European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1556

6.8.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1556

tat-22 ta’ Lulju 2025

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u ta’ miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, jenħtieġ li l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ 3 xhur.

(5)

Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma tax opinjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ 3 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett li jintrema wara li jintuża, b’tul ta’ madwar 28 cm u wisa’ ta’ madwar 12 cm, magħmul minn drapp tessili ċirkolari maħdum bil-ganċ b’mod dens ta’ fibri magħmulin mill-bniedem.

Minn naħa waħda l-oġġett huwa magħluq bil-ħjata. Min-naħa l-oħra, l-oġġett għandu fetħa b’keffa elastiċizzata ħafna wiesgħa madwar 3 cm.

Waqt l-importazzjoni, l-oġġett huwa ppreżentat bħala prefiltru; tip ta’ inforra li tiffiltra għall-qfief skimmer (qfief tal-plastik li għandhom struttura simili għal xibka; dawn jiddaħħlu fil-fetħiet li minnhom jiskula l-ilma tal-pixxina biex jaqbdu weraq u ħmieġ qabel ma l-ilma jgħaddi mill-filtru tal-pixxina).

(Ara l-istampa) (*1)

5911 90 99

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 7(d) tat-Taqsima XI, in-Nota 8(b) tal-Kapitolu 59 u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 5911 , 5911 90 u 5911 90 99 .

Minħabba l-elastiċità u d-dijametru tal-keffa, l-oġġett huwa adattat li jintuża fi qfief skimmer ta’ dijametri differenti. Il-forma tawwalija u l-materjal flessibbli jippermettu li l-oġġett jiksi l-qfief kompletament. Id-drapp tessili maħdum bil-ganċ b’mod dens iżda poruż (għall-filtrazzjoni effiċjenti tal-ilma) u reżistenti għall-ilma u l-kloru, huwa adattat biex jiffiltra l-ħmieġ u r-residwi mill-ilma ta’ pixxina. Konsegwentement, l-oġġett għandu karatteristiċi oġġettivi partikolari li jidentifikawh bħala maħsub biex jintuża fil-qfief skimmer biex jiffiltra l-ħmieġ u r-residwi mill-ilma ta’ pixxina skont it-tifsira tan-Nota 8(b) tal-Kapitolu 59. (Ara wkoll l-ewwel paragrafu tan-NSSA tal-intestatura 5911 ).

Għalhekk, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 5911 90 99 bħala prodotti u oġġetti tessili, għall-użi tekniċi, speċifikati fin-Nota 8 tal-Kapitolu 59.

Image 1


(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1556/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)