22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 335/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1690

tal-20 ta’ Settembru 2021

dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħadet l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2021)6691)

(It-testi bil-Malti u bl-Ingliz biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-13 ta’ Mejju 2020, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (“l-awtorità kompetenti”) adottat deċiżjoni f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li sad-9 ta’ Novembru 2020 tippermetti, għall-utenti professjonali, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru (“l-azzjoni”). F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti infurmat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni tagħha.

(2)

Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti, l-azzjoni kienet meħtieġa biex titħares is-saħħa pubblika. Il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru tista’ twassal għal funzjonament ħażin tal-magni tal-inġenji tal-ajru, u tipperikola l-ajrunavigabbiltà tagħhom, u b’hekk tipperikola s-sikurezza tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ. Il-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet li saru fuq it-titjiriet minħabba fiha wasslu biex bosta inġenji tal-ajru kellhom jibqgħu pparkjati temporanjament. L-immobbiltà tal-inġenji tal-ajru hija fattur aggravanti għall-kontaminazzjoni mikrobijoloġika.

(3)

Il-prodott Biobor JF fih 2,2’-(1-metiltrimetilenediossi)bis-(4-metil-1,3,2-dioksaborinan) (bin-numru tal-CAS 2665-13-6) u 2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-dioksaborinan) (bin-numru tal-CAS 14697-50-8), li huma sustanzi attivi għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip tal-prodotti Nru 6 bħala preservattivi tal-prodotti waqt il-ħżin, kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Billi dawk is-sustanzi attivi mhumiex elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2), mhumiex inklużi fil-programm ta’ ħidma tal-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi eżistenti kollha li jkun hemm fil-prodotti bijoċidali msemmija fir-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għaldaqstant, l-Artikolu 89 ta’ dak ir-Regolament ma japplikax għalihom u jeħtieġu valutazzjoni u approvazzjoni qabel ma jiġu awtorizzati l-prodotti bijoċidali li jkun fihom dawk is-sustanzi attivi, anki fil-livell nazzjonali.

(4)

Fit-12 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti biex testendi l-azzjoni f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba motivata saret abbażi tat-tħassib li s-sikurezza tat-trasport tal-ajru tista’ tkompli tiġi pperikolata mill-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-arju u bbażata fuq l-argument li l-Biobor JF huwa essenzjali biex tiġi kkontrollata din il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika. Billi Malta hija gżira, tiddependi ħafna mit-traffiku tal-ajru, kemm għall-passiġġieri kif ukoll għat-trasport tal-merkanzija.

(5)

Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti, l-uniku prodott bijoċidali alternattiv rakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni għat-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika (il-Kathon™ FP 1.5) ġie rtirat mis-suq f’Marzu tal-2020 minħabba inċidenti relatati mas-sikurezza li ġew osservati wara t-trattament b’dak il-prodott.

(6)

Skont l-awtorità kompetenti, it-trattament mekkaniku tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru mhux dejjem ikun possibbli u l-proċeduri rrakkomandati mill-manifatturi tal-magni tal-inġenji tal-ajru jeħtieġu t-trattament bi prodott bijoċidali anki meta jkun possibbli t-tindif mekkaniku. Barra minn hekk, it-trattament mekkaniku jesponi lill-ħaddiema għal gassijiet tossiċi u għalhekk jenħtieġ ikun evitat.

(7)

Il-manifattur ta’ Biobor JF ħa passi biex jikseb l-awtorizzazzjoni regolari tal-prodott, u huwa mistenni li f’nofs l-2022 titressaq applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li fih. L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni sussegwenti tal-prodott bijoċidali jkunu jikkostitwixxu soluzzjoni permanenti għall-futur, iżda dawk il-proċeduri jeħtieġu ammont sinifikanti ta’ żmien biex jitlestew.

(8)

In-nuqqas ta’ kontroll tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru jista’ jipperikola s-sikurezza tat-trasport bl-ajru, u dak il-periklu ma jistax jitrażżan biżżejjed bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħra. Għaldaqstant jixraq li l-awtorità kompetenti titħalla testendi l-azzjoni.

(9)

Billi l-azzjoni skadiet fid-9 ta’ Novembru 2020, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni jkollha effett retroattiv.

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) tista’ testendi l-azzjoni sal-14 ta’ Mejju 2022 biex ikunu jistgħu jsiru t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru mill-utenti professjonali.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur.

Għandha tapplika mill-10 ta’ Novembru 2020.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).