2011D0344 — MT — 27.06.2013 — 008.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Mejju 2011

dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

(2011/344/UE)

(ĠU L 159, 17.6.2011, p.88)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tat-2 ta’ Settembru 2011

  L 240

8

16.9.2011

►M2

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tal-11 ta’ Ottubru 2011

  L 269

32

14.10.2011

►M3

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tal-14 ta’ Diċembru 2011

  L 46

40

17.2.2012

 M4

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tad-29 ta’ Marzu 2012

  L 115

21

27.4.2012

 M5

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tal-10 ta’ Lulju 2012

  L 192

12

20.7.2012

►M6

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tad-9 ta’ Ottubru 2012

  L 295

14

25.10.2012

 M7

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Diċembru 2012

  L 26

30

26.1.2013

►M8

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tal-21 ta' Ġunju 2013

  L 175

47

27.6.2013


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 178, 10.7.2012, p. 15  (344/2011)




▼B

▼C1

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Mejju 2011

dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

▼B

(2011/344/UE)



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu.

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Portugall dan l-aħħar kien taħt pressjoni dejjem akbar fir-rigward tas-swieq finanzjarji, u dan ħoloq tħassib dejjem jiżdied dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tiegħu. Tabilħaqq, il-kriżi attwalikellha impatt drammatiku wkoll fuq il-finanzi pubbliċi, li finalment wasslet għal żieda kbira fil-firxiet tad-dejn sovran. Fost tnaqqis konsekuttiv fil-klassifikazzjoni ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tal-bonds Portugiżi, il-pajjiż ma baqax f’pożizzjoni li jiffinanzja lilu nnifsu mill-ġdid b’rati kompatibbli ma’ sostenibbiltà fiskali fuq perijodu ta’ żmien twil. Fl-istess waqt, is-settur bankarju, li jiddependi ħafna mill-finanzjament estern, partikolarment fiż-żona euro, ġie maqtugħ dejjem aktar mill-finanzjament tas-swieq.

(2)

Fid-dawl ta’ dan it-taqlib ekonomiku u finanzjarju gravi kkawżat minn ċirkostanzi eċċezzjonali lilhinn mill-kontroll tal-gvern, il-Portugall talab uffiċjalment assistenza finanzjarja mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri li l-valuta tagħhom hija l-euro u l-Fond Monetarju Internazzjonali (“FMI”) fis-7 ta’ April 2011 bil-għan li jiġi appoġġat programm ta’ politika li jerġa’ jistabbilixxi l-fiduċja u li jippermetti li l-ekonomija terġa’ lura fit-triq li twassal għal tkabbir sostenibbli, u li tissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja fil-Portugall, iż-żona euro u l-Unjoni. Fit-3 ta’ Mejju 2011, intlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-missjoni konġunta tal-Kummissjoni/FMI/BĊE fir-rigward ta’ programm komprensiv ta’ politika fuq tliet snin għall-perijodu sa nofs l-2014, sabiex jiġi stipulat f’Memorandum ta’ Politika Ekonomika u Finanzjarja (“MPEF”) u Memorandum ta’ Qbil dwar Kundizzjonalità ta’ Politika Ekonomika Speċifika (“MtQ”). Dan il-progrmm ta’ politika kien appoġġat mill-akbar żewġ partiti fl-oppożizzjoni.

(3)

Dan l-abbozz tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju (“il-Programm”) ippreżentat mill-Portugall lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għandu l-għan li jerġa’ jistabbilixxi l-fiduċja fis-settur tad-dejn sovran u f’dak bankarju u li jappoġġa t-tkabbir u l-impjiegi. Jipprevedi azzjoni komprensiva li tindirizza tliet kwistjonijiet. L-ewwel nett, riformi strutturali profondi u bi frontloading li jippermettu żieda fit-tkabbir potenzjali, li joħolqu l-impjiegi, u li jtejbu l-kompetittività (inkluż permezz ta’ devalwazzjoni fiskali). B’mod partikolari, il-Programm fih riformi tas-suq tax-xogħol, tas-sistema ġudizzjarja, tal-industriji tan-netwerks, u tas-setturi tad-djar u tas-servizzi, bil-għan li jissaħħaħ il-potenzjal għat-tkabbir tal-ekonomija, titjieb il-kompetittività u jiġi ffaċilitat l-aġġustament ekonomiku. It-tieni, strateġija ta’ konsolidazzjoni fiskali bbilanċjata u kredibbli, appoġġata minn miżuri fiskali strateġiċi u kontroll fiskali aħjar ta’ Sħubiji Pubbliċi Privati (“SPP”) u Impriżi tal-Istat (State-Owned Enterprises, “SOEs”), bil-għan li l-proporzjon ta’ dejn pubbliku gross mal-PDG jaqbad triq tan-niżla soda fuq perijodu ta’ żmien medju. L-awtoritajiet jimpenjaw ruħhom li jnaqqsu d-defiċit għal 3 % tal-PDG sal-2013. It-tielet, strateġija għas-settur finanzjarju bbażata fuq ir-rikapitalizzazzjoni u d-diżingranaġġ, bi sforzi biex is-settur finanzjarju jiġi ssalvagwardjat kontra d-diżingranaġġ diżordinat permezz ta’ mekkaniżmi bbażati fuq is-suq b’faċilitajiet ta’ riżerva.

(4)

Skont it-tbassir attwali tal-Kummissjoni għat-tkabbir nominali tal-PDG (-1,2 % fl-2011, -0,5 % fl-2012, 2,5 % fl-2013 u 3,9 % fl-2014), il-miri fiskali huma konsistenti ma’ triq li twassal għal proporzjon ta’ dejn mal-PDG ta’ 101,7 % fl-2011, 107,4 % fl-2012, 108,6 % fl-2013 u 107,6 % fl-2014. Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG ikun għalhekk stabbilizzat fl-2013 u, minn hemm ‘il quddiem, jaqbad nieżel, dejjem jekk ikun hemm progress ulterjuri fit-tnaqqsis tad-defiċit. Id-dinamika tad-dejn hija affettwata minn diversi operazzjonijiet miżmuma barra mill-baġit, u jitbassar li dawn iżidu l-proporzjon tad-dejn mal-PDG b’1¾ punti perċentwali (“pps”) tal-PDG fl-2011 u b’¾ pps fis-sena bejn l-2012 u l-2014. Dawn jinkludu akkwiżizzjonijiet imdaqqsa ta’ assi finanzjarji, b’mod partikolari għar-rikapitalizzazzjoni ta’ banek u l-finanzjament possibbli tal-SOEs li jammontaw għal ½% tal-PDG fis-sena bejn l-2011 u l-2014. Min-naħa l-oħra, ir-rikavati mill-privatizzazzjoni li jammontaw għal madwar 3 % tal-PDG sas-sena 2013 ser jappoġġaw l-isforzi tat-tnaqqis tad-dejn.

(5)

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”) u flimkien mal-FMI, hija li l-Portugall jeħtieġ finanzjament li jammonta għal EUR 78 biljun (78 000 miljun) tul il-perijodu minn Ġunju 2011 sa nofs 2014. Minkejja l-aġġustament fiskali sinifikanti, id-diskrepanza fil-finanzjament għad-dejn sovran jista’ jammonta għal EUR 63 biljun tul il-perijodu tal-Programm. Dan jippresupponi li ma jkunx hemm aċċess għas-suq tad-dejn fuq perijodu ta’ żmien medju u twil sal-ewwel nofs tal-2013. Wieħed jassumi li l-Portugall ser ikun jista’ jittrasferixxi parti mill-istokk eżistenti tiegħu ta’ dejn fuq perijodu ta’ żmien qasir, filwaqt li l-programm jipprovdi wkoll bafer ta’ finanzjamant f’każ ta’ devjazzjonijiet mhux mistennija mix-xenarju bażiku ta’ finanzjament tal-Kummissjoni. Il-Portugall huwa mħeġġeġ biex iżomm u jaġġusta l-operazzjonijiet tas-suq finanzjarju, waqt li jfittex li jiżviluppa l-aċċess għas-suq u l-kunfidenza. L-istrateġija tas-settur finanzjarju li tinsab fil-programm biex terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja fis-sistema bankarja Portugiża fuq bażi sostenibbli tesiġi li l-gruppi bankarji jkollhom il-proporzjon tal-kapital ewlieni tal-livell wieħed (core tier 1) tagħhom ekwivalenti għal 9 % sal-aħħar tal-2011 u għal 10 % sal-aħħar tal-2012 u li jibqgħu hekk wara dan. Il-programm fih skema ta’ appoġġ bankarju sa massimu ta’ EUR 12-il biljun biex jiġi pprovdut il-kapital meħtieġ f’każ li ma jkunux jistgħu jinstabu soluzzjonijiet tas-suq. Madankollu, il-ħtiġijiet reali tal-finanzjament jistgħu jkunu sostanzjalment inqas, b’mod partikolari jekk il-kondizzjonijiet tas-suq jitjiebu b’mod sinifikanti u ma jseħħ l-ebda telf bankarju gravi mhux mistenni matul il-perijodu tal-Programm.

(6)

Il-Programm ikun iffinanzjat permezz ta’ kontribuzzjonijiet minn sorsi esterni. L-assistenza tal-Unjoni lill-Portugall tilħaq massimu ta’ EUR 52 biljun skont il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (“EFSM”) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 407/2010 u minn kontribuzzjonijiet mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja. Barra minn hekk, il-Portugall talab self ta’ SDR 23,742 biljun (ekwivalenti għal EUR 26 biljun bir-rata tal-kambju tal-5 ta’ Mejju 2011) mill-FMI skont Faċilità ta’ Fond Estiża. L-appoġġ mill-EFSM jeħtieġ li jiġi pprovdut skont termini u kondizzjonijiet simili għal dawk tal-FMI. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun amministrata mill-Kummissjoni.

(7)

Il-Kunsill għandu jirrevedi, fuq bażi regolari, il-politika ekonomika implimentata mill-Portugall.

(8)

Il-kondizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika miftiehma mal-Portugall għandha tiġi stipulata f’Memorandum ta’ Qbil dwar Kondizzjonalità tal-Politika Ekonomika Speċifika (il-“Memorandum ta’ Qbil”). It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar Faċilità ta’ Self.

(9)

Il-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE, għandha tivverifika f’intervalli regolari li l-kondizzjonijijet ta’ politika ekonomika marbuta mal-assistenza jiġu sodisfatti, permezz ta’ missjonijiet u rappurtar regolari mill-awtoritajiet Portugiżi.

(10)

Tul l-implimentazzjoni tal-Programm, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza politika u assistenza teknika addizzjonali f’oqsma speċifiċi.

(11)

L-operazzjonijiet li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tgħin fil-finanzjament tagħhom għandhom ikunu kompatibbli mal-politika tal-Unjoni u konformi mal-leġislazzjoni tal-Unjoni. Interventi b’appoġġ għall-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jitwettqu skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni.

(12)

L-assistenza għandha tiġi pprovduta bil-għan li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni effikaċi tal-Programm,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

▼M8

1.  L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli lill-Portugall self li jammonta għal massimu ta’ EUR 26 biljun, b’maturità medja massima ta’ 19,5 snin. Kull wieħed mill-ħlasijiet individwali tal-faċilità ta’ self jista’ jkollu maturità ta’ mhux aktar minn 30 sena.

▼B

2.  L-assistenza finanzjarja għandha tkun disponibbli għal tliet snin li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

▼M1

3.  L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Portugall f’massimu ta’ 14-il ħlas parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’porzjon wieħed jew iktar. Il-maturitajiet tal-porzjonijiet taħt l-ewwel u t-tieni ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ porzjonijiet oħra għandhom jiġu ffissati sabiex il-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tinkiseb ladarba l-porzjonijiet kollha jkunu ngħataw.

▼B

4.  L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat suġġett għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar Faċilità ta’ Self u l-Memorandum ta’ Qbil. Kwalunkwe rilaxx ta’ self sussegwenti għandu jkun taħt kondizzjoni ta’ analiżi favorevoli mill-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-BĊE, rigward il-konformità tal-Portugall mal-kondizzjonijiet ġenerali tal-politika ekonomika kif definit b’din id-Deċiżjoni u l-Memorandum ta’ Qbil.

▼M2

5.  Għal kull ħlas individwali, il-Portugall għandu jħallas l-ispiża tal-finanzjament tal-Unjoni.

▼B

6.  Barra minn hekk, l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 407/2010 għandhom jitħallsu mill-Portugall.

7.  Jekk ikun meħtieġ sabiex jiġi ffinanzjat is-self, l-użu prudenti ta’ swaps tar-rata tal-imgħax ma’ kontropartijiet tal-ogħla kwalità ta’ kreditu u teħid bil-quddiem ta’ self għandhom ikunu permessi.

8.  Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx ta’ ħlasijiet parzjali ulterjuri. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs tal-partijiet.

▼M8

9.  Fuq talba tal-Portugall, il-Kummissjoni tista’ ttawwal il-maturità ta’ pagament akkont jew parti, sakemm il-maturità medja massima kif stabbilita fil-paragrafu 1 tkun rispettata. Il-Kummissjoni tista’ tirrifinanzja s-self kollu tagħha jew parti minnu għal dik il-fini. Kull ammont misluf mill-Kummissjoni bil-quddiem jinżamm f’kont mal-BĊE li l-Kummissjoni fetħet għall-amministrazzjoni tal-assistenza finanzjarja.

▼B

Artikolu 2

1.  L-assistenza għandha tkun amministrata mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-impenji tal-Portugall.

2.  Il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-BĊE, għandha taqbel mal-awtoritajiet Portugiżi dwar il-kondizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika marbutin mal-assistenza finanzjarja kif stabbilit fl-Artikolu 3. Dawk il-kondizzjonijiet għandhom jiġu stipulati f’Memorandum ta’ Qbil li għandu jiġi ffirmat mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet Portugiżi konsistenti mal-impenji msemmija fil-paragrafu 1. It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar Faċilità ta’ Self li għandu jiġi konkluż mal-Kummissjoni.

3.  Il-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE, għandha tivverifika f’intervalli regolari (tal-inqas kull tliet xhur) li l-kondizzjonijiet tal-politika ekonomika marbutin mal-assistenza jiġu sodisfatti, u tirrapporta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju qabel l-iżborż ta’ kull ħlas parzjali. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet Portugiżi għandhom jikkooperaw b’mod sħiħ mal-Kummissjoni u l-BĊE, u għandhom jagħmlulhom disponibbli kull tagħtrif meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju mgħarraf dwar il-possibbiltà ta’ rifinanzjament tat-teħid ta’ self, jew ta’ tibdil fil-kondizzjonijiet finanzjarji.

4.  Il-Portugall għandu jadotta u jimplimenta miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni biex jiżgura l-istabbiltà makro-finanzjarja, f’każ li dawn il-miżuri jkunu meħtieġa matul il-programm ta’ assistenza. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni u lill-BĊE minn qabel jekk jadottaw xi miżura addizzjonali bħal dawn.

Artikolu 3

1.  L-abbozz tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju (“il-Programm”) imħejji mill-awtoritajiet Portugiżi huwa b’dan approvat.

2.  L-iżborż ta’ kull ħlas parzjali wara l-ewwel wieħed għandu jsir abbażi ta’ implimentazzjoni sodisfaċenti tal-Programm u, partikolarment, il-kondizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika stipulati fil-Memorandum ta’ Qbil. Dawn għandhom jinkludu, inter alia, il-miżuri previsti fil-paragrafi 4 sa 8 ta’ dan l-Artikolu.

▼M8

3.  Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ma għandux jaqbeż il-5,9 % tal-PDG fl-2011, 5,0 % tal-PDG fl-2012, 5,5 % tal-PDG fl-2013 u 4 % tal-PDG fl-2014. Għall-kalkolu ta’ dan id-defiċit, ma għandhomx jiġu kkunsidrati l-ispejjeż baġitarji possibbli tal-miżuri ta’ appoġġ tal-banek fil-kuntest tal-istrateġija tas-settur finanzjarju tal-Gvern. Il-konsolidazzjoni baġitarja għandha tintlaħaq permezz ta’ miżuri permanenti ta’ kwalità għolja u bil-minimizzazzjoni tal-impatt tal-konsolidazzjoni fuq gruppi vulnerabbli.

4.  Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri speċifikati fil-paragrafi 5 sa 8 qabel tmiem is-sena indikata, u d-dati ta’ skadenza preċiżi għas-snin 2011-2014 għandhom ikunu speċifikati fil-Memorandum ta’ Qbil. Il-Portugall għandu jkun lest li jieħu miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni biex jintlaħqu l-miri tad-defiċit matul il-perijodu tal-programm.

▼B

5.  Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri li ġejjin qabel tmiem l-2011, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil:

▼M3

(a) Il-mira tad-defiċit fiskali għall-2011 għandha tiġi milħuqa permezz ta’ miżura eċċezzjonali. L-assi ottenuti b’riżultat tat-trasferiment tal-fondi tal-pensjonijiet tal-banek għas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat ma għandhomx jintużaw fi kwalunkwe mod li jkun detrimentali għas-sostenibbiltà fuq terminu ta’ żmien twil tal-finanzi pubbliċi Portugiżi.

(b) Il-Portugall għandu jadotta miżuri sabiex isaħħaħ il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri mogħtija fil-Liġi Qafas Baġitarja l-ġdida, inkluż l-istabbilment ta’ qafas baġitarju ta’ terminu medju u l-istabbilment ta’ Kunsill Fiskali indipendenti. Il-qafas baġitarju fil-livelli lokali u reġjonali għandu jissaħħaħ b’mod konsiderevoli, b’mod partikolari billi jipproponi l-għażliet ewlenin għall-allinjament tal-liġijiet finanzjarji rispettivi mar-rekwiżiti tal-Liġi Qafas Baġitarja. Il-Portugall għandu jżid ir-rapportar u l-monitoraġġ tal-finanzi pubbliċi u jirrinforza r-regoli u l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni baġitarja. Il-Gvern Portugiż għandu jħejji strateġija għall-validazzjoni u s-saldu ta’ arretrati li se tippreżenta mappa direzzjonali li tistabbilixxi kif u meta se jiġu stabilizzati l-istokkijiet ta’ arretrati u tesplora għażliet varji għas-saldu ta’ arretrati. Rigward is-Sħubiji Pubbliċi-Privati (“PPPs”), il-Gvern Portugiż m’għandux jidħol f’PPPs ġodda qabel ma jiġu disponibbli r-riżultati tal-istudji dwar PPPs eżistenti mbassra fil-Programm u r-riformi legali u istituzzjonali proposti.

▼M1

(c) Il-Portugall għandu jkompli jsaħħaħ il-funzjonament tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari billi jieħu miżuri li jirriformaw il-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tal-impjieg, l-issettjar tal-pagi u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol.

▼B

(d) Fis-settur tal-enerġija, il-Portugall għandu jieħu miżuri biex jiffaċilita d-dħul, jippromwovi l-istabbiliment tas-suq tal-gass Iberjan u jirrevedi l-appoġġ u l-iskemi ta’ kumpens għall-produzzjoni tal-elettriku. Għal industriji oħra tan-netwerk, b’mod partikolari t-trasport, is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni u tal-posta, il-Portugall għandu jadotta miżuri addizzjonali biex jippromwovi l-kompetizzjoni u l-flessibilità.

▼M3

(e) Il-Portugall għandu jkompli jiftaħ l-ekonomija għall-kompetizzjoni. Il-Gvern Portugiż għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-Istat Portugiż jew kwalunkwe korp pubbliku ieħor ma jikkonkludix, f’kapaċità ta’ azzjonist, ftehimiet li jistgħu jxekklu l-moviment ħieles ta’ kapital jew li jistgħu jinfluwenzaw il-kontroll amministrattiv ta’ kumpaniji. Il-Liġi ta’ Privatizzazzjoni l-ġdida għandha tirrispetta wkoll il-prinċipji ta’ moviment ħieles ta’ kapital u ma tagħti jew tippermetti l-ebda drittijiet speċjali lill-Istat. Għandha ssir reviżjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni bil-għan li jitjiebu l-veloċità u l-effettività tal-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni.

▼B

(f) Il-Portugall għandu jtejjeb il-prattiki u r-regoli għall-akkwist pubbliku sabiex jikkontribwixxi għal ambjent kummerċjali aktar kompetittiv u għal infiq pubbliku aktar effiċjenti.

▼M1

(g) Il-Portugall għandu jadotta miżuri biex itejjeb l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-SOEs fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali. Il-Portugall għandu jipprepara dokument komprensiv ta’ strateġija tal-SOEs li janalizza l-istruttura tat-tariffi u l-provvista tas-servizz u pjan biex jissikka r-rekwiżiti tas-self mill-2012. Il-Portugall għandu jimplimenta l-pjanijiet kurrenti biex fl-SOEs tal-gvern ċentrali jitnaqqsu l-ispejjeż operattivi b’mill-inqas 15 % bħala medja barra mis-settur tas-saħħa u jipprepara pjan ekwivalenti għall-SOEs tal-gvern reġjonali u lokali.

▼M3

(h) Il-Portugall għandu jħejji arranġament finanzjarju mar-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira (“RAM”) b’mod konsistenti mal-Programm. Sakemm jintlaħaq ftehim dwar dak l-arranġament u l-implimentazzjoni tiegħu fil-baġit RAM, il-Portugall għandu jagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-eżekuzzjoni tal-baġit tar-RAM, għandu jżomm it-trasferimenti mill-Istat lill-gvern tar-RAM sospiżi u ma għandu jonora l-ebda dejn jew garanziji kummerċjali jew finanzjarji ġodda mill-gvern tar-RAM u s-SOEs tiegħu li mhumiex approvati mill-Ministeru tal-Finanzi.

▼M6

6.  Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2012, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil:

(a) id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ma għandux jaqbeż il-5,0 % tal-PDG fl-2012. Il-Portugall għandu jkompli jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi fiskali u jimplimenta aktar aġġustamenti ta' politika biex tintlaħaq il-mira tal-2012. Għal dan il-għan, il-Portugall għandu jiffriża xi approprjazzjonijiet baġitarji tal-2012 għal proġetti ta' investiment li għadhom ma bdewx; iżid it-taxxi tal-bolla fuq proprjetajiet ta’ valur għoli; iżid ir-rati tat-taxxa fuq l-introjtu mill-investimenti; jantiċipa wħud mill-miżuri baġitarji tal-2013 li jaffettwaw il-benefiċċji soċjali; jimplimenta miżuri addizzjonali li jiġġeneraw iffrankar fil-konsum intermedju u li jdaħħlu dħul ieħor sabiex tiġi żgurata l-mira tad-defiċit għall-2012.

(b) il-Portugall għandu jimmira li jnaqqas in-nefqa fl-2012 b'mill-inqas EUR 6,8 biljun, inkluż billi jnaqqas il-pagi u l-impjiegi fis-settur pubbliku; inaqqas il-pensjonijiet; iwettaq organizzazzjoni mill-ġdid komprensiva tal-amministrazzjoni ċentrali, jelimina l-ħela u ineffiċjenzi oħra; inaqqas it-trasferimenti lejn SOEs; jorganizza mill-ġdid u jnaqqas l-għadd ta’ muniċipalitajiet u parroċċi; inaqqas l-infieq fl-edukazzjoni u s-saħħa; inaqqas it-trasferimenti lejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali; u jnaqqas in-nefqa kapitali u infiq ieħor kif stabbilit fil-Programm;

(c) mil-lat tad-dħul, il-Portugall għandu jimplimenta miżuri ta’ dħul li jammontaw, mill-inqas, għal total ta’ EUR 3 biljun, inkluż billi jitwessgħu l-bażijiet tal-VAT permezz tat-tnaqqis tal-eżenzjonijiet u l-arranġament mill-ġdid tal-listi ta’ prodotti u servizzi soġġetti għal rati mnaqqsa, intermedji u ogħla; żieda fit-taxxi tas-sisa; twessigħ tal-bażijiet għat-taxxa korporattiva u dik fuq l-introjtu personali billi jonqsu t-tnaqqis fit-taxxi u r-reġimi speċjali; tiġi żgurata l-konverġenza tat-tnaqqis fit-taxxa fuq l-introjtu personali applikata għal introjtu minn pensjonijiet u mix-xogħol; u tibdiliet fit-tassazzjoni tal-proprjetà billi l-eżenzjonijiet jitnaqqsu b’mod sostanzjali. Dawn il-miżuri għandhom jiġu kkomplementati minn azzjoni ta’ ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, frodi u informalità;

(d) il-Portugall għandu jkompli jadotta miżuri biex isaħħaħ l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri previsti fil-Liġi Qafas Baġitarja l-ġdida, inkluż it-twaqqif ta’ qafas baġitarju fuq terminu medju. L-oqfsa baġitarji lokali u reġjonali għandhom jissaħħu b’mod konsiderevoli, b’mod partikolari billi l-liġijiet finanzjarji rispettivi jiġu allinjati mar-rekwiżiti tal-Liġi Qafas Baġitarja. Il-Portugall għandu jżid ir-rapportar u l-monitoraġġ tal-finanzi pubbliċi u jsaħħaħ ir-regoli u l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni baġitarja. Il-Gvern Portugiż għandu japplika l-istrateġija għall-validazzjoni u s-saldu ta' arretrati u jħaffef l-implimentazzjoni tal-liġi ta' kontroll tal-impenji biex jiġi evitat il-ħolqien ta' arretrati ġodda. Il-Portugall għandu jimplimenta l-qafas legali u istituzzjonali l-ġdid tas-sħubijiet pubbliċi privati (PPPs). Ebda PPP ma għandha tiġi varata sakemm il-qafas il-ġdid ikun effettiv bis-sħiħ. Abbażi ta' studju mħejji minn ditta internazzjonali tal-awditjar, il-Portugall għandu jiżviluppa pjan strateġiku dettaljat, f'konformità sħiħa mal-liġi tal-Unjoni applikabbli inkluża l-liġi dwar l-akkwist pubbliku, bil-għan li jikseb gwadanji fiskali sostanzjali, filwaqt li jimminimizza l-piż tad-dejn u jiżgura tnaqqis sostenibbli fl-obbligazzjonijiet tal-gvern. Il-Portugall għandu jadotta liġi li tirregola l-ħolqien u l-funzjonament tal-SOEs fil-livelli ċentrali, reġjonali u lokali;

(e) il-Portugall għandu japplika l-leġiżlazzjoni ġdida biex jorganizza mill-ġdid u jnaqqas konsiderevolment l-għadd ta' entitajiet tal-gvern lokali. Dawn il-bidliet għandhom jidħlu fis-seħħ sal-bidu taċ-ċiklu tal-elezzjonijiet lokali li jmiss. Barra minn hekk, il-Portugall għandu jsaħħaħ l-isforzi għar-razzjonalizzazzjoni tas-settur pubbliku billi jnaqqas l-entitajiet u jtejjeb il-kondiviżjoni tal-kompiti fil-livelli kollha tal-gvern;

(f) il-Portugall għandu jwettaq riforma aktar profonda tal-amministrazzjoni tad-dħul billi jirrinforza r-rabtiet bejn l-Autoridade Tributária e Aduaneira u l-unitajiet tal-ġbir tad-dħul tas-Sigurtà Soċjali, inaqqas l-għadd ta' uffiċċji muniċipali u jindirizza l-ostakli li jifdal fis-sistema tal-appell tat-taxxa;

(g) il-Portugall għandu jimplimenta l-arranġament finanzjarju mar-RAM.

(h) il-Portugall għandu jadotta miżuri biex itejjeb l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-SOEs fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali. Il-Portugall għandu jesplora opzjonijiet sabiex jiġġestixxi l-piż kbir tad-dejn tal-SOEs, inkluż Parpública, u biex jiżgura kundizzjonijiet imtejba għal finanzjament mis-suq. Il-Portugall għandu jimmira li jilħaq bilanċ operazzjonali fil-livell tas-setturi sa tmiem l-2012;

(i) il-Portugall għandu jkompli jimplimenta l-programm ta' privatizzazzjoni. Il-bejgħ dirett ta' Caixa Seguros, il-fergħa tal-assigurazzjoni tal-Caixa Geral de Depòsitos (CGD), jinsab għaddej;

(j) il-Gvern Portugiż għandu jippreżenta abbozz ta’ leġiżlazzjoni lill-Parlament Portugiż sabiex jallinja l-pagamenti tat-terminazzjoni tal-impjieg mal-medja tal-Unjoni ta’ 8-12-il jum għal kull sena xogħol u sabiex joħloq fond ta’ kumpens għall-pagamenti tat-terminazzjoni tal-impjieg;

(k) il-Portugall għandu jippromwovi żviluppi fil-pagi li jkunu konsistenti mal-għanijiet ta’ trawwim tal-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib fil-kompetittività tal-kumpaniji bil-għan li jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi. Matul il-perjodu tal-Programm, kwalunkwe żieda fil-pagi minimi għandha ssir biss jekk din tkun ġustifikata mill-iżviluppi ekonomiċi u tas-suq tax-xogħol. Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet fl-iskemi ta’ negozjar tal-pagi attwali, inkluża leġiżlazzjoni li tiddefinixxi mill-ġdid il-kriterji u l-modalitajiet tal-estensjoni tal-ftehimiet kollettivi u biex jiġu faċilitati l-ftehimiet fil-livell tal-impriżi. Sadanittant, il-ftehimiet kollettivi ma għandhomx jiġu estiżi;

(l) il-Portugall għandu jkompli jtejjeb l-effettività ta’ politiki attivi tiegħu għas-suq tax-xogħol f'konformità mar-riżultati tar-rapport ta' valutazzjoni u tal-pjan ta' azzjoni biex jittejjeb il-funzjonament tas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi;

(m) il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni tiegħu biex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni sekondarja u vokazzjonali u t-taħriġ;

(n) il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja għandu jittejjeb billi jiġu implimentati l-miżuri proposti taħt il-Pjan Direzzjonali tar-Riforma Ġudizzjarja u bl-applikazzjoni ta’ miżuri mmirati biex progressivament jiġi eliminat ix-xogħol b’lura fil-qrati u biex jitrawmu soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim;

(o) il-Portugall għandu jkompli jiftaħ l-ekonomija tiegħu għall-kompetizzjoni. Il-Gvern Portuġiż għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li ma jinħolqux ostakli għall-moviment liberu tal-kapital permezz tal-azzjoni tiegħu u, b'mod partikolari, sabiex l-Istat Portugiż jew kwalunkwe entità pubblika ma jikkonkludux, bħala azzjonisti, ftehimiet li jistgħu jfixklu l-moviment liberu tal-kapital jew jinfluwenzaw il-kontroll tal-ġestjoni tal-kumpaniji. Il-funzjonament tas-servizzi professjonali għandu jitrawwem billi jitjieb il-qafas għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u billi jiġu eliminati restrizzjonijiet bla bżonn għall-professjonijiet regolati. Fir-rigward tal-attivitajiet ta' kostruzzjoni u dawk immobiljari, il-Portugall għandu jtaffi r-rekwiżiti għal fornituri transfruntieri filwaqt li janalizza l-ostakli għall-istabbiliment tal-fornituri tas-servizzi;

(p) għandhom jitjiebu l-qafas tal-kompetizzjoni u dak regolatorju. Il-Portugall għandu jsaħħaħ l-indipendenza, l-awtonomija u l-governanza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali prinċipali; jimplimenta l-Liġi dwar il-Kompetizzjoni bil-għan li jtejjeb il-veloċità u l-effettività tal-infurzar tar-regoli dwar il-kompetizzjoni; u jimmonitorja l-influss ta' każijiet ġodda u jirapporta dwar il-funzjonament tal-qorti speċjalizzata għall-kompetizzjoni, ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni;

(q) fis-settur tal-enerġija, il-Portugall għandu jieħu miżuri biex jiffaċilita d-dħul fis-suq u jippromwovi l-istabbiliment tas-suq tal-gass Iberjan u għandu jieħu passi ulterjuri lejn traspożizzjoni sħiħa tat-tielet Pakkett dwar l-Enerġija tal-UE. Biex jiġu żgurati l-indipendenza, l-awtonomija u s-setgħat tal-awtorità regolatorja nazzjonali previsti fit-Tielet Pakkett tal-UE dwar l-Enerġija, il-Portugall għandu jadotta l-bylaws ġodda tar-regolaturi, kif miftiehem f'Lulju 2012 mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI sat-tielet trimestru tal-2012, u għandu jiżgura li jkunu effettivi qabel l-aħħar tas-sena 2012 fil-ħin għal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku u l-gass. Il-Portugall għandu jieħu miżuri sabiex jirrevedi l-iskemi ta' appoġġ u ta' kumpens għall-produzzjoni tal-elettriku. Il-Portugall għandu jieħu miżuri sabiex inaqqas kirjiet eċċessivi u jelimina d-dejn tariffarju sal-2020, filwaqt li jiffoka fuq skemi ta' kumpens għall-garanzija tal-enerġija, ir-reġimi speċjali (tipi ta' enerġija rinnovvabli - esklużi dawk mgħotija permezz ta' mekkaniżmi tal-offerti - u koġenerazzjoni), kif ukoll ir-reġim ordinarju (“CMECs” u “CAEs”);

(r) f'industriji oħra tan-netwerk, b’mod partikolari s-servizzi tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni u l-posta, il-Portugall għandu jadotta miżuri addizzjonali biex jippromwovi l-kompetizzjoni u l-flessibilità;

(s) il-Portugall għandu jadotta għadd ta’ miżuri bl-għan li jżid l-effiċjenza tal-iskemi tal-liċenzji għall-ippjanar territorjali, liċenzji industrijali u kummerċjali u dawk għat-turiżmu. Barra minn hekk, il-Gvern Portugiż għandu janalizza u jħaffef l-applikazzjonijiet għal-liċenzji għall-proġetti ta' investiment ppjanati li baqgħu ma ssolvewx jew ma ġewx deċiżi wara aktar minn 12-il xahar;

(t) il-Portugall għandu jipprepara pjan ta' azzjoni b'miżuri biex jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament u għas-swieq tal-esportazzjoni għall-kumpaniji, b'mod partikolari għall-SMEs.

▼M8

7.  Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2013, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil:

(a) Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika m'għandux jaqbeż il-5,5 % tal-PDG fl-2013. Il-miżuri ta’ konsolidament inklużi fil-baġit tal-2013, inkluż fil-baġit supplimentari ppreżentati lill-Parlament sal-aħħar ta’ Mejju, għandhom ikunu implimentati matul is-sena. Miżuri li jżidu d-dħul għandhom jinkludu riforma fit-taxxa fuq id-dħul personali li tissimplifika l-istruttura tat-taxxa, twessa' l-bażi tat-taxxa permezz tal-eliminazzjoni ta’ xi benefiċċji fiskali u żid ir-rata tat-taxxa medja, filwaqt li tippreserva l-progressività; twessigħ tal-bażi tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv; żieda fit-taxxi tas-sisa u t-tassazzjoni rikorrenti tal-proprjetà u kontribuzzjoni straordinarja għal solidarjetà għall-pensjonijiet. Miżuri għall-iffrankar min-nefqa għandhom jinkludu razzjonalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-benefiċċji soċjali; tnaqqis fin-nefqa fuq il-pagi billi jitnaqqas il-persunal permanenti u dak temporanju u billi jonqos il-ħlas għas-sahra; u tnaqqis tan-nefqa kapitali u operazzjonali mill-intrapriżi tal-istat; negozjati mill-ġdid ta’ kuntratti ma’ sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat; u tnaqqis fil-konsum intermedju fil-ministeri relevanti;

(b) Uħud mill-miżuri li jirriżultaw minn reviżjoni tal-infiq pubbliku għandhom ikunu antiċipati minn qabel sa l-2013. Dawn jikkonsistu l-aktar f’aktar tnaqqis fl-impjiegi tas-settur pubbliku permezz tat-trasformazzjoni tal-Iskema ta' Mobilità speċjali għal programm ta' rikwalifikazzjoni, il-konverġenza tar-regoli dwar ix-xogħol tas-settur pubbliku ma’ dawk tas-settur privat, speċjalment billi jiżdiedu s-sigħat tax-xogħol fis-settur pubbliku minn 35 sa 40 siegħa fil-ġimgħa; iż-żieda ta’ kontribuzzjonijiet tal-impjegati pubbliċi fi skemi ta’ assigurazzjoni speċjali tas-saħħa u t-tnaqqis ta’ benefiċċji supplimentari. Sforzi ta’ razzjonalizzazzjoni madwar il-Ministeri relevanti għandhom jiġu approfonditi lil hinn mill-pjanijiet oriġinali tal-baġit u l-infiq soċjali għandu jiġi ssimplifikati aktar. Barra minn hekk, il-miżuri permanenti msemmija hawn fuq għandhom jiġu kkomplimentati b'miżuri temporanji, li għandhom jinbidlu b’dawk permanenti fl-2014, li jikkonsistu fit-trasferiment ta' riżorsi tal-Fond ta' Koeżjoni minn proġetti anqas maturi lejn proġetti aktar avvanzati u tnaqqis ulterjuri fin-nefqa kapitali (programm Polis);

(c) Minbarra l-miżuri ta’ konsolidazzjoni inklużi fil-baġit supplimentari, il-bidliet leġislattivi l-oħra kollha u l-proposti leġislattivi meħtieġa biex jiġu implimentati r-riformi marbuta ma’ reviżjoni tal-infiq pubbliku se jiġu adottati mill-Gvern jew sottomessi lill-Parlament, skont il-każ, qabel tmiem is-sessjoni leġislattiva f’nofs Lulju 2013;

(d) Il-Portugall għandu jkompli jimplimenta l-programm ta' privatizzazzjoni tiegħu;

(e) Il-Portugall għandu jikkoordina l-iskambju ta’ informazzjoni fil-livelli kollha tal-gvern biex jiffaċilita l-previżjoni tad-dħul għall-baġits tal-2014 tar-Reġjuni Awtonomi u l-awtoritajiet lokali;

(f) Il-Portugall għandu japprofondixxi l-użu ta' servizzi kondiviżi fl-amministrazzjoni pubblika;

(g) Il-Portugall inaqqas l-għadd ta’ fergħat lokali ta’ ministeri rilevanti (eż. taxxa, sigurtà soċjali, ġustizzja) billi jgħaqqadhom fi “Lojas do Cidadão” (punti ta' kuntatt uniċi tal-amministrazzjoni u tas-servizzi) u jiżviluppa ulterjorment l-amministrazzjoni elettronika tul il-perijodu tal-Programm;

(h) Il-Portugall għandu jkompli r-riorganizzazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tan-netwerk tal-isptarijiet permezz tal-ispeċjalizzazzjoni, il-konċentrazzjoni u t-tnaqqis ta' servizzi tal-isptar, il-ġestjoni konġunta u t-tħaddim konġunt ta' sptarijiet u għandu jiffinalizza l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni sa tmiem l-2013;

(i) Bl-appoġġ ta' esperti magħrufa internazzjonalment u wara l-adozzjoni tal-emendi għal-Liġi 6/2006 dwar il-Kera Urbana Ġdida u d-digriet leġislattiv li jissimplifika l-proċedura amministrattiva għar-rinnovazzjoni, il-Portugall għandu jwettaq reviżjoni komprensiva tal-funzjonament tas-suq tad-djar;

(j) Il-Portugall għandu jiżviluppa sistema mifruxa mal-pajjiż kollu ta' reġistrazzjoni tal-artijiet li tippermetti distribuzzjoni aktar ekwa tal-benefiċċji u l-kostijiet fl-eżekuzzjoni tal-ippjanar urban;

(k) Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni tiegħu biex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni sekondarja u vokazzjonali u t-taħriġ, u b’mod partikolari l-għodda tal-ġestjoni ta’ analiżi, monitoraġġ u valutazzjoni tar-riżultati u l-impatti tal-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandu jsir operattiv għal kollox u skejjel professjonali ta’ referenza għandhom ikunu stabbiliti;

(l) Il-Portugall għandu jlesti l-adozzjoni tal-emendi settorjali pendenti meħtieġa sabiex jimplimenta bis-sħiħ id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern ( 2 );

(m) Il-Portugall għandu jimplimenta miżuri mmirati biex jintlaħaq tnaqqis kostanti fil-każijiet ta' infurzar pendenti bl-għan li jissolvew il-kawżi pendenti fil-qrati;

(n) Il-Gvern għandu jissottometti lill-Parlament il-liġi qafas dwar l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ewlenin sabiex jiggarantixxi l-indipendenza sħiħa u l-awtonomija finanzjarja, amministrattiva u ta' ġestjoni tagħhom;

(o) Il-Portugall għandu jtejjeb l-ambjent kummerċjali billi jlesti ir-riformi pendenti dwar it-tnaqqis tal-piż amministrattiv (Punti ta’ Kuntatt Uniċi kompletament operattivi previsti mid-Direttiva 2006/123/KE u l-proġetti “Bla Ħtieġa ta' Awtorizzazzjoni”) u billi jwettaq simplifikazzjoni ulterjuri ta' proċeduri, regolamenti u piżijiet ammnistrattivi oħra eżistenti ta' ħruġ ta' liċenzji fl-ekonomija li huma ostaklu kbir għall-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi;

(p) Il-Portugall għandu jlesti r-riforma tal-leġislazzjoni tax-xogħol portwali u s-sistema ta' governanza tal-portijiet, inkluża r-reviżjoni totali tal-konċessjonijiet tal-operat portwali;

(q) Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri li jtejbu l-funzjonament tas-sistema tat-trasport;

(r) Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri li jeliminaw id-dejn tariffarju tal-enerġija u jittrasponi bis-sħiħ it-Tielet Pakkett tal-Enerġija tal-UE;

(s) Il-Portugall għandu jiżgura li l-qafas PPP legali u istituzzjonali l-ġdid huwa applikat u li l-kuntratti PPP tat-toroq ikomplu jiġu negozjati mill-ġdid bi qbil mal-pjan strateġiku ippreżentat mill-Gvern u mar-reviżjoni tal-qafas regolatorju, sabiex jinkisbu gwadanji fiskali sostanzjali, partikolarment fl-2013;

(t) Il-Portugall għandu jkompli jiffoka fuq miżuri biex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u biex isaħħaħ il-konformità ta' min iħallas it-taxxa;

(u) Il-Portugall għandu jintroduċi aġġustamenti fir-reġim għall-ħlasijiet relatati mas-sensja skont id-dispożizzjonijiet tal-Memorandum ta’ Qbil;

(v) Il-Portugall għandu jippromwovi żviluppi fil-pagi li jkunu konsistenti mal-għanijiet ta’ trawwim tal-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib fil-kompetittività tal-kumpaniji bil-għan li jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi. Matul il-perijodu tal-Programm, kwalunkwe żieda fil-pagi minimi għandha ssir biss jekk din tkun ġustifikata mill-iżviluppi ekonomiċi u tas-suq tax-xogħol.

(w) ;Il-Portugall għandu jkompli jtejjeb l-effettività ta’ politiki attivi tiegħu għas-suq tax-xogħol f'konformità mar-riżultati tar-rapport ta' valutazzjoni u tal-pjan ta' azzjoni biex jittejjeb il-funzjonament tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi.

8.  Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika m'għandux jaqbeż il-4,0 % tal-PDG fl-2014. Biex jintlaħaq dan l-objettiv il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri li jnaqqsu l-infiq li kienu ppreparati fil-qafas ta’ reviżjoni tal-infiq pubbliku. Kollox ma’ kollox, l-ammont ta’ dawn il-miżuri għandhom iżidu sa 2 % tal-PDG fl-2014 u għandhom jinkludu t-tnaqqis fil-kont tal-pagi mmirat lejn tnaqqis tad-daqs tal-forza tax-xogħol tas-settur pubbliku filwaqt li tinbidel il-kompożizzjoni tiegħu favur impjegati b'ħiliet aktar għoljin; aktar konverġenza fir-regoli tax-xogħol tas-settur pubbliku u dak privat, jiġifieri żieda fis-sigħat tax-xogħol, introduzzjoni ta’ bank ta’ sigħat, tnaqqis f’intitolamenti tal-vaganzi; l-implimentazzjoni ta’ skema ta’ sensji volontarji u l-introduzzjoni ta' skala waħda ta' pagi u supplimenti; tnaqqis tad-differenzi attwali bejn il-pensjonijiet tal-impjegati taċ-ċivil (CGA) u s-sistema ġenerali tal-pensjonijiet; żieda fl-età statutorja tal-irtirar; u, jekk ikun strettament meħtieġ, kontribuzzjoni ta’ sostenibbiltà progressiva fuq il-pensjonijiet. B'żieda ma' dan, iffrankar fil-konsum intermedju u ta’ programmi dwar in-nefqa madwar il-Ministeri relevanti se tiġi intensifikata. Uħud mill-miżuri jistgħu jkunu parzjalment jew totalment sostitwiti minn oħrajn ta’ daqs u kwalità ekwivalenti.

9.  Bil-għan li tiġi restawrata l-fiduċja fis-settur finanzjarju, il-Portugall għandu jimmira biex iżomm livell adegwat ta’ kapital fis-settur bankarju tiegħu u jiżgura proċess ta’ diżingranaġġ b’mod ordinat f’konformità mal-iskadenzi stabbiliti fil-Memorandum ta’ Qbil. F’dak ir-rigward, il-Portugall għandu jimplimenta l-istrateġija għas-settur bankarju Portugiż kif miftiehem mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI biex tiġi mħarsa l-istabbiltà finanzjarja. B'mod partikolari, il-Portugall għandu:

(a) jagħti pariri lill-banek biex jissaħħu l-bafers kollaterali tagħhom fuq bażi sostenibbli;

(b) jiżgura diżingranaġġ ibbilanċjat u ordinat tas-settur bankarju, li jibqa’ importanti fl-eliminazzjoni b'mod permanenti tal-iżbilanċi ta' finanzjament, u li jnaqqas id-dipendenza fuq il-finanzjament mill-Eurosistema fuq terminu medju. Il-finanzjament tal-banek u tal-kapital għandhom jiġu riveduti kull tliet xhur;

(c) jinkoraġġixxi d-diversifikazzjoni ta' alternattivi ta' finanzjament għas-settur korporattiv, u b'mod partikolari l-SMEs, permezz ta' sensiela ta' miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess tagħhom għas-swieq kapitali u l-assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni;

(d) ikompli jirrazzjonalizza l-grupp CGD tal-istat;

(e) jottimizza l-proċess għall-irkupru tal-assi trasferiti mill-BPN għat-tliet vetturi bi skop speċjali tal-istat permezz ta’ esternalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-assi lil parti terza professjonali, b’mandat li gradwalment tirkupra l-assi maż-żmien; jagħżel il-parti li timmaniġġja l-krediti permezz ta’ proċess kontinwu u kompetittiv ta’ offerti u fil-mandat għandu jinkludi inċentivi adegwati biex jimmassimizza l-irkupri u jimminimizza l-ispejjeż operazzjonali;jiżgura t-trasferiment f'waqtu tas-sussidjarji u l-assi fiż-żewġ vetturi bi skop speċjali l-oħra tal-istat;

(f) abbażi tas-sett ta’ proposti preliminari biex jinkoraġġixxu d-diversifikazzjoni tal-alternattivi ta' finanzjament ippreżentati għas-settur korporattiv, jiżviluppa u jimplimenta soluzzjonijiet li jipprovdu alternattivi ta' finanzjament għal kreditu bankarju tradizzjonali għas-settur korporattiv; jivvaluta l-effikaċja ta' skemi ta' assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni sponsorjat mill-gvern bil-ħsieb li jittieħdu miżuri xierqa kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni li jippromwovu l-esportazzjonijiet;

(g) janalizza pjanijiet ta’ rkupru tal-banek u joħroġ linji gwida dwar is-sistema fuq pjanijiet ta’ rkupru u jipprepara pjanijiet ta’ riżoluzzjoni fuq il-bażi tar-rapporti ppreżentati mill-banek; jiżgura li arranġamenti ta’ finanzjament inizjali u annwali għall-Fond ta’ Riżoluzzjoni jkunu settiljati; u jagħti prijorità lill-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ rkupru u riżoluzzjoni tal-banek, dawk il-banek li huma ta' importanza sistemika;

(h) jimplimenta l-qafas għal istituzzjonijiet finanzjarji li jidħlu f’ristrutturar tad-dejn barra l-qorti għall-unitajiet domestiċi, jiffaċilta l-applikazzjoni għar-ristrutturar ta’ dejn tal-kumpaniji u jimplimenta pjan ta' azzjoni għas-sensibilizzazzjoni dwar l-għodod ta' ristrutturar;

(i) jipprepara rapporti kull tliet xhur dwar l-għodod il-ġodda ta' implimentazzjoni ta’ ristrutturazzjoni u jwettaq stħarriġ ta’ insolvenza lill-partijiet interessati biex jistaqsi dwar l-adegwatezza ta’ għodod ta' ristrutturar tad-dejn eżistenti u lakuni potenzjali jew konġestjoni, jesplora alternattivi biex jiżdied l-irkupru b'suċċess ta’ kumpaniji li jkunu aderenti mal-reviżjoni tal-infiq pubbliku (il-Proċedura Speċjali ta' Rivitalizzazzjoni għall-kumpaniji f’taqlib finanzjarju serju) u SIREVE (is-Sistema ta' Rkupru tal-kumpaniji permezz ta’ Ftehimiet Extraġudizzjarji għall-kumpaniji f’qagħda ekonomika diffiċli jew imminenti jew falliment attwali);

(j) jivvaluta l-ambitu biex tittejjeb u tkun regolata l-prestazzjoni ta’ linji ta’ kreditu eżistenti sponsorjati mill-gvern, jistabilixxi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u rappurtar dwar l-allokazzjoni sponsorjati mill-gvern kull tliet xhur bil-għan li jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs; iwettaq verifika esterna tas-Sistema Nazzjonali ta’ Garanzija.

▼M6

10.  Sabiex tiżgura l-implimentazzjoni mingħajr intoppi tal-kundizzjonalità tal-Programm, u sabiex tgħin fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi b’mod sostenibbli, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza u gwida kontinwi dwar ir-riformi fiskali, kif ukoll dawk tas-suq finanzjarju u strutturali. Fi ħdan il-qafas tal-assistenza li għandha tingħata lill-Portugall, flimkien mal-FMI u b'koordinazzjoni mal-BĊE, il-Kummissjoni għandha tanalizza b’mod perjodiku l-effettività u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri miftiehma, u għandhom jiġu rrakkomandati l-korrezzjonijiet meħtieġa bil-għan li jissaħħaħ it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, tiġi żgurata l-konsolidazzjoni fiskali meħtieġa u jiġu minimizzati l-impatti soċjali negattivi, b’mod partikolari fuq l-aktar partijiet vulnerabbli tas-soċjetà Portugiża.

▼B

Artikolu 4

Il-Portugall għandu jiftaħ kont speċjali mal-Bank tal-Portugall għall-ġestjoni tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.



( 1 ) ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

( 2 ) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.