European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2337

10.10.2024

RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2337 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-11 ta’ April 2024

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) għas-sena finanzjarja 2022

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) għas-sena finanzjarja 2022,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0122/2024),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (il-“Fondazzjoni”) għas-sena finanzjarja 2022 kien ta’ EUR 22 438 000, ammont li jirrappreżenta żieda ta’ 3,13 % meta mqabbel mal-2021; billi l-baġit tal-Fondazzjoni huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2022 (ir-“rapport tal-Qorti”), tiddikjara li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’apprezzament li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2022 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-approprjazzjonijiet tas-sena attwali ta’ 100 %; jieħu nota tal-fatt li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali kienet ta’ 79,93 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 3,63 % meta mqabbla ma’ dik tal-2021;

2.

Jirrikonoxxi l-aġilità tal-Fondazzjoni fl-eżekuzzjoni tal-baġit tal-2022 billi wettqet rieżamijiet formali tat-tbassir ibbażati fuq ir-rapporti tal-Eurostat, kif ukoll billi aġġustat diversi linji baġitarji u adottat baġits emendatorji, fil-kuntest taż-żieda fil-koeffiċjent tal-pajjiż tal-Irlanda u s-salarji bażiċi tal-persunal; jinnota li l-baġit tal-Fondazzjoni ġie ffriżat jew aġġustat b’inqas minn 2 % fuq bażi annwali fuq perjodu ta’ 20 sena, u dan ipoġġi f’riskju l-prestazzjoni sostenibbli tal-Fondazzjoni u l-ħila tagħha li tipprovdi prodotti ta’ kwalità għolja, rilevanti u f’waqthom; jinnota, f’dan il-kuntest, li l-Fondazzjoni fittxet b’mod attiv li tiffranka sabiex tiffinanzja ż-żidiet fit-Titolu 1 tal-baġit tagħha, filwaqt li tali ffrankar varja minn tnaqqis fin-numru ta’ missjonijiet u laqgħat wiċċ imb wiċċ għal tnaqqis fl-infiq fuq diversi studji u proġetti ta’ riċerka fl-2022; jistieden lill-awtorità baġitarja tindirizza l-ħtieġa ta’ aġġustament xieraq tal-baġit tal-Fondazzjoni fil-QFP li jmiss;

Prestazzjoni

3.

Ifaħħar lill-Aġenzija talli kisbet 97 % tal-programm ta’ ħidma annwali tagħha, bi 30 minn 31 output mwettqa fl-2022;

4.

Jinnota li l-Fondazzjoni tuża tmien indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs), inklużi fis-sistema ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni tagħha; josserva li l-KPIs huma miġbura fi tliet tipi relatati mar-riżultati, il-prestazzjoni xjentifikament soda u l-input u l-output; jinnota b’mod partikolari, għat-tielet sena konsekuttiva, prestazzjoni mtejba fir-rigward tal-adozzjoni tal-għarfien espert tal-Fondazzjoni f’dokumenti ta’ politika ewlenin fil-livell tal-Unjoni, minn 74 % fl-2021 għal 82 % fl-2022; jiddispjaċih madankollu għat-tnaqqis fil-prestazzjoni ta’ diversi KPIs, bħal fir-rigward tal-adozzjoni tal-għarfien tal-Fondazzjoni fil-media (b’572 artiklu tal-istampa fl-2022 meta mqabbel ma’ 1 083 fl-2021), l-involviment tal-Aġenzija mal-partijiet ikkonċernati f’laqgħat u avvenimenti (44 % fl-2022 meta mqabbel ma’ 48 % fl-2021) u l-għadd ta’ artikli li jsemmu l-Aġenzija f’ġurnali akkademiċi (1 143 fl-2022 meta mqabbel ma’ 1 220 fl-2021);

5.

Jinnota li d-differenza fl-użu tal-għarfien tal-Fondazzjoni fil-media bejn l-2021 u l-2022 tirrifletti ż-żieda bla preċedent f’dan l-indikatur matul l-2021, li hu dovuta fil-parti l-kbira għaż-żieda fil-viżibbiltà u l-profil tal-ħidma tal-Fondazzjoni matul il-perjodu tal-COVID; josserva li r-riżultati fl-2022 irrappreżentaw “ritorn għan-normal” għall-maġġoranza tal-indikaturi, li issa huma fil-biċċa l-kbira fuq l-istess livell tar-riżultati ta’ qabel il-COVID jew saħasitra ogħla;

6.

Josserva wħud mill-aktar kisbiet importanti tal-Fondazzjoni fl-2022, bħall-pubblikazzjoni tar-rapport ġenerali tas-sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol li jiżvela assoċjazzjoni pożittiva tal-kwalità tal-impjiegi mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata matul il-kriżi tal-COVID-19, tal-ħames ċiklu tal-istħarriġ elettroniku “Living, working and COVID-19: Living in a new era of uncertainty” Living in a new era of uncertainty” (L-għajxien, ix-xogħol u l-COVID-19: Il-ħajja f’era ġdida ta’ inċertezza) li jipprovdi data u analiżijiet dwar l-impatt tal-pandemija fuq il-ħaddiema, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-gvern u d-distakk bejn il-ġeneri, kif ukoll il-pubblikazzjoni tar-rieżami annwali tal-pagi minimi fl-2022 li juru, fost l-oħrajn, l-impatt negattiv tal-inflazzjoni fuq dawk li jaqilgħu paga baxxa; jinnota b’apprezzament ir-rieżami pprovdut mill-Fondazzjoni rigward ir-rwol u l-involviment tas-sħab soċjali fit-tranżizzjoni ġusta u fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza għat-tisħiħ tad-djalogu soċjali kif previst fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill kif ukoll tal-impatt tat-tranżizzjoni ekoloġika u tal-pakkett dwar il-klima “Lesti għall-mira ta’ 55 %” fuq l-impjiegi;

7.

Jinnota b’apprezzament li fl-2022 il-Fondazzjoni laħqet l-objettiv strateġiku tagħha fil-wisa’, pereżempju billi kienet attiva f’firxa ta’ dibattiti ta’ politika u attivitajiet leġiżlattivi dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi, il-ħaddiema tal-kura u s-servizzi tal-kura, is-saħħa mentali, it-telexogħol u d-dritt għall-iskonnessjoni, billi pprovdiet għarfien u appoġġ bħala kontribut għal diversi laqgħat organizzati mill-Presidenza Franċiża u dik Ċeka tal-Kunsill, kif ukoll permezz tas-sejbiet tar-riċerka tagħha li saret referenza għalihom f’madwar 200 dokument ta’ politika fil-livell tal-Unjoni, bħal pereżempju l-Istrateġija Ewropea għall-Kura, ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2022 u r-rapport tal-Parlament Ewropew dwar “Is-semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: aspetti soċjali u tal-impjiegi fl-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir sostenibbli 2022” fost l-oħrajn); itenni l-importanza tad-data ta’ kwalità għolja li l-għodod ta’ monitoraġġ kontinwu tal-Fondazzjoni jipprovdu għat-tfassil ta’ politiki abbażi tal-evidenza, speċjalment l-istħarriġ fuq skala Ewropea li tagħmel il-Fondazzjoni;

8.

Ifaħħar lill-Fondazzjoni talli rreaġixxiet malajr għall-invażjoni illegali u mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna billi pprovdiet informazzjoni rilevanti u aġġornata dwar suġġetti relatati mal-mandat tagħha; jinnota, f’dan il-kuntest, li l-Fondazzjoni, fost diversi azzjonijiet, ippubblikat ħarsa ġenerali lejn il-miżuri nazzjonali għall-akkoljenza tar-rifuġjati mill-Ukrajna u għall-ġlieda kontra l-inflazzjoni u l-problemi ta’ provvista u adattat il-ħames ċiklu tal-istħarriġ elettroniku tal-Fondazzjoni biex tinkludi mistoqsijiet dwar l-Ukrajna u l-inflazzjoni għolja f’livell rekord u ż-żidiet qawwija fl-għoli tal-ħajja fl-Ewropa; jinnota wkoll li l-Fondazzjoni tkompli tinforma liċ-ċittadini permezz taċ-ċentru online “Stand with Ukraine” (Nappoġġjaw lill-Ukrajna);

Effiċjenza u titjib

9.

Ifaħħar il-fatt li l-Fondazzjoni għandha prattika li ilha teżisti li tikkondividi l-programmi ta’ ħidma annwali ma’ sitt aġenziji oħra, inklużi dawk li jaħdmu bi sħab mad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL), sabiex ittejjeb l-effiċjenza, tindirizza kwistjonijiet interkonnessi, tikkondividi s-sinerġiji u r-riskji sinifikanti u taqsam l-aħjar prattiki dwar il-ġestjoni tar-riskju; jinnota wkoll li, bis-saħħa tal-kuntatti tal-Fondazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u ċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard, ġew identifikati oqsma ta’ interess komuni u attività konġunta;

10.

Japprezza r-relazzjonijiet ta’ ħidma mill-qrib tal-Fondazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), li magħha ġie ffirmat ftehim qafas ġdid għall-kooperazzjoni fl-2022, kif ukoll l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp (OECD); japprezza l-fatt li l-Fondazzjoni qed tkompli tibni fuq ir-relazzjonijiet tagħha maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea u qed isseħħ kollaborazzjoni mill-qrib fl-oqsma tad-diġitalizzazzjoni u forom ġodda ta’ xogħol, kif ukoll il-monitoraġġ tat-tibdil strutturali fis-suq tax-xogħol;

11.

Josserva li l-Fondazzjoni wettqet eżerċizzju ta’ bbaġitjar fuq bażi żero fl-2022, li permezz tiegħu kull kuntratt fis-seħħ ġie skrutinizzat sabiex jiġu identifikati effiċjenzi potenzjali bil-għan li tiġi ottimizzata l-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani tal-Fondazzjoni;

12.

Jinnota l-isforzi tal-Fondazzjoni lejn id-diġitalizzazzjoni permezz tal-użu tal-Firma tal-UE u d-DocuSign f’każ ta’ akkwist, dokumenti kuntrattwali u dokumenti interni;

13.

Jinnota b’sodisfazzjon mir-rapport tal-Qorti li l-Fondazzjoni hija fost id-19-il aġenzija deċentralizzata li għandhom pjan biex itejbu l-effiċjenza enerġetika u n-newtralità klimatika tal-operazzjonijiet tagħhom u joħorġu dikjarazzjoni ambjentali bħala parti mir-rapporti annwali tal-attività tagħhom u fost it-tliet aġenziji li ppjanaw li jibdew joħorġu rapport dwar is-sostenibbiltà sal-2024; ifaħħar lill-Aġenzija talli rċeviet iċ-ċertifikazzjoni tal-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali tal-Unjoni fl-2022; jinnota, barra minn hekk, mir-risposti tal-Fondazzjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub, li l-Fondazzjoni qed tuża kriterji tal-akkwist ekoloġiku fil-każ ta’ offerti li jirrigwardaw is-servizzi tal-kantin u l-forniment tal-elettriku, fost l-oħrajn; jinnota b’sodisfazzjon li l-Fondazzjoni rrapportat tnaqqis straordinarju fil-konsum tal-karti tagħha, li fl-2022 kien 30 % anqas milli fl-2020 meta l-bini tal-Fondazzjoni kien fil-biċċa l-kbira magħluq minħabba l-kriżi tal-COVID-19;

Politika dwar il-persunal

14.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2022, it-tabella tal-persunal kienet 92,3 % kompluta (meta mqabbel ma’ 89 % fl-2021), b’9 uffiċjali u 75 aġent temporanju maħtura mill-91 awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni (91 pożizzjoni awtorizzata fl-2021); jinnota li, barra minn hekk, fl-2022 kienu qed jaħdmu għall-Fondazzjoni 11-il aġent kuntrattwali; jinnota dawran tal-persunal fl-2022 ta’ madwar 5 % (esklużi pensjonijiet tal-irtirar u tal-invalidità);

15.

Jinnota d-diżaggregazzjoni tal-ġeneru tal-Fondazzjoni rrapportata għall-2022 fil-livell tal-maniġment superjuri u intermedju b’5 irġiel (56 %) u 4 nisa (44 %), fil-livell tal-bord tat-tmexxija b’90 raġel (58 %) u 64 mara (42 %), u l-persunal ġenerali b’41 raġel (44 %) u 53 mara (56 %); iħeġġeġ lill-Fondazzjoni tiżgura bilanċ bejn il-ġeneri fil-futur, fil-livelli kollha tal-persunal; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom fil-bord tat-tmexxija tal-Fondazzjoni; jinnota l-għadd għoli ta’ membri fil-bord tat-tmexxija tal-Fondazzjoni; jinnota wkoll li l-bord tat-tmexxija tal-Fondazzjoni għandu rwol ewlieni fil-governanza tagħha billi jipprovdi direzzjoni strateġika u jissorvelja l-attivitajiet tagħha, u li l-mandat tal-Fondazzjoni u l-kompożizzjoni speċifika tal-bord tagħha abbażi tal-prinċipju tripartitiku, u b’hekk jinkludi rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali u s-sħab soċjali; jirrikonoxxi li permezz tal-membri tiegħu, il-bord tat-tmexxija tal-Fondazzjoni jiżgura l-allinjament meħtieġ bejn il-ħidma tal-Fondazzjoni u l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-partijiet ikkonċernati;

16.

Jinnota t-tnedija tal-eżerċizzju tal-Programm ta’ Żvilupp tar-Riżorsi Umani għall-2022 bi pjan ta’ taħriġ annwali bħala bażi, inkluż taħriġ estern relatat mal-etika, suġġetti legali u software statistiku; jilqa’, f’dan il-kuntest, l-isforzi tal-Fondazzjoni li pprovdiet lill-ħaddiema tagħha taħriġ dwar il-benesseri fiżiku u psikoloġiku biex iżommu l-prestazzjoni tagħhom huma u jaħdmu mill-bogħod minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija;

17.

Ifaħħar lill-Fondazzjoni għall-isforzi tagħha fl-2022 iffukati fuq iż-żieda tat-trasparenza tad-deċiżjonijiet maniġerjali kif ukoll is-sjieda tal-persunal fir-rigward tal-involviment u l-miżuri ta’ motivazzjoni permezz ta’ laqgħat u diskussjonijiet regolari dwar kwistjonijiet rilevanti; ifaħħar ukoll il-fatt li l-Fondazzjoni adottat il-“Karta dwar id-diversità u l-inklużjoni” li għandha l-għan li tippromwovi trattament u opportunitajiet indaqs, irrispettivament minn kwalunkwe raġuni bħas-sess, ir-razza, il-kulur, eċċ.;

18.

Jilqa’ l-isforzi tal-Fondazzjoni biex tieħu miżuri favur l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà, billi tiżgura li l-kmamar kollha tal-uffiċċji jkunu aċċessibbli għas-siġġijiet tar-roti; jilqa’, mir-risposti bil-miktub tal-Fondazzjoni, l-impenn tagħha li tieħu miżuri speċifiċi skont il-każ abbażi tar-rekwiżiti partikolari tal-membru tal-persunal affettwat;

Akkwist

19.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti l-osservazzjoni li l-Fondazzjoni użat, fi proċedura ta’ akkwist għas-servizzi ta’ networking, il-ħiliet professjonali u lingwistiċi tal-membri tat-tim bħala kriterji tal-għoti minflok bħala kriterji tal-għażla, u b’hekk kisret l-Artikolu 167 tar-Regolament Finanzjarju; jinnota mir-risposta tal-Fondazzjoni li l-mudelli ġew modifikati biex jenfasizzaw id-distinzjoni bejn il-kriterji tal-għażla u l-kriterji tal-għoti b’mod aktar ċar;

20.

Ifaħħar lill-Fondazzjoni talli implimentat il-pjan direzzjonali tal-akkwist elettroniku u talli tuża l-Għodda għall-Ġestjoni tal-Akkwist Pubbliku (PPMT) biex tipproċessa l-kuntratti kollha li għandhom valur ta’ aktar minn EUR 15 000; jistieden lill-Fondazzjoni timplimenta l-moduli tal-PPMT kollha ladarba jsiru disponibbli;

Prevenzjoni u ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess u trasparenza

21.

Jinnota li l-Fondazzjoni għamlet aktar sforzi fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u tat-trasparenza; jinnota li d-dikjarazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess (COI) u s-CVs tal-persunal f’funzjoni maniġerjali ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Fondazzjoni; jinnota li, fil-qafas ta’ mandat ġdid ta’ 4 snin li jibda fl-1 ta’ April 2023, ġew ippubblikati dikjarazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess u CVs ġodda tal-membri tal-bord tat-tmexxija tal-Fondazzjoni;

22.

Jinnota li l-Fondazzjoni għandha fis-seħħ politika dwar il-kunflitti ta’ interess bi proċedura dettaljata għal sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali, inkluż fir-rigward tal-membri tal-bord tat-tmexxija u tal-kumitati konsultattivi tal-Fondazzjoni; ifaħħar, f’dan il-kuntest, il-fatt li fil-qafas tal-avveniment annwali tagħha “Xahar tal-Etika”, fl-2022 il-Fondazzjoni nediet verżjoni aġġornata tal-gwida prattika dwar l-etika u l-imġiba tal-persunal u organizzat sessjonijiet tematiċi obbligatorji dwar, pereżempju, il-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess, b’rata ta’ attendenza eċċellenti tal-persunal (91 %);

23.

Jinnota li l-persunal u l-membri tal-bord tat-tmexxija tal-Fondazzjoni għandhom l-obbligu li kull sena jippreżentaw dikjarazzjoni dwar in-nuqqas ta’ kunflitti ta’ interess; jilqa’ l-fatt li l-persunal huwa mfakkar kull sena dwar dan l-obbligu fl-okkażjoni tal-avveniment “Xahar tal-Etika” li fl-2022 wassal għal żieda fir-rata ta’ konformità mar-rieżami tad-dikjarazzjoni annwali; josserva li matul is-sena 2022 ġiet konkluża investigazzjoni dwar kunflitt ta’ interess ma’ membru tal-persunal, li fir-rigward tiegħu twettqet proċedura dixxiplinari u ngħatat twissija bil-miktub; jinnota li fl-2022 ma ġie rrapportat l-ebda każ ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

Kontroll intern

24.

Jinnota li l-azzjonijiet kollha fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) wara awditu mill-2020 dwar il-ġestjoni u l-etika tal-Fondazzjoni fir-rigward tar-riżorsi umani ġew implimentati sa tmiem l-2022; jinnota wkoll li, fl-2022, l-IAS lesta awditu dwar l-akkwist u l-ġestjoni tal-kuntratti, bi tliet rakkomandazzjonijiet ikklassifikati bħala importanti li wasslu biex il-Fondazzjoni stabbiliet pjan b’20 azzjoni, li minnhom 50 % ġew implimentati sa tmiem l-2022; jistieden lill-Fondazzjoni timplimenta l-azzjonijiet pendenti kollha, inkluż fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet tal-IAS dwar il-proċess ta’ valutazzjoni u riklassifikazzjoni, il-proċess ta’ reklutaġġ u l-istrateġija ta’ tagħlim u żvilupp tal-Fondazzjoni;

25.

Jilqa’ l-isforzi tal-Fondazzjoni fir-rigward tal-ħames komponenti tal-qafas ta’ kontroll intern tal-Fondazzjoni fl-2022; jinnota, f’dan il-kuntest, li l-Fondazzjoni, pereżempju, ipparteċipat f’rieżami bejn il-pari tal-abbozz tar-riskji korporattivi u l-proċess ta’ bażi tagħha mal-aġenziji relatati mad-DĠ EMPL, wettqet valutazzjoni ġdida ta’ karigi sensittivi, implimentat il-proċedura ta’ titjib tal-proċess tal-iżvilupp tal-programm fil-fażijiet kollha tiegħu, issimulat attakk ċibernetiku, esperimentat soluzzjoni ta’ awtentikazzjoni b’diversi fatturi li għandha tiġi introdotta fl-2023 u organizzat ix-Xahar ta’ Sensibilizzazzjoni dwar iċ-Ċibersigurtà;

26.

Jikkonstata, mir-rapport tal-Qorti, l-osservazzjoni dwar id-dgħufijiet fir-rigward tal-programm ta’ traineeship tal-Fondazzjoni, l-ewwel nett fir-rigward tal-pubblikazzjoni tar-regoli applikabbli għat-traineeship li ġew ippubblikati fuq is-sit web mingħajr ma ġew adottati formalment, u t-tieni fir-rigward tar-remunerazzjoni tat-trainees; jinnota, fir-rigward tal-kwistjoni tal-aħħar, li l-Fondazzjoni naqset milli taġġorna r-remunerazzjoni f’konformità mal-bidliet fir-rati ta’ remunerazzjoni ta’ referenza mħallsa mill-Kummissjoni u l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni tal-Irlanda, sitwazzjoni li wasslet għal pagament insuffiċjenti ta’ EUR 3 330 għal 16-il trainee affettwat; jilqa’r-risposta tal-Fondazzjoni rigward il-miżuri li ħadet biex tindirizza l-osservazzjoni tal-Qorti, jiġifieri billi ħallset l-aġġustamenti lit-trainees minn Ottubru 2022 ’il quddiem u billi adottat regoli ġodda mill-2023 li jistabbilixxu ammont assolut għall-għotja għat-traineeship minflok ma jorbtuh mat-trainees tal-Kummissjoni;

Kummenti oħra

27.

Josserva b’apprezzament il-ħidma prolifika tal-Fondazzjoni biex iżżid il-preżenza online u l-viżibbiltà pubblika tagħha matul l-2022, li tiżgura l-forniment ta’ data u informazzjoni f’waqtha, magħmula apposta għall-ħtiġijiet tal-utenti; jinnota, f’dan il-kuntest, it-tnedija ta’ 36 pubblikazzjoni fuq is-sit web tal-Fondazzjoni, iż-żieda fl-użu tal-viżwalizzazzjoni tad-data fil-blog posts, il-promozzjoni tal-ħidma tal-Fondazzjoni permezz ta’ sħubijiet mal-media (pereżempju Irish Times, EurActiv, Politico Europe), il-kummerċjalizzazzjoni bil-posta elettronika, bullettini korporattivi ta’ kull xahar u reklami mħallsa fuq in-networks tal-media soċjali biex ixerrdu wħud mill-prodotti tal-Fondazzjoni, l-organizzazzjoni ta’ programmi ta’ żjarat u avvenimenti oħra (Jum l-Ewropa, Djalogu taċ-Ċittadini, Forum tal-Fondazzjoni) inkluż f’format online, kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ seba’ webinars bi skambji bejn l-esperti tal-Fondazzjoni u l-organizzazzjonijiet sħab, serje ta’ podcasts (EurofoundTalks, iffukati fuq il-kwalità tal-impjiegi, il-kura, ix-xogħol fuq il-pjattaformi, it-telexogħol u l-pagi minimi) u l-preżentazzjoni ta’ wħud mill-prodotti tal-Fondazzjoni (pereżempju, sommarji ta’ rapporti ta’ riċerka) b’diversi lingwi;

28.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ April 2024 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 38, 31.1.2023, p. 112.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2024)0280.


ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2337/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)