali (sentenza tal‑4 ta’ Frar 2009, Omya vs Il-Kummissjoni, T‑145/06, EU:T:2009:27, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).
133 Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-elementi invokati mir-rikorrenti jikkostitwixxux indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti li jindikaw li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-Kummissjoni għal għan differenti minn dak previst fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004.
134 F’dan ir-rigward, mill-punti 123 u 124 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tfittxija ta’ elementi li jistgħu jippermettu l-verifika ta’ preżunzjoni ta’ ksur tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 139/2004 tikkostitwixxi wieħed mill-kompiti assenjati lill-Kummissjoni mill-imsemmi regolament. Konsegwentement, it-tfittxija ta’ dawn l-elementi tifforma parti mill-għanijiet legalment aċċettati ta’ talba għal informazzjoni adottata abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, li jippermetti lill-Kummissjoni titlob lill-impriżi, permezz ta’ deċiżjoni, jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-kompiti assenjati lilha minn dan ir-regolament.
135 Minn dan jirriżulta li, sa fejn l-informazzjoni mitluba abbażi tad-deċiżjoni kkontestata hija intiża biex tivverifika jekk ir-rikorrenti kisritx l-obbligu ta’ notifika, ta’ sospensjoni jew ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet marbuta ma’ deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern, liema kompiti jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni ma użatx is-setgħat tagħha b’għan differenti minn dak li għalih ingħatawlha.
136 Din il-konklużjoni ma titpoġġix indiskussjoni mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni setgħet tissuġġetta ruħha għall-qafas ġuridiku iktar vinkolanti applikabbli għall-ispezzjonijiet, li joffri iktar garanziji proċedurali.
137 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, att huwa vvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk, fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jidher li dan ġie adottat bl-iskop esklużiv jew għall-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk li għalihom ingħatat is-setgħa inkwistjoni jew sabiex tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat FUE sabiex jiġu ttrattati ċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2015, Spanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑146/13, EU:C:2015:298, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
138 Issa, il-proċedura applikabbli għall-ispezzjonijiet ma hijiex prevista speċifikament fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.
139 Barra minn hekk, il-fatt li spezzjoni tista’ tikkostitwixxi alternattiva għal talba għal informazzjoni ma jfissirx li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni użat is-setgħat tagħha għal għan differenti minn dak li għalih ingħatawlha mir-Regolament Nru 139/2004.
140 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mill-elenkar tas-setgħat ta’ spezzjoni li għandhom l-uffiċjali tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li l-imsemmija spezzjonijiet jista’ jkollhom portata wiesgħa ħafna (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2007, CB vs Il-Kummissjoni, T‑266/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:223, punt 71), sa fejn dawn jippermettu lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, li taċċedi għall-bini tal-impriżi kkonċernati, li tieħu jew tikseb kopji jew estratti tal-kotba u tad-dokumenti, jew ukoll li twaħħal siġilli fuq il-bini kummerċjali, kotba jew dokumenti ta’ din l-impriża matul il-perijodu tal-ispezzjoni. L-eżerċizzju tas-setgħat ta’ spezzjoni għandu għalhekk konsegwenzi distinti minn dawk ta’ talba għal informazzjoni.
141 Kif issostni l-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ispezzjonijiet għandhom natura iktar vinkolanti kif ukoll impatt ta’ intensità partikolari fuq is-sitwazzjoni legali tal-impriża kkonċernata meta mqabbla ma’ talba għal informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, T‑99/04, EU:T:2008:256, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
142 Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mill-qari tat-test tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet ċerti garanziji proċedurali sabiex tiżgura protezzjoni, minn naħa, tal-kunfidenzjalità tal-iskambji bejn avukati u klijenti applikabbli għal ċerti dokumenti [punt IV(10)(j) tal-anness ta’ din id-deċiżjoni] u, min-naħa l-oħra, tad-data personali sensittiva [punt IV(10)(l) tal-anness ta’ din id-deċiżjoni].
143 Minn dak li ntqal isegwi li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter.
144 Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda t-tielet parti tal-ewwel motiv, u, għalhekk, l-ewwel motiv fl-intier tiegħu.
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni kontra l-interventi arbitrarji jew sproporzjonati tal-awtorità pubblika
145 Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, li jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju li jipprojbixxi l-interventi arbitrarji jew sproporzjonati tas-setgħa pubblika.
146 Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix informazzjoni dwar in-natura, l-oriġini u l-kontenut tal-informazzjoni li bbażat ruħha fuqha l-Kummissjoni sabiex tadotta din id-deċiżjoni. Hija biss l-ittra tal‑25 ta’ Lulju 2023 dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li tindika li l-Kummissjoni “kienet irċeviet ilmenti u kienet taf b’elementi li jikkonċernaw l-eżerċizzju minn Vivendi ta’ influwenza determinanti fuq Lagardère”, mingħajr iktar indikazzjonijiet.
147 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-elementi li għandha l-Kummissjoni jidhru li ngħataw minn terzi, b’mod partikolari mill-organizzazzjoni Reporters sans frontières (RSF). Skont ir-rikorrenti, dawn l-elementi ma jippermettux li tiġi bbażata preżunzjoni ta’ ksur, peress li huma kalunnjużi u ta’ oriġini dubjuża minħabba l-ostilità magħrufa u storika ta’ RSF fir-rigward tagħha u fir-rigward tal-grupp Bolloré.
148 Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata teżiġi t-trażmissjoni ta’ dokumenti li jkopru perijodu “ta’ kważi erba’ snin” mingħajr ebda bażi oġġettiva u magħżula b’mod arbitrarju.
149 Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-ittra tal‑25 ta’ Lulju 2023 dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tirreferi biss għal “ilmenti” u għal “elementi” li skonthom hija eżerċitat influwenza determinanti fuq Lagardère, mingħajr ma għamlet ebda riferiment għal elementi li jinkriminaw lill-grupp Bolloré. Issa, l-anness tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaha bl-istess mod bħall-grupp Bolloré, u b’hekk juri li l-Kummissjoni ma kellhiex, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, indizji suffiċjentement serji biex tissuspetta l-eżistenza ta’ ksur kontriha.
150 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif previsti fl-Artikoli 89 u 90 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, tipproduċi d-dokumenti, il-provi u l-informazzjoni l-oħra kollha li abbażi tagħhom hija qieset li kellha, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, indizji suffiċjentement serji sabiex tiġġustifika l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni dwar is-suspetti ta’ ksur esposti fil-premessi 2, 6 u 7 tagħha.
151 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
152 Għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ protezzjoni kontra interventi arbitrarji jew sproporzjonati tal-awtorità pubblika fl-isfera ta’ attività privata ta’ persuna, kemm jekk tkun fiżika jew ġuridika, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il-Kummissjoni, T‑296/11, EU:T:2014:121, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
153 Issa, għall-finijiet tal-osservanza ta’ dan il-prinċipju ġenerali, deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni għandha tkun intiża biex tinġabar id-dokumentazzjoni neċessarja biex tiġi vverifikata r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni diġà għandha informazzjoni li tikkostitwixxi indizji suffiċjentement serji li jippermettu suspett ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il-Kummissjoni, T‑296/11, EU:T:2014:121, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
154 Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza dwar it-talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li tista’ tiġi trasposta għal dan il-każ mutatis mutandis, fid-dawl tas-setgħa ta’ investigazzjoni wiesgħa mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 1/2003, hija din tal-aħħar li għandha tevalwa jekk informazzjoni hijiex neċessarja biex jiġi identifikat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Anki jekk il-Kummissjoni diġà jkollha indizji, jew saħansitra provi dwar l-eżistenza ta’ ksur, hija tista’ leġittimament tqis li jkun neċessarju li titlob informazzjoni addizzjonali li tippermettilha tiddefinixxi aħjar il-portata tal-ksur, tiddetermina t-tul tiegħu jew tidentifika ċ-ċirku tal-impriżi involuti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il-Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).
155 F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-neċessità ta’ informazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din in-neċessità għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-għan imsemmi fit-talba għal informazzjoni, jiġifieri s-suspetti ta’ ksur li l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tivverifika. Ir-rekwiżit ta’ korrelazzjoni bejn it-talba għal informazzjoni u l-ksur issuspettat ikun issodisfatt jekk il-Kummissjoni tkun tista’ raġonevolment tippreżupponi, fid-data tat-talba, li din l-informazzjoni tista’ tgħinha tiddetermina l-eżistenza ta’ dan il-ksur (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il-Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, kif ġie enfasizzat fil-punt 54 iktar ’il fuq, fl-evalwazzjoni tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-istadju tal-investigazzjoni u l-fatt li l-Kummissjoni diġà għandha jew le ċerta informazzjoni dwar il-ksur preżunt.
156 Finalment, skont ġurisprudenza stabbilita, u kif huwa kkonfermat fl-Artikolu 6(3) TUE, id‑drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk iddeċidiet repetutament li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).
157 Fir-rigward ta’ proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE, il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni tinqasam f’żewġ fażijiet distinti u suċċessivi li kull waħda minnhom għandha loġika interna tagħha stess, jiġifieri fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minn naħa, u fażi kontenzjuża, min-naħa l-oħra. Il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li testendi sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi kollha rilevanti li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u sabiex tieħu l-ewwel pożizzjoni dwar l-orjentazzjoni kif ukoll is-segwitu tal-proċedura. Min-naħa tagħha, il-fażi kontenzjuża, li testendi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, għandha tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-ksur ilmentat (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).
158 F’dak li jirrigwarda l-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, din il-fażi tibda mid-data li fiha l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tadotta miżuri li jimplikaw l-akkuża li ġie mwettaq ksur u li jwasslu għal riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati. Huwa biss fil-bidu tal-fażi kontradittorja amministrattiva li l-impriża kkonċernata tiġi informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura, u li din l-impriża għandha dritt ta’ aċċess għall-fajl sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Għalhekk, huwa biss wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata tkun tista’ tibbaża ruħha bis-sħiħ fuq id-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, kieku dawn id-drittijiet kienu estiżi għall-fażi ta’ qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-effikaċja tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni tkun kompromessa, peress li l-impriża tkun, diġà matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, f’pożizzjoni li tidentifika l-informazzjoni li hija magħrufa mill-Kummissjoni u, b’hekk, dik li għada tista’ tiġi moħbija minnha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il-Kummissjoni, T‑296/11, EU:T:2014:121, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
159 Madankollu, il-miżuri istruttorji adottati mill-Kummissjoni matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, b’mod partikolari l-miżuri ta’ verifika u t-talbiet għal informazzjoni, jimplikaw min-natura tagħhom l-allegazzjoni ta’ ksur u jista’ jkollhom riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża jkunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod irrimedjabbli matul din il-fażi tal-proċedura amministrattiva peress li l-miżuri istruttorji adottati jistgħu jkunu determinanti għall-istabbiliment ta’ provi tan-natura illegali tal-aġir ta’ impriżi li għalih huma jistgħu jinżammu responsabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il-Kummissjoni, T‑296/11, EU:T:2014:121, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
160 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-Kummissjoni li tindika l-bażi legali u l-iskop tat-talba għal informazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit fundamentali sabiex tirriżulta n-natura ġġustifikata tal-informazzjoni mitluba mingħand l-impriżi kkonċernati, iżda wkoll sabiex dawn ikunu f’pożizzjoni li jifhmu l-portata tad-dover ta’ kollaborazzjoni tagħhom filwaqt li jżommu, fl-istess ħin, id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-jedd teżiġi l-iżvelar biss ta’ informazzjoni li biha tkun tista’ tivverifika l-preżunzjonijiet ta’ ksur li jiġġustifikaw it-twettiq tal-investigazzjoni u li jkunu ġew indikati fit-talba għal informazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il-Kummissjoni, T‑296/11, EU:T:2014:121, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
161 Għandu jsir riferiment ukoll għall-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 69 iktar ’il fuq.
162 F’dan il-każ, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju li jipprojbixxi l-interventi arbitrarji jew sproporzjonati tal-awtorità pubblika billi adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma kellha indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.
163 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix informazzjoni dwar l-indizji li fuqhom hija tibbaża ruħha, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 64 u 70 iktar ’il fuq, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tissodisfa l-obbligu li jiġi indikat is-suġġett tat-talba għal informazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004.
164 Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 157 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li hija intiża biex tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi rilevanti kollha li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li tadotta l-ewwel pożizzjoni dwar id-direzzjoni kif ukoll dwar kif għandha tipproċedi l-proċedura.
165 Għalhekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 69 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi rikjest mill-Kummissjoni li tindika, fid-deċiżjoni kkontestata, minbarra l-preżunzjonijiet ta’ ksur li hija għandha l-intenzjoni li tivverifika, l-indizji, jiġifieri l-elementi li jwassluha biex tikkunsidra l-ipoteżi ta’ ksur tar-regoli li jirriżultaw mir-Regolament Nru 139/2004.
166 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-elementi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Kummissjoni jidhru li ngħataw minn terzi u ma jippermettux li tiġi bbażata preżunzjoni ta’ ksur, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma spjegatx ir-raġunijiet għalfejn l-oriġini tad-dokumenti li joriġinaw minn terzi, u b’mod partikolari minn terzi interessati fil-proċedura, taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet lil RSF il-kwalità ta’ terz ikkonċernat, skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 139/2004.
167 Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar l-inklużjoni tal-grupp Bolloré, kif jirriżulta mill-punt 84 iktar ’il fuq, fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ppreċiżat li d-dokumenti msemmija mill-imsemmija deċiżjoni jirrigwardaw b’mod partikolari ċerti deċiżjonijiet ta’ Lagardère “li setgħu ġew influwenzati mill-maniġers ta’ Vivendi jew mill-azzjonist prinċipali tagħha l-grupp Bolloré”. Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, id-deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2023 li tawtorizza l-konċentrazzjoni kif ukoll il-formola ta’ notifika tal-konċentrazzjoni li r-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni jistabbilixxu li l-grupp Bolloré u r-rikorrenti jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tippreżumi, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, li l-informazzjoni li toriġina minn dan il-grupp hija ta’ natura li tgħinha tiddetermina l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 139/2004.
168 Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-perijodu kkonċernat, kif jirriżulta mill-punti 218 sa 222 iktar ’il quddiem, fid-dawl tal-fatt li l-ewwel akkwist ta’ sehem tar-rikorrenti fil-kapital ta’ Lagardère seħħ f’Marzu 2020, il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tippreżumi, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, li l-informazzjoni mill‑1 ta’ Jannar 2020 kienet ta’ natura li tgħinha tiddetermina l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 139/2004, b’mod partikolari sa fejn din l-informazzjoni tiffaċilita l-fehim tajjeb tal-avvenimenti kollha u tal-kuntest li fih dawn seħħew.
169 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li t-tielet motiv jiġi miċħud.
170 Fir-rigward tat-talba għall-adozzjoni ta’ miżura istruttorja li permezz tagħha l-Kummissjoni tiġi ordnata tipproduċi d-dokumenti, il-provi u informazzjoni oħra li abbażi tagħhom hija qieset li kellha indizji ta’ ksur preżunt fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 158 iktar ’il fuq, huwa biss wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata tista’ tinvoka b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, kieku dawn id-drittijiet kienu estiżi għall-fażi ta’ qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-effikaċja tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni tkun kompromessa, peress li l-impriża kkonċernata tkun, diġà matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, f’pożizzjoni li tidentifika l-informazzjoni li hija magħrufa mill-Kummissjoni u, b’hekk, dik li għada tista’ tiġi moħbija minnha.
171 Minn naħa, huwa biss fiċ-ċirkustanzi fejn hija adita b’talba f’dan is-sens u meta l-impriżi destinatarji ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 139/2004 juru ċerti elementi li jistgħu jqiegħdu f’dubju n-natura suffiċjentement serja tal-indizji li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tadotta l-imsemmija deċiżjoni li l-Qorti Ġenerali tista’ tqis neċessarju li twettaq tali verifika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Orange vs Il-Kummissjoni, T‑402/13, EU:T:2014:991, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).
172 Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni jippermetti wkoll lill-qorti tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni kontra l-interventi arbitrarji u sproporzjonati, sa fejn l-imsemmija motivazzjoni tippermetti li tintwera n-natura ġġustifikata tal-intervent previst ġewwa l-impriżi kkonċernati (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Orange vs Il-Kummissjoni, T‑402/13, EU:T:2014:991, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).
173 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 jiddefinixxi l-elementi essenzjali li għandhom jissemmew f’deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni, billi jimponi, b’mod partikolari, fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tindika s-suġġett tat-talba. Skont dan l-obbligu, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 52, 53 u 160 iktar ’il fuq jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tindika bi preċiżjoni suffiċjenti l-preżunzjonijiet ta’ ksur li hija għandha l-intenzjoni li tivverifika.
174 Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi fejn il-Qorti Ġenerali tqis li l-preżunzjonijiet li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tivverifika u l-elementi li għandhom ikunu s-suġġett tat-talba għal informazzjoni huma ddefiniti bi preċiżjoni suffiċjenti, hija tista’ tiddeċiedi li kien hemm assenza ta’ natura arbitrarja ta’ deċiżjoni ta talba għal informazzjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li tistħarreġ materjalment il-kontenut tal-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni fid-data tal-adozzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Orange vs Il-Kummissjoni, T‑402/13, EU:T:2014:991, punt 91). Il-Qorti Ġenerali hija l-unika qorti li tista’ tiddeċiedi dwar in-neċessità eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi li jkollha quddiemha (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, thyssenkrupp vs Il-Kummissjoni, T‑584/19, mhux ippubblikata, EU:T:2022:386, punt 344 u l-ġurisprudenza ċċitata).
175 Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa l-każ fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn mill-premessi 6 u 7 tagħha, iċċitati fil-punt 61 iktar ’il fuq, jirriżulta li n-natura tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni ssuspettati hija ddefinita f’termini suffiċjentement preċiżi u ddettaljati. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tispjega kif l-aġir tar-rikorrenti jista’ jaqa’ taħt kull waħda mill-prattiki antikompetittivi ssuspettati.
176 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali hija f’pożizzjoni li tikkonkludi li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ta’ natura arbitrarja abbażi biss tal-motivi stabbiliti fiha, mingħajr ma huwa neċessarju li l-Kummissjoni tiġi ordnata tipproduċi l-elementi fil-pussess tagħha li jiġġustifikaw li hija kellha indizji suffiċjentement serji li jippermettu li tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata.
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju “impossibilium nulla obligatio est” fir-rigward tat-talba għal provvista ta’ dokumenti li joriġinaw mill-grupp Bolloré
177 Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju “impossibilium nulla obligatio est”, sa fejn timponilha li tagħti lill-Kummissjoni dokumenti fil-pussess ta’, miżmuma minn jew taħt il-kontroll tal-grupp Bolloré (iktar ’il quddiem id-“dokumenti li joriġinaw mill-grupp Bolloré”).
178 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali vinkolanti biss fir-rigward tagħha u fir-rigward tal-mandatarji tagħha. Min-naħa l-oħra, l-azzjonisti tagħha, fosthom il-grupp Bolloré, li ma humiex destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, li ma humiex koperti mill-Artikolu 1 tagħha u li ma kinux is-suġġett ta’ deċiżjoni distinta bbażata fuq l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, jistgħu jastjenu milli jissuġġettaw ruħhom għall-ordni imposta mid-deċiżjoni kkontestata.
179 It-tieni nett, ir-rikorrenti tenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata timponilha obbligu li l-eżekuzzjoni tiegħu kienet, sa mit-tnissil tiegħu, oġġettivament u assolutament impossibbli li twettaq, sa fejn hija titlobha tikseb dokumenti li joriġinaw mill-grupp Bolloré, wieħed mid-diversi azzjonisti tagħha li fuqu hija ma teżerċita ebda kontroll. Kif jirriżulta mill-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni tat-teħid ta’ kontroll tar-rikorrenti mill-grupp Bolloré fl‑24 ta’ April 2017, huwa l-grupp Bolloré li jeżerċita kontroll fuq ir-rikorrenti, u mhux bil-kontra. Ir-rikorrenti tirrileva, f’dan ir-rigward, li ebda regola tad-dritt Franċiż ma tippermetti lil kumpannija kummerċjali teżiġi l-produzzjoni ta’ dokumenti u, b’mod iktar ġenerali, teżerċita kwalunkwe setgħa ta’ restrizzjoni fuq kwalunkwe mill-azzjonist tagħha. Min-naħa l-oħra, xejn ma jimponi fuq azzjonist ta’ riferiment l-obbligu li jissuġġetta ruħu volontarjament għal ordni li tingħatalu minn kumpannija terza, anki meta hija jkollha sehem fil-kapital tagħha.
180 It-tielet nett, ir-rikorrenti tqis li, billi timponilha obbligu impossibbli li twettaq, il-Kummissjoni tobbligaha de facto tikser id-dmir ta’ kooperazzjoni tagħha u tesponiha għal riskju ta’ ksur u ta’ multa skont l-Artikolu 14(1)(ċ) tar-Regolament Nru 139/2004.
181 Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter, sa fejn, minkejja l-fatt li hija d-destinatarja tagħha, l-għan tal-Kummissjoni huwa li tikseb indirettament dokumenti li joriġinaw mill-grupp Bolloré. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ċċaħħad lill-grupp Bolloré mid-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).
182 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
183 Preliminarjament, minn naħa, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju li jgħid li “ħadd ma jista’ jkollu l-obbligu li jwettaq l-impossibbli” jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).
184 F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, diffikultajiet eventwali, proċedurali jew oħrajn, fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ att ma jistgħux jinfluwenzaw il-legalità tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tistax timponi, permezz ta’ deċiżjoni, taħt piena tal-invalidità tagħha, obbligu li l-eżekuzzjoni tiegħu tkun, sa mit-tnissil tiegħu, oġġettivament u assolutament, impossibbli li jitwettaq (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑75/97, EU:C:1999:311, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).
185 Tali impossibbiltà teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, ir-realtà tad-diffikultajiet invokati u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ modalitajiet alternattivi ta’ implimentazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 91, 92 u 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).
186 Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, impriża li hija s-suġġett ta’ miżura ta’ investigazzjoni hija suġġetta għal obbligu ta’ kollaborazzjoni attiva, li jimplika li hija għandha żżomm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-elementi ta’ informazzjoni kollha relatati mas-suġġett tal-investigazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ April 2019, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il-Kummissjoni, T‑371/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:232, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).
187 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jippreċiża li d-destinatarja tal-imsemmija deċiżjoni hija “Vivendi SE”.
188 Issa, il-punt I(1) tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li, “[g]ħall-finijiet tat-talba għal informazzjoni, ‘Lagardère’ tirreferi għal Lagardère S.A. [u] ‘Vivendi’ tirreferi għal Vivendi SE u għall-Grupp Bolloré”. Il-punt I(2) tal-imsemmi anness jipprovdi b’mod partikolari li “[i]l-kunċett ta’ ‘Dokument(i)’ jindika: il-fajls informatiċi kollha fil-pussess ta’, miżmuma minn jew taħt il-kontroll ta’ Vivendi”, jiġifieri r-rikorrenti u l-grupp Bolloré.
189 Barra minn hekk, il-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li “[i]d-dokumenti u l-komunikazzjonijiet imsemmija jirrigwardaw l-implimentazzjoni tas-sinerġiji operattivi [...] li setgħu ġew influwenzati mill-maniġers ta’ Vivendi jew mill-azzjonist prinċipali tagħha l-grupp Bolloré”.
190 Ir-rikorrenti ssostni li kien impossibbli għaliha li tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-dokumenti li joriġinaw mill-grupp Bolloré, sa fejn hija ma teżerċita ebda kontroll jew setgħa ta’ restrizzjoni fuq l-imsemmi grupp, li huwa wieħed mill-azzjonisti tagħha.
191 Issa, ebda element ma jippermetti li jitqies li tali impossibbiltà ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet teżisti fil-mument tat-tnissil tal-obbligu inkwistjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma ressqet ebda element li jista’ jikkunsidra li l-obbligu impost mid-deċiżjoni kkontestata kien, sa mit-tnissil tiegħu, impossibbli li jitwettaq b’mod oġġettiv u assolut fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 184 iktar ’il fuq.
192 Barra minn hekk, kif tirrikonoxxi r-rikorrenti stess b’risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ April 2025, hija wettqet l-obbligu, li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, li tagħti lill-Kummissjoni d-dokumenti li joriġinaw mill-grupp Bolloré, u b’hekk ikkonfermat li kien possibbli għaliha li teżegwixxi d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-rikorrenti tafferma li hija bagħtet id-dokumenti kollha mitluba lill-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni ta’ dokumenti li jaqgħu taħt is-sigriet tal-komunikazzjonijiet bejn il-klijent u l-avukat, is-sigriet tas-sorsi ġurnalistiċi u l-ħajja privata tal-persuni kkonċernati.
193 Il-Kummissjoni tikkonferma li, fid-dawl tal-posta elettronika tal-konsulenti tar-rikorrenti tas‑6 ta’ Frar 2024 kif ukoll tar-rapport ta’ akkumpanjament ippreżentat minn dawn tal-aħħar, ir-rikorrenti setgħet tiġbor u tissottometti dokumenti li joriġinaw mill-grupp Bolloré, b’tali mod li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jirrigwarda l-imsemmija dokumenti, tirrendi mingħajr skop kull argument ibbażat fuq allegata impossibbiltà.
194 F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ partijiet jaqblu fuq il-fatt li r-rikorrenti osservat id-dmir tagħha ta’ kollaborazzjoni attiva, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 186 iktar ’il fuq, sa fejn hija wettqet l-obbligu tagħha, li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, li tagħti lill-Kummissjoni wkoll id-dokumenti li joriġinaw mill-grupp Bolloré.
195 Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li l-konsenja “volontarja” mill-grupp Bolloré tad-dokumenti fil-pussess tiegħu, li saret fid-dawl tad-deċiżjoni ta’ pagamenti ta’ penalità adottata mill-Kummissjoni fil-konfront tiegħu fl‑24 ta’ Jannar 2024 u fid-dawl tar-riskju ta’ adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġodda ta’ multa u ta’ pagamenti ta’ penalità fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma hijiex rilevanti għall-evalwazzjoni tar-raba’ motiv. Skont ir-rikorrenti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-imsemmi motiv, il-kwistjoni hija biss dwar jekk kienx impossibbli għaliha, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tissuġġetta ruħha għall-obbligu impost fuqha, u mhux li tkun taf jekk kienx assolutament impossibbli li l-konsenja tad-dokumenti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata sseħħ wara, pereżempju, avveniment jew deċiżjoni esterna, unilaterali u inċerta adottata minn terza persuna, li fuqha hija ma kienet teżerċita ebda kontroll ta’ fatt jew ta’ liġi.
196 Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li r-rikorrenti rnexxielha tikkonforma ruħha mal-obbligu, li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, li tiġbor u li tipprovdi lill-Kummissjoni d-dokumenti li joriġinaw mill-grupp Bolloré juri li dan l-obbligu ma kienx, sa mit-tnissil tiegħu, b’mod oġġettiv u assolut, impossibbli li jitwettaq.
197 Kif tenfasizza l-Kummissjoni, skont il-ġurisprudenza, l-impossibbiltà li jiġi eżegwit obbligu li jirriżulta minn deċiżjoni ma tistax tinvalida l-imsemmija deċiżjoni meta din l-impossibbiltà tidher biss fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 184 iktar ’il fuq jirriżulta li diffikultajiet eventwali, proċedurali jew oħrajn, fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat ma jistgħux jinfluwenzaw il-legalità tiegħu.
198 Konsegwentement, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li, anki jekk ir-rikorrenti ma rnexxilhiex tikseb dokumenti li joriġinaw mill-grupp Bolloré, dan ma jfissirx neċessarjament li l-obbligu li jirriżulta mit-talba għal informazzjoni kien, sa mit-tnissil tiegħu, impossibbli li jitwettaq b’mod oġġettiv u assolut fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 184 iktar ’il fuq.
199 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li l-obbligu, li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni tingħata d-dokumenti li joriġinaw mill-grupp Bolloré kien, sa mit-tnissil tiegħu, b’mod oġġettiv u assolut, impossibbli li jitwettaq.
200 Din il-konklużjoni ma tistax titpoġġa indiskussjoni mill-argument tar-rikorrenti msemmi fil-punt 181 iktar ’il fuq, li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter, sa fejn l-għan tagħha huwa li tikseb indirettament dokumenti li joriġinaw mill-grupp Bolloré u li ċċaħħad lill-imsemmi grupp mid-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
201 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi illegalità suġġettiva min-natura tiegħu, li għandha għalhekk tiġi invokata mill-persuna kkonċernata stess. Għalhekk, il-ksur ta’ dritt suġġettiv jista’ jiġi invokat biss mill-persuna li d-dritt tagħha allegatament inkiser, iżda mhux minn terzi (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2022, CRIA u CCCMC vs Il-Kummissjoni, T‑30/19, EU:T:2022:266, punti 87 u 88 (mhux ippubblikati) u l-ġurisprudenza ċċitata).
202 Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti għandha interess ġuridiku biss biex tikseb l-osservanza tad-drittijiet proċedurali tagħha stess. Peress li r-rikorrenti ma għandhiex interess ġuridiku sabiex tikseb ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-Grupp Bolloré, l-oġġezzjoni bbażata fuq il-ksur tal-imsemmija drittijiet hija inammissibbli sa fejn hija invokata mir-rikorrenti. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, EU:T:2011:209, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).
203 Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma wrietx, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li l-Kummissjoni użat is-setgħat tagħha sabiex tadotta att għal għan differenti minn dak li għalih ingħatawlha, sa fejn, minn naħa, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jippermettilha titlob l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-kompiti assenjati lilha mill-imsemmi regolament (ara l-punti 123 u 124 iktar ’il fuq) u fejn, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tassumi, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, li l-komunikazzjoni tad-dokumenti fil-pussess tal-grupp Bolloré hija ta’ natura li tgħinha tiddetermina l-eżistenza tal-ksur issuspettat (ara l-punti 267 sa 269 iktar ’il quddiem).
204 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
205 Il-ħames motiv, li permezz tiegħu r-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq il-fatt li d-dokumenti mitluba ma għandhomx rabta mal-ksur preżunt u, it-tieni waħda, fuq il-fatt li l-ordni timponi fuq ir-rikorrenti ammont ta’ xogħol sproporzjonat.
Osservazzjonijiet preliminari
206 Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).
207 Skont ġurisprudenza stabbilita, l-impriża li hija s-suġġett ta’ miżura ta’ investigazzjoni hija suġġetta għal obbligu ta’ kollaborazzjoni attiva, li jimplika li hija għandha żżomm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-elementi ta’ informazzjoni kollha relatati mas-suġġett tal-investigazzjoni (ara s-sentenza tad‑9 ta’ April 2019, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il-Kummissjoni, T‑371/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:232, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).
208 Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju ta’ din il-prerogattiva mill-Kummissjoni huwa rregolat mill-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, l-obbligu impost fuq impriża li tipprovdi informazzjoni ma għandux jirrappreżenta għal din tal-aħħar oneru sproporzjonat meta mqabbel man-neċessitajiet tal-investigazzjoni (ara s-sentenza tad‑9 ta’ April 2019, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il-Kummissjoni, T‑371/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:232, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).
209 Madankollu, is-sempliċi fatt li talba għal informazzjoni timponi fuq l-impriża ammont kbir ta’ xogħol ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex juri li din hija ta’ natura sproporzjonata fid-dawl tan-neċessitajiet tal-investigazzjoni marbuta b’mod partikolari mal-preżunzjonijiet ta’ ksur li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tivverifika u maċ-ċirkustanzi tal-proċedura inkwistjoni (ara s-sentenza tad‑9 ta’ April 2019, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il-Kummissjoni, T‑371/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:232, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).
210 Barra minn hekk, kif ġie enfasizzat fil-punt 75 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi rikjest mill-Kummissjoni, qabel kull talba għal informazzjoni, li tkun taf il-kontenut tad-dokumenti mitluba kif ukoll l-importanza relattiva tagħhom għall-finijiet tal-investigazzjoni
211 Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 154 iktar ’il fuq, fid-dawl tas-setgħa ta’ investigazzjoni wiesgħa mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 139/2004, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa jekk informazzjoni hijiex neċessarja sabiex tkun tista’ tidentifika ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Anki jekk il-Kummissjoni diġà jkollha indizji, jew saħansitra provi dwar l-eżistenza ta’ ksur, hija tista’ leġittimament tqis li jkun neċessarju li titlob informazzjoni addizzjonali li tippermettilha tiddefinixxi aħjar il-portata tal-ksur, tiddetermina t-tul tiegħu jew tidentifika ċ-ċirku tal-impriżi involuti.
212 Kif tfakkar fil-punt 155 iktar ’il fuq, f’dak li jirrigwarda l-istħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-neċessità ta’ informazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din in-neċessità għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-għan imsemmi fit-talba għal informazzjoni, jiġifieri s-suspetti ta’ ksur li l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tivverifika. Ir-rekwiżit ta’ korrelazzjoni bejn it-talba għal informazzjoni u l-ksur issuspettat ikun issodisfatt jekk il-Kummissjoni tkun tista’ raġonevolment tippreżupponi, fid-data tat-talba, li din l-informazzjoni tista’ tgħinha tiddetermina l-eżistenza ta’ dan il-ksur.
213 Peress li n-neċessità tal-informazzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-għan imsemmi fit-talba għal informazzjoni, dan l-għan għandu jiġi indikat bi preċiżjoni suffiċjenti, inkella jkun impossibbli li jiġi ddeterminat jekk l-informazzjoni hijiex neċessarja u l-qorti tal-Unjoni ma tkunx tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Schwenk Zement vs Il-Kummissjoni, C‑248/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:150, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
214 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ġurisprudenzjali li għandhom jiġu eżaminati ż-żewġ partijiet tal-ħames motiv.
Fuq l-ewwel parti tal-ħames motiv, ibbażata fuq il-fatt li d-dokumenti mitluba ma għandhomx rabta mal-ksur preżunt
215 Ir-rikorrenti tosserva li l-portata tad-deċiżjoni kkontestata teċċedi b’ħafna l-iskop tagħha, jiġifieri li “tippermetti lill-Kummissjoni tanalizza jekk l-intervent u/jew il-konsultazzjoni u/jew l-assoċjazzjoni ta’ Vivendi ma’ ċerti deċiżjonijiet meħuda minn Lagardère jistgħux jiġu kklassifikati bħala eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn Vivendi.” F’dan ir-rigward, hija tippreżenta disa’ lmenti.
– Fuq l-ewwel ilment, dwar l-għażla tal-perijodu kkonċernat
216 Ir-rikorrenti ssostni li l-għażla tal-perijodu kkonċernat, ta’ kważi erba’ snin u li għandu bħala punt ta’ tluq l‑1 ta’ Jannar 2020, hija arbitrarja, peress li ebda avveniment partikolari ma seħħ f’din id-data.
217 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
218 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 139/2004 jinkariga lill-Kummissjoni biex tiżgura li kull konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Ewropea ma tiġix, bi ksur tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, implimentata qabel ma tiġi nnotifikata u awtorizzata.
219 F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitata fil-punt 61 iktar ’il fuq, l-għan tad-deċiżjoni kkontestata huwa li tinġabar informazzjoni biex jiġi evalwat jekk ir-rikorrenti eżerċitatx influwenza determinanti fuq Lagardère li tista’ tikkaratterizza ksur tal-obbligu ta’ notifika u/jew ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni u/jew nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-obbligi marbuta mad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2023 li tawtorizza l-konċentrazzjoni.
220 Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li l-ewwel akkwist ta’ sehem tar-rikorrenti fil-kapital ta’ Lagardère kif ukoll il-ħatra fil-korpi ta’ tmexxija ta’ Lagardère ta’ qraba tal-persuna kkonċernata msemmija fil-punt II(5)(a) tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata seħħew f’Marzu 2020.
221 Konsegwentement, kif jirriżulta mill-punt 168 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment tippreżumi, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, li l-informazzjoni mill‑1 ta’ Jannar 2020 kienet ta’ natura li tgħinha tiddetermina l-eżistenza ta’ ksur, peress li din l-informazzjoni tiffaċilita l-komprensjoni tal-avvenimenti kollha u tal-kuntest li dawn seħħew fih.
222 Għaldaqstant, l-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-ħames motiv għandu jiġi miċħud.
– Fuq it-tieni lment, dwar l-indikazzjoni ta’ ċerti persuni kkonċernati u ta’ ċerti termini ta’ tfittxija
223 Ir-rikorrenti tikkontesta l-indikazzjoni tal-ħmistax-il persuna kkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, billi tenfasizza li wħud minn dawn il-persuni ma għandhom ebda rabta ma’ Lagardère jew mal-konċentrazzjoni. Hija tqis li l-għażla tal-persuni kkonċernati tidher li kienet iggwidata mir-rieda tal-Kummissjoni li tindirizza t-talba tagħha kontra personalitajiet pubbliċi u diriġenti emblematiċi li jaħdmu fi ħdanha u fi ħdan il-grupp Bolloré, b’mod partikolari l-persuna kkonċernata msemmija fil-punt II(5)(d) tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata.
224 Barra minn hekk, hija ssostni li l-għażla li jiġu imposti termini ta’ tfittxija daqstant ġenerali bħal dawk imsemmija fl-ewwel linja tat-tabella ta’ termini ta’ tfittxija li tinsab fil-punt VII tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn ġustifikazzjoni u minn motivazzjoni oġġettiva fir-rigward tal-investigazzjoni.
225 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
226 Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li, minkejja li r-rikorrenti tilmenta dwar l-għażla ta’ ħmistax-il persuna kkonċernata, fir-realtà, hija tressaq argumenti speċifiċi biss fir-rigward tal-persuna kkonċernata msemmija fil-punt II(5)(d) tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata.
227 B’mod partikolari, kif tenfasizza l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li din il-persuna hija koperta mid-deċiżjoni kkontestata bħala membru tal-bord superviżorju tar-rikorrenti kif ukoll direttur ġenerali delegat tal-azzjonist li jikkontrolla lir-rikorrenti.
228 Għalhekk, fid-dawl tar-rwol predominanti li din il-persuna għandha fi ħdan il-kumpanniji tal-grupp Vivendi, kien raġonevoli li jiġi preżunt li wħud mid-dokumenti li hija kellha setgħu jippermettu lill-Kummissjoni tiddetermina l-eżistenza tal-ksur issuspettat.
229 Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-wasla ta’ żewġ persuni – li għalihom jirreferu t-termini ta’ tfittxija msemmija fl-ewwel linja tat-tabella li tinsab fil-punt VII tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata – fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ Lagardère kienet konkomitanti ma’ avvenimenti prinċipali tal-akkwist ta’ Lagardère mir-rikorrenti. B’hekk, waħda minn dawn il-persuni nħatret għall-ewwel darba fil-bord ta’ sorveljanza ta’ Lagardère f’Marzu 2020, jiġifieri madwar meta r-rikorrenti bdiet tixtri ishma f’Lagardère. L-oħra nħatret fis‑16 ta’ Frar 2022 u tat ir-riżenja tagħha wara l-finalizzazzjoni tar-rikonċiljazzjoni bejn il-gruppi Lagardère u r-rikorrenti.
230 Konsegwentement, kien raġonevoli għall-Kummissjoni li tassumi li dawn it-termini ta’ tfittxija setgħu jippermettulha tiddetermina l-eżistenza tal-ksur issuspettat.
231 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment tippreżumi, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dokumenti li joriġinaw mill-persuna kkonċernata msemmija fil-punt 226 iktar ’il fuq u d-dokumenti li jinkludu t-termini ta’ tfittxija msemmija fil-punt 229 iktar ’il fuq setgħu jippermettulha tiddetermina l-eżistenza tal-ksur issuspettat. Barra minn hekk, sa fejn il-kontestazzjoni tal-indikazzjoni tal-persuni l-oħra ma hijiex is-suġġett ta’ argumenti speċifiċi fir-rikors, din għandha tiġi miċħuda bħala mhux issostanzjata.
232 Għaldaqstant, it-tieni lment tal-ewwel parti tal-ħames motiv għandu jiġi miċħud.
– Fuq it-tielet ilment, dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2023
233 Ir-rikorrenti ssostni li l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2023 turi li l-elementi rtirati mill-kamp tat-talba għal informazzjoni ma kinux essenzjali għall-investigazzjoni u li l-ordni li saritilha kienet sproporzjonata.
234 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
235 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2023 ma tippermettix li jiġi konkluż li l-ordni mogħtija lir-rikorrenti mid-deċiżjoni kkontestata kienet sproporzjonata. Din turi, għall-kuntrarju, li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li taċċedi għad-data tal-persuna msemmija fil-punt II(5)(i) tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba s-sitwazzjoni attwali ta’ “hold separate” bejn ir-rikorrenti u waħda mis-sussidjarji tagħha fil-qasam tal-pubblikazzjoni ta’ kotba (ara l-punti 17 u 19 iktar ’il fuq).
236 Għaldaqstant, it-tielet ilment tal-ewwel parti tal-ħames motiv għandu jiġi miċħud.
– Fuq ir-raba’ lment, dwar il-komunikazzjoni tal-iskambji kollha bejn ċerti persuni
237 Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tobbligaha tikkomunika d-dokumenti kollha skambjati bejn il-persuni msemmija fil-punt III(7)(a) sa (c) tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata għall-perijodu kkonċernat kollu, mingħajr ebda terminu ta’ tfittxija ddefinit fir-rigward tas-suġġett tal-investigazzjoni, li jwassal neċessarjament biex jiġu trażmessi lill-Kummissjoni elementi li jmorru lil hinn mis-suġġett tal-investigazzjoni.
238 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
239 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-punt III(7)(a) sa (c) tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti tipprovdilha d-dokumenti kollha skambjati bejn erba’ persuni ddeterminati għall-perijodu kollu kkonċernat.
240 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li jkun sproporzjonat li jiġi rikjest li hija tipprovdi l-iskambji kollha bejn dawn l-erba’ persuni ma jistax jistabbilixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-kuntest ta’ informazzjoni jista’ jiffaċilita l-komprensjoni tagħha u jiċċara r-rilevanza tagħha għall-finijiet tal-investigazzjoni.
241 Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-fatt li din tal-aħħar talbet l-iskambji kollha li jikkonċernaw biss lil erba’ persuni u mhux lill-persuni kkonċernati kollha juri li hija llimitat il-portata tat-talba kemm jista’ jkun sabiex taċċedi għad-dokumenti neċessarji fir-rigward tal-għan tal-investigazzjoni, jiġifieri għad-dokumenti li jippermettulha tiddetermina l-eżistenza tal-ksur issuspettat.
242 Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrietx li ċ-ċifra ta’ “għexur ta’ eluf ta’ dokumenti” li jilħaq, skont l-istima tagħha stess, in-numru ta’ elementi li jissodisfaw il-kriterji ta’ tfittxija tad-deċiżjoni kkontestata tirrappreżenta piż sproporzjonat meta mqabbel maċ-ċifra ta’ “diversi mijiet ta’ eluf ta’ dokumenti” li hija pprovdiet, skont l-affermazzjoni tagħha stess fil-punt 96 tar-rikors, fil-kuntest tal-eżami tal-konċentrazzjoni.
243 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment tippreżumi, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trażmissjoni tal-iskambji kollha bejn il-persuni msemmija fil-punt 239 iktar ’il fuq kienet ta’ natura li tgħinha tiddetermina l-eżistenza tal-ksur issuspettat.
244 Għaldaqstant, ir-raba’ lment tal-ewwel parti tal-ħames motiv għandu jiġi miċħud.
– Fuq il-ħames ilment, dwar l-għażla tat-termini ta’ tfittxija
245 Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata timponilha li tapplika mitt terminu ta’ tfittxija għall-għodod kollha ta’ komunikazzjoni professjonali u/jew personali tal-persuni kkonċernati, mingħajr ebda preċiżazzjoni dwar il-modalitajiet tal-għażla tagħhom. F’dan ir-rigward, hija tqis li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix motivazzjoni partikolari li tippermetti li tiġi ġġustifikata l-għażla ta’ kull wieħed minn dawn it-termini ta’ tfittxija u l-kombinazzjoni tagħhom bejniethom, li diversi elementi li hija għandha jistgħu jissodisfaw kull wieħed minn dawn it-termini ta’ tfittxija, mingħajr rabta mas-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, li ebda wieħed mit-termini ta’ tfittxija ma huwa akkumpanjat minn restrizzjoni fir-rigward tal-perijodu tal-iskambji u tad-data tad-dokumenti msemmija mill-Kummissjoni, u li ċerti termini ta’ riċerka jistgħu jiżvelaw elementi li jikkonċernaw il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, it-twemmin politiku jew reliġjuż tagħhom kif ukoll l-identità jew il-kontenut ta’ skambji ma’ sorsi ġurnalistiċi.
246 Hija ssostni wkoll li l-applikazzjoni tat-termini ta’ tfittxija għall-għodod ta’ komunikazzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata twassal għal riżultati assurdi fir-rigward tas-suġġett tal-investigazzjoni, u li huwa sproporzjonat, minn naħa, li hija tintalab tapplika, fuq perijodu ta’ kważi erba’ snin, assoċjazzjonijiet ta’ termini ta’ tfittxija li jirreferu għal avvenimenti speċifiċi, bħall-pubblikazzjoni ta’ artikli f’Paris Match, ir-reklutaġġ jew it-tkeċċija ta’ persuni indikati b’isimhom u, min-naħa l-oħra, li tapplika t-termini ta’ tfittxija marbuta ma’ reklutaġġ jew tkeċċijiet fuq il-perijodu kollu kkonċernat.
247 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
248 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u skont l-Artikolu(76)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Għalkemm it-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi ta’ dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk dawn ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-punti essenzjali tal-argumentazzjoni legali, li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors. Barra minn hekk, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li hija tista’ tqis li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, u dan peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T‑111/08, EU:T:2012:260, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).
249 F’dan il-każ, fir-rigward tat-termini ta’ tfittxija, għandu jiġi rrilevat li r-riferiment tar-rikorrenti għat-tabella sinottika tal-kritika li tinsab fl-Anness A.13 għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li ma josservax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Għalhekk, huma biss it-termini msemmija u kkritikati fir-rikors li jistgħu jiġu kkontestati b’mod validu.
250 Fir-rigward tat-termini ta’ tfittxija msemmija fil-punt 161 tar-rikors, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma xierqa biex jiġu identifikati dokumenti potenzjalment rilevanti għall-finijiet tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
251 B’mod partikolari, fir-rigward tat-terminu msemmi fl-ewwel linja tat-tabella li tinsab fil-punt VII tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, kif jirriżulta mill-punti 220 u 229 iktar ’il fuq, dan it-terminu jirreferi għal persuna li l-wasla tagħha fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ Lagardère hija konkomitanti ma’ avvenimenti prinċipali tal-operazzjoni ta’ rikonċiljazzjoni bejn ir-rikorrenti u Lagardère. Fil-fatt, din il-persuna nħatret għall-ewwel darba fil-bord ta’ sorveljanza ta’ Lagardère f’Marzu 2020, li jikkorrispondi mal-perijodu li matulu r-rikorrenti bdiet tixtri ishma f’Lagardère. Barra minn hekk, din il-persuna għandha rabtiet personali għal żmien twil mal-persuna kkonċernata msemmija fil-punt II(5)(a) tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata.
252 Fir-rigward tat-terminu ta’ riċerka “Europe”, imsemmi fit-tielet linja tat-tabella li tinsab fil-punt VII tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, kif tirrileva l-Kummissjoni, dan huwa diminutiv għal “Europe 1”, katina tar-radju ta’ Lagardère, li ssemmiet f’rapport tas-Senat kif ukoll f’diversi artikli tal-istampa bħala entità ta’ Lagardère li fuqha l-grupp Bolloré eżerċita influwenza.
253 Fir-rigward tat-terminu ta’ tfittxija “Couv* ET Z”, imsemmi fid-disa’ linja tat-tabella li tinsab fil-punt VII tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li dan it-terminu waħdu ma jaqax fil-kamp tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dan it-terminu għandu, bħala minimu, ikun akkumpanjat bit-terminu “PM” jew “Paris Match” sabiex jaqa’ fil-kamp tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, hija tfittex, permezz tal-użu ta’ dan it-terminu, li tikseb informazzjoni dwar il-faċċata ta’ Paris Match tat‑23 ta’ Settembru 2021 dwar persuna qrib il-persuna kkonċernata msemmija fil-punt II(5)(a) tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, kien raġonevoli u proporzjonat għall-Kummissjoni li tassumi li l-kombinazzjoni ta’ dawn it-termini ta’ tfittxija setgħu jippermettulha tiddetermina l-eżistenza tal-ksur issuspettat.
254 Fir-rigward tat-terminu ta’ tfittxija “Presbourg”, imsemmi fit-tieni linja tat-tabella li tinsab fil-punt VII tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, kif tenfasizza l-Kummissjoni, din hija triq li fiha Lagardère għandha s-sede storika tagħha f’Pariġi (Franza). Barra minn hekk, ċerti sorsi tal-media rrapportaw laqgħat ta’ kull ġimgħa fis-sede ta’ Lagardère fil-preżenza ta’ “pilastri ta’ Vivendi” sabiex jivvalidaw il-faċċati ta’ Paris Match, li ma kienx komuni qabel l‑2021. B’hekk, kien raġonevoli għall-Kummissjoni li tqis li dan it-terminu kien intuża jew biex jindika lil Lagardère, jew biex jindika l-post ta’ ċerti laqgħat bejn ir-rikorrenti u Lagardère li l-kontenut tagħhom jista’ jkun rilevanti għall-investigazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza tal-ksur issuspettat.
255 Fir-rigward tat-terminu ta’ tfittxija “Couv ET Paris Match”, imsemmi fis-sitt linja tat-tabella li tinsab fil-punt VII tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, mill-punt 254 iktar ’il fuq jirriżulta li ċerti sorsi tal-media rreferew għal laqgħat ta’ kull ġimgħa fis-sede ta’ Lagardère fil-preżenza ta’ “pilastri ta’ Vivendi” sabiex jivvalidaw il-faċċati ta’ Paris Match. Għalhekk, kien raġonevoli u proporzjonat għall-Kummissjoni li titlob it-trażmissjoni ta’ dokumenti relatati mad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-faċċati ta’ Paris Match għall-perijodu kkonċernat.
256 Fir-rigward tat-termini ta’ tfittxija msemmija fil‑35, fit‑43, fl‑44 u fil‑45 linja tat-tabella li tinsab fil-punt VII tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, kif tirrileva l-Kummissjoni, dawn huma ġurnalisti jew kroniċi ta’ entitajiet li jappartjenu lill-grupp Vivendi li issa huma wkoll preżenti fuq Europe 1 u li kienu s-suġġett ta’ diversi diskussjonijiet dwar is-sinerġiji possibbli bejn Vivendi u l-katina tar-radju Europe 1 ta’ Lagardère, sinerġiji li tirreferi għalihom il-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, sa fejn dawn il-persuni kienu fil-qalba tas-sinerġiji bejn ir-rikorrenti u Lagardère li seħħew qabel ma l-Kummissjoni awtorizzat il-konċentrazzjoni taż-żewġ gruppi, kien raġonevoli u proporzjonat għall-Kummissjoni li titlob il-komunikazzjoni tad-dokumenti li jissodisfaw dawn it-termini ta’ tfittxija sabiex tiddetermina l-eżistenza tal-ksur issuspettat.
257 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrietx in-natura sproporzjonata tat-termini ta’ tfittxija kkontestati.
258 Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq assenza ta’ motivazzjoni speċifika biex tiġġustifika l-għażla ta’ kull wieħed mit-termini ta’ tfittxija, dan għandu jiġi miċħud skont l-analiżi mwettqa fil-punti 74 sa 79 iktar ’il fuq.
259 Għaldaqstant, il-ħames ilment tal-ewwel parti tal-ħames motiv għandu jiġi miċħud.
– Fuq is-sitt ilment, dwar il-komunikazzjoni tad-dokumenti li jappartjenu lill-persuna kkonċernata msemmija fil-punt II(5)(o) tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata
260 Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tobbligaha tipprovdi dokumenti li jappartjenu lill-persuna kkonċernata msemmija fil-punt II(5)(o) tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, Presidenta ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha fil-qasam tar-rivisti, sa mill-bidu tal-perijodu kkonċernat, jiġifieri mill‑1 ta’ Jannar 2020. Issa, ir-rikorrenti akkwistat il-kontroll ta’ din is-sussidjarja biss mill‑1 ta’ Ġunju 2021. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, huwa sproporzjonat li jintalbu dokumenti skambjati fi ħdan din is-sussidjarja matul il-perijodu preċedenti għal din id-data, peress li din l-entità ma kellha l-ebda rabta magħha u lanqas ma’ Lagardère.
261 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
262 F’dan ir-rigward, u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 154 u 211 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tas-setgħa ta’ investigazzjoni wiesgħa mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 139/2004, din setgħet tqis neċessarju li titlob id-dokumenti li jappartjenu lill-persuna kkonċernata msemmija fil-punt II(5)(o) tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, Presidenta ta’ sussidjarja tar-rikorrenti fil-qasam tar-rivisti, anki qabel l-akkwist tal-kontroll ta’ din is-sussidjarja mir-rikorrenti fl‑1 ta’ Ġunju 2021.
263 Fil-fatt, il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tippreżumi, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, li l-informazzjoni mill‑1 ta’ Jannar 2020 kienet ta’ natura li tgħinha tiddetermina l-eżistenza tal-ksur issusspettat, b’mod partikolari sa fejn din l-informazzjoni tiffaċilita l-komprensjoni tal-avvenimenti kollha u tal-kuntest li dawn seħħew fih.
264 Minn dan isegwi li s-sitt ilment tal-ewwel parti tal-ħames motiv għandu jiġi miċħud.
– Fuq is-seba’ lment, dwar il-komunikazzjoni tad-dokumenti li joriġinaw mill-grupp Bolloré
265 Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata timponilha li tagħti lill-Kummissjoni d-dokumenti li joriġinaw mill-grupp Bolloré, filwaqt li dan tal-aħħar ma huwiex ikkonċernat mill-investigazzjoni formali miftuħa mill-Kummissjoni, li tikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom hija kisbet il-kontroll ta’ Lagardère b’mod antiċipat.
266 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
267 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitata fil-punt 61 iktar ’il fuq, huwa ppreċiżat li d-dokumenti msemmija jirrigwardaw b’mod partikolari ċerti deċiżjonijiet ta’ Lagardère “li setgħu ġew influwenzati mill-maniġers ta’ Vivendi jew mill-azzjonist prinċipali tagħha l-grupp Bolloré”.
268 Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punti 84 u 167 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2023 li tawtorizza l-konċentrazzjoni kif ukoll il-formola ta’ notifika tal-konċentrazzjoni li r-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni jistabbilixxu li l-grupp Bolloré u Vivendi jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni.
269 B’hekk, il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tippreżumi, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, li l-komunikazzjoni tad-dokumenti fil-pussess tal-grupp Bolloré kienet ta’ natura li tgħinha tiddetermina l-eżistenza tal-ksur issuspettat, sa fejn ċerti deċiżjonijiet ta’ Lagardère setgħu ġew influwenzati mill-maniġers ta’ Vivendi jew mill-azzjonist prinċipali tagħha l-grupp Bolloré.
270 B’hekk, is-seba’ lment tal-ewwel parti tal-ħames motiv għandu jiġi miċħud.
– Fuq it-tmien ilment, dwar l-obbligu li tingħata l-konverżazzjoni kollha meta messaġġ jidħol fil-kamp tat-talba għal informazzjoni
271 Ir-rikorrenti tenfasizza li meta dokument fil-forma ta’ messaġġ skambjat bit-telefon jew permezz ta’ applikazzjoni ta’ messaġġi istantanji jidħol fil-kamp tat-talba għal informazzjoni, id-deċiżjoni kkontestata tobbligaha tipprovdi l-konverżazzjoni kollha fuq il-perijodu kkonċernat kollu. Skont ir-rikorrenti, tali rekwiżit jeċċedi dak li huwa neċessarju għall-bżonnijiet tal-investigazzjoni peress li, bl-iskuża tal-eżistenza ta’ messaġġ rilevanti wieħed, il-Kummissjoni titlob l-aċċess għall-konverżazzjonijiet kollha tal-persuni kkonċernati, inkluż fuq it-telefons personali tagħhom, matul il-perijodu kkonċernat kollu. Il-Kummissjoni setgħet, pereżempju, titlob biss it-trażmissjoni tal-messaġġi skambjati fl‑24 siegħa li ppreċedew u segwew il-messaġġ rilevanti.
272 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
273 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 240 iktar ’il fuq, l-obbligu li jiġu kkonsenjati l-iskambji kollha bejn ċerti persuni meta skambju wieħed jissodisfa t-termini ta’ tfittxija msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma jistax jistabbilixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-kuntest ta’ informazzjoni jista’ jiffaċilita l-komprensjoni tagħha u jiċċara r-rilevanza tagħha għall-finijiet tal-investigazzjoni.
274 Konsegwentement, il-ħames ilment tal-ewwel parti tal-ħames motiv għandu jiġi miċħud.
– Fuq id-disa’ lment, dwar il-ksur tad-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati u tal-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi
275 Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata timponilha li tagħti lill-Kummissjoni elementi li jaqgħu taħt il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati kif ukoll informazzjoni li tippreġudika l-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi. Skont ir-rikorrenti, lil hinn mill-ksur tad-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-dritt tal-kumpanniji Franċiż li tali ordni timplika, din l-estensjoni tal-perimetru tad-dokumenti kkonfiskati barra mill-isfera professjonali ma hijiex neċessarja għall-bżonnijiet tal-investigazzjoni u, konsegwentement, tippreġudika l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
276 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
277 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, permezz tad-disa’ lment, ir-rikorrenti tirrepeti, essenzjalment, l-argumenti invokati fil-kuntest tat-tieni parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq preġudizzju għall-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi, u tas-seba’ motiv, ibbażat fuq assenza ta’ garanziji adegwati biex jiġi protett id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata. Għaldaqstant, għall-istess raġunijiet bħal dawk imressqa fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti tas-sitt motiv (ara l-punti 340 sa 381 iktar ’il quddiem) u tas-seba’ motiv (ara l-punti 382 sa 460 iktar ’il quddiem), id-disa’ lment tal-ewwel parti tal-ħames motiv għandu jiġi miċħud.
278 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.
Fuq it-tieni parti tal-ħames motiv, ibbażata fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata timponi oneru sproporzjonat fuq ir-rikorrenti
279 Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata timponi fuqha oneru eċċessiv fir-rigward tan-neċessitajiet tal-investigazzjoni, billi tobbligaha twettaq internament riċerka massiva fi ħdan diversi siti differenti tal-impriża tagħha. Sabiex tirrispondi għal dan, hija kellha timmobilizza riżorsi umani u tekniċi ddedikati u żżid is-servizzi ta’ żewġ impriżi terzi. Skont ir-rikorrenti, in-numru ta’ elementi li jissodisfaw il-kriterji ta’ tfittxija tad-deċiżjoni kkontestata tela’ għal diversi għexur ta’ eluf.
280 Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, it-terminu ta’ madwar xahar biex tiġi ssodisfatta l-ordni, imposta mid-deċiżjoni kkontestata u inizjalment stabbilita għas‑27 ta’ Ottubru 2023, kien imprattikabbli u ma kienx jippermettilha tiżgura ruħha min-natura kompleta, eżatta u mhux żnaturata tad-dokumenti pprovduti.
281 Ir-rikorrenti tippreċiża li ma kien jeżisti ebda rekwiżit ta’ ħeffa, peress li l-ftuħ tal-investigazzjoni kien ġie mħabbar pubblikament mix-xahar ta’ Ġunju 2023, u sussegwentement ifformalizzat permezz tal-ittra tal‑25 ta’ Lulju 2023 dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u li hija kellha żżomm, kif kienet tobbligaha tagħmel l-imsemmija ittra, id-dokumenti li jistgħu jkunu rilevanti, indipendentement mit-terminu ta’ risposta li seta’ jiġi impost fuqha.
282 Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata timponilha ammont ta’ xogħol sproporzjonat meta mqabbel man-neċessitajiet tal-investigazzjoni, sa fejn din tirrigwarda parzjalment elementi li diġà huma fil-pussess tal-Kummissjoni, minħabba li ġew ipprovuti fil-kuntest tal-eżami tat-teħid ta’ kontroll ta’ Lagardère.
283 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
284 Preliminarjament, għandu jsir riferiment għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 206 u 208 iktar ’il fuq.
285 F’dan il-każ, ir-rikorrenti tenfasizza n-natura sproporzjonata tal-ammont ta’ xogħol li timplika r-risposta għad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr madankollu ma ssostni tali lment.
286 Ċertament, ma huwiex ikkontestat li l-informazzjoni mitluba skont id-deċiżjoni kkontestata hija numeruża u ta’ portata wiesgħa, b’tali mod li r-risposta għal din it-talba kienet timplika ammont ta’ xogħol sinjifikattiv min-naħa tar-rikorrenti.
287 Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 209 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi konkluż li l-ammont ta’ xogħol tar-rikorrenti huwa ta’ natura sproporzjonata fid-dawl tan-neċessitajiet tal-investigazzjoni marbuta mal-ksur preżunt li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tivverifika.
288 Minn naħa, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitata fil-punt 61 iktar ’il fuq, l-għan tad-deċiżjoni kkontestata huwa li tinġabar informazzjoni biex jiġi evalwat jekk Vivendi eżerċitatx influwenza determinanti fuq Lagardère li tista’ tikkaratterizza ksur tal-obbligu ta’ notifika u/jew ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni u/jew nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-obbligi marbuta mad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2023 li tawtorizza l-konċentrazzjoni.
289 Fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitata wkoll fil-punt 61 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tafferma li l-informazzjoni mitluba hija essenzjali biex hija tkun tista’ tanalizza jekk l-intervent u/jew il-konsultazzjoni u/jew l-assoċjazzjoni tar-rikorrenti ma’ ċerti deċiżjonijiet meħuda minn Lagardère jistgħux jiġu kklassifikati bħala eżerċizzju ta’ influwenza determinanti mir-rikorrenti. Barra minn hekk, hija telenka l-aġir tar-rikorrenti li jista’ jikkostitwixxi ksur wieħed jew iktar tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 139/2004, u li dwaru hija għandha l-intenzjoni li tinvestiga.
290 Il-verifika tal-ksur issuspettat li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni teħtieġ għalhekk analiżijiet kumplessi ta’ diversi data, li l-parti l-kbira tagħhom huma aċċessibbli għar-rikorrenti biss.
291 Konsegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u l-għan tal-investigazzjoni huma ta’ natura li jiġġustifikaw il-provvista ta’ numru kbir ta’ informazzjoni.
292 Min-naħa l-oħra, ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti ma huwa ta’ natura li juri li d-deċiżjoni kkontestata tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju fid-dawl tal-għan tal-investigazzjoni.
293 L-ewwel nett, kif tenfasizza l-Kummissjoni, ir-rekwiżit ta’ ħeffa kien jiġġustifika t-terminu tas‑27 ta’ Ottubru 2023, stabbilit bid-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023 (ara l-punt 101 iktar ’il fuq).
294 Għandu jitfakkar ukoll li, kif jirriżulta mill-punti 19 u 22 iktar ’il fuq, it-terminu inizjalment stabbilit mid-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023 ġie estiż darbtejn. B’mod partikolari, qabel kollox, permezz tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2023, it-terminu stabbilit għas‑27 ta’ Ottubru 2023 ġie estiż sal‑1 ta’ Diċembru 2023. Sussegwentement, permezz tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024, it-terminu stabbilit għall‑1 ta’ Diċembru 2023 ġie estiż sas‑7 ta’ Frar 2024.
295 Issa, l-argument tar-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni parti tal-ħames motiv jikkonċentra biss fuq it-terminu inizjali, stabbilit għas‑27 ta’ Ottubru 2023 permezz tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-estensjoni tal-imsemmi terminu sal‑1 ta’ Diċembru 2023 li seħħet permezz tad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2023, u lanqas, barra minn hekk, l-estensjoni tat-terminu sas‑7 ta’ Frar 2024 li seħħet permezz tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti dwar it-terminu impost mid-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.
296 It-tieni nett, kif jirriżulta mill-punt 242 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma wrietx in-natura sproporzjonata tal-ammont ta’ xogħol impost mid-deċiżjoni kkontestata.
297 Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda, parzjalment, elementi li diġà huma fil-pussess tal-Kummissjoni, minħabba s-sottomissjoni tagħhom fil-kuntest tal-eżami tat-teħid ta’ kontroll ta’ Lagardère mir-rikorrenti, bl-ebda mod ma huwa sostnut, b’tali mod li għandu jiġi miċħud bħala li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni previsti mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.
298 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
299 Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ħames motiv u, konsegwentement, il-ħames motiv fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.
Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq preġudizzju għall-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi
300 Permezz tas-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika l-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi, iggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta u mill-Artikolu 10 tal-KEDB. Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 u, it-tieni waħda, fuq ksur tal-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi.
Osservazzjonijiet preliminari
301 Skont l-Artikolu 11(1) tal-Karta, intitolat “Il-libertà ta’ l-espressjoni u ta’ l-informazzjoni” kull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, li jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni jew ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.
302 Konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet li din tinkludi għandhom l-istess sens u l-istess portata bħad-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr madankollu ma jipprekludu li d-dritt tal-Unjoni tagħti protezzjoni usa’ (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Real Madrid Club de Fútbol, C‑633/22, EU:C:2024:843, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
303 Fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Karta, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-Artikolu 10 tal-KEDB, kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), bħala limitu minimu ta’ protezzjoni (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Real Madrid Club de Fútbol, C‑633/22, EU:C:2024:843, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
304 L-Artikolu 10 tal-KEDB, intitolat “Libertà tal-espressjoni”, jaqra kif ġej:
“1. Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà li jkollu opinjonijiet u li jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u mingħajr ma jittieħed kont ta’ fruntieri. Dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi Stati milli jeħtieġu liċenzi għax-xandir, televiżjoni jew impriżi ċinematografiċi.
2. L-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet, billi jġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet, jista’ jkun suġett għal dawk il-formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penali kif preskritti b’liġi u li jkunu meħtieġa f’soċjetà demokratika, flinteressi tas-sigurtà nazzjonali, integrità territorjali jew sigurtà pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew drittijiet ta’ ħaddieħor, biex jiġi evitat il-kxif ta’ informazzjoni riċevuta b’sigriet, jew biex tiġi miżmuma l-awtorità u l-imparzjalità tal-ġudikatura. ”
305 Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 11 tal-Karta jikkostitwixxi wieħed mill-bażijiet essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralista, li jagħmel parti mill-valuri li fuqhom, skont l-Artikolu 2 TUE, hija bbażata l-Unjoni (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).
306 Il-Qorti EDB dejjem issuġġettat għal eżami partikolarment viġilanti l-garanziji tar-rispett tal-libertà ta’ espressjoni fil-kawżi li jaqgħu taħt l-Artikolu 10 tal-KEDB, peress li din il-libertà tikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika. Il-garanziji li għandhom jingħataw lill-istampa huma ta’ importanza partikolari, u l-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi hija waħda mill-pedamenti tal-libertà tal-istampa. In-nuqqas ta’ tali protezzjoni jista’ jiskoraġġixxi lis-sorsi ġurnalistiċi milli jgħinu lill-istampa tinforma lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta’ interess ġenerali. Konsegwentement, l-istampa tista’ tkun inqas kapaċi taqdi r-rwol indispensabbli tagħha ta’ “kelb tal-għassa” u l-kapaċità tagħha li tipprovdi informazzjoni preċiża u affidabbli tista’ titnaqqas (Qorti EDB, 25 ta’ Mejju 2021, Big Brother Watch et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2021:0525JUD005817013, punt 442).
307 Ordni għall-iżvelar tas-sorsi jista’ jkollha impatt detrimentali mhux biss fuq is-sorsi, li l-identità tagħhom tista’ tiġi żvelata, iżda wkoll fuq il-gazzetta jew kwalunkwe pubblikazzjoni oħra koperta mill-ordni, li r-reputazzjoni tagħhom ma’ sorsi potenzjali futuri tista’ tiġi affettwata b’mod negattiv mill-iżvelar, u fuq il-membri tal-pubbliku, li għandhom interess li jirċievu l-informazzjoni kkomunikata minn sorsi anonimi. Madankollu, hemm differenza fundamentali bejn il-fatt li l-awtoritajiet jordnaw lil ġurnalist jiżvela l-identità tas-sorsi tiegħu u l-fatt li huma jwettqu tfittxijiet fid-dar u fil-post tax-xogħol tiegħu sabiex jiskopru s-sorsi tiegħu. Anki jekk tibqa’ mingħajr riżultat, it-tfittxija tikkostitwixxi att iktar gravi minn talba għall-iżvelar tal-identità tas-sors, peress li l-investigaturi li jinvestigaw il-post tax-xogħol ta’ ġurnalist għandhom aċċess għad-dokumentazzjoni kollha miżmuma minnu (Qorti EDB, 25 ta’ Mejju 2021, Big Brother Watch et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2021:0525JUD005817013, punt 443).
308 Ksur tal-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi jista’ jitqies kompatibbli mal-Artikolu 10 tal-KEDB biss jekk ikun iġġustifikat minn rekwiżit prevalenti ta’ interess pubbliku. Barra minn hekk, kull ksur tad-dritt għall-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi għandu jkun akkumpanjat minn garanziji proċedurali, iddefiniti mil-liġi, fir-rigward tal-importanza tal-prinċipju inkwistjoni. Fl-ewwel post tal-garanziji rikjesti għandu jkun hemm il-possibbiltà li l-miżura tiġi mistħarrġa minn qorti jew minn kull korp deċiżjonali indipendenti u imparzjali ieħor bis-setgħa li jgħid, qabel il-provvista tal-elementi mitluba, jekk jeżistix rekwiżit ta’ interess pubbliku li jipprevali fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sorsi tal-ġurnalisti u, fil-każ kuntrarju, li jipprekludi kull aċċess mhux indispensabbli għall-informazzjoni li tista’ twassal għall-iżvelar tal-identità tas-sorsi (Qorti EDB, 25 ta’ Mejju 2021, Big Brother Watch et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2021:0525JUD005817013, punt 444).
309 Fid-dawl tan-neċessità ta’ stħarriġ ta’ natura preventiva, il-qorti jew korp ieħor indipendenti u imparzjali għandu għalhekk ikun f’pożizzjoni li jwettaq qabel kull żvelar dan l-ibbilanċjar tar-riskji potenzjali u tal-interessi rispettivi meta mqabbla mal-elementi li l-iżvelar tagħhom huwa mitlub, b’tali mod li l-argumenti tal-awtoritajiet li jixtiequ jiksbu l-iżvelar ikunu jistgħu jiġu evalwati b’mod korrett. Id-deċiżjoni li għandha tittieħed għandha tkun irregolata minn kriterji ċari, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni jekk miżura inqas intrużiva tistax tkun biżżejjed biex isservi l-interessi pubbliċi prevalenti li jkunu ġew stabbiliti. Il-qorti jew korp ieħor kompetenti għandu jkollu l-possibbiltà li jirrifjuta li joħroġ ordni ta’ żvelar jew li joħroġ ordni ta’ portata iktar limitata jew iktar ikkontrollata, b’mod li s-sorsi kkonċernati jkunu jistgħu jevitaw l-iżvelar tal-identità tagħhom, irrispettivament minn jekk ikunux speċifikament imsemmija jew le fl-elementi li tintalab il-provvista tagħhom, minħabba li l-komunikazzjoni ta’ tali elementi toħloq riskju serju ta’ kompromess tal-identità tas-sorsi tal-ġurnalisti. F’każ ta’ urġenza, għandha tkun tista’ tiġi segwita proċedura li tippermetti li tiġi identifikata u iżolata, qabel ma tiġi użata mill-awtoritajiet, l-informazzjoni li tista’ tippermetti l-identifikazzjoni tas-sorsi minn dawk li ma jinvolvux riskju simili (Qorti EDB, 25 ta’ Mejju 2021, Big Brother Watch et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2021:0525JUD005817013, punt 445).
Fuq l-ewwel parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004
310 Permezz tal-ewwel parti tas-sitt motiv, ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità, skont l-Artikolu 277 TFUE, kontra l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, billi ssostni li dan jikser l-Artikolu 10 tal-KEDB billi ma jipprevedi ebda rimedju ġudizzjarju speċifiku u ex ante li jippermetti stħarriġ ġuridiku indipendenti qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tordna l-provvista ta’ elementi li jistgħu jaqgħu taħt il-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti żżid li r-rimedji ġudizzjarji previsti mill-Artikoli 278 u 279 TFUE ma humiex biżżejjed biex jimlew din il-lakuna.
311 Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
312 Preliminarjament, skont l-Artikolu 277 TFUE, kull parti tista’, fil-kuntest ta’ tilwima li ddaħħal inkwistjoni att ta’ portata ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, tibbaża ruħha fuq il-motivi previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE biex tinvoka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att.
313 L-Artikolu 277 TFUE jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura d-dritt ta’ kull parti li tikkontesta b’mod inċidentali, bl-għan li tikseb l-annullament ta’ att li kontrih tista’ tippreżenta rikors, il-validità tal-atti istituzzjonali preċedenti, li jikkostitwixxu l-bażi legali tal-att ikkontestat, jekk din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn l-atti, li hija għalhekk tkun qiegħda tbati l-konsegwenzi tagħhom mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob li jiġu annullati. L-att ġenerali li l-illegalità tiegħu tkun invokata għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li huwa s-suġġett tar-rikors u għandu jkun hemm rabta ġuridika diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il-Kummissjoni u Il-Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punti 67 sa 69; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Mamoli Robinetteria vs Il-Kummissjoni, T‑376/10, EU:T:2013:442, punti 48 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
314 F’dan il-każ, ċertament, kif tenfasizza r-rikorrenti, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata fil-punti 306 sa 309 iktar ’il fuq, preġudizzju għall-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi għandu jkun akkumpanjat minn garanziji proċedurali, iddefiniti mil-liġi, b’rabta mal-importanza tal-prinċipju inkwistjoni, li fosthom għandha tidher l-ewwel il-possibbiltà ta’ stħarriġ ta’ natura preventiva skont il-modalitajiet stabbiliti minn din il-ġurisprudenza.
315 Issa, kif jenfasizza l-Kunsill, is-sistema kompleta ta’ rimedji u ta’ proċeduri, stabbilita permezz ta’ proċedura primarja, toffri l-garanziji proċedurali meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB imsemmija fil-punti 306 sa 309 iktar ’il fuq, u b’mod partikolari l-possibbiltà li l-miżura tiġi mistħarrġa minn qorti jew minn kull korp deċiżjonali indipendenti u imparzjali ieħor li għandu s-setgħa li jgħid, qabel l-għoti tal-elementi mitluba, jekk jeżistix rekwiżit ta’ interess pubbliku li jipprevali fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sorsi tal-ġurnalisti u, fil-każ kuntrarju, li jipprekludi kull aċċess mhux indispensabbli għall-informazzjoni li tista’ twassal għall-iżvelar tal-identità tas-sorsi.
316 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-Trattat FUE, permezz tal-Artikoli 263 u 277 tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 tiegħu, min-naħa l-oħra, stabbilixxa sistema kompleta ta’ rimedji u ta’ proċeduri intiżi biex jiżguraw l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, billi ħalliha f’idejn il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
317 Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax, permezz tal-adozzjoni ta’ att legali dderivat, joħloq rimedju legali mhux previst mit-Trattat FUE, ġaladarba dan it-trattat stabbilixxa sistema kompleta ta’ rimedji legali u ta’ proċeduri intiżi biex jiżguraw l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet billi jafdahom f’idejn il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, ECHA, C‑256/23 u C‑290/23, EU:C:2024:683, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).
318 Kif jenfasizza l-Kunsill, sa fejn l-Artikolu 11 tal-Karta, interpretat b’teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-Artikolu 10 tal-KEDB, jeħtieġ l-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju li jikkorrispondi għal ċerti kriterji, dan ir-rimedju għandu jinstab fi, u għandu josserva, is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita mit-Trattati.
319 Issa, l-eżistenza ta’ tali rimedju fi ħdan is-sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita mit-Trattati ġiet ikkonfermata mill-ġurisprudenza dwar il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn il-klijent u l-avukat.
320 B’hekk, mis-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni (155/79, EU:C:1982:157, punt 32), jirriżulta li s-sistema kompleta ta’ rimedji toffri protezzjoni adegwata fir-rigward tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn klijent u avukat. B’mod partikolari, fl-imsemmija sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, minn naħa, il-fatt li, skont l-Artikolu 185 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 278 TFUE), rikors ippreżentat mill-impriża kkonċernata kontra deċiżjonijiet li jordnaw il-komunikazzjoni ta’ dokumenti allegatament koperti mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn klijent u avukati ma kellux effett sospensiv jippermetti li tiġi ssodisfatta l-preokkupazzjoni espressa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-konsegwenzi li t-terminu meħtieġ mill-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja seta’ jkollu fuq l-effikaċja tal-istħarriġ li l-Kummissjoni għandha teżerċita fuq l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat. Min-naħa l-oħra, l-interessi tal-impriża kkonċernata kienu protetti mill-possibbiltà miftuħa mill-Artikoli 185 u 186 tat-Trattat KEE (li saru l-Artikoli 278 u 279 TFUE) kif ukoll mill-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-verżjoni applikabbli dak iż-żmien, li tiġi ordnata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni meħuda jew kull miżura provviżorja oħra.
321 Minn dan jirriżulta li s-sistema sħiħa ta’ rimedji tiggarantixxi l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju preventiv, qabel ma l-Kummissjoni taċċedi għall-informazzjoni koperta mill-kunfidenzjalità.
322 B’mod partikolari, skont il-ġurisprudenza dwar is-setgħat ta’ verifika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-osservanza tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, applikabbli mutatis mutandis f’dan il-każ, meta impriża tinvoka l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn klijent u avukat sabiex topponi s-sekwestru ta’ dokument fil-kuntest ta’ verifika, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiċħad din it-talba tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ din l-impriża, billi tbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha. Fil-fatt, din id-deċiżjoni tirrifjutalha l-benefiċċju ta’ protezzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni u għandha natura definittiva u indipendenti mid-deċiżjoni finali li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑125/03 u T‑253/03, EU:T:2007:287, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
323 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltà tal-impriża li tressaq rikors kontra eventwali deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma hijiex biżżejjed biex tiżguralha protezzjoni xierqa tad-drittijiet tagħha. Min-naħa, il-proċedura amministrattiva tista’ ma twassalx għal deċiżjoni li tikkonstata ksur. Min-naħa l-oħra, ir-rikors miftuħ kontra din id-deċiżjoni, jekk tingħata, fi kwalunkwe każ ma jipprovdix lill-impriża l-mezz biex jiġu evitati l-effetti irriversibbli li jirriżultaw mill-għarfien irregolari ta’ dokumenti protetti mill-kunfidenzjalità (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑125/03 u T‑253/03, EU:T:2007:287, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
324 Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad talba għall-protezzjoni ta’ dokument partikolari minħabba l-kunfidenzjalità – u tordna, jekk ikun il-każ, il-provvista tad-dokument inkwistjoni – tikkonkludi proċedura speċjali distinta minn dik li għandha tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tikkostitwixxi, għaldaqstant, att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, li miegħu jkun meħtieġ li ssir talba għal miżuri provviżorji intiża, b’mod partikolari, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħha sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar il-kawża prinċipali (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑125/03 u T‑253/03, EU:T:2007:287, punt 48).
325 F’dan ir-rigward, fid-dawl tan-natura partikolari tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn klijent u avukat, li l-iskop tiegħu jikkonsisti kemm fil-ħarsien tal-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tad-difiża tal-individwi kif ukoll fil-protezzjoni tal-ħtieġa li kull individwu jkollu l-possibbiltà li jikkomunika fil-libertà kollha mal-avukat tiegħu, għandu jitqies li l-qari min-naħa tal-Kummissjoni tal-kontenut ta’ dokument kunfidenzjali minnu nnifsu jikkostitwixxi ksur ta’ dan il-prinċipju. Il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità għalhekk tmur lil hinn mir-rekwiżit li l-informazzjoni mogħtija mill-impriża lill-avukat tagħha jew il-kontenut tal-opinjoni ta’ dan tal-aħħar ma jintużawx kontriha f’deċiżjoni ta’ sanzjoni għar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑125/03 u T‑253/03, EU:T:2007:287, punt 86).
326 Il-protezzjoni minħabba l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti timplika wkoll li, ladarba l-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni tagħha li biha tiċħad talba f’dan is-sens, hija m’għandhiex taqra l-kontenut tad-dokumenti in kwistjoni ħlief wara li tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li tipproċedi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija marbuta li tistenna li jiskadi t-terminu sabiex jitressaq rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda tagħha qabel ma taqra l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti. Fi kwalunkwe każ, sa fejn tali rikors ma għandux effett sospensiv, hija l-impriża kkonċernata li għandha tressaq talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal din il-protezzjoni (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑125/03 u T‑253/03, EU:T:2007:287, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).
327 F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 16 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, fit‑18 ta’ Ottubru 2023, ikkonfermat lir-rikorrenti li d-dokumenti li jistgħu jiżvelaw sorsi ġurnalistiċi jibbenefikaw minn protezzjoni partikolari ispirata mill-proċedura implimentata biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn il-klijent u l-avukat. L-implimentazzjoni ta’ tali protezzjoni ġiet imtennija fl-ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2023 (ara l-punt 21 iktar ’il fuq) u fformalizzata fid-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq).
328 Fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn klijent u avukat, imfakkra fil-punti 320 u 322 sa 326 iktar ’il fuq, applikabbli mutatis mutandis f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita mit-Trattati tipprevedi protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li tosserva l-garanziji proċedurali kollha li jikkonċernaw il-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 10 tal-KEDB, dispożizzjoni li tikkorrispondi mal-Artikolu 11 tal-Karta.
329 Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argumenti mqajma mir-rikorrenti fir-replika tagħha.
330 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-proċeduri previsti mill-Artikoli 263, 278 u 279 TFUE ma humiex “ex ante” fis-sens meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, peress li dawn jistgħu jiġu “attivati” biss wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ talba għal informazzjoni.
331 Issa, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE l-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha. Għaldaqstant, bħala prinċipju, il-miżuri intermedjarji intiżi biex jippreparaw id-deċiżjoni finali ma jikkostitwixxux atti li jistgħu jiġu kkontestati. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-atti adottati matul il-proċedura preparatorja li fihom infishom jikkostitwixxu t-terminu finali ta’ proċedura speċjali distinta minn dik li għandha tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-mertu u li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħha, jikkostitwixxu wkoll atti li jistgħu jiġu kkontestati (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑125/03 u T‑253/03, EU:T:2007:287, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
332 Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 322 u 323 iktar ’il fuq, applikabbli b’analoġija f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li meta impriża tinvoka l-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi sabiex topponi s-sekwestru ta’ dokument fil-kuntest ta’ talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiċħad din it-talba tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ din l-impriża, billi tbiddel is-sitwazzjoni legali tagħha b’mod sinjifikattiv. Fil-fatt, din id-deċiżjoni tirrifjutalha l-benefiċċju ta’ protezzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni u għandha natura definittiva u indipendenti mid-deċiżjoni finali li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.
333 Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiċħad talba għall-protezzjoni ta’ dokument partikolari abbażi tal-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi – u tordna, jekk ikun il-każ, il-provvista tad-dokument inkwistjoni – tikkonkludi proċedura speċjali distinta minn dik li għandha tippermettilha tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tikkostitwixxi, għaldaqstant, att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, jekk hemm bżonn flimkien ma’ talba għal miżuri provviżorji intiża, b’mod partikolari, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħha sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar il-kawża prinċipali.
334 Il-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi timplika wkoll li, ladarba l-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni tagħha li tiċħad talba f’dan ir-rigward, hija għandha tieħu konjizzjoni tal-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni biss wara li tkun tat lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li tadixxi b’mod utli lill-Qorti Ġenerali, u għal dan l-għan tistenna li jkun skada t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tagħha. Fi kwalunkwe każ, sa fejn tali rikors ma għandux effett sospensiv, hija l-impriża kkonċernata li għandha tressaq talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal din il-protezzjoni.
335 Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-proċeduri previsti mill-Artikoli 263, 278 u 279 TFUE ma humiex “ex ante” fis-sens meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ma jistax jintlaqa’.
336 It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew ta’ miżuri provviżorji oħra, fil-kuntest ta’ miżuri provviżorji, huma differenti mill-kundizzjoni li tirregola l-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi, jiġifieri l-eżistenza ta’ rekwiżit ta’ interess pubbliku li jipprevali fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi.
337 Issa, għandu jiġi osservat, bħalma għamel il-Kunsill, li l-kundizzjoni dwar l-ibbilanċjar tal-interessi preżenti, li jwettaq, jekk ikun il-każ, l-Imħallef għal miżuri provviżorji, tikkorrispondi, essenzjalment, għall-kriterju ġuridiku applikabbli għall-evalwazzjoni tal-elementi koperti mill-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi, li jikkonsisti fid-determinazzjoni jekk jeżistix rekwiżit ta’ interess pubbliku li jipprevali fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi.
338 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ illegalità, skont l-Artikolu 277 TFUE, imqajma mir-rikorrenti kontra l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 ma tistax tintlaqa’.
339 Għaldaqstant, l-ewwel parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda.
Fuq it-tieni parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq preġudizzju għall-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi
340 Permezz tat-tieni parti tas-sitt motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika l-protezzjoni dovuta għas-sorsi ġurnalistiċi, peress li hija ssemmi b’isimhom, fost il-persuni kkonċernati, lil żewġ ġurnalisti kif ukoll l-iskambji tagħhom ma’ ġurnalisti marbuta mal-grupp Vivendi msemmija fit-termini ta’ tfittxija tad-deċiżjoni kkontestata.
341 Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni stess irrikonoxxiet il-ħtieġa li jiġu protetti s-sorsi ġurnalistiċi, peress li, fl-okkażjoni ta’ skambju telefoniku li seħħ fit‑18 ta’ Ottubru 2023 bejn l-uffiċjali inkarigati mill-investigazzjoni u l-konsulenti tar-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat li hija kienet qiegħda tfittex soluzzjoni sabiex tirrimedja din il-problema identifikata mir-rikorrenti. Dan juri, skont ir-rikorrenti, li l-Kummissjoni kienet taf bid-diffikultà kkawżata mid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, skont ir-rikorrenti, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, id-deċiżjoni kkontestata kienet tordnalha tipprovdi dawn l-elementi kollha, taħt piena ta’ sanzjonijiet.
342 Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda garanzija proċedurali dwar il-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi. Kien biss wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors u permezz ta’ sempliċi ittra, li l-kontenut tagħha sussegwentement ġie riprodott fid-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024, li l-Kummissjoni pprevediet l-imsemmija garanziji, liema ħaġa ma jistax ikollha l-effett li tikkoreġi retroattivament id-difetti li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata.
343 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
344 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, peress li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika ex officio jekk ir-rikorrent għandux interess li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2022, E. Breuninger vs Il-Kummissjoni, T‑525/21, EU:T:2022:835, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).
345 Skont il-ġurisprudenza, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika jkun ammissibbli biss sa fejn din il-persuna jkollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jeħtieġ li l-annullament ta’ dan l-att jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jikseb vantaġġ għall-parti li tkun ippreżentatu. Il-prova ta’ tali interess, li għandha tiġi evalwata fil-jum li fih jiġi ppreżentat ir-rikors u li tikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u ewlenija ta’ kull azzjoni ġudizzjarja, għandha tiġi pprovduta mir-rikorrent (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il-Kunsill, C‑236/17 P, EU:C:2019:258, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).
346 L-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, jeżisti fl-istadju tal-preżentata tiegħu taħt piena ta’ inammissibbiltà. Dan is-suġġett tal-kawża, bħal fil-każ tal-interess ġuridiku, għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors jista’, jekk dan jirnexxi, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il-Kummissjoni, C‑560/18 P, EU:C:2020:330, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
347 Ċertament, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent mhux neċessarjament jisparixxi minħabba l-fatt li l-att ikkontestat waqaf jipproduċi effetti matul il-proċeduri. Fil-fatt, il-persuna kkonċernata minn dan l-att tista’ żżomm interess li dan jiġi annullat biex tikseb restawr tas-sitwazzjoni tagħha jew sabiex twassal lill-awtur tal-att ikkontestat jagħmel, fil-futur, l-emendi xierqa u b’hekk jevita r-riskju ta’ repetizzjoni tal-illegalità li l-att ikkontestat huwa allegatament ivvizzjat biha. Anki fil-każijiet fejn, minħabba ċ-ċirkustanzi, jirriżulta impossibbli li jiġi implimentat l-obbligu, għall-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat, li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza li tkun tat dan l-annullament, ir-rikors għal annullament jista’ jżomm interess bħala bażi għal rikors eventwali għad-danni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Camerin vs Il-Kummissjoni, C‑63/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:516, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
348 Madankollu, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-interess ġuridiku tiegħu, billi jiġġustifika b’mod rilevanti l-interess tiegħu fl-annullament ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Camerin vs Il-Kummissjoni, C‑63/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:516, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
349 L-istess japplika f’dak li jikkonċerna l-interess li jiġi invokat motiv (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2017, JingAo Solar et vs Il-Kunsill, T‑157/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:127, punt 69).
350 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-persistenza tal-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandha tiġi evalwata in concreto, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-konsegwenzi tal-allegata illegalità u tan-natura tad-dannu allegatament subit (sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 65).
351 F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, motiv ta’ annullament huwa inammissibbli, minħabba l-assenza ta’ interess ġuridiku, meta, anki jekk jitqies li dan ikun fondat, l-annullament tal-att ikkontestat fuq il-bażi ta’ dan il-motiv ma jkunx ta’ natura li jagħti sodisfazzjon lir-rikorrent (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il-BĊE, C‑401/09 P, EU:C:2011:370, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
352 F’dan il-każ, hemm lok, qabel kollox, li jitfakkar il-kuntest fattwali li fih taqa’ t-tieni parti tas-sitt motiv, b’mod partikolari kif jirriżulta mill-punti 15 sa 21 iktar ’il fuq.
353 B’mod partikolari, wara l-posta elettronika tal‑14 ta’ Ottubru 2023 mibgħuta mir-rikorrenti lill-Kummissjoni (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kkonfermat lir-rikorrenti, waqt il-konferenza telefonika tat‑18 ta’ Ottubru 2023, li d-dokumenti li jistgħu jiżvelaw sorsi ġurnalistiċi jibbenefikaw minn protezzjoni partikolari ispirata mill-proċedura implimentata biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn il-klijent u l-avukat (ara l-punt 16 iktar ’il fuq). Sussegwentement, permezz ta’ posta elettronika tas‑26 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti tibgħatilha l-lista tal-persuni kkonċernati li għandhom karta tal-istampa u tiddiskuti modalitajiet prattiċi li jippermettu li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi (ara l-punt 18 iktar ’il fuq).
354 Fis‑27 ta’ Ottubru 2023, id-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit mid-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023 għall-komunikazzjoni tad-dokumenti mitluba, ir-rikorrenti ma kienet ippreżentat ebda dokumenti Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2023 (ara l-punt 19 iktar ’il fuq).
355 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Novembru 2023, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 20 iktar ’il fuq).
356 Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2023, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni indika li kull dokument li jinvolvi l-protezzjoni ta’ data personali sensittiva jew ta’ sorsi ġurnalistiċi jibbenefika minn garanziji proċedurali solidi skont il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza rilevanti u ddettalja l-imsemmija garanziji proċedurali (ara l-punt 21 iktar ’il fuq).
357 B’mod partikolari, fil-punt 14 tal-ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2023, fir-rigward tad-dokumenti li jistgħu jinkludu sorsi ġurnalistiċi, il-Kummissjoni pproponiet li tapplika garanziji proċedurali analogi għal dawk stabbiliti biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn il-klijent u l-avukat. Fil-prattika, kien previst li l-persuni kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata u li għandhom karta tal-istampa jkunu jistgħu jirrevedu d-dokumenti li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata, jidentifikaw l-informazzjoni koperta minn tali protezzjoni, u jipprovdu verżjoni redatta tal-identifikazzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi (jew, fin-nuqqas ta’ dan, jirtiraw id-dokument mill-produzzjoni jekk ma kienx possibbli li tiġi pprovduta verżjoni mhux kunfidenzjali). Peress li hija responsabbli għall-provvista kompleta u korretta tad-dokumenti kollha li jaqgħu taħt il-kamp tad-deċiżjoni kkontestata, hija r-rikorrenti li għandha tipprovdi l-bqija tad-dokumenti kif ukoll tabella sommarja li tispjega n-natura tal-informazzjoni mħassra jew id-dokumenti rtirati mill-produzzjoni.
358 Kif jirriżulta mill-punt 22 iktar ’il fuq, tali garanziji dwar il-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi ġew ifformalizzati bid-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024, li l-premessa 13(b) tagħha tipprovdi li l-persuni kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata li għandhom karta tal-istampa jistgħu jirrevedu d-dokumenti li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata, jidentifikaw l-informazzjoni koperta minn tali protezzjoni, u jipprovdu verżjoni redatta tal-identifikazzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi, jew, fin-nuqqas ta’ dan, jirtiraw id-dokument mill-produzzjoni jekk ma jkunx possibbli li tiġi pprovduta verżjoni mhux kunfidenzjali. Huwa ppreċiżat ukoll li hija r-rikorrenti li għandha tipprovdi l-bqija tad-dokumenti kif ukoll tabella sommarja li tispjega n-natura tal-informazzjoni mħassra jew id-dokumenti rtirati mill-produzzjoni.
359 Għandu jiġi ppreċiżat li, permezz tal-ittra tagħha tal‑25 ta’ Jannar 2024, il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali bl-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024 u stiednet lir-rikorrenti tadatta r-rikors tagħha abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura. Din l-ittra ddaħħlet fil-proċess u ġiet innotifikata lir-rikorrenti fl‑1 ta’ Frar 2024.
360 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa ċertament minnu li l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jeżistu fid-data li fiha ġie adottat l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
361 Madankollu, skont il-ġurisprudenza, meta deċiżjoni jew regolament li jikkonċernaw direttament u individwalment lil individwu jiġu, fil-mori tal-proċedura, mibdula minn att li jkollu l-istess suġġett, dan għandu jitqies bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jaġġusta t-talbiet u l-motivi tiegħu. Fil-fatt, ikun kuntrarju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u għal rekwiżit tal-ekonomija tal-ġudizzju jekk ir-rikorrent jiġi obbligat jippreżenta rikors ġdid. Barra minn hekk, ikun inġust li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun tista’, sabiex taffronta l-kritika li tinsab f’rikors ippreżentat lill-qorti tal-Unjoni kontra att, tadatta l-att ikkontestat jew tissostitwixxih b’ieħor u li fil-mori tal-kawża tibbenefika minn din il-bidla jew minn din is-sostituzzjoni sabiex iċċaħħad lill-parti l-oħra mill-possibbiltà li testendi t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għall-att sussegwenti jew li tippreżenta talbiet u motivi supplimentari kontra dan (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, EU:T:2013:397, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
362 Konformement mal-Artikolu 86(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-verżjoni tagħhom applikabbli dak iż-żmien, meta att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tagħti deċiżjoni mingħajr fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors tiegħu biex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element il-ġdid. L-adattament tar-rikors għandu jsir permezz ta’ att separat u fit-terminu, previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li fih jista’ jintalab l-annullament tal-att li jiġġustifika l-adattament tar-rikors.
363 F’dan il-każ, fl-ewwel lok, il-pożizzjoni tar-rikorrenti, kif espressa fir-replika tagħha, fit-tweġiba tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif ukoll waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, hija li l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024 ma jistax ikollha l-effett li tirregolarizza retroattivament, fil-mori tal-kawża, id-difetti li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti tippreċiża wkoll li dan ir-rikors jirrigwarda biss id-deċiżjoni kkontestata, li ma ġietx emendata bid-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024 – li l-Artikolu 1 tagħha jemenda l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2023 u li l-Artikolu 2 tagħha jipprevedi l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, ma kienx hemm lok li jinbidel is-suġġett tar-rikors, kif iddeterminat mir-rikors.
364 Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024 temenda, essenzjalment, id-deċiżjoni kkontestata fuq tliet aspetti.
365 L-ewwel nett, kif jirriżulta mill-punt 22 iktar ’il fuq, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024 jipprevedi l-estensjoni sas‑7 ta’ Frar 2024 tat-terminu tal‑1 ta’ Diċembru 2023 stabbilit bid-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2023, fejn dan tal-aħħar min-naħa tiegħu huwa proroga tat-terminu tas‑27 ta’ Ottubru 2023 stabbilit bid-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023.
366 It-tieni nett, il-premessa 13(a) tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024 tistabbilixxi garanziji proċedurali addizzjonali meta mqabbla mad-deċiżjoni kkontestata biex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ data personali sensittiva, billi tintroduċi l-proċedura tal-kamra virtwali tad-data, kif proposta mill-ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2023.
367 It-tielet nett, il-premessa 13(b) tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024 tistabbilixxi garanziji proċedurali intiżi għall-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi, billi tikkonferma l-proċedura proposta mill-ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2023. Dawn il-garanziji huma, essenzjalment, l-istess bħal dawk diskussi b’mod informali bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti u ispirati mill-proċedura implimentata biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn il-klijent u l-avukat (ara l-punti 353 sa 357 iktar ’il fuq).
368 Fit-tieni lok, kif ġie indikat fil-punt 359 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ġietx imċaħħda mill-possibbiltà li testendi t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024 jew li tippreżenta talbiet u motivi supplimentari, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 361 iktar ’il fuq.
369 Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 353 sa 357 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tad-djalogu tagħha mal-Kummissjoni, ir-rikorrenti saret taf, qabel il-preżentata tar-rikors fit‑23 ta’ Novembru 2023, bl-isforzi tal-Kummissjoni sabiex issib soluzzjoni ta’ protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi ispirata mill-proċedura stabbilita sabiex tipproteġi l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn il-klijent u l-avukat.
370 Madankollu, ir-rikorrenti għażlet li ma tadattax ir-rikors tagħha sabiex jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024 fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, u lanqas barra minn hekk li tippreżenta rikors ġdid kontra l-imsemmija deċiżjoni.
371 Fit-tielet lok, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 345 sa 348 iktar ’il fuq, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar għandha interess li tara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess, li l-prova tiegħu għandha titressaq mir-rikorrent, jeħtieġ li l-annullament ta’ dan l-att ikun jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, jikseb vantaġġ għall-parti li tkun ippreżentatu.
372 F’dan il-każ, bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti tafferma li l-interess tagħha li tikkontesta l-eżistenza ta’ garanziji proċedurali intiżi biex jipproteġu s-sigriet tas-sorsi ġurnalistiċi fil-kuntest tat-tieni parti tas-sitt motiv kien għadu jippersisti, sa fejn, minn naħa, il-Kummissjoni ma tistax tħassar retroattivament id-difetti li jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u sa fejn, min-naħa l-oħra, il-garanziji previsti ma kinux ta’ natura li jipprevjenu kull preġudizzju għall-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi. F’dan ir-rigward, hija tippreżenta argumenti ġodda intiżi biex jikkontestaw is-suffiċjenza tal-garanziji stabbiliti mid-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024.
373 Issa, minn naħa, l-argumenti l-ġodda, intiżi biex jikkontestaw is-suffiċjenza tal-imsemmija garanziji u li huma invokati għall-ewwel darba fl-istadju tar-risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2025, Ben Ali vs Il-Kunsill, T‑178/23, mhux ippubblikata, EU:T:2025:114, punt 54).
374 Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din ir-risposta, ir-rikorrenti baqgħet ma stabbilixxietx il-persistenza tal-interess ġuridiku tagħha fil-kuntest tat-tieni parti tas-sitt motiv. B’mod partikolari, hija ma tispjegax ir-raġunijiet għalfejn l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jagħtiha benefiċċju wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024, li r-rikorrenti għażlet li ma tikkontestax fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.
375 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024, ir-rikorrenti ma kienet ipprovdiet ebda dokument lill-Kummissjoni.
376 Fil-fatt, kif jirriżulta mill-proċess u kif ikkonfermat mir-rikorrenti waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, din l-ewwel bagħtet dokumenti lill-Kummissjoni fi Frar 2024, imbagħad matul ix-xhur ta’ Settembru u ta’ Diċembru 2024. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li, f’Diċembru 2024, il-Kummissjoni kienet irċeviet id-dokumenti li kienu jissodisfaw il-kriterji tad-deċiżjoni kkontestata, bl-eċċezzjoni ta’ dokumenti li jaqgħu taħt is-sigriet tal-komunikazzjonijiet bejn il-klijent u l-avukat, is-sigriet tas-sorsi ġurnalistiċi u l-ħajja privata tal-persuni kkonċernati.
377 Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma pproduċietx effetti legali f’dan ir-rigward bejn il-mument tal-adozzjoni tagħha, jiġifieri d‑19 ta’ Settembru 2023, u d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024.
378 Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tista’ tislet ebda benefiċċju mill-annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ assenza ta’ garanziji proċedurali intiżi għall-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi.
379 Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ma tippreżentax talbiet għad-danni u ma tinvoka ebda interess residwu kif imsemmi mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 347 iktar ’il fuq.
380 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jista’ jiġi konkluż li r-rikorrenti ma ġġustifikatx il-persistenza tal-interess ġuridiku tagħha fil-kuntest tat-tieni parti tas-sitt motiv.
381 Għaldaqstant, it-tieni parti tas-sitt motiv u, konsegwentement, is-sitt motiv fl-intier tiegħu għandhom jiġu miċħuda.
Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ garanziji adegwati biex jiġi protett id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata
382 Permezz tas-seba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix garanziji adegwati biex jiġi protett id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta u fl-Artikolu 8 tal-KEDB.
383 Skont ir-rikorrenti, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tobbligaha tipproduċi dokumenti marbuta mal-ħajja privata ta’ wħud mill-impjegati u mill-mandatarji tagħha huwa, essenzjalment, muri mill-elementi li ġejjin. L-ewwel nett, it-telefons ċellulari jew tablets privati u/jew personali (iktar ’il quddiem l-“għodod ta’ komunikazzjoni personali”), li ntużaw mill-inqas darba għal finijiet professjonali, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għall-perijodu kkonċernat. It-tieni nett, id-dokumenti li jissodisfaw il-punt III(7) tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu pprovduti fl-intier tagħhom. It-tielet nett, id-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn kull indikazzjoni marbuta mal-garanziji proċedurali biex jiġi protett is-sigriet tal-ħajja privata. Ir-raba’ nett, id-dritt industrijali Franċiż jipprekludi l-ordni magħmula mid-deċiżjoni kkontestata. Jekk ir-rikorrenti tikkonforma ruħha mal-obbligu impost mid-deċiżjoni kkontestata biex tiġbor, tipproċessa u tibgħat lill-Kummissjoni dokumenti li jaqgħu fl-isfera personali ta’ wħud mill-impjegati u mill-mandatarji, hija tesponi ruħha għal sanzjonijiet kriminali u tippreġudika d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ta’ dawn il-persuni.
384 Hija tippreċiża, f’dan ir-rigward, li, skont id-dritt Franċiż, persuna li timpjega ma tistax taċċedi għall-posta jew għall-posta elettronika mibgħuta jew irċevuta minn impjegat fuq il-post tax-xogħol tiegħu kif ukoll għad-dokumenti miżmuma mill-impjegat fuq il-post tax-xogħol tiegħu li ġew identifikati mill-impjegat bħala dokumenti personali, ħlief jekk il-persuna kkonċernata tkun preżenti matul il-konsultazzjoni jew jekk tkun ġiet mistiedna sabiex tkun preżenti. Barra minn hekk, il-persuna li timpjega ma tistax tikkonsulta l-posta elettronika mibgħuta jew irċevuta mill-impjegat fuq il-posta personali tiegħu, distinta mill-posta professjonali, jew il-konverżazzjonijiet magħmula minn impjegat fuq messaġġi istantanji personali, taħt piena li jitwettaq ir-reat ta’ ksur tas-sigriet tal-korrispondenza, u dan anki jekk il-posta personali tkun ġiet installata jew ikkonsultata mill-impjegat fuq il-kompjuter imqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu mill-persuna li timpjega.
385 Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tħawwad il-kunċetti ta’ “data personali” u ta’ informazzjoni li taqa’ taħt il-“ħajja privata”. Skont ir-rikorrenti, il-kunċett ta’ “data personali” huwa madankollu iktar restrittiv minn dak, iktar wiesa’, ta’ “ħajja privata”. Hija tqis li l-protezzjoni li l-Kummissjoni tallega li tirriżerva biss għad-data personali ma tikkonċernax informazzjoni li, mingħajr ma tkun strettament personali, hija kkonċernata mid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata.
386 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
387 Skont l-Artikolu 7 tal-Karta, kull persuna għandha dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha.
388 L-Artikolu 7 tal-Karta jinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8(1) tal-KEDB, li jipprovdi li kull persuna għandha dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-korrispondenza tagħha (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Google (Tneħħija ta’ referenza għal informazzjoni allegatament falza), C‑460/20, EU:C:2022:962, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, jeħtieġ li l-Artikolu 7 tal-Karta jingħata l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk mogħtija lill-Artikolu 8(1) tal-KEDB kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).
Fuq l-eżistenza ta’ ndħil li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata fl-eżerċizzju tad-dritt previst fl-Artikolu 7 tal-Karta
389 Hija ġurisprudenza stabbilita li l-komunikazzjoni ta’ data personali lil terz, bħal awtorità pubblika, tikkostitwixxi ndħil fid-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, irrispettivament mill-użu ulterjuri tal-informazzjoni kkomunikata u anki fl-assenza ta’ ċirkustanzi li jippermettu li dan l-indħil jiġi kklassifikat bħala “serju”. L-istess japplika għaż-żamma tad-data personali kif ukoll għall-aċċess għall-imsemmija data bil-għan tal-użu tagħha mill-awtoritajiet pubbliċi. Ftit jimporta jekk l-informazzjoni dwar il-ħajja privata kkonċernata hijiex sensittiva jew le jew jekk il-persuni kkonċernati jkunux sofrew inkonvenjenzi jew le minħabba dan l-indħil (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, jibqa’ mingħajr effett il-fatt li d-data kkonċernata tista’ tkun tirrigwarda attivitajiet professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers, C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
390 F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni ssostni li s-sekwestri ta’ posta elettronika mwettqa matul żjarat domiċiljari fil-bini tan-negozju jew kummerċjali ta’ persuna fiżika jew fil-bini ta’ kumpannija kummerċjali jikkostitwixxu ndħil fl-eżerċizzju tad-dritt iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punti 70 sa 73 u 80, u l-ġurisprudenza ċċitata).
391 F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 6 sa 12 u 19 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata essenzjalment timponi fuq ir-rikorrenti l-obbligu li tiġbor u li tibgħat lill-Kummissjoni, minn naħa, id-dokumenti mibgħuta jew irċevuti, matul il-perijodu kkonċernat, minn erbatax-il persuna kkonċernata (kif ukoll mis-suċċessuri u mill-predeċessuri tagħhom), identifikati b’isimhom fil-punt II(5) tal-anness tagħha, u li jinkludu mill-inqas wieħed mit-termini ta’ tfittxija elenkati fil-punt VII ta’ dan l-anness u, min-naħa l-oħra, id-dokumenti skambjati matul il-perijodu kkonċernat bejn erba’ persuni identifikati b’isimhom fil-punt III(7)(a) sa (c) ta’ dan l-anness. Dan l-obbligu jestendi għall-iskambji mwettqa kemm permezz ta’ għodod ta’ komunikazzjoni professjonali kif ukoll permezz ta’ għodod ta’ komunikazzjoni personali, sakemm dawn tal-aħħar ikunu ntużaw mill-inqas darba għal komunikazzjonijiet professjonali.
392 F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dokumenti li għandhom jinġabru, jiġu pproċessati u trażmessi lill-Kummissjoni jistgħu jinkludu informazzjoni marbuta mal-ħajja privata ta’ ċerti impjegati u mandatarji tar-rikorrenti. Konsegwentement, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija ta’ natura li twassal għal indħil fid-dritt iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta.
393 Fir-rigward tal-gravità tal-indħil, għandu jitfakkar li, minn naħa, l-obbligu impost mid-deċiżjoni kkontestata jestendi wkoll għall-iskambji mwettqa permezz ta’ għodod ta’ komunikazzjoni personali, sakemm dawn tal-aħħar ikunu ntużaw mill-inqas darba għal komunikazzjonijiet professjonali. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata mhux biss timponi t-trażmissjoni tad-dokumenti skambjati matul il-perijodu kkonċernat kollu fir-rigward tal-persuni ċċitati fil-punt 391 iktar ’il fuq, iżda tipprevedi wkoll, fil-punt III(9) tal-anness tagħha, l-obbligu li jiġu kkonsenjati l-iskambji kollha bejn ċerti persuni meta skambju wieħed jissodisfa t-termini ta’ tfittxija stabbiliti fl-imsemmija deċiżjoni.
394 Għaldaqstant, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tagħti lok għall-komunikazzjoni ta’ data personali ta’ natura varjata ħafna, diffiċilment determinabbli a priori, u potenzjalment ta’ portata kbira. Barra minn hekk, l-informazzjoni miġbura li tirriżulta mill-għodod ta’ komunikazzjoni personali tista’ tipprovdi iktar informazzjoni dwar aspetti sensittivi tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati minn dik li tirriżulta mill-għodod ta’ komunikazzjoni professjonali. Minn dan isegwi li tali data meħuda fl-intier tagħha hija ta’ natura li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati.
395 Issa, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni sensittiva dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati li hija ta’ natura li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata ta’ dawn il-persuni tikkostitwixxi ndħil serju fid-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 105; tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers, C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punti 41 sa 44, u tat‑30 ta’ April 2024, La Quadrature du Net et (Data personali u ġlieda kontra l-kontrafazzjoni), C‑470/21, EU:C:2024:370, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).
396 Għaldaqstant, l-obbligu ta’ trażmissjoni lill-Kummissjoni previst mid-deċiżjoni kkontestata jinvolvi r-riskju ta’ ndħil serju fid-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta.
397 Peress li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, għandu jiġi vverifikat jekk tali limitazzjoni hijiex iġġustifikata skont it-termini previsti minn din id-dispożizzjoni.
Fuq il-ġustifikazzjoni tal-indħil li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata
398 Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi (rekwiżit magħruf fil-ġurisprudenza bħala l-“prinċipju ta’ legalità”) u għandha tosserva l-essenza tagħhom. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet fuq dawn id-drittijiet u libertajiet biss f’dawk il-każijiet fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti drittijiet u libertajiet ta’ oħrajn.
– Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità
399 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità timplika li l-bażi legali li tawtorizza tali limitazzjoni tiddefinixxi l-portata tagħha b’mod suffiċjentement ċar u preċiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).
400 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta li tirriżulta mill-implimentazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija prevista minn att leġiżlattiv tal-Unjoni. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li titlob, permezz ta’ deċiżjoni, lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu informazzjoni neċessarja għat-twettiq tal-inkarigi li ngħatawlha mir-regolament imsemmi (ara l-punti 112 sa 124 iktar ’il fuq).
401 L-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 139/2004 jikkontribwixxi għaż-żamma tas-sistema ta’ kompetizzjoni mfittxija mit-Trattati, li l-osservanza tagħha hija imperattivament imposta fuq l-impriżi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2018, České dráhy vs Il-Kummissjoni, T‑621/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:367, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).
402 Peress li r-Regolament Nru 139/2004 jagħti lill-Kummissjoni, b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, is-setgħa li tadotta deċiżjonijiet ta’ talbiet għal informazzjoni, id-deċiżjoni kkontestata tosserva għalhekk il-prinċipju ta’ legalità fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.
– Fuq l-osservanza tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta
403 Skont il-ġurisprudenza, leġiżlazzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jaċċedu, b’mod ġeneralizzat, għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandha titqies bħala li tikkawża preġudizzju għall-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, kif iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).
404 Bl-istess mod, miżura li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jkollhom stampa sħiħa tal-ħajja privata u tal-familja tal-persuni kkonċernati tista’ tippreġudika l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta (sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 120; tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers, C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punti 50 sa 52, u tal‑21 ta’ Marzu 2024, Landeshauptstadt Wiesbaden, C‑61/22, EU:C:2024:251, punti 80 u 81.
405 Madankollu, limitazzjoni għal dritt fundamentali tirrispetta l-kontenut essenzjali tiegħu meta din ma tpoġġix indiskussjoni dan id-dritt bħala tali, b’mod partikolari meta tkun applikabbli f’kundizzjonijiet speċifiċi sakemm l-imsemmija kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 48), u tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 64).
406 F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għalkemm huwa minnu li l-informazzjoni miġbura u trażmessa lill-Kummissjoni skont id-deċiżjoni kkontestata tista’ tiżvela informazzjoni preċiża ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, tali informazzjoni tista’ tipprovdi biss b’mod spars u aċċessorju indikazzjonijiet dwar ċerti aspetti tal-ħajja privata tal-imsemmija persuni. Fil-fatt, din l-informazzjoni tirrigwarda kategoriji differenti ta’ data li jaqgħu taħt il-ħajja privata li ma għandhomx neċessarjament rabta bejniethom u li ma jikkostitwixxux ġabra omoġenja.
407 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis, ratione personae u ratione materiae tad-deċiżjoni kkontestata huwa ddelimitat permezz tad-definizzjonijiet preċiżi tal-perijodu kkonċernat (punt I(4) tal-anness tagħha), tal-persuni kkonċernati (punt II(5) tal-anness tagħha) u tat-termini ta’ tfittxija (punt VII tal-anness tagħha), b’tali mod li din id-deċiżjoni ma timponix fuq ir-rikorrenti l-obbligu li tiġbor u li tibgħat lill-Kummissjoni d-dokumenti kollha skambjati bejn l-impjegati u l-mandatarji tagħha (ara l-punt 391 iktar ’il fuq).
408 Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-għodod ta’ komunikazzjoni personali huma koperti mid-deċiżjoni kkontestata biss meta jkunu ntużaw mill-inqas darba għal finijiet professjonali, kif jirriżulta mill-punt I(2) tal-anness tal-imsemmija deċiżjoni (ara l-punti 8 u 391 iktar ’il fuq). Din il-kundizzjoni tippermetti li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jiġi limitat biss għall-persuni li jkunu użaw l-għodod ta’ komunikazzjoni personali tagħhom għal finijiet professjonali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li t-talba għal informazzjoni inkwistjoni hija intiża biex tistabbilixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, qasam li fih jistgħu jsiru skambji rilevanti bejn il-persuni kkonċernati fuq mezzi oħra ta’ komunikazzjoni minbarra l-mezzi professjonali.
409 Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-għan ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni adottata abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, bħad-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex li tinġabar, bħala tali, informazzjoni li taqa’ taħt il-ħajja privata tal-persuni inkwistjoni jew id-data personali tagħhom, iżda li tinġabar informazzjoni neċessarja sabiex jiġu vverifikati l-preżunzjonijiet ta’ ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmi regolament. Dan ifisser li, ħlief meta tkun ta’ rilevanza kummerċjali u għalhekk tkun utli sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali ksur, l-informazzjoni li taqa’ taħt il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati u d-data personali tagħhom tinġabar biss b’mod anċillari (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 45).
410 Fit-tieni lok, l-indħil li tinvolvi d-deċiżjoni kkontestata huwa rregolat minn garanziji proċedurali li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data personali sensittiva. Fil-fatt, il-punt IV(10)(l) tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li, jekk ċerti dokumenti jinkludu data personali sensittiva, kif iddefinita mir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”), dawn id-dokumenti għandhom jiġu pprovduti b’mod kriptat u separat, u għandhom jiġu identifikati bħala “data personali sensittiva”.
411 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 9(1) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessa 10 tiegħu, il-kunċett ta’ “data personali sensittiva” jirreferi għad-data personali li l-ipproċessar tagħha jiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku jew is-sħubija sindakali kif ukoll id-data ġenetika, id-data bijometrika li l-ipproċessar tagħha jippermetti li tiġi identifikata persuna fiżika b’mod uniku u d-data dwar is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika.
412 Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi garanziji proċedurali speċifiċi li jikkonċernaw id-data personali sensittiva li jiżguraw li din id-data tiġi pprovduta b’mod kriptat u separat.
413 Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi ppreċiżat li, kif jirriżulta mill-punti 22 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata ġiet emendata u kkompletata bid-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024. B’mod partikolari, mill-premessa 13(a) ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li, fir-rigward tad-data personali, id-dokumenti li jidħlu fil-kamp tad-deċiżjoni kkontestata li ma għandhomx rabta mal-attivitajiet kummerċjali tar-rikorrenti u li jinkludu data personali sensittiva, fis-sens tal-Artikolu 9 tal-GDPR u tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39), ikunu jistgħu jitqiegħdu f’kamra virtwali tad-data, kif previst fil-punt 2 tad-dispożittiv tad-digrieti tad‑29 ta’ Ottubru 2020, Facebook Ireland vs Il-Kummissjoni (T‑451/20 R, mhux ippubblikat, EU:T:2020:515), u tad‑29 ta’ Ottubru 2020, Facebook Ireland vs Il-Kummissjoni (T‑452/20 R, mhux ippubblikat, EU:T:2020:516), sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika jekk dawn humiex irrilevanti għall-investigazzjoni tagħha.
414 Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Kummissjoni spjegat li l-garanziji proċedurali previsti fil-punt IV(10)(l) tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata u dawk previsti fil-premessa 13(a) tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024 kienu akkumulati.
415 Il-proċedura ta’ kamra virtwali tad-data, stabbilita bid-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024, tippermetti li tiġi rregolata iktar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, billi jingħataw garanziji proċedurali supplimentari sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali sensittiva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta, huwa marbut mill-qrib mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 444 iktar ’il quddiem u mill-analiżi mwettqa fil-punti 442 sa 454 iktar ’il quddiem.
416 Fit-tielet lok, it-trażmissjoni u l-ipproċessar tal-informazzjoni pprovduta fil-kuntest ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni huma rregolati minn garanziji proċedurali ġenerali intiżi biex jiżguraw, b’mod partikolari, is-sigurtà, l-integrità u l-kunfidenzjalità ta’ din id-data.
417 Fil-fatt, huma biss il-membri tal-persunal u l-uffiċjali tal-Kummissjoni inkarigati mill-investigazzjoni li jistgħu, jekk ikun il-każ, isiru jafu b’data personali. Issa, il-membri tal-persunal tal-Kummissjoni huma suġġetti għal obbligi stretti ta’ sigriet professjonali skont l-Artikolu 339 TFUE u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 139/2004. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprojbixxi lill-membri tal-persunal u lill-uffiċjali tal-Kummissjoni milli jiżvelaw l-informazzjoni miksuba jew milli jużawha għal finijiet differenti minn dawk li tkun inkisbet għalihom. Barra minn hekk, l-uffiċjali u l-aġenti tal-Kummissjoni huma marbuta bl-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, li jipprekludihom, inkluż wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom, minn “kull żvelar mhux awtorizzat ta’ l-informazzjoni riċevuta waqt il-qadi ta’ dmirijiet[hom], sakemm dik l-informazzjoni mhux diġà magħmula pubblika jew hija aċċessibbli għall-pubbliku.”
418 Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies li tippreġudika l-kontenut essenzjali tal-Artikolu 7 tal-Karta.
– Fuq it-tiftix tal-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni
419 Skont il-ġurisprudenza, id-dritt tal-kompetizzjoni jfittex l-għan, indispensabbli għall-funzjonament tas-suq intern, li jiġi ggarantit li l-kompetizzjoni f’dan is-suq ma tiġix distorta għad-detriment tal-interess ġenerali, tal-impriżi individwali u tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑22 ta’ Marzu 2022, Nordzucker et, C‑151/20, EU:C:2022:203, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Ġunju 2018, České dráhy vs Il-Kummissjoni, T‑621/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:367, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).
420 F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi manifestazzjoni tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004, li għandhom l-għan li jippermettulha twettaq il-missjoni li ġiet fdata lilha mit-Trattati, jiġifieri li tiżgura l-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni fis-suq intern.
421 L-importanza tal-interess ġenerali marbut mal-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni hija enfasizzata wkoll mill-Qorti EDB. B’mod partikolari, fid-dawl tar-riperkussjonijiet negattivi li l-ksur ta’ dik il-liġi jista’ jkollu fuq il-kompetizzjoni fis-swieq u tad-diffikultà biex dawn jiġu identifikati u investigati, huwa importanti li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-kompetizzjoni u l-korpi l-oħra tal-infurzar tal-liġi jkunu jistgħu jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jaġġornaw u jissanzjonaw dawn il-prattiki antikompetittivi. L-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni huwa indispensabbli għall-preservazzjoni tal-potenzjal tal-prestazzjoni u tal-ekwità tas-swieq ekonomiċi u, għalhekk, għall-benesseri ekonomiku ta’ pajjiż (ara Qorti EDB, 1 ta’ April 2025, Ships Waste Oil Collector B.V. et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2025:0401JUD000279916, punt 197 u l-ġurisprudenza ċċitata).
422 Dan l-għan jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika ndħil, anki serju, fid-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 20).
423 Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni.
– Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
424 Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-limitazzjonijiet li jistgħu jiġu imposti minn atti tad-dritt tal-Unjoni fuq drittijiet u libertajiet stabbiliti fil-Karta ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija jew sabiex tintlaħaq il-ħtieġa tal-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, bil-premessa li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u l-iżvantaġġi kkawżati minnha ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija. B’hekk, il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata limitazzjoni għad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 tal-Karta għandha tiġi evalwata billi titqies il-gravità tal-indħil li tali limitazzjoni ġġib magħha u billi jiġi vverifikat li l‑importanza tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex minn din il‑limitazzjoni tkun proporzjonata ma’ din il-gravità (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
– Fuq in-natura xierqa tal-limitazzjoni
425 Fir-rigward tan-natura xierqa tal-limitazzjoni għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata li tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, għandu jitqies li, fid-dawl tal-punti 419 sa 423 iktar ’il fuq, deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, adottata abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 tikkostitwixxi miżura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali ta’ protezzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern, peress li timponi fuq il-kumpanniji kkonċernati l-obbligu li jiġbru u li jittrażmettu lill-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja biex tiġi ddeterminata l-eżistenza tal-prattiki antikompetittivi.
– Fuq in-natura neċessarja tal-limitazzjoni
426 Fir-rigward tar-rekwiżit tan-natura neċessarja tal-limitazzjoni għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, dan ir-rekwiżit ma jiġix issodisfatt meta l-għan ta’ interess ġenerali previst jista’ raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effettiv b’mezzi oħra, li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati. Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ neċessità huwa ssodisfatt meta l-għan tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni ma jkunx jista’ raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi b’mezzi oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari), C‑548/21, EU:C:2024:830, punti 87 u 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).
427 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, f’ambjent diġitali, huwa paċifiku li l-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan impriża jew bejn impriżi jseħħ fil-parti l-kbira tiegħu permezz ta’ mezzi elettroniċi, permezz ta’ għodod ta’ komunikazzjoni professjonali, jew saħansitra personali.
428 Issa, is-setgħat ta’ investigazzjoni li għandha l-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni jirriskjaw li jiġu mċaħħda mill-effett utli tagħhom jekk l-impriżi jkunu jistgħu jevitaw l-obbligu li jwieġbu għal talba għal informazzjoni għas-sempliċi raġuni li ċerti dokumenti jinkludu l-kliem “personali” jew “privat” jew jiġu skambjati permezz ta’ għodod ta’ komunikazzjoni personali, mingħajr ma tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk dawn id-dokumenti jinkludux, fir-realtà, informazzjoni b’rabta mal-attività kummerċjali tal-impriżi inkwistjoni.
429 Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandu jkollha l-possibbiltà li titlob l-informazzjoni kollha li hija neċessarja għaliha għat-twettiq tal-kompiti assenjati lilha mir-Regolament Nru 139/2004, li tinsab f’għodod ta’ komunikazzjoni professjonali jew personali, sakemm dawn tal-aħħar ikunu ntużaw għal finijiet professjonali, filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta.
430 Għaldaqstant, l-obbligu impost fuq ir-rikorrenti mid-deċiżjoni kkontestata biex tiġbor u biex tibgħat lill-Kummissjoni d-dokumenti li hija ssemmi u, b’mod anċillari, il-ġbir ta’ data dwar il-ħajja privata li hija toħloq għandhom jitqiesu li huma neċessarji għall-finijiet li jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, peress li dan l-għan ma jistax raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ mezzi oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta.
– Fuq in‑natura strettament proporzjonata tal‑limitazzjoni
431 L-evalwazzjoni tan-natura strettament proporzjonata tal-limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta timplika kunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Jaqgħu, b’mod partikolari, taħt tali elementi, il-gravità tal-limitazzjoni hekk magħmula għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni, li tiddependi min-natura u mis-sensittività tad-data li għaliha l-awtoritajiet kompetenti jista’ jkollhom aċċess, l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex minn din il-limitazzjoni, ir-rabta li għandu l-proprjetarju tad-dokumenti inkwistjoni mar-reat inkwistjoni jew ukoll ir-rilevanza tad-data inkwistjoni sabiex jiġu kkonstatati l-fatti (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari), C‑548/21, EU:C:2024:830, punti 89 u 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).
432 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-indħil, kif jirriżulta mill-punt 396 iktar ’il fuq, l-obbligu ta’ trażmissjoni lill-Kummissjoni previst mid-deċiżjoni kkontestata jinvolvi r-riskju ta’ ndħil serju fid-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta.
433 Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix lill-Kummissjoni aċċess komplet u mhux ikkontrollat għad-data kollha li tinsab fl-għodod ta’ komunikazzjoni personali tal-persuni kkonċernati u ma hijiex intiża biex tistabbilixxi sistema ta’ sorveljanza kontinwa, mhux immirata u sistematika, li tinkludi l-evalwazzjoni awtomatizzata ta’ data personali tal-impjegati u tal-mandatarji kollha tar-rikorrenti, u lanqas tal-persuni kkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punti 98 sa 111, u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari), C‑548/21, EU:C:2024:830, punti 91 sa 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).
434 Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest tad-dokumenti miġbura skont id-deċiżjoni kkontestata, id-data dwar il-ħajja privata tista’ pjuttost tidher b’mod frammentat waqt it-tfittxija tal-informazzjoni kummerċjali fuq l-impriża. F’dan il-kuntest, din id-data ma tippermettix, waħedha, li jkun hemm ħarsa ġenerali kompleta tal-ħajja privata tal-persuna kkonċernata mingħajr ipproċessar addizzjonali, li fl-ebda każ ma huwa l-għan tal-investigazzjoni.
435 It-tieni nett, kif ġie ppreċiżat fil-punti 8 u 408 iktar ’il fuq, l-obbligu li tinkludi d-deċiżjoni kkontestata jestendi għall-iskambji mwettqa kemm permezz ta’ għodod ta’ komunikazzjoni professjonali kif ukoll permezz ta’ għodod ta’ komunikazzjoni personali tal-persuni kkonċernati, bħat-telefons ċellulari personali tagħhom, biss meta dawn ikunu ntużaw mill-inqas darba għal finijiet professjonali. Għaldaqstant, il-portata tat-talba għal informazzjoni tirriżulta limitata f’dak li jirrigwarda l-obbligu li jiġu trażmessi d-dokumenti msemmija fil-punt III(7) tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata u li jirriżultaw mill-għodod ta’ komunikazzjoni personali sabiex jiġi limitat il-ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta.
436 It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-persuni kkonċernati ntgħażlu jew minħabba l-importanza tal-funzjonijiet tagħhom u tal-mandati li huma jeżerċitaw fi ħdan is-servizzi tar-rikorrenti jew tal-azzjonist prinċipali tagħha jew minħabba l-istatus tagħhom ta’ persuni detenturi ta’ karti tal-istampa, sa fejn l-imsemmija talba hija intiża biex tistabbilixxi jekk ir-rikorrenti eżerċitatx influwenza determinanti fuq Lagardère kif jirriżulta mill-elementi mfakkra fil-punt 10 iktar ’il fuq. Minħabba f’hekk, id-deċiżjoni kkontestata mhux biss sempliċiment titlob il-ġbir tad-dokumenti kkonċernati min-naħa ta’ persuni li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni ta’ livell għoli tar-rikorrenti, iżda wkoll tirregola strettament it-trażmissjoni tal-informazzjoni tal-persuni detenturi ta’ karti tal-istampa kif jirriżulta mill-punti 353 sa 358 iktar ’il fuq.
437 Fit-tieni lok, mill-elementi mfakkra fil-punti 419 sa 423 iktar ’il fuq jirriżulta li l-importanza li għandu l-għan ta’ protezzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern tista’ tiġġustifika ndħil, anki serju, fid-dritt għar-rispett tad-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta.
438 Fit-tielet lok, fir-rigward tar-rabta li teżisti bejn il-proprjetarju tal-għodod ta’ komunikazzjoni inkwistjoni u l-ksur inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-ġbir u l-aċċess għad-data li taqa’ taħt il-ħajja privata eventwalment inkluża f’għodod ta’ komunikazzjoni professjonali u f’għodod ta’ komunikazzjoni personali li ntużaw mill-inqas darba għal finijiet professjonali huma, bħala prinċipju, anċillari fil-kuntest tar-riċerka tal-informazzjoni, ta’ natura kummerċjali, li huma intiżi biex jinkriminaw lill-impriża li hija s-suġġett tal-investigazzjoni. Minn dan jirriżulta li l-ġbir u l-aċċess għad-data personali kkonċernata minn investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni ma humiex intiżi, bħala prinċipju, biex jistabbilixxu r-responsabbiltà fil-qasam tal-kompetizzjoni tal-persuna fiżika li għandha din id-data, iżda biss dik tal-persuna ġuridika li magħha din il-persuna fiżika għandha rabta ta’ impjieg.
439 Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju a posteriori tikkostitwixxi garanzija fundamentali biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mal-Artikolu 7 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata) Barra minn hekk, huwa f’dan is-sens li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, li abbażi tiegħu ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, jippreċiża li d-deċiżjonijiet ta’ talba għal informazzjoni għandhom jindikaw id-dritt għal azzjoni legali disponibbli quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra tali deċiżjonijiet.
440 Għaldaqstant, fir-rigward tan-natura strettament proporzjonata tal-limitazzjonijiet imposti mid-deċiżjoni kkontestata għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, l-inkonvenjenzi li tinvolvi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jidhrux sproporzjonati meta mqabbla mal-għan ta’ interess ġenerali ta’ din id-deċiżjoni li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern (ara l-punti 419 sa 423 iktar ’il fuq).
441 Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.
442 L-ewwel nett, fir-rigward tad-distinzjoni invokata mir-rikorrenti bejn il-kunċett ta’ “data personali” u l-kunċett ta’ informazzjoni li taqa’ taħt il-“ħajja privata”, huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi garanziji proċedurali li jikkonċernaw id-data personali sensittiva kif iddefinita mill-Artikolu 9(1) tal-GDPR.
443 Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li l-garanziji proċedurali stabbiliti mid-deċiżjoni kkontestata jirreferu biss għad-data personali sensittiva u mhux, b’mod ġenerali, għad-data li taqa’ taħt il-ħajja privata ma jfissirx, bħala tali, li l-imsemmija deċiżjoni ma tosservax id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta.
444 Fil-fatt, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta, huwa marbut mill-qrib mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta (sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 47, u tal‑24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito, C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 41).
445 F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett tad-dritt għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, rikonoxxut mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, jirrigwarda kull data li tikkonċerna lil persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010 Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 52). Għalhekk, sakemm il-kundizzjonijiet għal ipproċessar legali ta’ data personali skont il-GDPR ikunu ssodisfatti, dan l-ipproċessar huwa, bħala prinċipju, meqjus li jissodisfa wkoll ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 332).
446 F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR, ir-rikorrenti tkun qiegħda twettaq ipproċessar legali ta’ data personali meta tittrażmetti lill-Kummissjoni dokumenti li jkunu jinkludu tali data mitluba bis-saħħa tad-deċiżjoni kkontestata.
447 Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament 2018/1725, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu legalment jipproċessaw data personali meta dan ikun neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu ta’ interess pubbliku jew li jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika li għandhom dawn l-istituzzjonijiet.
448 F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi manifestazzjoni tal-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 139/2004, li, kif jirriżulta mill-punt 420 iktar ’il fuq, jikkontribwixxi għaż-żamma tas-sistema ta’ kompetizzjoni mixtieqa mit-Trattati, li l-osservanza tagħha hija imperattiva għall-impriżi.
449 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta ma jidhirx li huwa prerogattiva assoluta, iżda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 112, u l-ġurisprudenza ċċitata).
450 F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-analiżi mwettqa fil-punti 403 sa 418 u 424 sa 440 iktar ’il fuq, il-limitazzjonijiet imposti mid-deċiżjoni kkontestata għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, ma jippreġudikawx il-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali u ma humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-għan ta’ protezzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern, imfittex mill-imsemmija deċiżjoni.
451 Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-garanziji proċedurali previsti mid-deċiżjoni kkontestata ma japplikawx għad-data kollha li taqa’ taħt il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, iżda biss għad-data personali sensittiva ma jistax, bħala tali, jpoġġi indiskussjoni l-konformità tad-deċiżjoni kkontestata mad-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta.
452 Fi kwalunkwe każ, għalkemm huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi biss garanziji li jikkonċernaw id-data personali sensittiva, mill-punt 23 iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni applikat il-garanzija tal-kamra virtwali tad-data għad-data li taqa’ fl-isfera privata.
453 Ċertament, għandu jiġi osservat li din l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kamra virtwali tad-data għad-dokumenti li jidħlu fl-isfera privata ma ġietx ifformalizzata permezz ta’ deċiżjoni.
454 Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 472 u 473 iktar ’il quddiem, il-Kummissjoni wriet l-impenn tagħha li tipproteġi l-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, billi laqgħet it-talba għall-irtirar ta’ ċerti dokumenti li jinkludu informazzjoni li taqa’ taħt il-ħajja privata, indirizzata mir-rikorrenti fil‑21 ta’ Jannar 2025.
455 It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar ir-rekwiżit, li jinsab fil-punt III(9) tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, ta’ provvista tad-dokumenti li jissodisfaw il-punt III(7) tal-imsemmi anness fl-intier tagħhom, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 240 iktar ’il fuq, tali argument ma jistax jistabbilixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn il-kuntest ta’ informazzjoni jista’ jiffaċilita l-fehim tagħha u jiċċara r-rilevanza tagħha għall-finijiet tal-investigazzjoni.
456 It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li dokumenti koperti mis-sigriet tal-ħajja privata jew li jinkludu data personali dwar l-“opinjonijiet politiċi” jew it-“twemmin reliġjuż” ta’ ċerti persuni kkonċernati jistgħu jiġu trażmessi lill-Kummissjoni skont id-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li ċerti dokumenti li jinkludu “opinjonijiet politiċi” jew “twemmin reliġjuż” jistgħu jidhru fost dokumenti marbuta mal-attività kummerċjali tar-rikorrenti u jistgħu jkunu rilevanti għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni, sa fejn din tirrigwarda parzjalment influwenza determinanti possibbli li ġiet eżerċitata fuq pubblikazzjonijiet jew entitajiet tal-grupp Lagardère li jikkonċernaw suġġetti politiċi, reliġjużi jew filosofiċi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tidentifikax termini ta’ tfittxija alternattivi jew supplimentari li jistgħu inqas juru data li tirrigwarda l-opinjonijiet politiċi tal-persuni kkonċernati.
457 Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-dritt industrijali Franċiż jipprekludi l-ordni magħmula mid-deċiżjoni kkontestata, għandu qabel kollox jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza ta’ dan id-dritt fuq id-dritt tal-Istati Membri u jimponi fuq l-istanzi kollha tal-Istati Membri li jagħtu effett sħiħ lid-diversi regoli tal-Unjoni, peress li d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jippreġudika l-effett irrikonoxxut lil dawn id-diversi regoli fit-territorju tal-imsemmija Stati (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
458 F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, fi kwalunkwe każ, li r-rikorrenti ma tipprovdix analiżi konkreta tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt Franċiż, li jissemmew biss fin-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 160 u 161 tar-rikors.
459 Fl-assenza ta’ spjegazzjonijiet jew ta’ provi addizzjonali, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-dritt industrijali Franċiż għandu jiġi miċħud bħala li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ preċiżjoni meħtieġa mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.
460 Għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq il-provi addizzjonali prodotti mir-rikorrenti
Fuq il-provi prodotti fis‑26 ta’ Lulju 2024
461 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Lulju 2024, ir-rikorrenti, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, ipproduċiet provi addizzjonali li jikkonsistu f’diversi ittri skambjati bejnha u l-Kummissjoni dwar il-kwistjoni jekk u taħt liema kundizzjonijiet RSF setgħet tiddisponi jew ikollha għarfien tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kienet ġiet indirizzata lilha fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet irreġistrata mill-Kummissjoni bin-numru M.10433 – Vivendi/Lagardère.
462 Fl-osservazzjonijiet tagħha tad‑19 ta’ Awwissu 2024, il-Kummissjoni ssostni li l-provi prodotti mir-rikorrenti huma inammissibbli, sa fejn il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura ma humiex sodisfatti minħabba dewmien inġustifikat imputabbli għall-aġir tar-rikorrenti fil-produzzjoni ta’ dawn il-provi. Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tispjegax għalfejn hija stenniet għaxar xhur wara d-dikjarazzjoni ta’ RSF tal‑15 ta’ Ġunju 2023 biex tipprova “tifhem il-kundizzjonijiet li fihom RSF setgħet tiddisponi jew ikollha għarfien ta’ dokument kunfidenzjali tal-fajl tal-Kummissjoni” jew titlob lill-Kummissjoni “tiftaħ investigazzjoni interna”, filwaqt li hija setgħet tagħmel dan ferm qabel l-ewwel skambju ta’ noti. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni li l-provi huma manifestament irrilevanti għall-evalwazzjoni tar-rikors. Skont il-Kummissjoni, dawn il-provi huma intiżi biss biex jistrumentalizzaw tilwima antika bejn RSF u r-rikorrenti u bl-ebda mod ma jsostnu l-argument diġà żviluppat minnha insostenn tal-motivi tagħha. Il-produzzjoni ta’ dawn il-provi hija biss manifestazzjoni ġdida tal-istrateġija tar-rikorrenti li tikkonsisti fil-multiplikazzjoni tat-talbiet u tal-inċidenti proċedurali sabiex jiġi ttardjat il-progress tal-investigazzjoni.
463 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li “[f]’każijiet eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard”.
464 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-ittri prodotti mir-rikorrenti għandhom data wara l-preżentata tar-rikors (23 ta’ Novembru 2023) u tar-replika (8 ta’ April 2024). Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma setgħetx tgħaqqad dawn il-provi la mar-replika u lanqas, a fortiori, mar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Bezouaoui u HB Consultant vs Il-Kummissjoni, T‑478/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:2, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija provi għandhom jitqiesu bħala ammissibbli.
465 Madankollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, dawn il-provi huma irrilevanti għall-evalwazzjoni ta’ dan ir-rikors.
466 Fil-fatt, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, skont il-Kummissjoni, din ma indirizzatx verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-Każ M.10433 – Vivendi/Lagardère lil RSF, li ma kinitx ġiet irrikonoxxuta bħala terz interessat fl-imsemmija kawża, peress li hija ma kinitx talbet dan. Minn dan jirriżulta li RSF seta’ jkollha aċċess għal din il-verżjoni minn terz interessat li ma osservax l-obbligi tiegħu ta’ nuqqas ta’ żvelar u li ma setax jiġi identifikat mill-Kummissjoni.
467 Issa, l-aġir ta’ terz ikkonċernat ma jistax ikun imputabbli lill-Kummissjoni.
468 Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, din ma hijiex awtorizzata tiżvela lil terz sigrieti kummerċjali, informazzjoni kunfidenzjali jew data personali sensittiva.
469 Fil-fatt, l-Artikolu 16(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/914 tal‑20 ta’ April 2023 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 (ĠU 2023, L 119, p. 22), jipprovdi li “[f]ejn tkun inħarġet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet jew dikjarazzjoni supplimentari ta’ oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tibgħat verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dik id-dikjarazzjoni lil terzi persuni jew tinfurmahom bin-natura u s-suġġett tal-proċedimenti b’mezzi xierqa oħra[; li g]ħal dan l-għan, il-partijiet notifikanti għandhom jidentifikaw kull informazzjoni li huma jikkunsidraw kunfidenzjali fl-oġġezzjonijiet, skont l-Artikolu 18(3), it-tieni u t-tielet subparagrafi, fi żmien ħamest ijiem utli minn meta jirċievu d-dikjarazzjoni[; li ]l-Kummissjoni għandha tipprovdi l-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-oġġezzjonijiet lil terzi persuni biss biex tintuża għall-finijiet tal-proċedimenti rilevanti skont ir-Regolament [...] Nru 139/2004[; li t]erzi persuni għandhom jaċċettaw dik ir-restrizzjoni qabel ma jirċievu l-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-oġġezzjonijiet”.
470 Madankollu, f’dan il-każ, ebda element tal-proċess ma juri xi żvelar mill-Kummissjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar ir-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma ssostni l-argument tagħha li jgħid li l-aċċess ta’ RSF għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-Każ M.10433 – Vivendi/Lagardère seta’ kellu effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.
471 Minn dan isegwi li l-provi prodotti mir-rikorrenti fis‑26 ta’ Lulju 2024 ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ dan ir-rikors.
Fuq il-provi prodotti fis‑6 ta’ Frar 2025
472 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Frar 2025, ir-rikorrenti, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, ippreżentat ittra indirizzata lill-Kummissjoni fil‑21 ta’ Jannar 2025 li permezz tagħha hija talbitha tirtira mill-proċess dokumenti li jinkludu informazzjoni li taqa’ taħt il-ħajja privata u inklużi fit-trażmissjonijiet ta’ dokumenti ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2024 (iktar ’il quddiem it-“talba għall-irtirar”) kif ukoll diversi dokumenti msemmija fit-talba għall-irtirar.
473 Il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħha tal‑25 ta’ Frar 2025, tispjega li hija laqgħet it-talba għall-irtirar billi neħħiet id-dokumenti kkonċernati u kkonfermat din it-tneħħija permezz ta’ posta elettronika tad‑19 ta’ Frar 2025. Barra minn hekk, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma tispjega liema termini ta’ tfittxija wasslu għall-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti, u lanqas kif dawn id-dokumenti kienu jaqgħu fil-kamp tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li r-rikorrenti stess tippreċiża li dawn qatt ma kellhom jiġu prodotti. Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li d-dokumenti u l-fajls kollha prodotti mir-rikorrenti bi tweġiba għad-deċiżjoni kkontestata joriġinaw minn għodod professjonali u li r-rikorrenti kienet irrifjutat l-istabbiliment ta’ kamra virtwali tad-data. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza li hija kienet aċċettat li teskludi mill-kamp tat-talba għal informazzjoni l-iskambji li jaqgħu fl-isfera privata, kif identifikati mir-rikorrenti stess.
474 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, sa fejn, minn naħa, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li d-dokumenti msemmija fit-talba għall-irtirar ġew trażmessi lill-Kummissjoni minħabba żball tekniku u qatt ma kellhom jiġu inklużi fil-produzzjoni tagħha ta’ dokumenti ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2024 u sa fejn, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni laqgħet it-talba għall-irtirar, il-provi prodotti mir-rikorrenti fis‑6 ta’ Frar 2025 ma għadhomx rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ dan ir-rikors.
Konklużjoni
475 Peress li ebda wieħed mill-motivi mqajma mir-rikorrenti ma huwa fondat, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.
Fuq l-ispejjeż
476 Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji rreġistrati bin-numri T‑1097/23 R, C‑90/24 P(R)-R, C‑90/24 P(R), T‑1097/23 R-RENV u C‑470/24 P(R)-R.
477 Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla, komposta minn ħames Imħallfin),
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Vivendi SE għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji rreġistrati bin-numri T‑1097/23 R, C‑90/24 P(R)-R, C‑90/24 P(R), T‑1097/23 R-RENV u C‑470/24 P(R)-R.
3) Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.
|
Truchot |
Jaeger |
Schwarcz |
|
Sampol Pucurull |
Perišin |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑3 ta’ Ġunju 2026.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż