28.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 163/11


Azzjoni mressqa fl-14 ta’ Jannar 2014 mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kontra l-Islanda

(Kawża E-6/14)

(2014/C 163/10)

Fl-14 ta’ Jannar 2014 l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn Gjermund Mathisen u Auður Ýr Steinarsdóttir, li qegħdin jaġixxu ta’ Aġenti tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, Rue Belliard 35, 1040 Brussell, il-Belġju, ħadet azzjoni kontra l-Islanda fil-Qorti tal-EFTA.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA titlob lill-Qorti tal-EFTA biex:

1.

Tiddikjara li billi l-Islanda naqset li tadotta, u/jew tinnotifika lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA minnfih bil-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġi implimentat l-Att imsemmi fil-punt 5 tal-Kapitolu XXIX tal-Anness II tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/43/KE tal-4 ta’ April 2008 li twaqqaf, skont id-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE, sistema għall-identifikazzjoni u t-traċċabilità tal-isplussivi għall-użi ċivili), kif adattat għall-Ftehim permezz tal-Protokoll 1 tiegħu, fiż-żmien preskritt, l-Islanda ma ssodisfatx l-obbligi tagħha skont l-Att u skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim.

2.

Tordna lill-Islanda tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti.

L-isfond legali u fattwali u l-eċċezzjonijiet miġjuba bħala sostenn:

—

Din l-applikazzjoni tindirizza n-nuqqas tal-Islanda li tikkonforma, sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Settembru 2013, ma’ opinjoni motivata mogħtija mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fit-3 ta Lulju 2013 dwar in-nuqqas ta’ dan l-Istat li jimplimenta fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu, id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/43/KE tal-4 ta’ April 2008 li twaqqaf, skont id-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE, sistema għall-identifikazzjoni u t-traċċabilità tal-isplussivi għall-użi ċivili (“l-Att”), kif imsemmi fil-punt 5 tal-Kapitolu XXIX tal-Anness II għall-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea, u kif adattat għall-Ftehim permezz tal-Protokoll 1 tiegħu.

—

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tiddikjara li l-Islanda ma ssodisfatx l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 15 tal-Att u skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim taż-ŻEE, billi ma adottatx, u/jew ma nnotifikatx lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA bil-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġi implimentat l-Att fiż-żmien preskritt.