European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/7269

5.12.2024

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/33

(C/2024/7269)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Montecucco”

PDO-IT-A1433-AM02

Data tal-komunikazzjoni: il-25 ta’ Settembru 2024

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Tneħħija tal-lista ta’ varjetajiet ta’ dwieli addizzjonali

DESKRIZZJONI

Il-lista ta’ varjetajiet ta’ dwieli addizzjonali tneħħiet mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, li tiddikjara b’mod aktar ġenerali li l-varjetajiet ta’ dwieli addizzjonali huma dawk irreġistrati uffiċjalment fir-reġistru nazzjonali tal-varjetajiet ta’ dwieli u adattati għall-kultivazzjoni fir-Reġjun tat-Toskana.

RAĠUNI

Filwaqt li tirrispetta l-limiti minimi tal-użu għall-varjetajiet ewlenin ta’ nbid, it-tneħħija ta’ din il-lista tagħmel il-lista tal-varjetajiet ta’ dwieli aktar ċara.

Din l-emenda taffettwa l-Artikolu 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

2.   Aġġustament tal-kombinazzjonijiet ta’ varjetajiet ta’ dwieli

DESKRIZZJONI

Is-sentenza li ġejja tneħħiet mill-Artikolu 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott:

“L-aġġustament tal-kombinazzjonijiet ta’ varjetajiet ta’ dwieli tal-vinji tad-DOP Montecucco jrid jitwettaq fi żmien 10 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, li l-lista sħiħa tagħhom tinsab fl-Anness 1”.

RAĠUNI

It-tneħħija ta’ din is-sentenza tqieset meħtieġa peress li d-dispożizzjoni li tinsab fiha ma għadhiex valida. Għaddew aktar minn 10 sena mill-approvazzjoni tad-DOP Montecucco permezz ta’ digriet ministerjali fit-30 ta’ Lulju 1998, u l-produtturi kollha jikkonformaw mal-kombinazzjonijiet ta’ varjetajiet ta’ dwieli deskritti fl-Artikolu 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Din l-emenda taffettwa l-Artikolu 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

3.   Tneħħija ta’ dispożizzjonijiet reġjonali

DESKRIZZJONI

Il-paragrafu dwar il-ġestjoni tal-produzzjoni tar-Reġjun tat-Toskana tneħħa mill-Artikolu 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

RAĠUNI

It-tneħħija hija editorjali, peress li r-rekwiżiti relatati mal-ġestjoni tal-produzzjoni tal-għeneb diġà huma rregolati mil-liġi Taljana.

Din l-emenda taffettwa l-Artikolu 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

4.   Espansjoni taż-żona tal-vinifikazzjoni

DESKRIZZJONI

Iż-żona tal-vinifikazzjoni, tat-tnixxif u tat-tqaddim ġiet estiża biex tinkludi żona qrib iż-żona tal-produzzjoni u issa tinkludi t-territorju kollu tal-provinċja ta’ Grosseto fir-Reġjun tat-Toskana. Issa hija ekwivalenti għaż-żona tal-ibbottiljar li ġiet stabbilita meta d-DOP Montecucco ġiet rikonoxxuta għall-ewwel darba permezz ta’ ordni ministerjali fit-30 ta’ Lulju 1998. Il-Montecucco ġie rikonoxxut permezz ta’ ordni ministerjali fit-30 ta’ Lulju 1998.

Japplikaw ukoll eċċezzjonijiet fir-Reġjun tat-Toskana, jiġifieri fl-unità amministrattiva reġjonali fejn tiġi prodotta d-DOP Montecucco.

RAĠUNI

L-emenda hija meħtieġa biex tingħata l-opportunità għall-produzzjoni, it-tnixxif, it-tqaddim u l-ibbottiljar tal-inbid lill-kumpaniji kollha li ma għandhomx kantina fiż-żona tal-produzzjoni, iżda li huma s-sidien ta’ vinji fiż-żona tal-produzzjoni jew jimmaniġġjawhom.

Din l-emenda taffettwa l-Artikolu 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Din l-emenda tikkonċerna t-Taqsima 9 (Rekwiżiti oħra applikabbli) tad-Dokument Uniku.

5.   Montecucco - Tikkettar

DESKRIZZJONI

Ġie miżjud rekwiżit li t-terminu ġeografiku usa’ “Toscana” [Toskana] jrid jidher fuq it-tikketta flimkien mad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Montecucco.

RAĠUNI

L-emenda tippermetti li tingħata informazzjoni preċiża dwar l-oriġini ġeografika tal-inbejjed bid-DOP Montecucco.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku, speċifikament it-Taqsima 9 (Rekwiżiti oħra applikabbli), u l-Artikolu 7 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

6.   Referenza aġġornata għal-leġiżlazzjoni tal-UE

DESKRIZZJONI

Ir-referenza għar-Regolament (KE) Nru 607/2009 tneħħiet, u żdiedet il-frażi aktar ġenerali u rilevanti “F’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE”.

RAĠUNI

Ir-referenza għar-Regolament (KE) Nru 607/2009 tneħħiet peress li r-Regolament tħassar.

Din l-emenda taffettwa l-Artikolu 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

7.   Emendi tal-karatteristiċi kimiċi tat-tipi ta’ nbid

DESKRIZZJONI

Id-dispożizzjoni li ppermettiet lill-Ministeru jemenda l-limiti minimi għall-aċidità totali u l-estratt minimu mingħajr zokkor tneħħiet mill-Artikolu 6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

RAĠUNI

Id-dispożizzjoni tneħħiet peress li ma għadhiex rilevanti għal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE u dik nazzjonali.

Din l-emenda taffettwa l-Artikolu 6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

8.   Awtorità ta’ kontroll – bidla fl-indirizz

DESKRIZZJONI

L-indirizz tal-awtorità ta’ kontroll ġie aġġornat.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem tal-prodott

Montecucco

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – denominazzjoni ta’ oriġini protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

3.1.   Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda

—

22 – XARBIET, SPIRTI U ĦALL

2204 – Inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb għajr dak tal-intestatura 2009

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

1.   Montecucco Rosso [aħmar], inkluż Rosso Riserva [riżerva aħmar] u Rosato [rożè]

DESKRIZZJONI QASIRA

Dehra viżiva: ir-Riserva huwa aħmar skur lewn ir-rubin, li għandu tendenza li jagħti fil-granata. Ir-Rosato jvarja minn roża ċar għal lewn iċ-ċirasa. Riħa: ir-Riserva għandu riħa ta’ nbid u miftuħa, aktar eleganti u distintiva. Ir-Rosato huwa frisk b’riħa ta’ frott. Togħma: ir-Riserva għandu togħma armonjuża, xotta, pjaċevolment tannika, aktar robusta, sħuna u eleganti bi ħjiel possibbli ta’ njam. Ir-Rosato għandu togħma bnina, xotta u armonjuża. Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 12,00 %; għar-Riserva 12,50 %; għar-Rosato 11,50 %. Aċidità totali minima: għar-Rosso u r-Riserva 4,50 g/l; għar-Rosato 5 g/l. Estratt minimu mingħajr zokkor: 24,0 g/l; għar-Riserva 25,0 g/l; għar-Rosato 18,50 g/l.

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

—

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): —

—

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum): —

—

Aċidità totali minima: fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

—

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): —

—

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): —

2.   Montecucco Bianco [abjad], inklużi nbejjed b’indikazzjoni tal-varjetà ta’ dwieli Vermentino

DESKRIZZJONI QASIRA

Dehra viżiva: isfar lewn it-tiben. Riħa: delikata, friska, xi ftit jew wisq ta’ frott; distintiva wkoll, fil-każ tal-Vermentino. Togħma: xotta, friska, distintiva; ratba u robusta fil-każ tal-Vermentino. Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 11,50 %. Estratt minimu mingħajr zokkor: 17,0 g/l.

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

—

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): —

—

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum): —

—

Aċidità totali minima: 5,00 fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

—

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): 18,00

—

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): —

3.   Montecucco Vin Santo u Vin Santo Occhio di Pernice

DESKRIZZJONI QASIRA

Dehra viżiva: isfar lewn id-deheb għal ambra intens. L-Occhio di Pernice jvarja bejn l-ambra u t-topazju skur, b’wiċċ wiesa’ ħamrani li maż-żmien isir jagħti fil-kannella. Riħa: intensa, karatteristika tal-frott misjur, riħa aktar kumplessa ta’ frott misjur u ħjiel ieħor fil-każ tal-Occhio di Pernice. Togħma: l-Occhio di Pernice għandu togħma intensa u bellusija, persistenti u jħalli togħma ħelwa. Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 17,00 %, b’qawwa alkoħolika reali ta’ mill-inqas 12,00 % fl-Occhio di Pernice. Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 20,00 %, b’qawwa alkoħolika proprja ta’ mill-inqas 15,00 %. Estratt minimu mingħajr zokkor: 25,0 g/l; għall-Occhio di Pernice: 27 g/l.

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

—

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): —

—

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum): 12

—

Aċidità totali minima: 4,50 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

—

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): 28,00

—

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): —

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew biex isiru l-inbejjed, u r-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tagħhom

1.   Il-metodu ta’ vinifikazzjoni tal-Vin Santo u tal-Vin Santo Occhio di Pernice

Prattika enoloġika speċifika

Wara li jgħaddi minn proċess ta’ għażla bir-reqqa, l-għeneb irid jitnixxef b’mod naturali f’postijiet xierqa. Il-perjodu ta’ tnixxif irid jittawwal sakemm l-għeneb jilħaq kontenut ta’ zokkor adegwat, qabel jingħasar. L-inbid irid jiġi ppreservat u mqaddem f’kontenituri tal-injam ta’ kapaċità suffiċjenti.

5.2.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

1.

Montecucco Rosso, Rosso Riserva u Rosato

63 ettolitru għal kull ettaru

2.

Montecucco Rosso, Rosso Riserva u Rosato

9 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

3.

Montecucco Bianco u Vermentino

77 ettolitru għal kull ettaru

4.

Montecucco Bianco u Vermentino

11 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

5.

Montecucco Vin Santo Occhio di Pernice

31,50 ettolitru għal kull ettaru

6.

Montecucco Vin Santo Occhio di Pernice

9 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

7.

Montecucco Vin Santo

38,50 ettolitru għal kull ettaru

8.

Montecucco Vin Santo

11 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Iż-żona tal-produzzjoni tinsab fir-Reġjun tat-Toskana u tkopri l-muniċipalitajiet kollha, jew parti mill-muniċipalitajiet, ta’ Cinigiano, Civitella Paganico, Campagnatico, Castel del Piano, Roccalbegna, Arcidosso u Seggiano, fil-provinċja ta’ Grosseto.

7.   Varjetà jew varjetajiet ta’ dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

Ciliegiolo N

Grechetto B

Malvasia Bianca Lunga B – Malvasia

Sangiovese N

Trebbiano Toscano B – Trebbiano

Vermentino B

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Montecucco

Iż-żona tikkonsisti f’għoljiet u għoljiet baxxi, il-klima hija moderata iżda bix-xita u b’riħ suffiċjenti, b’medda tajba tat-temperatura ta’ kuljum. Il-ħamrija hija ġulġliena u mimlija ġebel– li ġejjin mid-diżintegrazzjoni tal-ġebel tar-ramel – u għandha fertilità kimika u bijoloġika għolja. Hija żona bi tradizzjoni vitikulturali qawwija li tmur lura għaż-żminijiet tal-Etruski. Hija ideali għall-kultivazzjoni tad-dwieli, bl-użu tal-metodi Guyot u dak tat-tħarriġ fuq il-kannizzati b’densitajiet għoljin ta’ tħawwil. Il-varjetajiet imkabbra huma prinċipalment tradizzjonali, bħal Sangiovese, Trebbiano Toscano, Ciliegiolo, Vermentino, Malvasia Bianca u Grechetto, li jipproduċu nbejjed distintivi ħafna li huma friski, aromatiċi u strutturati tajjeb.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli

Żona tal-vinifikazzjoni u tal-ibbottiljar tal-inbid

Qafas legali:

Leġiżlazzjoni tal-UE

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Ibbottiljar fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-ibbottiljar, flimkien mal-produzzjoni, it-tnixxif u t-tqaddim tal-inbid, iridu jsiru fil-provinċja ta’ Grosetto.

Madankollu, tali operazzjonijiet, anke separatament, huma permessi f’kantini li jinsabu barra miż-żona msemmija fit-taqsima preċedenti, sakemm ikunu jinsabu fir-Reġjun amministrattiv tat-Toskana. Dawn il-kantini jridu jappartjenu għal azjendi li – individwalment jew kollettivament – jużawhom biex jipproduċu l-inbid minn għeneb adattat għall-produzzjoni tad-DOP Montecucco u maħsud minn vinji mmaniġġjati minn dawk l-azjendi.

F’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-ibbottiljar jew l-ippakkjar irid isir fiż-żona ġeografika demarkata msemmija hawn fuq biex jiġu ssalvagwardjati l-kwalità u r-reputazzjoni tal-prodott u biex tiġi ggarantita l-oriġini tiegħu.

Żona tal-vinifikazzjoni

Qafas legali:

Leġiżlazzjoni tal-UE

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-operazzjonijiet tal-produzzjoni, tat-tnixxif u tat-tqaddim, flimkien mal-ibbottiljar, iridu jitwettqu fil-provinċja ta’ Grosetto.

Madankollu, tali operazzjonijiet, anke separatament, huma permessi f’kantini li jinsabu barra miż-żona msemmija fit-taqsima preċedenti, sakemm ikunu jinsabu fir-Reġjun amministrattiv tat-Toskana. Dawn il-kantini jridu jappartjenu għal azjendi li – individwalment jew kollettivament – jużawhom biex jipproduċu l-inbid minn għeneb adattat għall-produzzjoni tad-DOP Montecucco u maħsud minn vinji mmaniġġjati minn dawk l-azjendi.

F’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-ibbottiljar jew l-ippakkjar irid isir fiż-żona ġeografika demarkata msemmija hawn fuq biex jiġu ssalvagwardjati l-kwalità u r-reputazzjoni tal-prodott u biex tiġi ggarantita l-oriġini tiegħu.

Isem tal-unità ġeografika usa’

Qafas legali:

Leġiżlazzjoni tal-UE

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Għall-inbejjed bid-denominazzjoni DOP Montecucco, huwa obbligatorju li jiġi indikat l-isem ġeografiku usa’ “Toscana”.

Dan irid jidher f’karattri mhux akbar minn ⅔ tad-daqs ta’ dawk użati biex jindikaw id-denominazzjoni Montecucco.

L-isem ġeografiku “Toscana” irid jidher dejjem taħt it-terminu speċifiku tradizzjonali “Denominazione di Origine Controllata” (miktub b’mod sħiħ jew imqassar għal DOC jew D.O.C.) jew il-frażi tal-UE “Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta”, fl-ordni li ġejja:

Montecucco

Denominazione di Origine Controllata (jew l-ittri DOC jew D.O.C.)

jew Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

Toscana

L-isem “Toscana” jrid ikollu l-istess tipa, stil, spazjar, prominenza, kulur u intensità tal-kulur bħall-isem Montecucco.

L-informazzjoni kollha msemmija trid tidher fuq sfond uniformi.

Minkejja r-rekwiżit li l-isem ġeografiku usa’ “Toscana” irid jidher fuq it-tikketti, it-tikketti li ma jinkludux l-isem “Toscana” xorta jistgħu jintużaw, dment li jintużaw biss għal inbejjed prodotti mill-ħsad tal-2023 jew qabel.

Dwieli komplementari fil-varjetajiet tad-dwieli

Qafas legali:

Leġiżlazzjoni tal-UE

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Għall-inbejjed Montecucco Rosso u Rosso Riserva, minbarra l-varjetà ewlenija ta’ dwieli (Sangiovese, li hija preżenti fil-kombinazzjoni tal-varjetajiet ta’ dwieli b’minimu ta’ 60 %), jistgħu jintużaw varjetajiet oħra ta’ għeneb aħmar li huma adattati għall-kultivazzjoni fir-reġjun tat-Toskana, minbarra l-varjetajiet Malvasia Nera, Malvasia Nera di Brindisi, u Aleatico, fil-produzzjoni sa massimu ta’ 40 %.

Għall-inbid Montecucco Rosato, minbarra l-varjetajiet ta’ dwieli ewlenin (Sangiovese u Ciliegiolo), jistgħu jintużaw varjetajiet oħra ta’ għeneb aħmar, individwalment jew flimkien, li huma adattati għall-kultivazzjoni fir-Reġjun tat-Toskana, minbarra l-varjetajiet Malvasia Nera, Malvasia Nera di Brindisi, u Aleatico, fil-produzzjoni sa massimu ta’ 40 %.

Għall-inbid Montecucco Bianco, minbarra l-varjetajiet ewlenin ta’ dwieli (Trebbiano Toscano u Vermentino Bianco), jistgħu jintużaw varjetajiet oħra ta’ għeneb abjad, individwalment jew flimkien, li huma adattati għall-kultivazzjoni fir-Reġjun tat-Toskana fil-produzzjoni.

Għall-inbid Montecucco Vermentino, minbarra l-varjetà ta’ dwieli ewlenija, jistgħu jintużaw varjetajiet oħra ta’ għeneb abjad, individwalment jew flimkien, li huma adattati għall-kultivazzjoni fir-Reġjun tat-Toskana, fil-produzzjoni sa massimu ta’ 15 %.

Għall-inbid Montecucco Vin Santo, minbarra l-varjetajiet ta’ dwieli ewlenin (Malvasia Bianca Lunga, Grechetto Bianco u Trebbiano Toscano), jistgħu jintużaw varjetajiet oħra ta’ għeneb abjad, individwalment jew flimkien, li huma adattati għall-kultivazzjoni fir-Reġjun tat-Toskana, fil-produzzjoni sa massimu ta’ 30 %.

Għall-inbid Montecucco Vin Santo Occhio di Pernice, minbarra l-varjetà ta’ dwieli ewlenija (Sangiovese), jistgħu jintużaw varjetajiet oħra ta’ għeneb aħmar, individwalment jew flimkien, li huma adattati għall-kultivazzjoni fir-Reġjun tat-Toskana, fil-produzzjoni sa massimu ta’ 30 %.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/22069


(1)   ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7269/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)