|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/274 |
12.2.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/274
tat-12 ta’ Frar 2025
li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 55 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 dwar il-kontroll tas-sajd rikreattiv
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 55(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 (“ir-Regolament ta’ Kontroll”), kif emendat bir-Regolament (UE) 2023/2842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jipprevedi regoli dwar il-kontroll tas-sajd rikreattiv b’mod partikolari l-ġbir ta’ data dwar il-qabdiet minn ċertu sajd rikreattiv. L-infurzar tal-miżuri ta’ konservazzjoni applikabbli għas-sajd rikreattiv jirrikjedi l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ kontroll xierqa. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 55(2) tar-Regolament ta’ Kontroll, l-Istati Membri kostali jridu jiġbru data dwar il-qabdiet minn persuni fiżiċi involuti fis-sajd rikreattiv għal ċerti speċijiet, stokkijiet, jew gruppi ta’ stokkijiet permezz ta’ mekkaniżmi ta’ ġbir ta’ data abbażi ta’ metodoloġija ddeterminata minn kull Stat Membru kostali u nnotifikata lill-Kummissjoni. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 55(3) tar-Regolament ta’ Kontroll, l-Istati Membri kostali jridu jiżguraw li s-sajjieda rikreattivi jirrapportaw il-qabdiet tagħhom għal ċerti speċijiet, stokkijiet, jew gruppi ta’ stokkijiet permezz ta’ sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 55(1) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(4) |
Għalhekk huwa xieraq li jiġu previsti regoli dettaljati dwar il-preżentazzjoni lill-Kummissjoni tad-data dwar il-qabdiet mis-sajd rikreattiv mill-Istati Membri f’format aggregat biex tiġi żgurata l-komparabbiltà tad-data ppreżentata u biex is-sajd rikreattiv ikun jista’ jiġi mmaniġġjat u kkontrollat b’mod effettiv. |
|
(5) |
Sabiex jiġi miġġieled is-sajd illegali u jitnaqqas l-impatt tal-irkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf jew skartat b’xi mod ieħor fuq il-ħajja u l-ekosistemi tal-baħar f’konformità mal-objettivi tad-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u f’konformità mal-Artikolu 55(6) tar-Regolament ta’ Kontroll, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-immarkar tal-irkaptu li ma jinżammx fl-idejn użat fis-sajd rikreattiv. Tali rkapti jikkonsistu fil-biċċa l-kbira fi rkaptu passiv eż. xbieki, konzijiet, nases u kavetti. Dawn ir-regoli jenħtieġ li jiżguraw li l-irkaptu tas-sajd ikun jista’ jiġi traċċat lura għall-persuna fiżika jew ġuridika li tkun qed tużah jew li tkun is-sid tiegħu, u li l-preżenza tal-irkaptu tas-sajd tkun indikata lill-oħrajn. |
|
(6) |
L-Artikoli 64 u 65 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (4) dwar il-kontroll tas-sajd rikreattiv huma sostitwiti b’dan ir-Regolament, li jipprevedi regoli ġodda dwar is-sitwazzjonijiet previsti f’dawk id-dispożizzjonijiet. |
|
(7) |
Peress li l-Artikolu 55 tar-Regolament ta’ Kontroll kif emendat bir-Regolament (UE) 2023/2842 huwa applikabbli mill-10 ta’ Jannar 2026, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-istess data. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjoni
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “irkaptu passiv” tfisser irkaptu rikreattiv li ma jinżammx fl-idejn użat fis-sajd, kif previst fit-tielet, fir-raba’ u fil-ħames ringieli tal-Anness I.
Artikolu 2
Preżentazzjoni tad-data dwar il-qabdiet miġbura skont l-Artikolu 55(2) tar-Regolament ta’ Kontroll
1. Sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena u mill-31 ta’ Mejju 2027 ’il quddiem, kull Stat Membru kostali għandu jippreżenta b’mezzi elettroniċi lill-Kummissjoni, permezz tas-server ċentrali RecFishing tal-UE (5), id-data aggregata miġbura skont l-Artikolu 55(2) tar-Regolament ta’ Kontroll għal:
|
(a) |
il-kwantitajiet ta’ kull speċi bil-kodiċi alfa-3 tal-FAO, jekk applikabbli skont l-istokk jew il-grupp ta’ stokkijiet, maqbuda u miżmuma fis-sena kalendarja preċedenti, f’tunnellati ekwivalenti ta’ piż ħaj u, jekk rilevanti, l-għadd ta’ individwi,
|
|
(b) |
l-għadd ta’ individwi ta’ kull speċi bil-kodiċi alfa-3 tal-FAO, jekk applikabbli skont l-istokk jew il-grupp ta’ stokkijiet, maqbuda u meħlusa fis-sena kalendarja preċedenti, u meta jkun possibbli l-kwantitajiet stmati f’tunnellati ekwivalenti ta’ piż ħaj,
|
Għall-fini ta’ din il-preżentazzjoni, l-irkaptu tas-sajd għandu jiġi identifikat skont it-tipi elenkati fl-Anness I u l-mezz tas-sajd skont il-kategoriji elenkati fl-Anness II.
Għall-fini ta’ din il-preżentazzjoni, iż-żona ġeografika rilevanti li fiha nqabdu l-ispeċijiet għandha tikkorrispondi għat-territorju tal-Istat Membru kostali u għall-ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tiegħu, mill-inqas għal kull diviżjoni u suddiviżjoni tal-ICES kif speċifikat fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jew, jekk applikabbli, is-subżoni ġeografiċi tal-GFCM stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2124 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Fejn dawn iż-żoni ġeografiċi tal-ICES u tal-GFCM ma japplikawx, is-sistema taż-żoni tas-sajd tal-FAO għandha tintuża fl-aktar livell dettaljat disponibbli.
2. L-Istati Membri kostali għandhom jivverifikaw l-akkuratezza tad-data miġbura ppreżentata lill-Kummissjoni. Jekk Stat Membru kostali jsib inkonsistenzi fl-informazzjoni li diġà ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni, huwa għandu jikkoreġi d-data malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru tas-sena tal-preżentazzjoni.
Artikolu 3
Preżentazzjoni tad-data dwar il-qabdiet miġbura skont l-Artikolu 55(3) tar-Regolament ta’ Kontroll
1. Sal-15 ta’ kull xahar u mill-15 ta’ Marzu 2026 ’il quddiem, kull Stat Membru kostali għandu jippreżenta b’mezzi elettroniċi lill-Kummissjoni, permezz tas-server ċentrali RecFishing tal-UE, id-data aggregata miġbura skont l-Artikolu 55(3) għal:
|
(a) |
il-kwantitajiet ta’ kull speċi bil-kodiċi alfa-3 tal-FAO, jekk applikabbli skont l-istokk jew il-grupp ta’ stokkijiet, maqbuda u miżmuma fis-sena kalendarja preċedenti, f’tunnellati ekwivalenti ta’ piż ħaj u, jekk rilevanti, l-għadd ta’ individwi,
|
|
(b) |
l-għadd ta’ individwi ta’ kull speċi bil-kodiċi alfa-3 tal-FAO, jekk applikabbli skont l-istokk jew il-grupp ta’ stokkijiet, maqbuda u meħlusa fix-xahar kalendarju preċedenti, u meta jkun possibbli l-kwantitajiet stmati f’tunnellati ekwivalenti ta’ piż ħaj,
|
Għall-fini ta’ din il-preżentazzjoni, l-irkaptu tas-sajd għandu jiġi identifikat skont it-tipi elenkati fl-Anness I u l-mezz tas-sajd skont il-kategoriji elenkati fl-Anness II.
Għall-fini ta’ din il-preżentazzjoni, iż-żona ġeografika rilevanti li fiha nqabdu l-ispeċijiet għandha tikkorrispondi għat-territorju tal-Istat Membru kostali u għall-ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tiegħu, mill-inqas skont ir-rettangolu statistiku tal-ICES, jew jekk applikabbli l-unità ġeografika ekwivalenti tal-GFCM. Fejn dawn iż-żoni ġeografiċi tal-ICES u tal-GFCM ma japplikawx, is-sistema taż-żoni tas-sajd tal-FAO għandha tintuża fl-aktar livell dettaljat disponibbli.
2. L-Istati Membri kostali għandhom jivverifikaw l-akkuratezza tad-data miġbura ppreżentata lill-Kummissjoni. Jekk Stat Membru kostali jsib inkonsistenzi fl-informazzjoni li diġà ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni, huwa għandu jikkoreġi d-data malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn 6 xhur wara d-data tal-preżentazzjoni.
Artikolu 4
Immarkar tal-irkaptu passiv użat mis-sajd rikreattiv
1. L-irkaptu passiv użat għas-sajd rikreattiv għandu jkun immarkat b’mod ċar b’tali mod li l-irkaptu tas-sajd ikun jista’ jiġi identifikat u marbut mas-sajjied rikreattiv li juża l-irkaptu tas-sajd jew mas-sid tal-irkaptu tas-sajd, billi dak l-immarkar jintwera bil-modi li ġejjin:
|
(a) |
għax-xbieki, fuq tikketti mwaħħla mal-ewwel ringiela ta’ fuq u għal baga/i fit-tarf jew fit-truf tax-xibka fuq it-tikketti jew immarkati direttament fuq il-baga/i; |
|
(b) |
għall-konzijiet, fuq tikketti mwaħħla mal-konz u fil-punt ta’ kuntatt mal-baga/i tal-irmiġġ jew immarkati direttament fuq il-baga/i tal-irmiġġ; |
|
(c) |
għal nases, kavetti u xbieki fyke, fuq tikketti mwaħħla mal-irkaptu u għal baga/i fuq tikketti jew immarkati direttament fuq il-baga/i. |
L-immarkar tal-irkaptu passiv użat għas-sajd rikreattiv għandu jkun imwaħħal b’mod sigur, ma jkunx jista’ jitneħħa u jkun magħmul minn materjali durabbli.
2. L-irkaptu passiv użat għas-sajd rikreattiv għandu jiġi mmarkat ukoll b’mod adegwat biex jindika l-preżenza tal-irkaptu tas-sajd fil-wiċċ tal-ilma jew tas-silġ.
Artikolu 5
Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011
L-Artikoli 64 u 65 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 jitħassru.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-10 ta’ Jannar 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Frar 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1224/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2023/2842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 u (KE) Nru 1005/2008 u r-Regolamenti (UE) 2016/1139, (UE) 2017/2403 u (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd (ĠU L, 2023/2842, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2842/oj).
(3) Id-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (ĠU L 155, 12.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/904/oj).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/404/oj).
(5) Is-server ċentrali RecFishing tal-UE huwa parti mis-sistema elettronika żviluppata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament ta’ Kontroll, li tiġbor fiha data dwar is-sajd rikreattiv miġbura mill-Istati Membri.
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/218/oj).
(7) Ir-Regolament (UE) 2023/2124 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2023 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran (GFCM) (ĠU L, 2023/2124, 12.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2124/oj).
ANNESS I
TIPI TA’ RKAPTU TAS-SAJD UŻAT GĦAS-SAJD RIKREATTIV
|
|
Tipi ta’ rkaptu tas-sajd |
|
1 |
Qasab u xlief (inklużi x-xlief tal-idejn, il-qasab u x-xlief u x-xlief bir-rixa) |
|
2 |
Xkubetti li jisparaw foxxni u ħarpuni |
|
3 |
Xbieki (inklużi għeżula, għeżula tat-tħabbil, pariti u xbieki statiċi oħrajn, u għeżula tat-tisqif) |
|
4 |
Konzijiet |
|
5 |
Nases, kavetti, u xbieki fyke |
|
6 |
Għodod għall-ġbir bl-idejn u li jinżammu fl-idejn għajr dawk li jappartjenu għal kategoriji oħra |
|
7 |
Irkaptu rmunkat (inklużi xbieki tat-tkarkir, tartaruni, xbieki tat-tidwir u gangmi) |
|
8 |
Terrieħa |
ANNESS II
KATEGORIJI TAL-MOD TAS-SAJD GĦAS-SAJD RIKREATTIV
|
1 |
Mix-xatt |
|
2 |
Minn bastiment |
|
3 |
Taħt l-ilma |
|
4 |
Mis-silġ |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/274/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)