SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
16 ta’ Marzu 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Id‑Direttiva 93/13/KEE – Klawsoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – l-Artikoli 6 u 7 – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawsola – Kuntratt ta’ self ipotekarju ddenominat f’munita barranija – Eżistenza tal-kuntratt mingħajr klawsoli inġusti – Ir-rieda tal-konsumatur li l-kuntratt jiġi invalidat – Applikazzjoni tad-direttiva wara l-invalidazzjoni tal-kuntratt – Setgħat u obbligi tal-qorti nazzjonali”
Fil-Kawża C‑6/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie I Wydział Cywilny (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja - Wola, l-ewwel diviżjoni ċivili, li għandha s-sede f’Varsavja, il-Polonja) permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Mejju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura
M.B.,
U.B.,
M.B.
vs
X S.A.
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn P.G. Xuereb, President tal-Awla, T. von Danwitz u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal M.B., U.B., u M.B., minn J. Tomaszewska, radca prawny, |
|
– |
għal X S.A., minn Ł. Hejmej, M. Przygodzka u A. Szczęśniak, avukati, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Brauhoff u N. Ruiz García, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1), u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn M.B.,U.B. u MB minn naħa, u Bank X.S.A., min-naħa l-oħra, dwar il-konsegwenzi tal-invalidazzjoni ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn dawn il-partijiet. |
Il‑kuntest ġuridiku
|
3 |
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
|
4 |
L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
5 |
Fl‑4 ta’ Ġunju 2007, M.B., U.B. u M.B. ikkonkludew, bħala konsumaturi, mal-predeċessur legali ta’ X, bank, kuntratt ta’ self ipotekarju għal perijodu ta’ 360 xahar u ta’ ammont ta’ PLN 339 881.92, iddenominat fuq munita barranija, jiġifieri l-frank Svizzeru (CHF). |
|
6 |
Skont l-istipulazzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, il-pagamenti mensili, kif ukoll is-somma li kienet għadha dovuta għal dan is-self, kienu kkalkolati fi franki Svizzeri u mħallsa fi zlotys Pollakki, skont il-valur tas-suq tal-bejgħ CHF-PLN applikabbli għal kull waħda minn dawn il-pagamenti mensili. |
|
7 |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-persuni li ssellfu jsostnu li l-klawżoli tal-imsemmi kuntratt dwar dan il-mekkaniżmu ta’ denominazzjoni huma inġusti, peress li, fl-assenza ta’ regoli speċifiċi stipulati f’dan l-istess kuntratt, ir-rata tal-kambju użata għall-kalkolu tal-pagamenti mensili tas-self kienet stabbilita b’mod diskrezzjonali mill-bank. |
|
8 |
M.B., U.B. u M.B. talbu l-eliminazzjoni ta’ dawn il-klawżoli tal-kuntratt u sostnew li l-pagamenti mensili kellhom jiġu kkalkulati fi zlotys Pollakki u b’rata ta’ interessi bbażata fuq il-LIBOR. F’dan ir-rigward, huma ppreċiżaw li huma kienu aċċettaw l-invalidazzjoni tal-kuntratt mill-qorti tar-rinviju. |
|
9 |
Din tqis, minn naħa, li l-klawżoli dwar il-mekkaniżmu ta’ denominazzjoni inkwistjoni għandhom jiġu annullati minħabba n-natura inġusta tagħhom. Min-naħa l-oħra, peress li l-kuntratt ta’ self inkwistjoni ma jistax jibqa’ jeżisti mingħajr dawn il-klawżoli, huwa għandu jilqa’ t-talba tal-konsumaturi sabiex il-kuntratt ta’ self jiġi invalidat. |
|
10 |
Għalhekk, l-ewwel, l-invalidazzjoni ta’ dan il-kuntratt, minkejja l-effetti dannużi li jirriżultaw minnu għall-konsumaturi, hija inevitabbli. |
|
11 |
Il-Qorti tar-rinviju tirrileva li, skont is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Kanyeba et (C‑349/18 sa C‑351/18, EU:C:2019:936), l-effetti tan-nullità ta’ kuntratt huma ddeterminati biss mid-dritt nazzjonali. F’dan il-każ, huma d-dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt tal-kuntratti li jidhru li japplikaw. Madankollu, hija tenfasizza li l-kunsiderazzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u d-dissważjoni tal-bejjiegħa jew fornituri fir-rigward tal-użu ta’ klawżoli inġusti, speċifiċi għad-Direttiva 93/13, ma għandhomx x’jaqsmu mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli li jipprevedu li l-partijiet fil-kuntratt ibatu f’partijiet indaqs it-telf li jirriżulta mill-invalidazzjoni tiegħu. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitilfu għalhekk il-protezzjoni li jibbenefikaw minnha skont din id-direttiva. |
|
12 |
It-tieni, filwaqt li fakkret li fis-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH (C‑19/20, EU:C:2021:341), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-invalidazzjoni ta’ kuntratt minħabba l-preżenza ta’ klawżoli inġusti ma tiddependix fuq talba espressa tal-konsumatur f’dan is-sens, iżda taqa’ taħt applikazzjoni oġġettiva mill-qorti nazzjonali tal-kriterji stabbiliti skont id-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex il-kompitu tagħha li tistabbilixxi hija stess il-konsegwenzi tal-invalidazzjoni tal-kuntratt fuq is-sitwazzjoni tal-konsumatur jew jekk għandhiex tillimita ruħha, f’dan ir-rigward, għall-provi li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssottomettulu, kif ġie ppreskrit lilu d-dritt proċedurali Pollakk. |
|
13 |
It-tielet, il-qorti tar-rinviju tqis li t-tilwima li hija adita biha hija kkaratterizzata mill-fatt li ma jeżistux dispożizzjonijiet supplenti rilevanti fid-dritt nazzjonali, li jidher li jwassal neċessarjament għall-invalidazzjoni tal-kuntratt u jidher li joħloq effetti sfavorevoli għall-konsumatur. B’hekk, tkun xi tkun id-deċiżjoni tagħha, din il-qorti tqis li wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 93/13 jidher li ma jintlaħaqx. Fil-fatt, jew jimtlew il-lakuni tal-kuntratt li jirriżultaw min-nullità tal-klawżoli inġusti, għad-detriment tal-għan li jiġi żgurat effett dissważiv fir-rigward tal-bejjiegħ jew fornitur, kemmjekk hija tiddikjara l-kuntratt kollu invalidu u tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi sfaforevoli fil-konfront tiegħu. |
|
14 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie I Wydział Cywilny (qorti tad-distrett ta’ Varsavja – Wola, l-ewwel diviżjoni ċivili, b’sede f’Varsavja, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
15 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ annullament tal-kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur minħabba n-natura inġusta ta’ waħda mill-klawżoli tiegħu, huma l-Istati Membri, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, li għandhom jirregolaw l-effetti ta’ din l-invalidazzjoni, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva lill-konsumaturi. |
|
16 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2021, Vodafone Kabel Deutschland, C‑484/20, EU:C:2021:975, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
17 |
Fl-ewwel lok, skont il-kliem tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, “[l]-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur”. |
|
18 |
Din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix hija stess il-kriterji li jirregolaw il-possibbiltà għal kuntratt li jibqa’ fis-seħħ mingħajr il-klawżoli inġusti, iżda tħalli f’idejn l-ordinament ġuridiku nazzjonali l-kompitu li jistabbilixxihom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huma l-Istati Membri, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, li għandhom jiddefinixxu l-modalitajiet li fil-kuntest tagħhom il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt hija stabbilita u l-effetti legali konkreti ta’ din il-konstatazzjoni jimmaterjalizzaw. Fi kwalunkwe każ, tali konstatazzjoni għandha tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li kienet tkun dik tal-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 84). |
|
19 |
Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar minn meta l-invalidazzjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipproduċi l-effetti tiegħu tiddependi, kif huwa ppreċiżat, essenzjalment, fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, esklużivament mid-dritt nazzjonali, sakemm tiġi żgurata l-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 88). |
|
20 |
B’mod partikolari, il-limitazzjoni mid-dritt nazzjonali tal-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13 ma tistax tbiddel il-portata u, għaldaqstant, is-sustanza ta’ din il-protezzjoni, u bl-istess mod tikkontesta t-tisħiħ tal-effikaċja tal-imsemmija protezzjoni bl-adozzjoni ta’ regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 65). |
|
21 |
It-tieni, fid-dawl tal-kuntest speċifiku li fih jinsab l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma intiżi għall-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-użu tal-klawżoli inġusti, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva ma tistax tkun limitata biss għat-tul tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur, iżda li din tapplika wkoll wara l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 73). |
|
22 |
Għalhekk, fil-każ ta’ invalidazzjoni tal-kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur minħabba n-natura inġusta ta’ waħda mill-klawżoli tiegħu, huma l-Istati Membri, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, li għandhom jirregolaw l-effetti ta’ din l-invalidazzjoni, b’osservanza tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 93/13 lill-konsumatur, b’mod partikolari, billi jiggarantixxu l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li kienet tkun dik tal-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta. |
|
23 |
Tali konklużjoni hija, fit-tielet lok, sostnuta mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 93/13. |
|
24 |
B’hekk, minn naħa, l-għan ewlieni u immedjat ta’ din id-direttiva jikkonsisti fil-protezzjoni tal-konsumatur u fl-istabbiliment mill-ġdid tal-bilanċ bejn il-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH (C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 72). |
|
25 |
B’mod partikolari, klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies li qatt ma eżistiet, b’tali mod li ma jistax ikollha effett fir-rigward tal-konsumatur, bil-konsegwenza, li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni legali u fattwali li fiha l-konsumatur kien jinsab fl-assenza tal-imsemmija klawżola (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai, C‑118/17, EU:C:2019:207, punt 41). |
|
26 |
Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 93/13 għandha wkoll għan ieħor, stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, intiż, għal żmien twil, sabiex iwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti mill-bejjiegħa jew fornituri. Għalhekk, is-sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni tal-klawżoli inġusti fir-rigward tal-konsumatur għandu effett dissważiv fuq il-bejjiegħa jew il-fornituri fir-rigward tal-użu ta’ tali klawżoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 68). |
|
27 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li hija għandha tapplika sabiex tiddetermina l-effetti tal-invalidazzjoni tal-kuntratt jidher li jwassalha sabiex tqassam f’partijiet ugwali t-telf li jirriżulta minn din l-invalidazzjoni bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u X. |
|
28 |
Madankollu, tali konsegwenza, sa fejn tqiegħed inkwistjoni l-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 93/13 lill-konsumaturi wara l-invalidazzjoni tal-kuntratt, tidher li tmur kontra l-għanijiet imfakkra fil-punti 23 sa 26 ta’ din is-sentenza. |
|
29 |
Fil-fatt, qabelxejn, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ma tippermettix, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, li jiġi żgurat l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li l-konsumaturi jidhru li jkunu jinsabu fiha fl-assenza tal-klawżola inġusta, u b’hekk jippreġudika l-għan ta’ protezzjoni ta’ dawn tal-aħħar imfittex mid-Direttiva 93/13. |
|
30 |
Sussegwentement, fl-assenza tal-protezzjoni ggarantita mid-Direttiva 93/13, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprevedu tqassim ugwali tat-telf bejn il-partijiet tidher li tikkontribwixxi sabiex jiġi eliminat l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri bil-pur u sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-konsumatur ta’ tali klawżoli inġusti, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu, fl-aħħar mill-aħħar, jibbenefikaw lill-bejjiegħa jew fornituri billi jillimitaw l-obbligu tagħhom li jħallsu lura s-somom indebitament miġbura abbażi ta’ dawn il-klawżoli. |
|
31 |
Fl-aħħar nett, tali interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Kanyeba et (C‑349/18 sa C‑351/18, EU:C:2019:936), imsemmija mill-qorti tar-rinviju. |
|
32 |
Fil-fatt, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tal-fatti għall-finijiet tad-dritt tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ma taqax taħt id-Direttiva 93/13, iżda taħt id-dritt nazzjonali. Issa, f’din il-kawża, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li t-tilwima fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, peress li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-protezzjoni ggarantita minn din id-direttiva tibqax applikabbli fl-istadju tal-effetti tal-invalidazzjoni ta’ kuntratt li jinkludi klawżoli inġusti. |
|
33 |
Fid-dawl taċ-ċirkustanzi preċedenti, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ invalidazzjoni ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur minħabba n-natura inġusta ta’ waħda mill-klawżoli tiegħu, huma l-Istati Membri, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, li għandhom jirregolaw l-effetti ta’ din l-invalidazzjoni b’osservanza tal-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva lill-konsumatur, b’mod partikolari, billi jiggarantixxu l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li kien ikun fiha fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta. |
Fuq it‑tieni domanda
|
34 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali tista’ teżamina ex officio s-sitwazzjoni patrimonjali tal-konsumatur li jkun talab l-invalidazzjoni tal-kuntratt li jorbtu ma’ bejjiegħ jew fornitur minħabba l-preżenza ta’ klawżola inġusta li mingħajrha l-kuntratt ma jistax jissussisti legalment, u topponi t-talba ta’ dan il-konsumatur meta l-invalidazzjoni ta’ dan il-kuntratt tista’ tesponih għal konsegwenzi partikolarment sfavorevoli. |
|
35 |
L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li kemm il-kliem tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll ir-rekwiżiti dwar iċ-ċertezza legali tal-attivitajiet ekonomiċi jimmilitaw favur approċċ oġġettiv fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 56). |
|
36 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri bejjiegħa jew fornituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri. |
|
37 |
It-tieni, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumatur implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew mal-fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaderixxi mal-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Banco Santander, C‑598/15, EU:C:2017:945, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Madankollu, din is-sistema ta’ protezzjoni ma tapplikax jekk il-konsumatur jopponi għaliha. Dan tal-aħħar jista’, wara li jkun ġie avżat mill-qorti nazzjonali, ma jinvokax in-natura inġusta u mhux vinkolanti ta’ klawżola, u b’hekk jagħti kunsens liberu u informat għall-klawżola inkwistjoni u jevita, bl-istess mod, l-invalidazzjoni tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 95). |
|
39 |
F’dan ir-rigward, sabiex il-konsumatur ikun jista’ jagħti l-kunsens liberu u informat tiegħu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tindika lill-partijiet, fil-kuntest tar-regoli proċedurali nazzjonali u fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwità fil-proċeduri ċivili, b’mod oġġettiv u eżawrjenti l-konsegwenzi legali li jistgħu jwasslu għat-tneħħija tal-klawżola inġusta, u dan indipendentement mill-fatt jekk dawn humiex irrappreżentati minn mandatarju professjonali jew le (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 97). |
|
40 |
Tali informazzjoni hija, b’mod partikolari, iktar u iktar importanti, meta n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-klawżola inġusta tista’ twassal għall-invalidazzjoni tal-kuntratt kollu, li eventwalment jesponi lill-konsumatur għal talbiet għal ħlas lura (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 98). |
|
41 |
Xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija determinanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni tal-konsumatur ikkawżati mill-invalidazzjoni ta’ kuntratt kollu kemm hu, ir-rieda espressa f’dan ir-rigward mill-konsumatur (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 56). |
|
42 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu l-invalidazzjoni tal-kuntratt ta’ self li jorbothom ma’ X. |
|
43 |
Konsegwentement, sakemm il-qorti tar-rinviju tkun informat lill-konsumaturi b’mod oġġettiv u eżawrjenti dwar il-konsegwenzi legali kif ukoll dwar il-konsegwenzi ekonomiċi partikolarment sfavorevoli li jista’ jkollha l-invalidazzjoni tal-kuntratt fir-rigward tagħhom, din il-qorti ma tistax, wara li tkun ħadet nota tal-volontà tagħhom li l-kuntratt jiġi invalidat, topponi r-rinunzja tagħhom għall-protezzjoni li tagħtihom din id-direttiva. |
|
44 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 38 sa 41 ta’ din is-sentenza, l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur imfittex mid-Direttiva 93/13 ma tistax tippermetti lill-qorti nazzjonali, minbarra kull prerogattiva mogħtija lilha mid-dritt nazzjonali f’dan ir-rigward, li teżamina ex officio s-sitwazzjoni patrimonjali tal-konsumatur li jkun talab l-invalidazzjoni tal-kuntratt li jorbtu mal-bejjiegħ jew fornitur minħabba l-preżenza ta’ klawżola inġusta sabiex jiġi ddeterminat jekk tali invalidità tistax tesponih għal konsegwenzi partikolarment dannużi. |
|
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-qorti nazzjonali, minn naħa, teżamina ex officio, mingħajr ebda prerogattiva li tirrikonoxxilha d-dritt nazzjonali f’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni patrimonjali tal-konsumatur li jkun talab l-invalidazzjoni tal-kuntratt li jkun jorbtu ma’ bejjiegħ jew fornitur minħabba l-preżenza ta’ klawżola inġusta li mingħajrha l-kuntratt ma jistax legalment jibqa’ fis-seħħ, anki jekk din l-invalidazzjoni tista’ tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment sfavorevoli u, min-naħa l-oħra, tirrifjuta li tikkonstata l-imsemmija invalidazzjoni meta l-konsumatur talabha espressament, wara li jkun ġie infurmat b’mod objettiv u eżawrjenti bil-konsegwenzi legali kif ukoll bil-konsegwenzi ekonomiċi partikolarment sfavorevoli li hija jista’ jkollha fir-rigward tiegħu. |
Fuq it‑tielet domanda
Fuq l‑ammissibiltà
|
46 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qorti nazzjonali, wara li tkun ikkonstatat in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tkun tista’ timla l-lakuni li jirriżultaw mit-tneħħija tal-klawżola inġusta li tinsab fih bl-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma għandhiex in-natura ta’ dispożizzjoni supplenti. |
|
47 |
Il-Kummissjoni Ewropea tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda li hija ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, hija ssostni li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li meta t-tneħħija ta’ klawżola inġusta twassal għall-invalidazzjoni tal-kuntratt li jorbot bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur, il-qorti nazzjonali hija obbligata tinforma lil dan il-konsumatur b’mod oġġettiv u eżawrjenti dwar il-konsegwenzi fid-dritt u fil-fatt li jirriżultaw minn din l-invalidazzjoni mingħajr ma tkun tista’ teżamina ex officio s-sitwazzjoni patrimonjali tal-konsumatur li jkun talabha u topponi r-rieda tiegħu li jannulla l-kuntratt, ma jkunx hemm lok li tingħata risposta għat-tielet domanda. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-konsumatur ta l-kunsens tiegħu, jekk ikun il-każ, għall-invalidazzjoni tal-kuntratt fl-intier tiegħu. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li talba għal deċiżjoni preliminari ma għandhiex bħala għan il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda hija intiża li tissodisfa l-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Confetra et, C‑259/16 u C‑260/16, EU:C:2018:370, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Għandu jiġi kkonstatat li għalkemm mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-konsumaturi taw il-kunsens tagħhom għall-invalidazzjoni tal-kuntratt, din id-deċiżjoni ma ssemmix jekk dan il-kunsens ingħatax wara li l-konsumaturi kkonċernati ġew informati b’mod oġġettiv u eżawrjenti dwar il-konsegwenzi legali kif ukoll dwar il-konsegwenzi ekonomiċi partikolarment sfavorevoli li din l-invalidazzjoni jista’ jkollha fir-rigward tagħhom. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, peress li l-qorti tar-rinviju għadha ma ddeċidietx dwar it-talba għal invalidazzjoni tal-kuntratt, b’mod partikolari minħabba mistoqsijiet dwar il-portata tal-informazzjoni li hija għandha tagħti lill-konsumaturi, il-kwistjoni dwar jekk hija tistax, fil-każ li din l-invalidazzjoni ma għandhiex tiġi deċiża, timla l-lakuni li jirriżultaw mit-tneħħija tal-klawżola inġusta bl-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma għandhiex in-natura ta’ dispożizzjoni supplenti ma tistax titqies li għandha natura ipotetika. |
|
51 |
Għaldaqstant, it-tielet domanda hija ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
|
52 |
Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, hija l-qorti nazzjonali li għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ klawżoli inġusti, sabiex dawn ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, sakemm il-konsumatur ma jopponix dan. Madankollu, il-kuntratt għandu jibqa’ japplika, bħala prinċipju, mingħajr ebda bidla oħra ħlief dik li tirriżulta mit-tneħħija tal-klawżoli inġusti, sa fejn, skont ir-regoli tad-dritt intern, tali tkomplija tal-kuntratt tkun legalment possibbli (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
53 |
Konsegwentement, meta l-qorti nazzjonali tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta f’kuntratt bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, dik il-qorti ma tistax tikkompleta l-kuntratt billi tirrevedi l-kontenut ta’ din il-klawżola (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, li kieku l-qorti nazzjonali tkun tista’ tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’tali kuntratt, tali possibbiltà tkun tista’ tippreġudika t-twettiq tal-għan fuq żmien twil imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13. Din il-possibbiltà tikkontribwixxi sabiex telimina l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri bil-pur u sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-konsumatur ta’ tali klawżoli inġusti, sa fejn dawn jibqgħu mħajra jużaw l-imsemmija klawżoli, bl-għarfien li, anki jekk dawn kellhom jiġu invalidati, il-kuntratt jista’ madankollu jiġi kkompletat, sa fejn neċessarju, mill-qorti nazzjonali b’tali mod li b’hekk jiġi ggarantit l-interess tal-imsemmija bejjiegħa jew fornituri (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
Min-naħa l-oħra, meta kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma jkunx jista’ jibqa’ jeżisti wara t-tneħħija ta’ klawżola inġusta, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix li l-qorti nazzjonali, b’applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tal-kuntratti, tneħħi l-klawżola inġusta billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplenti f’sitwazzjonijiet li fihom l-invalidazzjoni tal-klawżola inġusta tobbliga lill-qorti tannulla l-kuntratt kollu kemm hu, u b’hekk tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi li jikkawżaw dannu, b’tali mod li din tal-aħħar tkun penalizzata (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi li jiġu rrimedjati l-lakuni ta’ kuntratt, li jirriżultaw mit-tneħħija tal-klawżoli inġusti li jinsabu fih, abbażi biss ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura ġenerali, li ma kinux is-suġġett ta’ evalwazzjoni speċifika tal-leġiżlatur bil-għan li jiġi stabbilit bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet kontraenti u li, minħabba dan il-fatt, ma jibbenefikawx mill-preżunzjoni ta’ assenza ta’ natura inġusta, li jipprevedu li l-effetti espressi f’att legali, huma kompletati, b’mod partikolari, mill-effetti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ekwità jew ta’ użijiet li ma humiex dispożizzjonijiet supplenti u lanqas dispożizzjonijiet applikabbli f’każ ta’ ftehim tal-partijiet għall-kuntratt (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li hija tipprevedi li tapplika ma humiex dispożizzjonijiet supplenti fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq. Fid-dawl tal-fatt li, fil-kawża prinċipali, il-kuntratt ta’ self inkwistjoni ma jistax jibqa’ jeżisti mingħajr il-klawżoli mħassra, li ma jeżistux dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali supplenti u li l-invalidazzjoni tal-kuntratt tkun partikolarment ta’ preġudizzju għall-konsumaturi, din il-qorti tistaqsi liema mill-għanijiet tad-Direttiva 93/13 għandha tiffavorixxi, bejn, minn naħa, dak tal-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward tal-konsegwenzi partikolarment dannużi tal-invalidazzjoni tal-kuntratt, u, min-naħa l-oħra, dawk li għandhom jiddiswadew il-bejjiegħa jew fornituri milli jirrikorru għall-klawżoli inġusti. |
|
58 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonfrontata b’din l-istess domanda, diġà ddeċidiet li d-Direttiva 93/13 ma hijiex intiża li tirrakkomanda soluzzjonijiet uniformi f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali. Għalhekk, sa fejn, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, il-klawżoli inġusti ma jistgħux jorbtu lill-konsumaturi, dawn l-għanijiet setgħu jintlaħqu, skont il-każ u l-kuntest ġuridiku nazzjonali, bis-sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni fil-konfront tal-konsumatur tal-klawżola inġusta kkonċernata jew, meta l-kuntratt ma setax jibqa’ jeżisti mingħajr din il-klawżola, permezz tas-sostituzzjoni tagħha b’dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplenti (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B. (C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 39). |
|
59 |
Madankollu, hija fakkret, fil-punt 40 tal-istess sentenza, li l-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali ma humiex ta’ natura eżawrjenti. |
|
60 |
B’hekk, meta l-qorti nazzjonali tqis li l-kuntratt ta’ self inkwistjoni ma jistax, skont id-dritt tal-kuntratti, jibqa’ legalment fis-seħħ wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti kkonċernati u meta ma tkun teżisti ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplenti jew dispożizzjoni applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet għall-kuntratt li tista’ tissostitwixxi l-imsemmija klawżoli, hemm lok li jitqies li, sa fejn il-konsumatur ma jkunx esprima x-xewqa tiegħu li jżomm il-klawżoli inġusti u sa fejn l-annullament tal-kuntratt jesponi lil dan il-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, li għandu jiġi żgurat skont id-Direttiva 93/13, jeżiġi li, sabiex il-bilanċ reali bejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tal-partijiet kontraenti jiġi stabbilit mill-ġdid, il-qorti nazzjonali għandha tieħu, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali tagħha fl-intier tiegħu, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tipproteġi lill-konsumatur mill-konsegwenzi partikolarment dannużi li l-annullament tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni jista’ jikkawża, b’mod partikolari minħabba l-eżiġibbiltà immedjata tal-kreditu tal-bejjiegħ jew fornitur fil-konfront tiegħu (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 41). |
|
61 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jipprekludi b’mod partikolari li l-qorti nazzjonali tistieden lill-partijiet sabiex jinnegozjaw sabiex jistabbilixxu l-modalitajiet għall-iffissar tar-rati tal-interessi, sakemm tistabbilixxi l-qafas ta’ dawn in-negozjati u sakemm dawn ikunu intiżi li jistabbilixxu bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali li jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur li fuqu hija bbażata d-Direttiva 93/13 (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 42). |
|
62 |
Fil-fatt, kif diġà fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-qorti għandha, sa fejn huwa possibbli, tapplika d-dritt intern tagħha b’mod li jinsiltu l-konsegwenzi kollha li, skont id-dritt nazzjonali, jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit mill-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, jiġifieri li l-konsumatur ma jkunx marbut bi klawżola inġusta. L-istess japplika fir-rigward tad-determinazzjoni, wara l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola, tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din il-konstatazzjoni sabiex jiġi żgurat, konformement mal-għan ta’ din id-direttiva, livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur (sentenza ta‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 43). |
|
63 |
Madankollu, is-setgħat tal-qorti ma jistgħux jiġu estiżi lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex jerġa’ jiġi stabbilit il-bilanċ kuntrattwali bejn il-partijiet fil-kuntratt u b’hekk jipproteġi lill-konsumatur mill-konsegwenzi partikolarment dannużi li l-annullament tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni jista’ jikkawża. Fil-fatt, li kieku l-qorti setgħet temenda jew timmodera l-kontenut tal-klawżoli inġusti liberament, tali setgħa tkun ta’ natura li tikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet kollha msemmija fil-punti 24 sa 26 ta’ din is-sentenza (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 44). |
|
64 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qorti nazzjonali wara li tkun ikkonstatat in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tkun tista’ tirrimedja l-lakuni li jirriżultaw mit-tneħħija tal-klawżola inġusta inkluża fih permezz tal-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali li ma għandhiex in-natura ta’ dispożizzjoni supplenti. Madankollu, hija għandha tieħu, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu tagħha, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tipproteġi lill-konsumatur mill-konsegwenzi partikolarment dannużi li l-annullament tal-kuntratt jista’ jikkawża fil-konfront tiegħu. |
Fuq l‑ispejjeż
|
65 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.