13.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 8/187


DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA Nru 264/21/COL

tat-23 ta’ Novembru 2021

dwar miżuri ta’ emerġenza fin-Norveġja marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja skont l-Artikolu 259(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/429 u l-Artikoli 21, 39 u 55 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 [2022/40]

Deċiżjoni Delegata tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 266/21/COL ikkoreġuta fl-25 ta’ Novembru 2021

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja, partikolarment l-Artikolu 1(2) u 3 tal-Protokoll 1 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-Punt 13. tal-Parti 1.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“ir-Regolament (UE) 2016/429”) (1), kif emendat u kif adattat għall-Ftehim ŻEE permezz tal-adattamenti speċifiċi u settorjali msemmija fl-Anness I ta’ dak il-Ftehim, u b’mod partikolari l-Artikoli 257(1), 258(1), (2) u (3) u 259(1)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-Punt 13e. tal-Parti 1.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE, ir-Regolament Delegat (UE) 2020/687 tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (“ir-Regolament Delegat (UE) 2020/687”), (2) kif emendat u kif adattat għall-Ftehim ŻEE permezz tal-adattamenti speċifiċi u settorjali msemmija fl-Anness I ta’ dak il-Ftehim, u b’mod partikolari l-Artikoli 21, 39 u 55 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-Punt 13a. tal-Parti 1.1. tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (“ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882”), (3) kif adattat għall-Ftehim ŻEE permezz tal-adattamenti speċifiċi u settorjali msemmija fl-Anness I ta’ dak il-Ftehim, u b’mod partikolari l-Artikoli 1 u 2 kif ukoll l-Anness tiegħu,

kif adattat għall-Ftehim ŻEE mill-punt 4(d) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim ŻEE.

Billi:

L-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja (“HPAI”) hija marda virali infettiva fl-għasafar u jista’ jkollha impatt serju fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tat-tjur li tikkawża tfixkil għall-kummerċ fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”). Il-viruses HPAI jistgħu jinfettaw għasafar migratorji, li mbagħad jistgħu jxerrdu dawn il-viruses fuq distanzi twal matul il-migrazzjonijiet tagħhom fil-ħarifa u fir-rebbiegħa. Għalhekk, il-preżenza tal-viruses HPAI fl-għasafar selvaġġi toħloq theddida kontinwa għall-introduzzjoni diretta u indiretta ta’ dawn il-viruses f’azjendi fejn jinżammu t-tjur jew l-għasafar miżmuma. Fil-każ ta’ tifqigħa tal-HPAI, hemm riskju li l-aġent tal-marda jista’ jinxtered f’azjendi oħra fejn jinżammu t-tjur jew l-għasafar miżmuma fil-magħluq.

Ir-Regolament (UE) 2016/429, ir-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882 ġew inkorporati fl-Annessi tal-Ftehim ŻEE u ilhom japplikaw mill-21 ta’ April 2021.

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi qafas leġiżlattiv ġdid għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard trażmissibbli lill-annimali jew lill-bnedmin. L-HPAI hija msemmija fl-Artikolu 9(1)(a)(i) tar-Regolament (UE) 2016/429 bħala marda elenkata soġġetta għar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard stabbiliti fih. L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882 jelenka l-HPAI bħala marda tal-kategorija A, D u E kif definit fl-Artikolu 1 ta’ dak ir-Regolament.

L-Artikolu 259(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 jirrikjedi li l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (“l-Awtorità”) tirrevedi l-miżuri ta’ emerġenza meħuda mill-awtoritajiet kompetenti Norveġiżi skont l-Artikolu 257(1)(a) jew 258 tal-istess Regolament fil-każ ta’ tifqigħa ta’ marda elenkata msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1), inkluż l-HPAI (“miżuri Norveġiżi”). L-Artikolu 259(1)(c) jirrikjedi li l-Awtorità, fejn tqis li jkun meħtieġ li jiġi evitat tfixkil mhux ġustifikat fil-moviment ta’ annimali u prodotti, tadotta miżuri ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 257(1) li japprovaw miżuri Norveġiżi.

Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard tal-kategoriji A, B u C stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429, inklużi l-miżuri ta’ kontroll tal-mard għall-HPAI. L-Artikolu 21 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż l-HPAI. Din ir-reġjonalizzazzjoni hija applikata b’mod partikolari biex tippreserva l-istatus tas-saħħa tal-għasafar fil-bqija tat-territorju tan-Norveġja billi tipprevjeni l-introduzzjoni tal-aġent patoġeniku u tiżgura d-detezzjoni bikrija tal-marda.

In-Norveġja nnotifikat tifqigħa tal-HPAI f’qatgħa ta’ tiġieġ tal-bajd fit-territorju tagħha fit-12 ta’ Novembru 2021 (“l-ewwel tifqigħa”). (4) L-awtoritajiet kompetenti Norveġiżi ħadu l-miżuri meħtieġa għall-kontroll tal-mard skont ir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, inkluż l-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza madwar din it-tifqigħa.

Fit-18 ta’ Novembru 2021, in-Norveġja nnotifikat it-tieni tifqigħa (5) tal-HPAI f’azjenda ta’ tiġieġ tal-bajd li tinsab fiż-żoni diġà stabbiliti madwar l-ewwel tifqigħa. L-awtoritajiet kompetenti Norveġiżi ħadu l-miżuri neċessarji għall-kontroll tal-mard meħtieġa skont ir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, inkluż l-aġġustament taż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar l-ewwel tifqigħa biex jinkludu r-raġġ minimu taż-żona ta’ protezzjoni ta’ tliet kilometri u r-raġġ taż-żona ta’ sorveljanza ta’ għaxar kilometri madwar l-azjenda fejn seħħet it-tieni tifqigħa.

Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fiż-ŻEE, jeħtieġ li jiġu deskritti malajr iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti min-Norveġja fir-rigward tat-tifqigħat tal-HPAI.

Għaldaqstant, iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza relatati mal-HPAI fin-Norveġja, fejn japplikaw il-miżuri ta’ kontroll tal-mard kif stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, huma elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni li japprova l-miżuri Norveġiżi skont l-Artikolu 259(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/429 u t-tul ta’ żmien ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni speċifikata f’dak l-Anness.

L-Awtorità eżaminat il-miżuri ta’ kontroll tal-marda b’kollaborazzjoni man-Norveġja, u hija sodisfatta li l-konfini taż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tan-Norveġja, jinsabu ’l bogħod biżżejjed minn kwalunkwe azjenda fejn ġiet ikkonfermata tifqigħa tal-HPAI.

Fis-17 ta’ Novembru 2021, l-Awtorità, bid-Deċiżjoni Delegata tagħha Nru 262/21/COL (id-Dokument Nru 1249845), debitament issottomettiet l-abbozz tad-Deċiżjoni lill-Kumitat Veterinarju u Fitosanitarju tal-EFTA (“il-Kumitat tal-EFTA”) skont l-Artikoli 259(1) u 266(2) tar-Regolament (UE) 2016/429. Fit-23 ta’ Novembru 2021, il-Kumitat tal-EFTA ta opinjoni pożittiva dwar l-abbozz ta’ Deċiżjoni. Għaldaqstant, l-abbozz ta’ Deċiżjoni huwa f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti min-Norveġja skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, u t-tul ta’ żmien tal-miżuri li jridu jiġu applikati f’tali żoni ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 39 f’tali żoni ta’ sorveljanza skont l-Artikolu 55 ta’ dak ir-Regolament Delegat, wara t-tifqigħat tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja fit-tjur jew fl-għasafar miżmuma fil-magħluq huma stabbiliti u approvati fil-livell tal-Istat tal-EFTA taż-ŻEE u elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

In-Norveġja għandha tiżgura li:

(a)

iż-żoni ta’ protezzjoni stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tagħha, skont l-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati bħala żoni ta’ protezzjoni fil-Parti A tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni;

(b)

il-miżuri li għandhom jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni, kif previst fl-Artikolu 39 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, jinżammu mill-inqas sad-dati għaż-żoni ta’ protezzjoni stabbiliti fil-Parti A tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

In-Norveġja għandha tiżgura li:

(a)

iż-żoni ta’ sorveljanza stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tagħha, skont l-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati bħala żoni ta’ sorveljanza fil-Parti B tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni;

(b)

il-miżuri li jridu jiġu applikati fiż-żoni ta’ sorveljanza, kif previst fl-Artikolu 55 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, jinżammu mill-inqas sad-dati għaż-żoni ta’ sorveljanza stabbiliti fil-Parti B tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-iffirmar tagħha.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-aħħar data msemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni li fiha l-miżuri ta’ kontroll tal-mard fi kwalunkwe waħda miż-żoni ta’ protezzjoni jew ta’ sorveljanza ma jibqgħux applikabbli skont l-Artikoli 39 jew 55 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, kif rilevanti.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lin-Norveġja.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tkun awtentika fil-lingwa Ingliża.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2021.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, li taġixxi taħt id-Deċiżjoni Delegata Nru 130/20/COL,

Högni S. KRISTJÁNSSON

Membru tal-Kulleġġ Responsabbli

Melpo-Menie JOSÉPHIDÈS

Kontrofirmatarju bħala Direttur, Affarijiet Legali u Eżekuttivi


(1)  Inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 179/2020 tal-11 ta’ Diċembru 2020.

(2)  Inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 3/2021 tal-5 ta’ Frar 2021.

(3)  Inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 179/2020 tal-11 ta’ Diċembru 2020.

(4)  Dokument Nru 1248890.

(5)  Dokument Nru 1249847.


ANNESS

Parti A

Iż-żoni ta’ protezzjoni fin-Norveġja kif msemmija fl-Artikoli 1 u 2

Żona li tinkludi:

Id-data sa meta applikabbli f’konformità mal-Artikolu 39 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687

Il-partijiet tal-muniċipalitajiet ta’ Klepp, Sandnes u Sola fil-kontea ta’ Rogaland li jinsabu f’ċirku b’raġġ ta’ 3 kilometri, bil-koordinati tal-GPS iċċentrati fuq N: 58.79985 E: 5.60616

7.12.2021

Il-partijiet tal-muniċipalitajiet ta’ Klepp, Sandnes u Sola fil-kontea ta’ Rogaland li jinsabu f’ċirku b’raġġ ta’ 3 kilometri, bil-koordinati tal-GPS iċċentrati fuq N: 58.79980 E: 5.61022

14.12.2021

Parti B

Iż-żoni ta’ sorveljanza fin-Norveġja kif msemmija fl-Artikoli 1 u 3

Żona li tinkludi:

Id-data sa meta applikabbli f’konformità mal-Artikolu 55 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687

Il-partijiet tal-muniċipalitajiet ta’ Klepp, Sandnes, Sola u Time fil-kontea ta’ Rogaland lilhinn miż-żona deskritta fiż-żona ta’ protezzjoni u li jinsabu f’ċirku b’raġġ ta’ 10 kilometri, bil-koordinati tal-GPS iċċentrati fuq N: 58.79985 E: 5.60616

16.12.2021

Il-partijiet tal-muniċipalitajiet ta’ Klepp, Sandnes u Sola fil-kontea ta’ Rogaland li jinsabu f’ċirku b’raġġ ta’ 3 kilometri, bil-koordinati tal-GPS iċċentrati fuq N: 58.79985 E: 5.60616

Mit-8.12.2021 sas-16.12.2021

Il-partijiet tal-muniċipalitajiet ta’ Klepp, Sandnes, Sola u Time fil-kontea ta’ Rogaland lilhinn miż-żona deskritta fiż-żona ta’ protezzjoni u li jinsabu f’ċirku b’raġġ ta’ 10 kilometri, bil-koordinati tal-GPS iċċentrati fuq N: 58.79980 E: 5.61022

23.12.2021

Il-partijiet tal-muniċipalitajiet ta’ Klepp, Sandnes u Sola fil-kontea ta’ Rogaland li jinsabu f’ċirku b’raġġ ta’ 3 kilometri, bil-koordinati tal-GPS iċċentrati fuq N: 58.79980 E: 5.61022

Mill-15.12.2021 sat-23.12.2021