26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/1


TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)

IS-SITT PARTI

DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI U FINANZJARJI

TITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

KAPITOLU 4

L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-BAĠIT U L-KWITTANZA

Artikolu 319

(ex Artikolu 276 TKE)

1.   Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, għandu jagħti kwittanza lill-Kummissjoni rigward l-implementazzjoni tal-baġit. Għal dan l-għan, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għandhom wieħed wara l-ieħor jeżaminaw il-kontijiet, id-dikjarazzjoni finanzjarja u r-rapport ta' valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 318, ir-rapport annwali mill-Qorti ta' l-Awdituri flimkien mar-risposti mill-istituzzjonijiet li tkun qiegħda ssirilhom il-verifika għall-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri, l-istqarrija ta’ assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 287(1), it-tieni subparagrafu, u kull rapport speċjali relevanti mill-Qorti ta' l-Awdituri.

2.   Qabel ma jagħti l-kwittanza tiegħu lill-Kummissjoni, jew għal kull raġuni oħra in konnessjoni ma' l-eżerċizzju tal-poteri tiegħu fuq l-implimentazzjoni ta' l-estimi, il-Parlament Ewropew jista' jitlob li jisma' lill-Kummissjoni tixhed dwar l-eżekuzzjoni tan-nefqa jew l-operat tas-sistemi ta’ kontroll finanzjarju. Il-Kummissjoni għandha tagħti kull informazzjoni neċessarja lill-Parlament Ewropew fuq talba ta’ dan ta' l-aħħar.

3.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi kollha approprijati sabiex taġixxi fuq l-osservazzjonijiet fid-deċiżjonijiet ta’ kwittanza u fuq osservazzjonijiet oħra mill-Parlament Ewropew rigward l-esekuzzjoni tan-nefqa, kif ukoll fuq il-kummenti li jkunu annessi mar-rakkomandazzjoni dwar il-kwittanza adottati mill-Kunsill.

Fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, il-Kummisjoni għandha tirraporta dwar il-miżuri meħuda fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u l-kummenti u b’mod partikolari fuq l-istruzzjonijiet mogħtija lid-dipartimenti li huma responsabbli għall-implimentazzjoni ta' l-estimi. Dawn ir-rapporti għandhom jintbagħtu wkoll lill-Qorti ta' l-Awdituri.