17.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 185/10


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Frar 2007

dwar l-iskema ta’ għajnuna skond il-Liġi Nru 21/2003 (l-Artikoli 14, 15 u 16) tar-Reġjun ta’ Sqallija Nru C 31/2005 (ex N 329/2004) li l-Italja qed tippjana sabiex timplementa

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 285)

(Il-verżjoni Taljana biss hi awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/498/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 88(2) ta’ dan,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) ta’ dan,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati kollha sabiex iressqu l-kummenti tagħhom skond dawk id-dispożizzjonijiet (1) u wara li qieset il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Bl-ittra tat-28 ta’ Lulju 2004, l-awtoritajiet Taljani innotifikaw l-Artikoli 14, 15 u 16 tal-Liġi Reġjonali Nru 21 tad-29 ta’ Diċembru 2003 (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Liġi Reġjonali Nru 21/2003”). Bl-ittra tat-22 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni. Bl-ittra ta’ l-24 ta’ Jannar 2005, l-awtoritajiet Taljani talbu estensjoni ta’ l-iskadenza li ġiet aċċettata mill-Kummissjoni b’ittra tal-25 ta’ Jannar 2005.

(2)

Bl-ittra tas-26 ta’ Jannar 2005, l-awtoritajiet Taljani stqarrew li l-għajnuna prevista fl-Artikoli 14 u 15 qed tkun implimentata taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għal għajnuna de minimis (2) sakemm tingħata approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.

(3)

Bl-ittra tad-29 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni staqsiet lill-awtoritajiet Taljani għal aktar informazzjoni. Wara tfakkira mibgħuta lilhom fis-27 ta’ April 2005, l-awtoritajiet Taljani ressqu l-informazzjoni mitluba bl-ittri tat-18 ta’ Mejju u t-2 ta’ Ġunju 2006.

(4)

Intalbet aktar informazzjoni bl-ittra ta’ l-10 ta’ Ġunju 2005. L-awtoritajiet Taljani wieġbu bl-ittri tat-12 ta’ Lulju u l-14 ta’ Lulju 2005.

(5)

Bl-ittra tas-6 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni għarrfet lill-Italja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 62 tal-Ftehim taż-ŻEE fir-rigward tal-miżura.

(6)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. (3) Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna.

(7)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kummenti mill-partijiet interessati.

(8)

Bl-ittra ta’ l-10 ta’ Novembru 2005, l-awtoritajiet Taljani talbu lill-Kummissjoni sabiex tissospendi l-proċedura sas-sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Każ C-475/2003 dwar il-kompatibilità tat-taxxa reġjonali Taljana dwar l-attività produttiva (IRAP) ma’ l-Artikolu 33(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri marbuta mat-taxxi fuq il-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa ta’ valur miżjud: bażi uniformi ta’ evalwazzjoni (4). Il-Kummissjoni aċċettat it-talba bl-ittra tat-18 ta’ Ottubru 2005. Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement iddikjarat l-IRAP inkompatibbli ma’ l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 77/388/KEE (5).

(9)

Bl-ittra ta’ l-10 ta’ Mejju 2006 (A/33600), l-awtoritajiet Taljani għarrfu lill-Kummissjoni dwar l-emenda għall-miżuri previsti fl-Artikoli 14 u 15. Permezz ta’ din l-emenda, il-miżuri huma implimentati taħt ir-Regolament de minimis ukoll.

II.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

(a)   Il-bażi ġuridika tal-miżura

(10)

L-Artikoli 14, 15 u 16 tal-Liġi Reġjonali Nru 21/2003.

(b)   L-għan tal-miżura

(11)

Skond l-awtoritajiet Taljani, il-miżura hi mfassla sabiex tippromwovi t-twaqqif ta’ kumpaniji ġodda u sabiex tnaqqas id-differenza bejn il-kumpaniji fi Sqallija u l-kumpaniji bbażati f’reġjuni oħra ta’ l-Italja.

(12)

Barra minn hekk, il-miżura in kwistjoni għandha l-għan li trawwem l-integrazzjoni ta’ l-ekonomija ta’ l-Unjoni Ewropea ma’ l-ekonomiji tal-pajjiżi li ffirmaw id-Dikjarazzjoni Finali tal-Konferenza Ministerjali Ewro-Mediterranja ta’ Barcelona tas-27 u t-28 ta’ Novembru 1995 (il-Konferenza ta’ Barċelona).

(13)

Il-miżura fiha żewġ skemi: L-Artikoli 14 u 15 tal-Liġi Reġjonali Nru 21/2003 tipprevedi eżenzjoni mill-IRAP għal ċerti kumpaniji, u l-Artikolu 16 ta’ l-istess Liġi jipprevedi t-twaqqif taċ-Ċentru Ewro-Mediterranju għas-Servizzi Finanzjarji u l-Assigurazzjoni.

(14)

L-Artikoli 14 u 15 jipprevedu eżenzjoni ta’ ħames snin mill-IRAP għal ċerti kumpaniji ġodda li bdew l-operat tagħhom fl-2004 u għal ċerti kumpaniji eżistenti.

(15)

L-Artikolu 14 jipprevedi eżenzjonijiet suċċessivi ta’ ħames snin mill-IRAP (sa mill-bidu tal-ħidmiet) għal:

(a)

Kumpaniji fis-settur turistiku, is-settur tal-lukandi u dak tas-snajja’, kumpaniji fis-settur kulturali, kumpaniji ta’ ikel agrikolu u kumpaniji ta’ l-ITC li bdew joperaw fl-2004;

(b)

Il-kumpaniji industrijali li bdew il-ħidma fl-2004 bi dħul ta’ inqas minn 10 miljun euro.

(16)

L-Artikolu 15 jipprevedi eżenzjonijiet suċċessivi ta’ ħames snin mill-IRAP sa mill-2004 pagabbli fuq is-sehem tal-bażijiet ta’ taxxa li jaqbżu l-medja għas-snin 2001-2003 għall-kumpaniji eżistenti kollha, ħlief dawk li joperaw fis-setturi kimiċi u petrokimiċi.

(17)

Dawk il-kumpaniji li rreġistraw l-uffiċċju, il-kwartieri amministrattivi u l-post ta’ negozju tagħhom b’mod kumulattiv fi Sqallija biss huma eliġibbli għall-iskema ta’ għajnuna.

(18)

L-Artikolu 16 jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewro-Mediterranju għas-Servizzi Finanzjarji u l-Assigurazzjoni, li jkopri sussidjarji jew intrapriżi assoċjati ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, senserija ta’ proprjetà, kumpaniji ta’ investiment b’fiduċja, kumpaniji ta’ assigurazzjoni u kumpaniji finanzjarji li jiġbru fondi fi swieq internazzjonali għal użu esklussivament ’il barra mit-territorju ta’ l-Istat Taljani ma’ persuni mhux residenti. Attivi fiċ-Ċentru hemm ukoll kumpaniji li jipprovdu servizzi ta’ intermedjazzjoni u assistenza għall-kummerċ internazzjonali. Il-President tar-Reġjun ta’ Sqallija ħatar kumitat ta’ sorveljanza, sabiex jagħti jew jirtira l-awtorizzazzjoni għal kumpaniji sabiex joperaw fi ħdan iċ-Ċentru.

(19)

Dawn il-kumpaniji jgwadu l-benefiċċji li ġejjin:

(a)

50 % tnaqqis fir-rata ta’ l-IRAP għal dħul iġġenerat fiċ-Ċentru;

(b)

Eżenzjoni minn dazji fuq konċessjonijiet reġjonali;

(ċ)

Skont b’rata fissa fuq it-taxxa ta’ reġistrazzjoni, it-taxxa fuq l-ipoteka u t-taxxi katastali;

(d)

Eżenzjoni mit-taxxa tal-kumpanija fuq dħul iġġenerat fi Sqallija (6) b’konnessjoni ma’ attivitajiet imwettqa fiċ-Ċentru.

(20)

Il-benefiċċji għat-taxxa disponibbli taħt l-iskema jingħataw biss fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi li ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Barcelona tas-27-28 ta’ Novembru 1995 (7).

(21)

Il-post preċiż taċ-Ċentru fi Sqallija u l-kriterji għall-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni sabiex isir negozju fiċ-Ċentru għandhom jiġu determinati fir-regolamenti ta’ implimentazzjoni.

(22)

Il-miżuri joriġinaw mill-implimentazzjoni mir-Reġjun ta’ Sqallija ta’ l-awtonomija tat-taxxa mogħtija bl-Artikoli 36 u 38 ta’ l-Istatut Reġjonali ta’ Sqallija, li jikklassifika bħala att kostituzzjonali.

(ċ)   Baġit għall-miżura

(23)

L-awtoritajiet Taljani jikkalkulaw li, ladarba jkunu introduċew il-klawsoli t’hawn fuq, l-impatt baġitarju ta’ l-Artikoli 14 u 15 jkun ta’ madwar 170 miljun euro (120 miljun euro u 48 miljun euro rispettivament) bejn l-2004 u l-2009. Ma pprovdew l-ebda kalkolu ta’ l-impatt ta’ l-Artikolu 16.

(d)   It-tul tal-miżura

(24)

Il-Liġi Reġjonali Nru 21/2003 daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Diċembru 2003, imma d-dħul fis-seħħ ta’ l-Artikoli 14, 15 u 16 hu soġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.

(25)

B’ittra tas-26 ta’ Jannar 2005, l-awtoritajiet Taljani għarrfu lill-Kummissjoni li l-għajnuna prevista fl-Artikoli 14 u 15 kienet implimentata taħt ir-Regolament de minimis, sakemm tingħata approvazzjoni mill-Kummissjoni. Sussegwentment, b’ittra ta’ l-10 ta’ Mejju 2006, huma stqarrew li l-għajnuna prevista fl-Artikoli 14 u 15 kienet implimentata taħt ir-Regolament de minimis ukoll “fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva adottata mill-Kummissjoni”.

(26)

Il-miżura prevista fl-Artikolu 14 tapplika b’effett mill-2005. L-awtoritajiet Taljani impenjaw irwieħhom li japplikawha għal ħames snin ta’ taxxa.

(27)

Il-miżura prevista fl-Artikolu 15 qed tkun applikata wkoll għal ħames snin ta’ taxxa, mill-2004 sa l-2009.

(28)

Il-miżura prevista fl-Artikolu 16 tapplika mid-dħul fis-seħħ tal-miżura sas-sena ta’ taxxa wara dik li fiha ż-żona ta’ kummerċ ħieles imsemmija fid-Dikjarazzjoni ta’ Barcelona tkun effettivament fis-seħħ (2010).

III.   BAŻI GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

(a)   L-Artikoli 14 u 15: Eżenzjonijiet IRAP

(29)

Fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Settembru ta’ l-2005, il-Kummissjoni adottat il-fehma li l-iskema ta’ għajnuna notifikata tikkostitwixxi għajnuna statali fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE ladarba huma involuti riżorsi statali, u ladarba hi selettiva billi tkun immirata lejn oqsma u jew kategoriji partikolari ta’ impenn, ladarba tagħti vantaġġ finanzjarju lil ċerti kategoriji ta’ impenn f’termini ta’ piż ta’ taxxa mnaqqas u ladarba tista’ xxekkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ fil-livell Komunitarju.

(30)

Waħda mir-raġunijiet għall-bidu tal-proċedura kienet li l-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk l-għajnuna prevista fl-Artikoli 14, 15 u 16 tal-Liġi Reġjonali Nru 21/2003 kinitx kompatibbli mas-suq wieħed.

(31)

L-ewwelnett, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-miżura kinitx tilħaq il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna nazzjonali reġjonali (8) (“il-Linji Gwida”). Fil-fatt, skond in-notifika, il-miżura tagħti għajuna għall-operat lil kumpaniji Sqallin li jilħqu l-kriterji indikati fil-punti 14 u 17 u lil kumpaniji li joperaw fiċ-Ċentru Ewro-Mediterranju għas-Servizzi Finanzjarji u l-Assigurazzjoni.

(32)

Fil-punt 4.15 tal-Linji Gwida, l-għajnuna għall-operat tista’ tingħata jekk il-miżura tkun ġustifikata f’termini tal-kontribuzzjoni tagħha għall-iżvilupp fir-reġjun u n-natura tagħha u jekk il-livell tagħha jkunx proporzjonali għan-nuqqasijiet li din tfittex li ttaffi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ddubitat jekk l-awtoritajiet Taljani rnexxielhomx jiġġustifikaw l-għoti ta’ għajnuna għall-operat billi juru l-eżistenza ta’ nuqqasijiet u jkejlu l-importanza tagħhom u jekk l-għajnuna tkunx ġustifikata f’termini tal-kontribuzzjoni tagħha għall-iżvilupp reġjonali.

(33)

Il-Kummissjoni kellha dubji jekk l-għajnuna għall-operat prevista fl-Artikoli 14 u 15 tal-Liġi Reġjonali Nru 21/2003 setgħetx tkun kompatibbli mas-suq komuni u jekk tikkontribwixxix għall-ħolqien ta’ kumpaniji ġodda u t-tnaqqis tad-distakk bejn kumpaniji li joperaw fi Sqallija u kumpaniji li joperaw f’imkejjen oħra fl-Italja. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnutat li r-rabta bejn it-tnaqqis ta’ l-IRAP għall-benefiċjarji (per eżempju dawk koperti mill-Artikolu 15) u l-ħolqien ta’ kumpaniji ġodda fi Sqallija mhix ċara u baqgħet mhix spjegata mill-awtoritajiet Taljani. Imbagħad, il-fatt li fit-teorija, it-tnaqqis ta’ l-IRAP iżid l-għadd ta’ kumpaniji ġodda mhux fih innifsu biżżejjed sabiex l-għajnuna titqies bħala kompatibbli.

(34)

Fin-notifika, l-awtoritjaiet Taljani argumentaw li l-ammont ta’ 10 miljun euro kien baxx biżżejjed biex jiżgura li l-Artikolu 14 japplika biss għall-SMEs. Il-Kummissjoni argumentat li l-Artikolu 14 kien biss, superfiċjalment, ristrett de facto għall-SMEs, għax ma qiesx l-għadd ta’ impjegati u, fuq kollox, il-fatt li l-kumpanija li tibbenefika mill-miżura kienet intrapriża “marbuta” jew “imsieħba” fit-tifsira tal-linji gwida ta’ l-SME (9). Barra minn hekk, anke jekk l-awtoritajiet Taljani jkunu jistgħu jippruvaw li l-SMEs jibbenefikaw mill-miżura biss fit-tifsira tal-linji gwida, il-Kummissjoni tosserva li l-miżura in kwistjoni xorta tikkostitwixxi għajnuna għall-operat.

(35)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani qalu li l-prevalenza ta’ mikro-intrapriżi rriżultat f’nefqiet ta’ ffinanzjar ogħla u intensità akbar ta’ xogħol; spejjeż ta’ xogħol u djun jikkostitwixxu parti kbira mill-bażi tat-taxxa ta’ l-IRAP, u b’hekk iqiegħdu lill-kumpaniji Sqallin fi żvantaġġ. Il-Kummissjoni nnutat li, anke jekk il-problema li kienet qed tiffaċċja l-ekonomija ta’ Sqallija kienet il-proporzjon għoli ta’ mikro-intrapriżi u l-konsegwenzi ta’ dan, tnaqqis ġenerali ta’ l-IRAP għal kumpaniji ta’ kull daqs ma tindirizzax il-kwistjoni għax ma kinitx immirata għal mikro-intrapriżi. Barra minn hekk, l-għajnuna ma dehritx li kienet maħsuba sabiex tindirizza l-problemi assoċjati ma’ l-istatus ta’ Sqallija bħala gżira fis-sens li mhix relatata ma’ aktar spejjeż marbuta ma’ insularità bħal spejjeż ta’ trasport. Per eżempju, mhux evidenti għall-Kummissjoni li l-kumpaniji li joperaw fis-setturi tat-turiżmu, lukandi u prodotti kulturali jsibu żvantaġġi partikolari minħabba l-fatt li jkunu bbażati fi Sqallija (l-Artikolu 14).

(36)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li s-sottomissjonijiet mill-awtoritajiet Taljani ma fihomx biżżejjed informazzjoni sabiex jiggarantixxu li l-għajnuna tonqos biż-żmien. Fl-eżempju mogħti, jidher li l-awtoritajiet Taljani fi ħsiebhom inaqqsu l-proporzjon ta’ eżenzjoni mill-IRAP. Madanakollu, dan fih innifsu ma jiggarantix li l-ammont ta’ għajnuna jkun fuq skala li tonqos biż-żmien.

(37)

Barra minn hekk, ma jidhirx lill-Kummissjoni li, la l-Artikolu 15 jipprovdi għajnuna għal kumpaniji tad-daqsijiet kollha, l-użu ta’ data dwar kumpaniji biss bi dħul ta’ inqas minn 10 miljun euro u b’inqas minn għaxar impjegati fis-setturi industrijali, ta’ l-ICT u turistiċi/tal-lukandi jista’ juri l-proporzjonalità tal-miżura in kwistjoni.

(38)

Il-Kummissjoni argumentat li l-miżura tidher li hi materjalment selettiva fis-sens li l-vantaġġi tat-taxxa previsti fl-Artikoli 14 u 15 jeskludu diversi kategoriji ta’ kumpaniji mill-grupp ta’ benefiċjarji possibbli (ara l-punt 56), u jiffavorixxu b’mod partikolari s-setturi tat-turiżmu, l-lukandi, il-prodotti kulturali, l-ikel agrikolu u l-ICT. Barra minn hekk, il-miżura tidher li tiffavorixxi kumpaniji eżistenti u ġodda bi dħul ta’ inqas minn 10 miljun euro imma teskludi dawk li joperaw fis-setturi kimiċi u petrokimiċi.

(39)

Fis-sottomissjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet Taljani stqarrew li l-kumpaniji fis-setturi kimiċi u petrokimiċi kienu esklużi mill-benefiċċju ta’ l-Artikolu 15 minħabba li ma kinux affettwati mill-ispejjeż għalja ta’ trasport assoċjati ma’ l-istatus ta’ gżira ta’ Sqallija u minħabba li l-għadd ta’ kumpaniji f’dawk is-setturi kien żgħir ħafna. Madanakollu, ma jidhirx lill-Kummissjoni li l-kumpaniji fis-setturi kollha eliġibbli għall-miżura ta’ għajnuna huma effettwati minn spejjeż għolja ta’ trasport; barra minn hekk, l-għadd ta’ benefiċjarji m’għandu l-ebda influwenza fuq il-klassifikazzjoni ta’ miżura partikolari ta’ għajnuna.

(40)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni nnutat li l-miżura tiddiskrimina bejn kumpaniji “Sqallin” u “mhux Sqallin” peress li teskludi kumpaniji bl-uffiċċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor milli jibbenefikaw mill-għajnuna. Il-Kummissjoni jidhrilha li ma hemm l-ebda raġuni oġġettiva sabiex tkun ġustifikata din l-għażla min-naħa ta’ l-awtoritajiet Taljani u li dan l-għoti ta’ l-iskema ta’ għajnuna qiegħed, għalhekk, jikser l-Artikolu 43 tat-Trattat tal-KE. Għal din ir-raġuni wkoll, il-Kummissjoni osservat li l-miżura ma tistax tkun kompatibbli mas-suq komuni (10). Innutat ukoll li l-miżura tagħti vantaġġ selettiv lil kumpaniji Sqallin fis-sens li l-intrapriżi taxxabbli li għandhom, b’mod kumulattiv, l-uffiċċju reġistrat tagħhom, il-kwartieri amministrattivi u l-post tan-negozju fi Sqallija biss jistgħu jibbenefikaw mill-iskema. Dan ma jidhirx li hu l-każ tal-kumpaniji kollha li jwettqu attività produttiva jew kummerċjali fi Sqallija u li huma soġġetti għall-IRAP fuq dik l-attività. L-awtoritajiet Taljani ma offrew l-ebda argument dwar dak l-aspett tas-sottomissjonijiet tagħhom.

(b)   Artikolu 16

(41)

L-ewwelnett, il-Kummissjoni argumentat li l-awtoritajiet Taljani fis-sottomissjonijiet tagħhom ma kkjarifikawx għaliex jemmnu li l-għajnuna għat-twaqqif taċ-Ċentru Ewro-Mediterranju għas-Servizzi Finanzjarji u l-Assigurazzjoni tista’ tikkwalifika għall-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE.

(42)

L-awtoritajiet Taljani stqarrew fis-sottomissjonijiet tagħhom li l-miżura in kwistjoni tikkostitwixxi għajnuna għall-operat. Il-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni li t-tfixkil tal-kompetizzjoni li jirriżulta minn għajnuna fis-settur finanzjarju tista’ tkun qawwija ħafna u li attivitajiet finanzjarji ma jgħinux b’mod sinifikanti sabiex isewwu n-nuqqasijiet li jiltaqgħu magħhom ir-reġjuni eliġibbli għall-eżenzjoni taħt l-Artikolu 87(3)(a), kif miktub fin-notifika tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ għajnuna mill-istat għal miżuri marbuta ma’ tassazzjoni diretta tan-negozju (11) u d-diversi deċiżjonijiet meħuda minn dakinhar. Il-Kummissjoni fakkret li n-notifika msemmija tgħid ċar u tond li, sabiex tkun meqjusa bħala kompatibbli mas-suq komuni, l-għajnuna mill-istat intiża sabiex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ oqsma partikolari għandha tkun “proporzjonali għal, u mmirata lejn l-għanijiet imfittxija”. Minn din il-perspettiva, attivitajiet lil hinn mix-xatt u attivitajiet li għandhom ftit jew xejn impatt fuq l-ekonomija lokali mhux probabbli li jitqiesu bħala għajnuna statali kompatibbli. Il-Kummissjoni, għalhekk, iddubitat jekk hemmx proporzjonalità bejn il-livell ta’ għajnuna u n-nuqqas li din tfittex li ttaffi.

(43)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni għandha d-dubji dwar jekk il-miżura prevista fl-Artikolu 16 setgħetx titqies bħala proġett ta’ interess komuni Ewropew fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat tal-KE.

(44)

Fil-fatt, il-ġustifikazzjoni ewlenija mressqa mill-awtoritajiet Taljani b’appoġġ għall-għajnuna kienet li l-miżura hi meqjusa bħala proġett ta’ interess komuni Ewropew fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat tal-KE għaliex l-Artikolu 16 hu simili għal dispożizzjoni fil-Liġi Nru 19/1991 dwar l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi u kooperazzjoni internazzjonali fir-reġjun tal-Friuli-Venezia Giulia, il-provinċja ta’ Belluno u żoni fil-viċin, li stabbilixxiet iċ-Ċentru għas-Servizzi Finanzjarji u Assigurazzjoni ta’ Trieste, li l-Kummissjoni kienet sabet li hu inkompatibbli fl-2003 wara li din awtorizzatu fl-1995 taħt l-eżenzjoni ta’ l-Artikolu 87(3)(b) (12) tat-Trattat tal KE. F’dan ir-rigward, il-Kummisjoni qalet li, fl-ewwel deċiżjoni tagħha, l-għajnuna għat-twaqqif taċ-Ċentru għas-Servizzi Finanzjarji u l-Assigurazzjoni ta’ Trieste kienet meqjusa bħala kompatibbli mas-suq komuni taħt l-eżenzjoni fl-Artikolu 92(3)(c) (issa l-Artikolu 87(3)(c)) u mhux taħt l-eżenzjoni fl-Artikolu 87(3)(b) (13).

(45)

L-awtoritajiet Taljani qalu li r-raġunijiet tal-qlib tad-deċiżjoni preċedenti ta’ kompatibilità mill-Kummissjoni huma bbażati fuq il-fatt li Sqallija hi reġjun eliġibbli għall-għajnuna mill-istat taħt l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal KE u li, fil-każ preżenti, is-suq ta’ kapital Ewropew mhux integrat mas-suq ta’ kapital Afrikan u għalhekk, li tkun appoġġjata din l-integrazzjoni skond id-Dikjarazzjoni ta’ Barcelona jibqa’ għan ewlieni Ewropew.

(46)

Il-Kummissjoni qalet li kull analiżi għandha ssir fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi differenti ta’ skemi li jidhru simili imma li jistgħu jkunu sinifikattivi ħafna, bħal fil-kuntest ekonomiku. F’dan ir-rigward hu enfasizzat, per eżempju, li l-għajnuna totali (fuq it-tul ta’ ħames snin ta’ l-iskema) offruta għat-twaqqif taċ-Ċentru ta’ Servizzi Finanzjarju u Assigurazzjoni ta’ Trieste kellha massimu stabbilit u li l-ammont totali ta’ self u investimenti minn kumpaniji fiċ-Ċentru kien limitat.

(47)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-istess raġunament bħal dak applikat fl-2003 fil-każ ta’ Trieste xorta jrieġi f’dan il-każ, għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

Wieħed mill-argumenti ewlenin għall-qlib tad-deċiżjoni ta’ Trieste kien li din ix-xorta ta’ miżura tikkostitwixxi għajnuna għall-operat li l-Kummissjoni tawtorizza eċċezzjonalment biss fis-setturi ta’ attività li jitolbu trattament speċjali. Dan mhux il-każ fis-settur finanzjarju u l-Kummissjoni hi tal-fehma li, illum, għajnuna lil parteċipanti fis-swieq finanzjarji tista’ ġġib tfixkil sinifikattiv f’dan is-settur.

(b)

Argument ieħor għall-qlib tad-deċiżjoni ta’ Trieste kien li, fl-evalwazzjoni tagħha mwettqa fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat, il-Kummissjoni tista’ tqis ukoll l-effetti ħżiena fuq il-kompetizzjoni li ġew enfasizzati bix-xogħol fuq il-Kodiċi ta’ Mġiba għat-Tassazzjoni tan-Negozju (14). Dan ix-xogħol wera li inċentivi ta’ taxxa fuq attivitajiet ta’ mobilità internazzjonali, bħall-finanzi, l-assigurazzjoni u servizzi bejn il-gruppi, jista’ jkollhom effetti ħżiena fuq Stati Membri oħra, b’mod partikolari għax joħolqu opportunitajiet għall-evażjoni tat-taxxa. Ir-reġim ta’ Trieste, li kien evalwat bħala reġim li jagħmel il-ħsara taħt il-kriterji stabbiliti fil-Kodiċi, jista’ jkollu tali potenzjal. Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Taljani, fl-impenji tagħhom dak iż-żmien dwar miżuri xierqa għall-iskema ta’ Trieste, irreferew għal-laqgħa tad-19 ta’ Marzu 2002 tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta’ Mġiba, li fih l-Italja stqarret li ċ-Ċentru kellu jingħalaq fi żmien perjodu kompatibbli mal-programm ta’ xogħol fuq il-Kodiċi ta’ Mġiba.

(48)

Fl-aħħarnett, wara li saħqet li tnejn mill-pajjiżi li kienu ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Barcelona, Ċipru u Malta, kienu diġà membri ta’ l-Unjoni Ewropea fi żmien in-notifika tal-miżura preżenti, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sitwazzjoni tal-pajjiżi li se jibbenefikaw minn investimenti mill-kumpaniji stabbiliti fiċ-Ċentru tvarja f’ħafna aspetti mis-sitwazzjoni tal-pajjiżi ta’ l-Ewropa tal-Lvant fl-1995. B’mod partikolari, il-problemi speċjali ta’ tranżizzjoni jew ma ffaċċjawhomx ħafna mill-firmatarji tad-Dikjarazzjoni ta’ Barċelona jew iltaqgħu magħhom fl-imgħoddi (per eżempju, it-Turkija u l-Iżrael huma b’mod ċar ekonomiji tas-suq ħieles) u l-perjodu ta’ tranżizzjoni spiċċa (per eżempju, fl-Alġerija).

(49)

Għalhekk, il-Kummissjoni tiddubita kemm l-Artikolu 16 jikkwalifika għall-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat tal-KE.

(50)

Il-Kummissjoni għalhekk spjegat li hi qieset analiżi aktar fil-fond tal-kwistjoni bħala waħda meħtieġa. Analiżi bħal din ikollha tinkludi kwalunkwe kummenti mwettqa minn partijiet interessati terzi. Il–Kummissjoni setgħet tiddeċiedi jekk il-miżura proposta mill-awtoritajiet Taljani teffettwax il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt kuntrarju għall-interess komuni biss wara li qieset tali kummenti.

IV.   KUMMENTI MILL-ITALJA

(51)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kummenti mill-awtoritajiet Taljani jew minn partijiet terzi interessati li xtaqu jwarrbu d-dubji mqajma meta nbdiet il-proċedura formali ta’ investigazzjoni.

V.   EVALWAZZJONI TAL-MIŻURA

V.1.   Legalità

(52)

Bin-notifika ta’ l-iskema ta’ l-għajnuna bi standstill clause jew, fil-każ ta’ l-Artikoli 14 u 15, bl-implimentazzjoni tagħha taħt ir-Regolament de minimis sakemm awtorizzata mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Taljani kkonformaw mal-ħtiġijiet proċedurali ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE.

V.2.   Il-karattru ta’ għajnuna statali ta’ l-iskema

(53)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE għar-raġunijiet li ġejjin:

Preżenza ta’ riżorsi statali:

(54)

Il-miżura tinvolvi l-użu ta’ riżorsi ta’ l-istat f’termini ta’ dħul mit-taxxa rinunzjat mir-Reġjun ta’ Sqallija u li jikkorrispondi għar-responsabbiltà mnaqqsna tat-taxxa tal-benefiċjarju.

Vantaġġ ekonomiku:

(55)

Il-miżura tagħti vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarju li jirriżulta mit-tnaqqis tal-piż effettiv tat-taxxa, li jittraduċi ruħu f’vantaġġ finanzjarju f’termini ta’ ħlas imnaqqas ta’ taxxa li minnu l-kumpaniji jibbenefikaw immedjatament fis-snin meta jiġi applikat it-tnaqqis.

Preżenza ta’ selettività fil-fatt li l-miżura tiffavorixxi “ċerti ħidmiet jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti”:

—   L-Artikoli 14 u 15

(56)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Artikoli 14 u 15 għandhom ikunu eżaminati flimkien minħabba li jagħtu vantaġġi simili lil kategoriji differenti ta’ benefiċjarji. Iż-żewġ artikoli ikkombinati jeskludu mill-grupp ta’ benefiċjarji possibbli kategoriji varji ta’ intrapriżi:

(a)

Kumpaniji ġodda bi dħul ta’ aktar minn 10 miljun euro li joperaw fis-setturi kollha ħlief dawk imsemmija fl-Artikolu 14(1) (i.e. turiżmu, lukandi, prodotti kulturali, ikel agrikolu, ITC u attivitajiet ta’ snajja’);

(b)

Kumpaniji ġodda bi dħul ta’ inqas minn 10 miljun euro li joperaw fis-setturi kollha ħlief dawk imsemmija fl-Artikolu 14(2) (i.e. l-industrija) dawn, bażikament, huma kumpaniji fis-setturi ta’ l-agrikoltura u s-servizzi);

(ċ)

kumpaniji eżistenti li joperaw fis-setturi kimiċi u petrokimiċi (Artikolu 15).

(57)

Konsegwentement, il-miżura tiffavorixxi ċerti setturi produttivi, b’mod partikolari s-setturi tat-turiżmu, il-lukandi, il-prodotti finanzjarji, l-ikel agrikolu u l-ITC, li fihom il-kumpaniji kollha huma eliġibbli għall-eżenzjonijiet ta’ ħames snin mill-IRAP. It-tieni, din tiffavorixxi kumpaniji industrijali ġodda u eżistenti bi dħul ta’ inqas minn 10 miljun euro, esklużi kumpaniji li joperaw fis-setturi kimiċi u petrokimiċi.

(58)

Anke kieku l-awtoritajiet Taljani kellhom jippruvaw li ma kien hemm l-ebda kumpaniji ġodda bi qligħ ta’ aktar minn 10 miljun euro fl-industrija, esklużi s-setturi kimiċi u petrokimiċi, il-miżura, skond il-każistika eżistenti (15), tkun tammonta għal miżura selettiva li tiffavorixxi s-settur produttiv msemmi hawn fuq minħabba li l-eżenzjoni mil-IRAP għal ħames snin mhix disponibbli għal kumpaniji attivi f’setturi oħra minbarra l-industrija.

(59)

Fl-aħħarnett, il-miżura tidher li tagħti vantaġġ selettiv lil kumpaniji Sqallin fis-sens li l-intrapriżi taxxabbli li għandhom, b’mod kumulattiv, l-uffiċċju reġistrat tagħhom, il-kwartieri amministrattivi u l-post tan-negozju fi Sqallija biss jistgħu jibbenefikaw mill-iskema. Dan ma jidhirx li hu l-każ tal-kumpaniji kollha li jwettqu attività produttiva jew kummerċjali fi Sqallija u li huma soġġetti għall-IRAP fuq dik l-attività.

—   Artikolu 16: Iċ-Ċentru Ewro-Mediterranju għas-Servizzi Finanzjarji u l-Assigurazzjoni

(60)

Il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 16 jagħti vantaġġi selettivi sa fejn ċerti kumpaniji biss jistgħu jibbenefikaw minnhom. Il-vantaġġi huma provduti biss lil kumpaniji finanzjarji u ta’ assigurazzjoni awtorizzati sabiex joperaw fiċ-Ċentru. Il-miżura għalhekk teskludi l-kumpaniji kollha li jiġbru fondi fis-swieq internazzjonali sabiex jinvestuhom fil-pajjiżi msemmija fin-nota 7 ta’ isfel u liema attivitajiet ma’ dawk il-pajjiżi ma jsirux fiċ-Ċentru.

(61)

Barra minn hekk, il-miżura hi selettiva sakemm teskludi kumpaniji ta’ assigurazzjoni u finanzi li jinvestu fl-Italja u f’pajjiżi oħra li ma jidhrux fil-lista komprensiva mogħtija fin-nota 7 ta’ isfel.

(62)

Bl-istess mod, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura proposta hija selettiva.

Tfixkil ta’ kompetizzjoni u kummerċ bejn Stati Membri

(63)

Skond il-każistika konkluża (16), sabiex miżura tfixkel il-kompetizzjoni jkun biżżejjed li il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna jikkompeti ma’ intrapriżi oħra fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni.

(64)

Il-Kummissjoni tosserva li l-miżuri fl-Artikoli 14 u 15 jidhru li jfixklu l-kompetizzjoni u jeffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri għax għandhom l-effett li jnaqqsu minn fuq il-benefiċjarji piż li altrimenti kien ikollhom jerfgħuh.

(65)

Fil-każ preżenti, il-benefiċjarji huma kumpaniji ta’ kull daqs li joperaw l-aktar fl-industrija, esklużi s-setturi kimiċi u petrokimiċi. Dawn il-kumpaniji jikkompetu ma’ kumpaniji oħra fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni sabiex, skond il-każistika konkluża, l-eżenzjoni mill-IRAP potenzjalment tfixkel il-kompetizzjoni u teffettwa l-kummerċ.

(66)

Bl-istess mod, il-Kummissjoni tqis li l-miżura fl-Artikolu 16 tfixkel il-kompetizzjoni u teffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Meqjusa n-natura tan-negozju tagħhom, kumpaniji finanzjarji, kumpaniji ta’ assigurazzjoni, senseriji ta’ proprjetà u kumpaniji ta’ fiduċja jikkompetu ma’ kumpaniji oħra fil-livell Ewropew.

(67)

Bl-istess mod, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema proposta tikkostitwixxi għajnuna mill-istat.

V.3.   Kompatibilità

(68)

Sakemm il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat ta’ KE, il-kompatibilità tagħha għandha tkun evalwata fid-dawl ta’ l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 87(2) u (3). L-eżenzjonijiet fl-Artikolu 87(2), li jikkonċernaw l-għajnuna ta’ karattru soċjali u mogħtija lil konsumaturi individwali, għajnuna sabiex tpatti għal ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew ġrajjiet eċċezzjonali u għajnuna mogħtija lil ċerti żoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma japplikawx f’dan il-każ. Il-miżura ma tistax titqies bħala proġett importanti ta’ interess komuni Ewropew jew li tirrimedja interruzzjoni serja fl-ekonomija Taljana, kif previst fl-Artikolu 87(3)(b). Lanqas ma tista’ tikkwalifika għall-eżenzjoni taħt l-Artikolu 87(3)(c), li jipprevedi l-awtorizzazzjoni li għandha tingħata għal għajnuna sabiex ikun iffaċilitat l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ċerti oqsma ekonomiċi, fejn tali għajnuna ma teffettwax ħażin il-kundizzjonijiet ta’ kummerċ sal-punt li tkun kuntrarja għall-interess komuni. Fl-aħħarnett, il-miżura m’għandhiex bħala għan tagħha l-promozzjoni tal-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju kif previst fl-Artikolu 87(3)(d).

(69)

L-Artikolu 87(3)(a) jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna sabiex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ oqsma fejn il-livell ta’ l-għixien hu baxx b’mod mhux normali jew fejn hemm qgħad serju. Sqallija hi reġjun eliġibbli għal dik l-eżenzjoni.

(70)

Fid-deċiżjoni tagħha sabiex tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet, imqassra fil-paragrafi 29 sa 50, għaliex iddubitat li l-miżura tista’ tikkwalifika għall-eżenzjoni fl-Artikolu 87(3)(a). Barra minn hekk, eliminat il-possibbiltà li l-miżura prevista fl-Artikolu 16 tal-Liġi Reġjonali Nru 21/2003 setgħet tikkwalifika għall-eżenzjoni fl-Artikolu 87(3)(b), li jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna sabiex tippromwovi t-twettiq ta’ proġett ta’ interess Ewropew komuni jew tirrimedja interruzzjoni serja fl-ekonomija ta’ l-Italja.

(71)

Fl-assenza ta’ kwalunkwe kummenti mill-Italja jew partijiet terzi interessati, il-Kummissjoni tista’ sempliċement tinnota li dawn id-dubji huma konfermati.

VI.   KONKLUŻJONI

(72)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura notifikata mill-Italja u deskritta fil-paragrafi 10 sa 28 mhix kompatibbli mas-suq komuni u m’hi koperta mill-ebda eżenzjoni stabbilita fit-Trattat tal-KE. Il-miżura għalhekk għandha tkun ipprojbita. Skond l-awtoritajiet Taljani, l-għajnuna ma ngħatatx, u allura ma hemm l-ebda ħtieġa li tinkiseb lura,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema ta’ għajnuna li l-Italja qed tippjana li timplementa taħt l-Artikoli 14, 15 u 16 tal-Liġi Nru 21/2003 tar-Reġjun ta’ Sqallija tikkostitwixxi għajnuna mill-istat.

L-għajnuna msemmija fil-paragrafu preċedenti hi inkompatibbli mas-suq komuni u għalhekk ma tistax tkun implimentata.

Artikolu 2

L-Italja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, dwar il-miżuri meħuda sabiex tikkonforma magħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Italja.

Magħmul fi Brussell, 7 ta’ Frar 2007.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 263, 22.10.2005, p. 30.

(2)   ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30.

(3)  Ara n-nota 1 ta’ isfel.

(4)   ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1.

(5)  Il-Każ C-475/2003 Banca popolare di Cremona Soc.coop.arl v Agenzia Entrate Ufficio Cremona, għadu mhux ippubblikat.

(6)  Għall-preċiżjoni, Sqallija tassumi, fit-tifsira ta’ l-Artikolu 8(2) tal-Liġi Nru 212/2000 tas-27 ta’ Lulju 2000 “Id-dispożizzjonijiet dwar l-istatus tad-drittijiet ta’ min iħallas it-taxxa” (Ġurnal Uffiċjali Nru 177 tal-31 ta’ Lulju 2000), id-debitu ta’ taxxa tal-kumpaniji pagabbli mill-benefiċjarji bid-domiċilju fiskali tagħhom barra minn Sqallija. Dħul minn taxxi tal-kumpaniji imħallas minn kumpaniji Sqallin jakkumula għar-Reġjun ta’ Sqallija.

(7)  Il-“pajjiżi terzi” in kwistjoni huma l-Alġerija, Ċipru, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, Malta, il-Marokk, is-Sirja, it-Tuniżija, it-Turkija u l-Awtorità Palestinjana.

(8)   ĠU C 74, 10.3.1998, p. 9.

(9)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 (ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33). Regolament, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1976/2006 (ĠU L 368 tat-23.12.2006, p. 85). Ara b’mod partikolari, l-Anness għar-Rakkomandazzjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ mikro-intrapriżi, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(10)  Ara l-Każ C-156/98 Il-Ġermanja v l-Kummissjoni [2000] ECR I-6857, paragrafi 76-87.

(11)   ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3 (ara l-punt 33).

(12)  B’mod aktar preċiż, iċ-Ċentru twaqqaf bl-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 19/1991 tad-9 ta’ Jannar 1991. Id-deċiżjonijiet relevanti tal-Kummissjoni huma d-Deċiżjoni 95/452/KE tat-12 ta’ April 1995 (ĠU L 264, 7.11.1995, p. 30) u d-Deċiżjoni 2003/230/KE tal-11 ta’ Diċembru 2002 dwar l-iskema ta’ għajnuna eżistenti li l-Italja kienet awtorizzata sabiex timplimenta għaċ-Ċentru ta’ Servizzi Finanzjarji u Assigurazzjoni ta’ Trieste (ĠU L 91, 8.4.2003, p. 47).

(13)  Ara n-nota ta’ isfel nru 12.

(14)  Il-Ministri tal-Finanzi ta’ l-UE stabbilixxew il-Grupp tal-Kodiċi ta’ Mġiba (Tassazzjoni tan-Negozju) f’Kunsill li ltaqa’ fid-9 ta’ Marzu 1998, taħt il-presidenza tal-Paymaster General tar-Renju Unit Dawn Primarolo, sabiex jevalwa l-miżuri ta’ taxxa li jistgħu jkunu fil-firxa tal-Kodiċi ta’ Mġiba. F’rapport ta’ Novembru 1999 il-Grupp identifika 66 miżura ta’ taxxa li jagħmlu ħsara, waħda minnhom il-miżura li tistabbilixxi ċ-Ċentru ta’ Servizzi Finanzjarji u Assigurazzjoni ta’ Trieste.

(15)  Ara pereżempju l-kawża C-143/99 Adria-Wien Pipeline GmbH and Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke GmbH kontra Finanzlandesdirektion für Kärnten, Racc. 2001, paġ. I-08365 dwar rimborż biss lill-impriżi li jipproduċu prodotti materjali.

(16)  Każ T-214/95 Het Vlaamse Gewest v Commission [1998] ECR II-717.