KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fl-20 ta’ Settembru 2012 ( 1 )
Kawżi Magħquda C-186/11 u C-209/11
Stanleybet International Ltd (C-186/11),William Hill Organization Ltd,William Hill Plc,u
Sportingbet Plc (C-209/11)vsYpourgos Oikonomias kai Oikonomikon,Ypourgos Politismou,
Intervenjenti: Organismos prognostikon agonon podosfairou AE (OPAP)
[talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mis-Simvoulio tis Epikratias (Il-Kunsill tal-Istat) (il-Greċja)]
“Artikoli 49 u 56 TFUE — L-għoti ta’ dritt esklużiv biex tmexxi, tamministra, torganizza u topera logħob tal-ażżard lil impriża waħda, li għandha l-istruttura ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata kkwotata fil-Borża — Espansjoni tal-provvista — Ġustifikazzjoni — Għanijiet li jitnaqqsu l-okkażjonijiet tal-logħob tal-ażżard u li tiġi miġġielda l-kriminalità billi l-operaturi attivi fis-settur jkunu suġġetti għal kontroll u billi l-logħob tal-ażżard jiġi ddirezzjonat lejn sistemi hekk ikkontrollati — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Rekwiżit li l-għanijiet iddefiniti jkunu mfittxija b’mod koerenti u sistematiku — Ammissibbiltà ta’, u kundizzjonijiet possibbli għal perijodu tranżitorju li matulu l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, jekk tinstab li hija inkompatibbli mad-dritt tal-UE, tista’ tinżamm fis-seħħ”
I – Introduzzjoni
|
1. |
Permezz ta’ żewġ digrieti separati tal-21 ta’ Jannar 2011, is-Simvoulio tis Epikratias (Il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja) ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil impriża waħda, li għandha l-istruttura ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u hija kkwotata fil-borża, id-dritt esklużiv biex tmexxi, tamministra, torganizza u topera l-logħob tal-ażżard. |
|
2. |
Ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari saru fi proċeduri bejn, l-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-Kawża C-186/11 Stanleybet International Ltd (iktar ’il quddiem “Standleybet”), William Hill Organisation Ltd u William Hill plc (iktar ’il quddiem flimkien “William Hill”) u t-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-Kawża C-209/11 Sportingbet plc (iktar ’il quddiem “Sportingbet”), min-naħa waħda, u l-Ypourgos Politismou (il-Ministru tal-Kultura), il-Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon (il-Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzi) u l-Organismos Prognostikon Agonon Podosfairou A.E. (iktar ’il quddiem “O.P.A.P.”), min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rifjut taċitu, min-naħa tal-awtoritajiet Griegi, tat-talbiet ippreżentati mill-kumpanniji msemmija u rikorrenti fil-kawżi prinċipali, biex jingħataw liċenzji biex imexxu, jorganizzaw u joperaw logħob tal-ażżard fil-Greċja. |
II – Il-kuntest ġuridiku Grieg
A – Il-Liġi Nru 2433/1996 (A’ 180)
|
3. |
Mill-memorandum ta’ spjegazzjoni għal-Liġi Nru 2433/1996, li stabbilixxiet il-monopolju Statali fis-settur inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali, jirriżulta b’mod ċar li l-għan prinċipali ta’ dik il-leġiżlazzjoni huwa biex telimina l-imħatri illegali, li “fis-snin reċenti sar epidemija fil-pajjiż tagħna”, filwaqt li l-għan sekondarju huwa l-bżonn li jiżdied id-dħul għall-isport. Barra minn hekk, il-memorandum ta’ spjegazzjoni jgħid li “jitqies li huwa neċessarju li kull tip ta’ mħatra tingħata forma [...] sabiex tiżdied l-effettività f’pajjiżna tal-ġlieda kontra l-imħatri illegali, li għandhom, inter alia, l-effett dirett li jesportaw il-munita minħabba li l-kumpanniji li fil-preżent jorganizzaw l-imħatri illegali fil-Greċja jikkooperaw ma’ kumpanniji barranin u jaċċettaw ukoll l-imħatri f’isimhom”. |
|
4. |
L-Artikoli 2 u 3 ta’ din il-Liġi huma fformulati kif ġej: “Artikolu 2 1. L-impożizzjoni ta’ forma għall-imħatri b’‘rebħ fiss jew varjabbli’ fuq kull tip ta’ sports individwali jew ta’ tim u fuq ġrajjiet li jistgħu jwasslu għal imħatri għandha tkun awtorizzata b’digriet presidenzjali [... L-O.P.A.P.] qegħda tinħatar bħala amministratur tal-forma kkonċernata [...] 2. Kull min jorganizza mħatra mingħajr ma jkun awtorizzat [...] jista’ jeħel perijodu ta’ priġunerija [...] Artikolu 3 1. L-ispejjeż annwali għar-reklamar tal-logħob tal-ażżard [...] li l-O.P.A.P. torganizza jew tkun ser torganizza fil-futur għandhom jinqasmu proporzjonalment bejn l-O.P.A.P. u l-korpi l-oħra li jibbenefikaw mid-drittijiet li jirriżultaw minn kull logħba O.P.A.P. [...] 5. L-O.P.A.P. tkun intitolata tuża sa 10 % mill-ispazju għar-reklamar fi stejdjums u ġimms nazzjonali, muniċipali u tal-komunità, fuq l-istrutturi ta’ reklamar tal-prodotti tagħha mingħajr ma teħtieġ li tħallas [...]”. |
B – Id-Digriet Presidenzjali Nru 228/1999
|
5. |
Id-Digriet Presidenzjali Nru 228/1999 ġie adottat skont l-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 2414/1996. Fl-Artikoli 1 u 2, dan jipprovdi li ġiet stabbilita kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata bl-isem Organismos Prognostikon Agonon Podosfairou A.E. (iktar ’il quddiem “O.P.A.P. A.E.”), li l-kumpannija għandha topera fl-interess pubbliku abbażi tar-regoli tal-ekonomija privata u li l-għan tal-kumpannija għandu jkun li torganizza, topera u tmexxi, kemm jekk waħedha jew b’kollaborazzjoni ma’ terzi, PRO-PO [football pools] u kull logħba oħra tal-ażżard li l-bord tad-diretturi jintroduċi fil-futur fil-pajjiż kollu jew barra mill-pajjiż f’isem l-Istat Grieg. Dawn il-logħob u l-logħob l-oħra li jiġu organizzati fil-futur għandhom jitmexxew esklużivament minn O.P.A.P. A.E. f’isem l-Istat Grieg. |
|
6. |
Sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha, l-O.P.A.P. A.E. għandha twaqqaf aġenziji mal-pajjiż kollu biex ibigħu l-logħob tal-kumpannija inġenerali b’mod esklużiv u għandha tagħti liċenzji għall-operat tal-aġenziji lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi għal logħba waħda jew iktar, dejjem bil-pattijiet u kundizzjonijiet stabbiliti mill-bord tad-diretturi tal-kumpannija. |
C – Il-Liġi Nru 2843/2000, kif emendata mil-Liġi Nru 2912/2001, u l-istatuti tal-O.P.A.P.
|
7. |
L-Artikolu 27 tal-Liġi Nru 2843/2000, kif emendat bl-Artikolu 41(2) tal-Liġi Nru 2912/2001, jipprovdi li: “1. L-Istat jista’, permezz tal-Borża ta’ Ateni, joffri lill-investituri sa disgħa u erbgħin fil-mija (49 %) mill-kapital azzjonarju ta’ dak iż-żmien tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rreġistrata bħala Organismos Prognostikon Agonon Podosfairou A.E. (O.P.A.P.).
[...]”. |
|
8. |
Skont dan l-artikolu, fil-15 ta’ Diċembru 2000 ġie ffirmat kuntratt bejn l-Istat Grieg u l-O.P.A.P. fejn din tal-aħħar ingħatat id-dritt esklużiv, bi ħlas ta’ korrispettiv, biex tmexxi, tamministra, torganizza u topera l-logħob għal perijodu ta’ 20 sena. |
|
9. |
L-istatuti tal-O.P.A.P. jiddikjaraw li l-kumpannija għandha topera fl-interess pubbliku skont ir-regoli tal-ekonomija privata, li għandha tkun issorveljata mill-Ministru tal-Kultura responsabbli mill-isport u li l-għanijiet tagħha jinkludu l-organizzazzjoni, l-operat u t-tmexxija ta’ diversi logħob, li tirreklama dawk il-logħob u tmexxihom f’pajjiż barrani u li twaqqaf aġenziji. Barra minn hekk, ir-“regoli ġenerali tal-O.P.A.P. A.E. li jirregolaw l-operat tal-logħob tal-imħatri b’rebħ fiss” u r-regoli individwali għat-tmexxija tal-logħob, li l-operazzjoni tagħhom taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tar-regoli ġenerali, ġew approvati abbażi tad-dispożizzjonijiet regolatorji rilevanti. |
D – Il-Liġi Nru 3336/2005
|
10. |
Permezz tal-Artikolu 14(1) tal-Liġi Nru 3336/2005, l-Artikolu 27(1) tal-Liġi Nru 2843/2000 ġie ssostitwit kif ġej: “L-Istat jista’, permezz tal-Borża ta’ Ateni, joffri lill-investituri sa sitta u sittin fil-mija (66 %) mill-kapital azzjonarju ta’ dak iż-żmien tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rreġistrata bħala Organismos Prognostikon Agonon Podosfairou A.E. (O.P.A.P.). L-azzjonijiet tal-Istat fl-O.P.A.P. ma għandhom qatt ikunu inqas minn erbgħa u tletin fil-mija (34 %)”. |
|
11. |
L-Artikolu 14 tal-Liġi Nru 3336/2005 jipprovdi wkoll li l-Istat għandu jaħtar nofs il-membri u wieħed tal-bord tad-diretturi tal-O.P.A.P. matul il-perijodu tad-dritt esklużiv mogħti mill-Istat Grieg biex jitmexxew, jiġu organizzati u operati l-logħob imsemmija fil-kuntratt ta’ esklużività datat 15 ta’ Diċembru 2000 jew fil-perijodi tat-tiġdid tiegħu, u li l-ħatriet għandhom isiru b’deċiżjoni konġunta tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzi u l-Ministeru tal-Kultura responsabbli għall-isport. |
E – Il-Liġi Nru 3429/2005 (A’ 314)
|
12. |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 20 tal-Liġi Nru 3429/2005 (A’ 314) li ġiet adottata sussegwentement, id-dritt tal-Istat biex jappunta l-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi tħassar inkwantu kien kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi Kodifikata Nru 2190/1920 fuq il-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata (A’ 37), li jipprovdi li l-membri tal-bord tad-diretturi tal-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata għandhom jiġu eletti esklużivament mil-laqgħa ġenerali. |
III – Il-fatti, il-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju u d-domandi preliminari
|
13. |
Il-kumpanniji Stanleybet, William Hill u Sportingbet huma stabbiliti fir-Renju Unit, fejn ingħataw, taħt il-liġi Ingliża rilevanti, liċenzji biex imexxu u jorganizzaw il-logħob tal-ażżard. |
|
14. |
Bil-għan li testendi l-attivitajiet kummerċjali għall-Greċja, Stanleybet, b’talba tat-30 ta’ Ġunju 2004, William Hill, b’talba tat-12 ta’ April 2007 u Sportingbet, b’talba tal-4 ta’ Ottubru 2006, talbu lill-awtoritajiet Griegi kompetenti sabiex, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirregolaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, jagħtuhom il-permess jew liċenzja biex jipprovdu s-servizzi tal-logħob tal-ażżard fil-Greċja: bħalma huma s-servizzi għat-teħid, amministrazzjoni, organizzazzjoni u operazzjoni tal-imħatri b’rebħ fiss jew varjabbli fuq ġrajjiet sportivi u dawk li ma humiex, permezz ta’ netwerk ta’ aġenti u online. |
|
15. |
Peress li dawn it-talbiet ġew irrifjutati taċitament mill-awtoritajiet Griegi, peress li fit-tliet każijiet skada t-terminu ta’ tliet xhur mingħajr ma ngħataw risposta, Stanleybet, William Hill u Sportingbet ippreżentaw ir-rikorsi għall-annullament ta’ dak ir-rifjut taċitu quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
16. |
Skont id-digriet tar-rinviju, dawk it-talbiet quddiem l-awtoritajiet Griegi nċaħdu minħabba li taħt il-Liġijiet Nru 2433/1996 u 2843/2000 kif ukoll taħt il-kuntratt tal-15 ta’ Diċembru 2000 bejn l-Istat Grieg u l-O.P.A.P., kif imsemmi iktar ’il fuq, l-O.P.A.P. ingħatat id-dritt esklużiv, sal-2020, biex tmexxi, torganizza u topera l-logħob tal-ażżard fil-Greċja. |
|
17. |
L-O.P.A.P., l-intervenjenti fil-kawża prinċipali, bdiet topera fl-1999 fil-forma ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, fejn l-Istat kien l-uniku azzjonist tagħha. Sussegwentement ġiet ikkwotata fil-Borża ta’ Ateni skont l-Artikolu 27 tal-Liġi Nru 2843/2000, fejn l-Istat żamm il-maġġoranza assoluta (51 %) tal-azzjonijiet tagħha. |
|
18. |
Mad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 3336/2005 fl-2005, l-Istat ġie ridott għal azzjonist f’minoranza (34 %), iżda xorta waħda ħatar il-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi tal-O.P.A.P.. Dak id-dritt li jaħtar il-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi tħassar permezz tal-Artikolu 20 tal-Liġi Nru 3429/2005. |
|
19. |
Madankollu, l-Istat għadu jikkontrolla lill-O.P.A.P., speċjalment billi japprova r-regoli li jirregolaw l-attivitajiet tagħha u billi jissorvelja l-proċedura li tiġi applikata biex jitmexxa l-logħob. |
|
20. |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-O.P.A.P. espandiet l-attivitajiet tagħha barra mill-pajjiż. Fil-fatt, kif intqal fl-opinjoni motivata datata 28 ta’ Frar 2008 mogħtija mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u indirizzata lir-Repubblika Ellenika, l-O.P.A.P. kienet diġà waqqfet 206 aġenżija f’Ċipru sal-31 ta’ Marzu 2005, u dan skont ftehim bejn il-Greċja u Ċipru. L-O.P.A.P. ifformat kumpannija rreġistrata bħala O.P.A.P. Kiprou Ltd fl-2003 u kumpannija rreġistrata bħala O.P.A.P. International Ltd fl-2004, żammet 90 % tal-azzjonijiet f’O.P.A.P. Glory Ltd u 20 % mill-kumpannija Glory Technology Ltd sa mill-2003, u fformat kumpannija rreġistrata bħala O.P.A.P. Parokhis Ipiresion A.E. fil-Greċja fl-2004. |
|
21. |
Fir-rigward tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju ħadet il-pożizzjoni li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm żewġ għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jimponu restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment u fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi fis-settur tal-logħob tal-ażżard, li huma (i) li titnaqqas il-provvista tal-logħob tal-ażżard jew (ii) li tiġġieled il-kriminalità relatata miegħu billi jiġu kkontrollati l-kumpanniji attivi fis-settur sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet inkwistjoni jitwettqu biss f’sistemi kkontrollati. |
|
22. |
Dwar l-ewwel għan, hija tgħid li l-għoti ta’ dritt esklużiv għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard lil kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata bħalma hija l-O.P.A.P. ma tistax titqies miżura adegwata biex titnaqqas il-provvista ta’ logħob tal-ażżard b’mod koerenti u sistematiku. |
|
23. |
Għalkemm l-O.P.A.P. hija kumpannija pubblika u d-dħul tagħha, wara li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-operat tagħha u l-profitti distribwibbli, jgħaddi għand l-Istat, hija topera abbażi tar-regoli tal-ekonomija privata, tgawdi eżenzjonijiet rigward ir-reklamar tal-logħob tagħha fuq it-televiżjoni, tista’ tuża 10 % mill-ispazju tar-reklamar fl-istejdjums Statali u muniċipali mingħajr ħlas u hija kkwotata fuq il-Borża ta’ Ateni, inkwantu hemm ipprovdut li 66 % tal-kapital azzjonarju tagħha jista’ jiġi offrut lil investituri. Barra minn hekk, il-ġugaturi jistgħu jipparteċipaw liberament, peress li hemm limitu biss fir-rigward ta’ kull forma u mhux fir-rigward ta’ kull ġugatur. |
|
24. |
Fid-dawl ta’ dan, il-maġġoranza tal-membri tal-qorti tar-rinviju kkonkludew li ma kienx qiegħed isir sforz koerenti u sistematiku biex il-provvista titnaqqas ġenwinament u biex jiġu limitati l-attivitajiet rilevanti u li, għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax titqies li hija adegwata biex jintlaħaq dak l-għan. |
|
25. |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-minoranza tal-membri sostnew, (għalkemm dan ma jaffettwax il-fehma tal-maġġoranza), li l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma huwiex li jiġu limitati l-attivitajiet rilevanti. Pjuttost, il-legalità tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan ewlieni tagħha, li huwa li tikkontrolla l-attivitajiet kriminali abbażi ta’ linja politika għall-kontroll tal-espansjoni tas-servizzi tal-logħob tal-ażżard. |
|
26. |
Għal dak li jirrigwarda l-għan li tiġġieled il-kriminalità fir-rigward tal-logħob tal-ażżard u t-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju ħadet il-pożizzjoni li meta d-dritt esklużiv li jingħata ma jirriżultax fi tnaqqis tal-provvista tal-logħob tal-ażżard iżda jirriżulta, fil-fatt, f’żieda, dik iż-żieda ma għandhiex teċċedi dak li jeħtieġ biex jintlaħaq l-għan imsemmi. Hija tinnota li l-maġġoranza tal-membri tagħha sostnew li l-għoti ta’ dak id-dritt esklużiv lil organizzazzjoni li għandha l-istess karatteristiċi u li tiffunzjona bħall-O.P.A.P. ma jistax jitqies bħala espansjoni kkontrollata, filwaqt li l-opinjoni tal-minoranza kienet li l-attivitajiet tal-O.P.A.P., speċjalment minħabba r-regoli tal-logħob tal-ażżard, huma kkontrollati bil-għan li jiġi eliminat il-logħob tal-ażżard illegali. |
|
27. |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju hija unanima fil-fehma tagħha li jekk, b’kuntrast mal-opinjoni tal-maġġoranza, jiġi kkonstatat li l-għoti tad-dritt esklużiv inkwistjoni lil O.P.A.P. għandu jitqies bħala espansjoni kkontrollata, ikollu jiġi kkonstatat li l-għoti tiegħu ma jeċċedix dak li hu neċessarju biex jintlaħaq l-għan li tiġġieled il-kriminalità. |
|
28. |
It-tielet domanda preliminari hija intiża li tindirizza l-problema tal-lakuna li tirriżulta f’każ li jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Griega inkwistjoni tikser id-dritt tal-UE. |
|
29. |
F’dan l-isfond, u b’ċerta dubji raġonevoli dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Griega inkwistjoni mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, is-Simvoulio tis Epikratias iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin, li fiż-żewġ każijiet huma identiċi, lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:
|
IV – Għaqda tal-kawżi
|
30. |
Minħabba l-konnessjoni mill-qrib bejn il-Kawża C-186/11 u l-Kawża C-209/11, dawn il-kawżi ngħaqdu b’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2011 għall-iskopijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll tas-sentenza. |
V – Analiżi legali
A – L-ewwel u t-tieni domanda preliminari, li jikkonċernaw il-punt dwar jekk il-monopolju li ngħata lil O.P.A.P. huwiex konformi mal-Artikoli 49 u 56 TFUE
|
31. |
Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li jixraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhomx ikunu interpretati bħala li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti d-dritt esklużiv biex tmexxi, tamministra, torganizza u topera l-logħob tal-ażżard lil impriża waħda bħalma hija l-O.P.A.P. li għandha l-istruttura ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, hija kkwotata fil-Borża u tirreklama u tespandi l-logħob tal-ażżard li hija torganizza. B’mod iktar partikolari, hija tixtieq tkun taf sa fejn ir-restrizzjonijiet imposti minn dak il-monopolju fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u fuq il-libertà ta’ stabbiliment jistgħu jkunu ġġustifikati mill-għan li tiġi limitata l-provvista tal-logħob tal-ażżard (kif imsemmija fl-ewwel domanda preliminari) jew mill-għan li tiġġieled il-kriminalità li tirrigwarda l-logħob tal-ażżard (kif imsemmi fit-tieni domanda preliminari). |
1. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
|
32. |
F’dak li jirrigwarda r-rinviji għal deċiżjoni preliminari preżenti, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn O.P.A.P., Stanleybet, William Hill, il-gvern Grieg, il-gvern Belġjan, u l-gvern Pollakk u mill-Kummissjoni. B’żieda ma’ dawn, Sportingbet u l-gvern Portugiż kienu rrappreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2012. |
|
33. |
Essenzjalment, Stanleybet, William Hill, Sportingbet u l-Kummissjoni huma tal-fehma li monopolju bħalma huwa dak li ngħata lil O.P.A.P. fil-Greċja, u bil-karatteristiċi deskritti mill-qorti tar-rinviju, imur kontra l-Artikoli 49 u 56 TFUE. |
|
34. |
Min-naħa l-oħra, skont O.P.A.P. u l-gvern Belġjan, il-gvern Grieg u l-gvern Portugiż, leġiżlazzjoni bħalma hija dik ineżami fil-kawża prinċipali, tista’ titqies bħala li hija konformi ma’ dawk l-artikoli. Fil-fehma tagħhom, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment li jwassal għalihom l-għoti ta’ drittijiet esklużivi lil O.P.A.P. fis-settur tal-logħob tal-ażżard, huma ġġustifikati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-logħob tal-ażżard. |
2. Analiżi
|
35. |
Bħala punt preliminari, għandu jitfakkar li skont is-separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali waħedha li għandha tevalwa l-fatti tal-każ u li, fl-aħħar mill-aħħar, tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, għal kull każ partikolari ( 2 ). Għaldaqstant, peress li l-qorti tar-rinviju tidher li għandha dubju dwar liema għanijiet huma fil-fatt ikkontemplati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, jew dwar il-livell ta’ kontroll mill-Istat fuq l-attivitajiet tal-O.P.A.P. u l-espansjoni tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, minkejja l-eżistenza ta’ fehmiet kontrastanti fuq dawk il-punti fost il-membri tal-qorti tar-rinviju, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha f’dak ir-rigward ma’ dik tal-qorti tar-rinviju ( 3 ). |
|
36. |
Minkejja dan, illum il-ġurnata hemm ħafna ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-logħob tal-ażżard li tipprovdi l-kriterji li fid-dawl tagħhom għandhom jiġu eżaminati d-domandi preliminari magħmula f’dawn il-każijiet. |
|
37. |
L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, huwa paċifiku f’dawn il-każijiet li l-għoti, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, tad-dritt esklużiv lill-O.P.A.P biex tmexxi, tamministra u topera logħob tal-ażżard jimponi restrizzjonijiet kemm fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u kif ukoll fuq il-libertà ta’ stabbiliment, kif iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE rispettivament, inkwantu tipprojbixxi lill-fornituri bħalma huma Stanleybet, William Hill u Sportingbet, li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor, milli joffru logħob tal-ażżard fit-territorju tal-Greċja u milli jwaqqfu aġenziji, fergħat jew sussidjarji għal dak l-għan. |
|
38. |
Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk tali restrizzjonijiet jistgħux ikunu ġġustifikati, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, taħt il-miżuri derogatorji espressament previsti mit-TFUE jew minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ( 4 ). |
|
39. |
Fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet li jistgħu jiġu aċċettati, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati fis-settur tal-logħob tal-ażżard u tal-imħatri, ikkunsidrati b’mod sħiħ, huma ta’ spiss relatati mal-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi kkonċernati u, b’mod iktar ġenerali, tal-konsumaturi kif ukoll mal-protezzjoni tas-soċjetà. Hija ddeċidiet ukoll li tali għanijiet jinsabu fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ksur għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 5 ). |
|
40. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddeċidiet li l-karatteristiċi ta’ ordni morali, reliġjuża jew kulturali, kif ukoll il-konsegwenzi moralment u finanzjarjament dannużi għall-individwu u għas-soċjetà li huma relatati mal-logħob u mal-imħatri jistgħu jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw l-eżistenza, favur l-awtoritajiet nazzjonali, ta’ setgħa diskrezzjonali suffiċjenti li tippermettilhom jiddeterminaw, skont l-iskala tal-valuri tagħhom stess, l-eżiġenzi li tinvolvi l-protezzjoni tal-konsumatur u tas-soċjetà ( 6 ). |
|
41. |
Konsegwentement, fil-prinċipju, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu l-għanijiet tal-politika tagħhom dwar il-logħob tal-ażżard u tal-imħatri u, jekk ikun il-każ, li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mixtieq ( 7 ). |
|
42. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fid-deċiżjonijiet tagħha li Stat Membru jkun intitolat li jikkunsidra li huwa biss l-għoti ta’ monopolju li jista’ jippermettilu li jilħaq l-għan li jikkontrolla r-riskji marbuta mal-qasam tal-logħob tal-ażżard li huwa jista’ jkun li hekk iddefinixxa ( 8 ). |
|
43. |
F’dak li jirrigwarda l-għanijiet li jistgħu, skont il-qorti tar-rinviju, jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet inkwistjoni — b’mod iktar partikolari, l-għoti ta’ monopolju f’dak li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi tal-logħob tal-ażżard lill-O.P.A.P. — f’dan il-każ, jiġifieri, l-ewwel nett, it-tnaqqis tal-okkażjonijiet tal-logħob u mħatri, u, it-tieni nett, il-ġlieda kontra l-kriminalità billi jissuġġettaw lill-operaturi attivi f’dan is-settur għal kontroll u billi jiġbru l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard fis-sistemi hekk ikkontrollati; huwa minnu li dawn huma fost dawk l-għanijiet irrikonoxxuti mill-ġurisprudenza bħala li huma ta’ natura li jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali fis-settur tal-logħob tal-ażżard ( 9 ). |
|
44. |
Peress li d-digriet tar-rinviju huwa ambivalenti f’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-kwistjoni dwar liema għanijiet minn dawk iridu jintlaħqu b’mod effettiv mil-leġiżlazzjoni Griega inkwistjoni tifforma parti mill-kompetenza tal-qorti tar-rinviju ( 10 ). |
|
45. |
Fi kwalunkwe każ, minkejja l-imsemmija diskrezzjoni li ngħatat lill-Istati Membri fis-settur tal-logħob tal-ażżard, il-miżuri restrittivi li huma jimponu għandhom, xorta waħda, jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tagħhom, li hija wkoll kwistjoni li tibqa’ biex tiġi finalment deċiża mill-qorti nazzjonali ( 11 ). |
|
46. |
Għaldaqstant, il-qorti nazzjonali għandha teżamina jekk ir-restrizzjoni kkonċernata hijiex adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħqu wieħed jew iktar mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata bil-livell ta’ protezzjoni li hija tixtieq, u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet ( 12 ). |
|
47. |
B’mod partikolari, f’dan il-kuntest għandu jitfakkar li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan invokat biss jekk verament hija tkun tipprovdi sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku ( 13 ). |
|
48. |
Għaldaqstant, fil-kuntest tal-għan li jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob tal-ażżard u mħatri, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura, b’mod partikolari, fid-dawl tal-modalitajiet konkreti ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni restrittiva kkonċernata, li din tirrispondi realment għar-rieda li jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob u li jiġu limitati l-attivitajiet f’dan il-qasam b’mod koerenti u sistematiku ( 14 ). |
|
49. |
Il-qorti tar-rinviju indikat, madankollu, li skont il-maġġoranza tal-membri tagħha, hija tal-fehma li l-monopolju stabbilit fil-Greċja favur l-O.P.A.P. u l-mod li bih dan jopera fil-prattika ma jistax jitqies li jirrifletti din ir-rieda. |
|
50. |
Pjuttost, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mit-tieni domanda preliminari u mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-O.P.A.P. tidher li ssegwi politika kummerċjali espansjonista u d-dritt esklużiv li ngħatalha jwassal għal żieda fil-provvista tal-logħob tal-ażżard. |
|
51. |
Dawn iċ-ċirkustanzi, li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti nazzjonali, huma fil-fehma tiegħi manifestament inkonsistenti mal-allegat għan li jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob tal-ażżard u mħatri fil-Greċja. |
|
52. |
F’dan il-kuntest, f’dak li jirrigwarda l-elementi varji ċċitati mill-qorti tar-rinviju li jikkaratterizzaw il-qafas regolatorju tal-O.P.A.P. u l-mod li bih hija topera fil-prattika — jiġifieri, il-fatt li hija għandha l-istruttura ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u hija kkwotata fil-Borża, li hija tgawdi ċerti drittijiet u privileġġi f’dak li jirrigwarda r-reklamar tal-logħob tal-ażżard tagħha, li hija tespandi f’pajjiżi barranin u li l-imħatri u rebħ massimi huma stabbiliti skont kull forma u mhux skont kull ġugatur —, għalkemm, jista’ jingħad li ebda wieħed minn dawn l-elementi, meħudin individwalment, ma huma tali li jeskludu awtomatikament il-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tipprova, permezz tal-monopolju, tnaqqas l-okkażjonijiet ta’ logħob tal-ażżard u tillimita l-attivitajiet f’dan il-qasam, dawn l-elementi għandhom jittieħdu u jiġu evalwati flimkien sabiex jiġi stabbilit jekk il-leġiżlazzjoni restrittiva hijiex ġenwinament koerenti mal-għan imsemmi. |
|
53. |
Fil-fehma tiegħi, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tista’ tikkonkludi leġittimament li l-leġiżlazzjoni Griega inkwistjoni ma tirriflettix ġenwinament ir-rieda li jitnaqqsu l-okkażjonijiet tal-logħob tal-ażżard jew li jiġu limitati l-attivitajiet f’dak is-settur b’mod koerenti u sistematiku. |
|
54. |
It-tieni nett, inkwantu jirrigwarda l-għan li jiġi prekluż l-użu tal-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard u mħatri għal skopijiet kriminali jew frawdolenti billi dawn jiġu ddirezzjonati lejn sistema kkontrollata, il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi sentenzi ddeċidiet, fil-fatt li, minn dan l-aspett, linja politika li tikkontrolla l-espansjoni tal-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard tista’ tkun koerenti mal-għan li dawn jiġu diretti lejn ambjenti kkontrollati billi l-ġugaturi jinġibdu ’l barra minn attivitajiet ta’ logħob u mħatri klandestini pprojbiti, biex minflok jiġu diretti lejn attivitajiet awtorizzati u regolamentati ( 15 ). |
|
55. |
Sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ direzzjoni lejn ambjenti kkontrollati, l-operaturi awtorizzati jew id-detentur tal-monopolju pubbliku, skont il-każ, għandhom joffru alternattiva affidabbli, iżda fl-istess waqt attraenti, għall-attivitajiet mhux regolamentati, liema ħaġa tista’ fiha nnifisha timplika l-offerta ta’ firxa estiża ta’ logħob, reklamar ta’ ċertu firxa u l-użu ta’ tekniki ġodda ta’ distribuzzjoni ( 16 ). |
|
56. |
F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kwistjoni quddiemha, politika dinamika u espansiva tad-detentur tal-monopolju tistax titqies — fid-dawl b’mod partikolari, tal-firxa ta’ reklamar magħmul u tal-ħolqien ta’ logħob ġdid — bħala li taqa’ fil-kuntest ta’ politika ta’ espansjoni kkontrollata fis-settur tal-logħob tal-ażżard intiża sabiex effettivament tidderieġi l-inklinazzjoni għal-logħob lejn ambjenti kkontrollati ( 17 ). |
|
57. |
Fir-rigward tad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju f’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat, l-ewwel nett, li l-linja politika ta’ espansjoni tal-logħob tal-ażżard tista’ titqies li hija koerenti biss jekk kemm-il darba jkun hemm problema reali ta’ attivitajiet kriminali u frawdolenti ta’ ċertu portata marbut mal-logħob tal-ażżard fil-Greċja, li l-espansjoni ta’ attivitajiet awtorizzati u regolati jkunu kapaċi li jsolvu ( 18 ). |
|
58. |
It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistement li l-istabbiliment ta’ miżura daqstant restrittiva bħalma huwa monopolju, bħalma huwa dak mogħti lill-O.P.A.P., għandu jkun akkumpanjat mill-implementazzjoni ta’ kuntest leġiżlattiv xieraq sabiex jiżgura li d-detentur tal-imsemmi monopolju jkun kapaċi li jfittex, b’mod koerenti u sistematiku, l-għan hekk stabbilit permezz ta’ offerta kwantitattivament meqjusa u kwalitattivament ippreparata skont l-għan imsemmi u suġġetta għal kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi ( 19 ). |
|
59. |
Mir-rekwiżiti stretti relatati mal-proporzjonalità tal-monopolju kkonċernat jirriżulta ċar li politika ta’ espansjoni fi ħdan id-detentur ta’ monopolju li tkun ikkaratterizzata, inter alia, bl-espansjoni tal-provvista ta’ logħob tal-ażżard u b’reklamar ta’ dak il-logħob, għandha, l-ewwel nett, tibqa’ titkejjel u tibqa’ limitata strettament għal dak li hu neċessarju sabiex il-konsumaturi jiġu diretti lejn netwerks ta’ logħob ikkontrollati u, t-tieni nett, li l-provvista ta’ logħob għandha tkun suġġetta għal kontroll strett. |
|
60. |
Fil-fehma tiegħi, jirriżulta ċar mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet li, minkejja l-evalwazzjoni finali mill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, l-attivitajiet tal-O.P.A.P. la huma suġġetti għal kontroll strett mill-awtoritajiet pubbliċi u lanqas huma limitati effettivament mill-qafas leġiżlattiv li japplika għalihom. |
|
61. |
B’mod partikolari, inkwantu l-għoti ta’ drittijiet esklużivi lill-O.P.A.P. fis-settur tal-logħob tal-ażżard iwassal għal żieda fil-provvista tal-logħob tal-ażżard f’livell li jmur lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħaq l-għan li tiġġieled il-kriminalità billi tiġi ddirezzjonata d-domanda għalih jew ukoll twassal għal espansjoni illimitata ta’ dik il-provvista, il-qorti tar-rinviju tista’, kif fil-fatt għamlet bil-maġġoranza tal-opinjoni espressa fid-digriet tar-rinviju, tikkonkludi leġittimament li l-monopolju inkwistjoni ma jistax jitqies bħala li huwa intiż li jikkontrolla l-espansjoni fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif deskritta hawn fuq. |
|
62. |
Fid-dawl ta’ dan kollu, nipproponi li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda preliminari tkun li l-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tagħti d-dritt esklużiv li tmexxi, tamministra, torganizza u topera logħob tal-ażżard lil impriża waħda li għandha l-istruttura ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u hija kkwotata fuq il-borża, tista’ tkun iġġustifikata inkwantu dik il-leġiżlazzjoni tkun tfittex verament l-għan li tillimita l-provvista ta’ logħob tal-ażżard jew l-għan li tiġġieled il-kriminalità relatata mal-logħob tal-ażżard billi tiddirezzjona lill-ġugaturi lejn sistemi kkontrollati u li hija tirrifletti ġenwinament ir-rieda li tilħaq dawk l-għanijiet b’mod koerenti u sistematiku. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi liema minn dawk l-għanijiet huwa, fil-fatt, imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u jekk dik il-leġiżlazzjoni tissodisfax ġenwinament ir-rieda li jintlaħaq dak l-għan b’mod koerenti u sistematiku. B’mod iktar partikolari, inkwantu l-qorti nazzjonali kkonstatat li l-għan rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni huwa dak li tillimita l-provvista ta’ logħob tal-ażżard fil-Greċja, dik il-qorti ma tistax tikkonkludi li dik il-leġiżlazzjoni tirrifletti ġenwinament ir-rieda li jintlaħaq dak l-għan b’mod koerenti u sistematiku jekk hija tikkonstata li d-detentur tal-monopolju għandu, fil-verità, politika espansjonista u li d-dritt esklużiv li ngħatalu jwassal għal żieda fil-provvista ta’ logħob tal-ażżard iktar milli għal tnaqqis. Min-naħa l-oħra, inkwantu l-qorti nazzjonali tidentifika l-ġlieda kontra l-kriminalità relatata mal-logħob tal-ażżard billi l-ġugaturi jiġu ddirezzjonati f’ċirkuwiti awtorizzati u regolamentati, bħala li hija l-unika għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, il-linja politika ta’ espansjoni li jkollu d-detentur tal-monopolju, li tkun ikkaratterizzata, inter alia, bl-espansjoni tal-provvista tal-logħob tal-ażżard u bir-reklamar ta’ dak il-logħob, tista’ titqies koerenti biss inkwantu jkun hemm problema reali ta’ attivitajiet kriminali u frawdolenti f’livell sinifikattiv marbutin mal-logħob tal-ażżard fil-Greċja, li jistgħu jkunu ttrattati bl-espansjoni ta’ attivitajiet awtorizzati u regolamentati. Barra minn hekk, l-espansjoni tal-provvista tal-logħob tal-ażżard u r-reklamar ta’ dak il-logħob għandu, l-ewwel nett, jibqa’ jitkejjel u limitat strettament għal dak li hu neċessarju sabiex il-konsumaturi jiġu ddirezzjonati lejn netwerks tal-logħob tal-ażżard ikkontrollati u, t-tieni nett, il-provvista tal-logħob tal-ażżard min-naħa tad-detentur tal-monopolju għandha tkun suġġetta għal kontroll strett mill-awtoritajiet pubbliċi. |
B – It-tielet domanda preliminari li tikkonċerna l-konsegwenzi li għandhom jaslu għalihom l-awtoritajiet nazzjonali f’każ ta’ konstatazzjoni fis-sens li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni huma inkompatibbli mal-Artikoli 49 u 56 TFUE
|
63. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf essenzjalment x’inhuma l-konsegwenzi li għandha tasal għalihom f’każ li tikkonstata li l-leġiżlazzjoni Griega inkwistjoni hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment. F’dan ir-rigward, hija tixtieq tkun taf, b’mod partikolari, jekk l-awtoritajiet nazzjonali jistgħux, għal perijodu tranżitorju, jastjenu milli jiddeċiedu talbiet li jikkonċernaw l-għoti ta’ liċenzji fis-settur tal-logħob tal-ażżard. |
1. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
|
64. |
Għalkemm f’ċertu dettall irrispondew differenti, fis-sustanza l-gvern Grieg, il-gvern Pollakk u dak Belġjan jaqblu fir-risposti tagħhom fis-sens li jekk il-leġiżlazzjoni Griega inkwistjoni hija inkompatibbli mad-dritt tal-UE, għandu jingħata perijodu tranżitorju sabiex tiġi adottata leġiżlazzjoni ġdida li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment. Skont dawn il-partijiet, fin-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida adegwata, ma hemmx bażi legali jew bażi legali suffiċjenti fid-dritt tal-UE jew fid-dritt nazzjonali biex jiġu deċiżi l-applikazzjonijiet inkwistjoni. |
|
65. |
Min-naħa l-oħra, Stanleybet, William Hill, Sportingbet u l-Kummissjoni jargumentaw li, fid-dawl tal-effett dirett u s-supremazija tad-dispożizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Winner Wetten ( 20 ), ma hemm ebda lok li jingħata perijodu tranżitorju kif imsemmi fit-tielet domanda li matulu l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata għandha tkompli tapplika. Dawn il-partijiet jipproponu essenzjalment li t-talbiet għall-permessi biex joperaw fis-settur tal-logħob tal-ażżard għandhom jiġu pproċessati mill-awtoritajiet nazzjonali każ b’każ u/jew fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw direttament mid-dritt tal-UE jew, b’analoġija, mill-bqija tal-qafas nazzjonali regolatorju. |
2. Analiżi
|
66. |
Għandu jitfakkar li fis-sentenza tagħha Winner Wetten ( 21 ), l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li bbażat ruħha fuq analiżi tal-ġurisprudenza tagħha dwar is-supremazija u l-applikabbiltà diretta tad-dritt tal-Unjoni ( 22 ) (b’mod partikolari s-sentenzi Simmenthal ( 23 ) u Factortame et ( 24 )) diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali dwar monopolju tal-Istat fuq l-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi li, skont il-konstatazzjonijiet magħmula minn qorti nazzjonali, tinkludi restrizzjonijiet inkompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi dawn ir-restrizzjonijiet ma jikkontribwixxux sabiex jiġu limitati l-attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku, ma tistax tkompli tapplika matul perijodu tranżitorju ( 25 ). |
|
67. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-ġurisprudenza tagħha dwar iż-żamma tal-effetti ta’ att tal-Unjoni Ewropea li ġie annullat jew iddikjarat invalidu, li huwa maħsub sabiex ma jkunx hemm lakuna legali, tista’ tiġi applikata b’analoġija u twassal, eċċezzjonalment, għal sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ esklużjoni li r-regola tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li hija direttament applikabbli għandha fuq id-dritt nazzjonali li jmur kontriha. Madankollu, hija eskludiet il-possibbiltà li jkun hemm tali sospensjoni f’dak il-każ minħabba n-nuqqas ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali li jiġġustifikaw is-sospensjoni fis-sens tal-ġurisprudenza ( 26 ). |
|
68. |
F’dan il-kuntest, skont il-qorti tar-rinviju f’dak il-każ, il-leġiżlazzjoni restrittiva inkwistjoni f’dak il-każ ma kinitx tikkontribwixxi, effettivament, biex jiġu limitati l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard b’mod koerenti u sistematiku, u għaldaqstant skont il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali leġiżlazzjoni tikser l-Artikoli 43 KE u 49 KE (illum l-Artikoli 49 u 56 TFUE). |
|
69. |
Peress li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ ma jidhrux li huma sostanzjalment differenti minn dawk tas-sentenza Winner Wetten, ma hemmx lok li jiġi deċiż li, jekk il-leġiżlazzjoni restrittiva inkwistjoni tinstab mill-qorti tar-rinviju li tmur kontra l-Artikoli 49 u 56 TFUE, skont il-kriterji pprovduti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda n-natura sistematika u koerenti tal-miżura restrittiva, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha tibqa’ tapplika għal perijodu tranżitorju. |
|
70. |
Din il-konklużjoni ma tiġix affettwata bis-sentenza iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne ( 27 ). F’dak il-każ, li kien jikkonċerna digriet li ġie adottat bi ksur tal-obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali kif preskritt fid-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent ( 28 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti tar-rinviju, jekk ikun hemm kunsiderazzjoni imperattiva li tirrigwarda l-protezzjoni tal-ambjent u suġġett għal numru ta’ kundizzjonijiet, tista’ eċċezzjonalment tkun awtorizzata tuża d-dispożizzjoni nazzjonali li tippermettilha żżomm ċerti effetti ta’ miżura nazzjonali annullata ( 29 ). |
|
71. |
Madankollu, mir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza, huwa ċar li l-awtorizzazzjoni biex tinżamm il-miżura li tkun tikser id-dritt tal-Unjoni Ewropea hija intiża li tkun strettament eċċezzjonali u suġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi ħafna kif ifformulati f’dik is-sentenza, li manifestament ma japplikawx għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ ( 30 ). |
|
72. |
Fuq kollox, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ kunsiderazzjoni imperattiva li tirrigwarda l-protezzjoni tal-ambjent ( 31 ). F’dan il-każ ma jidher li hemm ebda kunsiderazzjoni imperattiva simili li hija tali li tiġġustifika s-sospensjoni. |
|
73. |
Fid-dawl tas-suespost, għandha tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari fis-sens li, inkwantu, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti nazzjonali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni li tagħti d-dritt esklużiv li jitmexxew, jiġu amministrati, organizzati u operati logħob tal-ażżard hija inkompatibbli mal-Artikoli 46 u 56 TFUE, minħabba li ma tikkontribwixxix biex tillimita l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard jew biex tiddirezzjona lill-ġugaturi f’sistemi kkontrollati b’mod koerenti u sistematiku, dik il-leġiżlazzjoni ma tistax tkompli tapplika għal perijodu tranżitorju. |
VI – Konklużjoni
|
74. |
Għar-raġunijiet hawn fuq premessi, nipproponi li għad-domandi magħmula mis-Simvoulio tis Epikratias (il-Greċja) tingħata r-risposta li ġejja:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Winner Wetten (C-409/06, Ġabra p. I-8015, punt 49); IKA (C-326/00, Ġabra p. I-1703, punt 27); International Mail Spain (C-162/06, Ġabra p. I-9911, punt 24); u l-kawżi maqgħuda van der Weerd et (C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punti 22 u 23).
( 3 ) Ara, f’dan is-sens, pereżempju, s-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010 Sporting Exchange (C-203/08, Ġabra p. I-4695, punt 29), u s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011 Dickinger u Ömer (C-347/09, Ġabra p. I-8185, punti 50 u 51),.
( 4 ) Ara, inter alia, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (C-42/07, Ġabra p. I-7633, punt 55).
( 5 ) Kawżi magħquda Stoß et (C-316/07, C-358/07 sa C-360/07, C-409/07 u C-410/07, Ġabra p. I-8069, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 6 ) Ara inter alia, is-sentenza Dickinger u Ömer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, u Stoß et., iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 76.
( 7 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 59.
( 8 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza Zeturf (C-212/08, Ġabra p. I-5633, punt 41), u Stoß et., iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 81 u 83.
( 9 ) Ara l-Kawżi Magħquda Costa (C-72/10 u C-77/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 61), u l-Kawżi Magħquda Placanica et (C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punti 46 u 52).
( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dickinger u Ömer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 51, u Sporting Exchange, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 29.
( 11 ) Ara s-sentenza Zeturf, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 43, u s-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 59 u 60.
( 12 ) Ara, f’dan is-sens, pereżempju s-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 60.
( 13 ) F’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Costa, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 63 u s-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 48 u 53.
( 14 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Dickinger u Ömer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 56 u Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 98.
( 15 ) Ara s-sentenza Dickinger u Ömer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 63; Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 101 u 102; u Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 55.
( 16 ) Ara s-sentenza Dickinger et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 64, u Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 55.
( 17 ) Ara pereżempju, is-sentenza Zeturf, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 69, u s-sentenza Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International (C-258/08, Ġabra p. I-4757, punt 37).
( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dickinger u Ömer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 66 u 67, u Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International, punti 29 u 30.
( 19 ) Ara s-sentenza Zeturf, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 58, u Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 83.
( 20 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.
( 21 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.
( 22 ) Ara s-sentenza Winner Wetten, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, b’mod partikolari l-punti 53 sa 61.
( 23 ) Ara s-sentenza 106/77, Ġabra p. 629.
( 24 ) Ara s-sentenza C-213/89, Ġabra p. I-2433.
( 25 ) Ara s-sentenza Winner Wetten, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 69 u d-dispożittiv tas-sentenza.
( 26 ) Ara s-sentenza Winner Wetten, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 66 u 67.
( 27 ) Kawża (C-41/11).
( 28 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157.
( 29 ) Ara s-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punti 57 sa 62.
( 30 ) Ara s-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 63.
( 31 ) Ara s-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punti 57 u 58.