SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
6 ta’ Novembru 2012 ( *1 )
“Appell — Konċentrazzjoni ta’ impriżi fis-suq tal-pubblikazzjoni tal-kotba — Annullament tad-deċiżjoni relatata mal-approvazzjoni ta’ impriża tal-investiment bħala akkwirenti tal-assi ċeduti — Portata tal-eventwali nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju”
Fil-Kawżi magħquda C-553/10 P u C-554/10 P,
li għandhom bħala suġġett żewġ appelli abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fl-24 ta’ Novembru 2010,
Il-Kummissjoni Ewropea (C-553/10 P), irrappreżentata minn O. Beynet kif ukoll minn A. Bouquet u S. Noë, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Éditions Odile Jacob SAS, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn O. Fréget, M. Struys u L. Eskenazi, avukati,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Wendel Investissement SA, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn M. Trabucchi, F. Gordon u C. Baldon, avukati,
Lagardère SCA, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn A. Winckler, F. de Bure u J.-B. Pinçon, avukati,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
u
Lagardère SCA, stabbilita f’Pariġi, (C-554/10 P), irrappreżentata minn A. Winckler, F. de Bure u J.-B. Pinçon, avukati,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Éditions Odile Jacob SAS, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn O. Fréget, M. Struys u L. Eskenazi, avukati,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn, O. Beynet kif ukoll minn A. Bouquet u S. Noë, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Wendel Investissement SA, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn M. Trabucchi, F. Gordon u C. Baldon, avukati,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, K. Lenaerts, viċi-president, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, A. Rosas, M. Berger u E. Jarašiūnas, presidenti tal-Awla, E. Juhász (relatur), J. C. Bonichot, A. Prechal u C. G. Fernlund, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2011,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Marzu 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea u Lagardère SCA (iktar ’il quddiem “Lagardère”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Settembru 2010, Éditions Jacob vs Il-Kummissjoni (T-452/04, Ġabra p. II-4713, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2004) D/203365, tat-30 ta’ Lulju 2004, dwar l-approvazzjoni ta’ Wendel Investissement bħala akkwirenti tal-assi ċeduti skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/422/KE, tas-7 ta’ Jannar 2004, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ Nru COMP/M.2978 ‐ Lagardère/Natexis/VUP) (ĠU L 125, p.54, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
|
2 |
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tapprova lil Wendel Investissement SA (iktar ’il quddiem “Wendel Investissement”) bħala akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid, b’mod konformi mal-paragrafu 14 tal-impenji mehmuża mad-Deċiżjoni 2004/422/KE, ippubblikata fil-forma ta’ sinteżi fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ April 2004, meħuda skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE), tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97, tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 164, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 4064/89”), fil-Każ COMP/M.2978 – Lagardère/Natexis/VUP. |
|
3 |
Dawk iż-żewġ kawżi magħquda jifformaw parti minn lista ta’ kawżi ppreżentati mill-parteċipanti differenti involuti fil-bejgħ tal-assi tal-pubblikazzjoni li huma proprjetà ta’ Vivendi Universal Publishing SA fl-Ewropa (iktar ’il quddiem “VUP”), u li ġew ċeduti lil Lagardère u lil Wendel Investissement, li minnhom irriżultat il-kawża li tat lok għas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob (C-404/10 P), relatata mal-aċċess għad-dokumenti matul din il-proċedura ta’ konċentrazzjoni, u l-kawża li tat lok għas-sentenza odjerna, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni (C-551/10 P), li tirrigwarda r-regolarità tal-konċentrazzjoni nnifisha. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
4 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif esposti fil-punti 1 sa 47 tas-sentenza appellata huma s-segwenti:
[…]
[…]
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
5 |
Permezz ta’ att ippreżentat fit-8 ta’ Novembru 2004, Odile Jacob ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, abbażi tal-Artikolu 230 KE. |
|
6 |
Insostenn tar-rikors tagħha, Odile Jacob tinvoka erba’ motivi, ibbażati rispettivament fuq il-fatt li l-Kummissjoni, fl-ewwel lok, naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ superviżjoni tas-selezzjoni tal-kandidati għall-akkwist tal-assi ċeduti mill-ġdid, fit-tieni lok, approvat lil Wendel Investissement abbażi ta’ rapport stabbilit minn mandatarju mhux indipendenti minn Éditis, minn Lagardère u minn Wendel Investissement, fit-tielet lok, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija kellha u, fir-raba’ lok, wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-konformità tal-kandidatura ta’ Wendel Investissement mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-akkwirent tal-assi ċeduti mill-ġdid, iddefiniti fil-paragrafu 10(b) tal-impenji ta’ Lagardère. |
|
7 |
B’riposta għat-tieni motiv li ġie eżaminat preliminarjament, il-Qorti Ġenerali irrelevat li Investima 10, li saret Éditis, fl-20 ta’ Diċembru 2002, ħatret lil B., president tad-ditta S., bħala membru tal-bord eżekuttiv tagħha, fil-kwalità ta’ terza parti indipendenti, filwaqt li, barra minn dan, Lagardère fid-9 ta’ Frar 2004 ħatret lill-istess ditta S. bħala mandatarja responsabbli, skont il-paragrafu 21(g) tal-impenji li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2004/422, sabiex “tiżgura l-eżekuzzjoni sodisfaċenti” taċ-ċessjoni tal-assi ċeduti mill-ġdid. Din il-mandatarja kienet irremunerata f’din il-kapaċità minn Lagardère. |
|
8 |
B’hekk id-ditta S. ġiet maħtura mandatarja, fis-sens tal-paragrafu 15 tal-impenji ta’ Lagardère, u B., il-President tagħha f’din id-data, wettaq il-funzjonijiet marbuta ma’ din il-missjoni, għalkemm kien membru tal-bord eżekuttiv ta’ Investima 10, li saret Éditis. Barra minn hekk, mid-9 ta’ Frar 2004, id-data meta nħatret id-ditta S., sal-25 ta’ Marzu 2004, id-data meta Éditis ġiet ikkonvertita f’kumpannija b’responsabbiltà limitata simplifikata, B., fl-istess ħin, wettaq id-dmirijiet ta’ membru tal-bord ta’ Éditis u dawk ta’ mandatarju. |
|
9 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li B. kien dipendenti fuq Éditis, sa tali punt li jitqajjem dubju fuq in-newtralità li din il-persuna, bħala membru tal-bord eżekuttiv ta’ Investima 10 li saret Éditis, għandha turi fl-eżerċizzju tal-missjoni tad-ditta preseduta minnha u li kienet inħatret bħala mandatarja. Konsegwentement, il-missjoni tal-mandatarju, li tikkonsisti fl-iżgurar tal-eżekuzzjoni sodisfaċenti tal-impenji ta’ Lagardère, fosthom iċ-ċessjoni tal-assi ċeduti mill-ġdid, u, abbażi ta’ dan, fir-redazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji u fir-redazzjoni ta’ rapport li jinforma lill-Kummissjoni b’dawn ir-rakommandazzjonijiet, ma ġietx żgurata b’mod indipendenti. L-eżerċizzju minn B. tal-funzjonijiet ta’ membru tal-bord eżekuttiv tal-kumpannija detentriċi tal-assi kollha ta’ Éditis kien tali li jaffettwa l-indipendenza li B. kellu juri, bħala president tad-ditta S., fir-redazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji u tar-rapport li jinforma lill-Kummissjoni b’dawn ir-rakommandazzjonijiet. |
|
10 |
Il-Qorti Ġenerali rrilevat li d-ditta S., fil-kapaċità tagħha ta’ mandatarja, kienet ġiet mitluba tippreżenta lill-Kummissjoni rapport li jevalwa l-kandidatura ta’ Wendel Investissement bħala akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid, fid-dawl tal-kriterji ta’ approvazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 10 tal-impenji ta’ Lagardère annessi mad-deċiżjoni 2004/422. |
|
11 |
Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, li dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ Wendel Investissement kien ġie redatt minn mandatarju li ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ indipendenza, fir-rigward ta’ Editis, meħtieġa mill-paragrafu 15 tal-impenji ta’ Lagardère, iddefiniti fl-Anness II tad-deċiżjoni 2004/422. |
|
12 |
Issa, id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata, partikolarment, fuq ir-rapport tal-mandatarju li, fl-opinjoni tal-Qorti Ġenerali espressa fil-punt 110 tas-sentenza appellata, eżerċita “influwenza determinanti” fuq l-imsemmija deċiżjoni. |
|
13 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 118 u 119 tas-sentenza appellata, li n-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju li pproduċa l-imsemmi rapport jikkostitwixxi illegalità li kienet ta’ natura li tivvizzja l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk annullat din id-deċiżjoni, mingħajr ma eżaminat il-motivi l-oħra żviluppati minn Odile Jacob insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
|
14 |
B’digriet tad-29 ta’ Marzu 2011, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jgħaqqad il-kawżi C-553/10 P u C-554/10 P għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. |
|
15 |
Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C-553/10 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
16 |
Lagardère issostni l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni. |
|
17 |
Wendel titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
18 |
Odile Jacob titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
19 |
Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C-554/10 P, Lagardère titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
20 |
Fir-risposti tagħhom, il-Kummissjoni u Wendel Investissement jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
21 |
Odile Jacob titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appelli
|
22 |
Fl-appell tagħha fil-Kawża C-553/10 P, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset mill-teżamina l-konsegwenzi tal-eventwali nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju fil-konfront ta’ Éditis, fil-missjoni tiegħu, meta mqabbel ma’ Wendel Investissement. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, kontradizzjoni tal-motivi u żnaturament tal-fatti sa fejn hija kkonkludiet li r-rapport tal-mandatarju kellu influwenza determinanti fuq id-deċiżjoni kkontestata. It-tielet aggravju, li huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tar-rikonoxximent tan-natura operattiva ta’ motiv u fuq ksur tal-obbigu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward, huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju hija relatata ma’ żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn din tal-aħħar annullat id-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ motiv li kellu jiġi ddikjarat bħala ineffettiv. It-tieni parti tal-istess aggravju tikkonċerna ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tindika r-raġunijiet li hija bbażat ruħha fuqhom sabiex tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata setgħet kienet differenti fl-assenza ta’ nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju. |
|
23 |
Fl-appell tagħha fil-Kawża C-554/10 P, Lagardère tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali invokat bħala eċċezzjoni l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarju sabiex issejjes l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz tat-tieni aggravju, Lagardère issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet b’mod żbaljat li l-preżenza ta’ mandatarju fil-bord ta’ tmexxija ta’ Éditis bħala terz indipendenti setgħet tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-aggravju, li jinkludi erba’ partijiet, jirriproduċi essenzjalment l-ewwel motiv tal-Kawża C-553/10 P. |
|
24 |
Peress li hemm sovrapożizzjoni bejn l-ewwel tliet aggravji tal-Kawża C-553/10 P u t-tieni aggravju tal-Kawża C-554/10 P, hemm lok li dawn jiġi ttrattati konġuntement. |
Fuq l-ewwel tliet aggravji tal-Kawża C-553/10 P u t-tieni aggravju tal-Kawża C-554/10 P
L-argumenti tal-partijiet
|
25 |
Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija ma eżaminatx kif dan in-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarja seta’ jaffettwa l-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar dwar il-kwalitajiet ta’ Wendel Investissement bħala akkwirenti tal-assi ta’ Éditis, u lanqas kif seta’ jqum is-suspett li din il-mandatarja abbozzat rapport li jista’ jwassal lill-Kummissjoni għal żball waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Tali pożizzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ indipendenza ta’ persuna inkarigata li tevalwa kandidat huwa ta’ portata legali biss jekk jiġi stabbilit li din il-persuna ħadet inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha, interess li huwa estranju għal dak li huwa marbut mal-iżvolġiment tajjeb tal-missjoni tagħha. Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk l-insuffiċjenza tal-indipendenza tal-mandatarja fil-konfront ta’ Éditis setgħetx ikollha konsegwenzi fuq l-oġġettività tal-kontenut tar-rapport ta’ din tal-aħħar u, għaldaqstant, fuq l-evalwazzjoni ta’ Wendel Investissement bħala akkwirenti. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq motiv ineffettiv sabiex tannulla d-deċizjoni kkontestata. |
|
26 |
Il-Kummissjoni tirreleva li d-deċiżjoni finali li tapprova l-akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid, fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni, dejjem taqa’ fuq il-Kummissjoni, li ma tibbażax ruħha biss fuq ir-rapport tal-mandatarja, iżda tiġbor informazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess. |
|
27 |
Insostenn tal-Kummissjoni, Wendel Investissement tirriproduċi l-kritika espressa fil-konfront tas-sentenza appellata billi tenfasizza li l-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx kif ir-rabta ta’ bejn Éditis u l-mandatarja setgħet ikollha influwenza fuq il-kontenut tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ Wendel Investissement. |
|
28 |
Skont Odile Jacob, ma jistax jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għal-liġi Franċiża sabiex tivverifika jekk l-eżerċizzju simultanju minn B. tal-funzjoni ta’ membru tal-bord ta’ tmexxija ta’ Éditis u dik ta’ mandatarju, bħala president tad-ditta S., kienx kompatibbli mal-kriterju tal-indipendenza fir-rigward ta’ din il-kumpannija, peress li kien hemm biss l-applikazzjoni tal-lex societatis u tal-prinċipju li jiddetermina l-liġi applikabbli għal kumpannija, b’mod konformi mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali privat, sanċiti fir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6). |
|
29 |
Għal Lagardère, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi li kien hemm nuqqas ta’ indipendenza awtomatika tal-mandatarju minħabba r-rabtiet ta’ B. ma’ Éditis, iżda kellha tevalwa jekk il-mandat soċjali ta’ B. ipprekluldiex lill-mandatarja milli teżegwixxi l-kompiti tagħha b’indipendenza u trasparenza. Għall-kuntrarju, minbarra li ma kienx jikkostitwixxi kunflitt ta’ interess, il-mandat soċjali eżerċitat minn B. u l-missjoni eżerċitata mill-mandatarja kellhom bħala l-għan tagħhom l-indipendenza ta’ Éditis, u għalhekk kienu jikkostitwixxu missjonijiet kumplimentari. |
|
30 |
Fir-rigward tal-portata tan-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarja, Odile Jacob tikkunsidra li l-argument tal-Kummissjoni huwa ineffettiv, peress li l-illegalità kkonstatata tal-Qorti Ġenerali tikkostitwixxi ksur ta’ impenn kuntrattwali essenzjali li sar obbligatorju permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/422, li għalhekk jivvizzja l-proċess deċiżjonali kollu relatat mat-tranżazzjoni ta’ ċessjoni imposta mill-impenji ta’ Lagardère. |
|
31 |
Fit-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, b’kontradizzjoni tal-motivi u bi żnaturament tal-fatti, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-rapport tal-mandatarja kellu influwenza determinanti fuq id-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni ssosnti li, permezz ta’ din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tqassim tal-kompiti bejnha u l-mandatarja. Fil-fatt, hija biss il-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi dwar l-approvazzjoni ta’ kandidat xerrej. Għalkemm l-evalwazzjoni inkluża fir-rapport ta’ mandatarju tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-iżvilupp tad-deċiżjoni finali tagħha, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma tkun marbuta mill-opinjoni tal-mandatarju, li ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni proprja tagħha. Il-Kummissjoni tibqa’ marbuta li twettaq l-investigazzjoni neċessarja, li tiġbor l-informazzjoni fuq inizjattiva tagħha billi tibbaża ruħha fuq id-dipartimenti proprji tagħha u fuq diversi talbiet għal informazzjoni indirizzati lill-impriżi kkonċernati, f’dan il-każ Lagardère u Wendel Investissement. |
|
32 |
Minn ċertu xebh bejn ir-rapport tal-mandatarja u d-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi dedott li r-rapport in kwistjoni kellu “influwenza determinanti” fuq l-imsemmija deċiżjoni, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 110 tas-sentenza appellata. Skont il-Kummissjoni, kien hemm biss ir-riproduzzjoni ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli li ma jinkludux evalwazzjonijiet suġġettivi. |
|
33 |
Wendel Investissement qablet mal-argumentazzjoni tal-Kummissjoni. |
|
34 |
Odile Jacob kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali ma interpretatx b’mod żbaljat it-tqassim tal-kompiti bejn il-Kummissjoni u l-mandatarja. In-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarja approvata vvizzjat il-proċess deċiżjonali kollu. Fil-fatt il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod reali r-rapport tal-mandatarja fid-deċiżjoni kkontestata. |
|
35 |
Wara li wettqet eżami komparattiv, fil-punti 112 sa 116 tas-sentenza appellata, tar-rapport tal-mandatarja u tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-erba’ kundizzjonijiet imposti mill-paragrafu 10 tal-impenji ta’ Lagardère dwar il-kwalitajiet tal-kandidat akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu identiċi għal dawk inklużi fir-rapport tal-mandatarja. Għalhekk, Odile Jacob ġustament tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan ir-rapport eżerċita influwenza determinanti fuq id-deċiżjoni kkontestata. |
|
36 |
Fir-rigward tat-tielet aggravju fil-Kawża C-553/10 P, Odile Jacob tirreleva li n-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju ma jikkostitwixxix biss sempliċi irregolarità, iżda ksur tal-forom sostanzjali tal-proċedura amministrattiva, li għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr il-bżonn li jintwera li din id-deċiżjoni seta’ jkollha kontenut differenti fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità. Il-kundizzjoni ta’ indipendenza tal-mandatarja hija kundizzjoni fundamentali stabbilita fl-impenji ta’ Lagardère, li ingħataw il-forza obbligatorja bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2004/422. Ir-rekwiżit tal-indipendenza tal-mandatarja għandu jiġi vverifikat mhux ex post, iżda ex ante, bil-għan li jiġi evitat il-kontroll tal-motivazzjonijiet suġġettivi li jistgħu jiggwidaw lill-mandatarja fil-missjoni tagħha, kif jirriżulta mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Mejju 2002 intitolata “Indipendenza tal-Awdituri Legali fl-UE: prinċipji fundamentali” (ĠU L 191, p.22). Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza jaqbel mar-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ apparenza ta’ indipendenza tal-qorti. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
37 |
L-appellanti jsostnu essenzjalment li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi, billi naqset milli tanalizza l-konsegwenzi tal-eventwali nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarja fir-rigward ta’ Éditis dwar l-evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ Wendel Investissement bħala akkwirenti tal-assi ta’ Éditis, u jikkontestaw li r-rapport tal-mandatarja setgħet twassal lill-Kummissjoni għal żball fil-missjoni tagħha ta’ evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ Wendel Investissement bil-għan li tapprovaha bħala akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid. |
|
38 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2004/422, it-tranżazzjoni nnotifikata, li permezz tagħha Lagardère takkwista l-kontroll esklużiv tal-assi mmirati ta’ VUP, issa msejħa Éditis, hija ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-ftheim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’riserva għall-osservanza minn Lagardère tal-impenji msemmija fl-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
39 |
Skont il-paragrafi 15 u 21 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2004/422, il-parti li tinnotifika għandha tinnomina mandatarju bil-għan li jeżerċita l-missjonijiet partikolari u ġenerali li huwa jingħata, jiġifieri, partikolarment, li jiżgura l-eżekuzzjoni sodisfaċenti tal-impenji li Lagardère assumiet, kif ukoll sabiex jiżgura li l-assi ċeduti mill-ġdid jinżammu u jiġi ġestiti fi ħdan struttura distinta b’mod separat u indipendenti mill-assi kkonservati u minn attivitajiet oħra ta’ Lagardère, sad-data taċ-ċessjoni effettiva tal-assi ċeduti mill-ġdid. |
|
40 |
F’każ ta’ diżgwid bejn Lagardère u Éditis dwar il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-impenji, jista’ jiġi involut il-mandatarju. Huwa għandu jiddeċiedi permezz ta’ rakkomandazzjoni dwar il-portata ta’ dawn il-miżuri, skont il-paragrafu 24 ta’ dawn l-impenji. Il-mandatarju għandu jinforma b’dan lill-Kummissjoni, li tista’ tistabbilixxi hija stess il-portata tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji. |
|
41 |
Għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ dawn il-missjonijiet, il-paragrafu 15 tal-imsemmija impenji jippreċiżaw, partikolarment, li l-mandatarju għandu jkun indipendenti minn Lagardère u minn Éditis u li ma jkunx espost għal kunflitt ta’ interessi. Ir-remunerazzjoni tiegħu għandha tkun żgurata minn Lagardère skont modalitajiet li ma jippreġudikawx l-eżekuzzjoni tajba tal-mandat tiegħu u lanqas l-indipendenza tiegħu. |
|
42 |
Din l-indipendenza hija element mill-impenji li Lagardère assumiet u li għandhom jiġu osservati b’mod sħiħ. Din l-indipendenza ġiet stabbilita ex ante u tkopri l-attività kollha tal-mandatarju. |
|
43 |
Mill-punti 85 u 87 tas-sentenza appellata jirriżulta li B., president tad-ditta S., ġie maħtur fl-20 ta’ Diċembru 2002 bħala membru tal-bord ta’ tmexxija ta’ Investima 10, li saret Éditis, u li fid-9 ta’ Frar 2004 d-ditta S. ġiet maħtura mandatarja. Fil-punt 89 tas-sentenza appellata huwa kkonstatat li B. wettaq il-funzjonijiet ta’ membru tal-bord eżekuttiv ta’ Éditis u ta’ mandatarju simultanjament, mid-9 ta’ Frar 2004 sal-25 ta’ Marzu 2004, data tat-trasformazzjoni ta’ Editis f’kumpannija b’responsabbiltà limitata simplifikata. Wara t-trasformazzjoni ta’ Éditis, B. żamm ir-rabtiet mill-qrib ma’ Éditis, peress li l-mandatarja kellha tliet rappreżentanti fi ħdan il-kumitat tal-azzjonisti. |
|
44 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod korrett, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, li l-eżerċizzju minn B. tal-funzjonijiet ta’ membru tal-bord ta’ tmexxija ta’ Investima 10, li saret Éditis, kien ta’ natura li jaffettwa l-indipendenza tal-mandatarju, u li din is-sitwazzjoni ma kinitx tippermetti li jiġi żgurat l-eżerċizzju, bl-indipendenza kollha, tal-attribuzzjonijiet ta’ mandatarju indipendenti msemmija fil-paragrafu 15 tal-impenji ta’ Lagardère. |
|
45 |
Bl-istess mod, ġustament il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 107 tas-sentenza appellata, li r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ Wendel Investissement dwar ix-xiri mill-ġdid tal-assi ċeduti mill-ġdid ġie redatt minn mandatarju li ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni tal-indipendenza fir-rigward ta’ Éditis. |
|
46 |
Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar in-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarja peress li dan kien punt ta’ fatt. Għall-kuntrarju, hija tallega li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk dak in-nuqqas ta’ indipendenza kellux b’mod konkret influwenza fuq id-deċiżjoni kkontestata jew jekk, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, id-deċiżjoni kkontestata setax ikollha kontenut differenti. Skont il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni tal-mandatarja ma affettwatx l-oġġettività tal-evalwazzjoni li hija għamlet fir-rapport tagħha fuq l-akkwirenti tal-assi ta’ Éditis u, konsegwentement, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
47 |
Dan l-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud. |
|
48 |
Fil-fatt, f’dan il-każ, il-mandatarja responsabbli “mill-eżekuzzjoni sodisfaċenti” tal-impenji tal-parti li tinnotifka ssodisfat il-funzjonijiet li ġew imposti fuqha indirettament mill-Kummissjoni. Dawn kienu funzjonijiet li l-Kummissjoni setgħet twettaq hija stess li kieku kellha riżorsi umani suffiċjenti. |
|
49 |
Dan jirriżulta b’mod ċar mill-punti 52, 53, 55 u 56 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 u taħt ir-Regolament tal-Kunsill [Kummissjoni] (KE) Nru 447/98 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 89). B’mod partikolari, il-punt 56 ta’ dan l-avviż jiddikjara li “[i]d-depożitarju għandu jassumi dmirijiet speċifiċi sabiex jiżgura l-konformità b’rieda tajba ma’ l-impenni f’isem il-Kummissjoni”. |
|
50 |
Jeħtieġ li jitfakkar li l-paragrafu 15 tal-impenji tagħha kienu jimponu fuq Lagardère li taħtar mandatarju li, fost kundizzjonijiet oħra, kellu “jkun indipendenti minn Lagardère u minn Éditis”. |
|
51 |
Għaldaqstant huwa stabbilit li tali mandatarju għandu qabel xejn ikun indipendenti mill-partijiet u, barra minn hekk, jaġixxi b’mod indipendenti minn dawn tal-aħħar, b’tali mod li n-nuqqas ta’ indipendenza hija biżżejjed sabiex tannulla deċiżjoni tal-Kummissjoni bħad-deċiżjoni kkontestata. Il-kwistjoni dwar jekk dan il-mandatarju aġġixxiex b’mod indipendenti tqum biss jekk ikun ġie kkonstatat preliminarjament li dan tal-aħħar kien effettivament indipendenti mill-partijiet. |
|
52 |
Peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament li l-mandatarja ma kinitx indipendenti mill-partijiet, hija ma kinitx obbligata li teżamina jekk din il-mandatarja aġixxietx konkretament b’mod li juri dan in-nuqqas ta’ indipendenza. |
|
53 |
Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi annullat id-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarja. Għaldaqstant, it-tliet aggravji invokati mill-Kummissjoni kif ukoll it-tieni aggravju sostnut minn Lagardère ma humiex fondati u għandhom jinċaħdu. |
Fuq l-ewwel aggravju tal-Kawża C-554/10 P, relatati mal-eċċezzjoni ta’ illegalità
L-argumenti tal-partijiet
|
54 |
Lagardère issostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tuża l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarja sabiex issejjes l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-mekkaniżmu tal-eċċezzjoni tal-illegalità ma jistax jiġi invokat meta jiġu kkontestati żewġ deċiżjonijiet individwali. Billi ma ppreżentatx rikors kontra d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarja, fit-termini stabbiliti kkontestati, Odile Jacob ma tistax teċepixxi l-illegalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, peress li din tal-aħħar tkun saret definittiva fil-konfront tagħha, insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
55 |
Skont Lagardère u Wendel Investissement, ir-raġunament imwettaq mill-Qorti Ġenerali jwassal sabiex tiġi invokata, bħala eċċezzjoni, l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarja, li hija deċiżjoni individwali. Il-Qorti Ġenerali eżaminat direttament mhux il-motivi li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata, iżda dawk li wasslu għall-ħatra tal-mandatarja, li ppreċedew id-deċiżjoni kkontestata. |
|
56 |
Lagardère issostni li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarja ġiet ikkomunikata lill-partijiet fil-15 ta’ Frar 2005, data li minnha id-deċiżjoni laqgħtet ħażin lil Odile Jacob u fiha saret att kontestabbli fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Din id-deċiżjoni għalhekk kellha tiġi kkontestata, fit-termini stabbiliti kkontestati, permezz ta’ rikors separat minn dak ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx raġonevolment tagħmel riferiment għall-illegalità tal-ħatra tal-mandatarju sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata. |
|
57 |
Odile Jacob tirrifjuta l-argumenti ta’ Lagardère u ta’ Wendel Investissement billi tirreleva li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarja għandha tiġi kkunsidrata mhux bħala deċiżjoni iżolata, iżda bħala deċiżjoni li tifforma parti minn kollettività ta’ atti li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
58 |
Barra minn hekk, Odile Jacob tirreleva li hija ma kinitx id-destinatarja, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE u tal-ġurisprudenza, tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarja u li, konsegwentement, kien diffiċli għaliha li tikkontestaha permezz ta’ rikors separat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
59 |
Hemm lok li jiġi osservat li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarja ġiet ikkomunikata lil Odile Jacob mhux qabel is-17 ta’ Frar 2005. |
|
60 |
Fit-8 ta’ Novembru 2004, Odile Jacob ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali r-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, fejn ikkontestat ukoll il-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tal-mandatarja. Issa, jeħtieġ li jiġi rrilevat li f’din id-data Odile Jacob kienet għadha ma ġietx ikkomunikata bid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarja. Għalhekk, ma jistax jiġi allegat fil-konfront tagħha li hija kkontestat, fir-rikors tagħha dirett kontra d-deċiżjoni kkontestata, il-legalità tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-mandatarja mingħajr ma talbet l-annullament minn qabel meta l-imsemmija deċiżjoni kienet tifforma parti mill-istess kollettività ta’ atti bħad-deċiżjoni kkontestata. |
|
61 |
Ikun formaliżmu superfluwu u inutli li Odile Jacob tintalab tippreżenta rikors separat sabiex tikkontesta deċiżjoni individwali, li ġiet ikkomunikata lilha wara r-rikors prinċipali tagħha u li tifforma parti minn numru ta’ atti u li hija kkontestata minn dan ir-rikors prinċipali. |
|
62 |
Għaldaqstant, dak l-aggravju għandu jinċaħad. |
|
63 |
Peress li ma ntlaqa’ l-ebda aggravju invokat mill-appellanti, l-appelli fil-Kawżi C-553/10 P u C-554/10 P għandhom jinċaħdu. |
Fuq l-ispejjeż
|
64 |
Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 118 tagħhom, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk tkun saret talba f’dan is-sens. Peress li l-Kummissjoni u Lagardère tilfu fl-aggravji tagħhom u Odile Jacob talbet il-kundanna tagħhom, hemm lok li huma jiġi kkundannati kemm għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għall-ispejjeż sostnuti minn Odile Jacob matul dawk l-appelli. |
|
65 |
Peress li Odile Jacob ma talbitx li Wendel Investissement tiġi kkundannata għall-ispejjeż, din tal-aħħar għandha tbati biss l-ispejjeż tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.